European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6863

28.11.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-idroġenu – infrastruttura, ħtiġijiet ta’ żvilupp, finanzjament, użu u limiti

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/6863)

Relatur:

Thomas KATTNIG

Konsulent

Joel TÖLGYES (għar-relatur tal-Grupp II)

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18.1.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

18.7.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

18.9.2024

Sessjoni plenarja Nru

590

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

171/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza ta’ introduzzjoni rapida ta’ idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għas-sistema tal-enerġija tal-futur, kif ukoll għall-benesseri ekonomiku u soċjali tal-UE, inkluża l-kompetittività tagħha ma’ reġjuni ekonomiċi oħra. Minħabba sfidi sinifikanti involuti biex jinħolqu l-provvista, id-domanda u l-infrastruttura, l-użu tal-idroġenu jrid, fl-ewwel pass, ikun immirat lejn setturi li diffiċli jiġu elettrifikati u bħala mezz ta’ ħżin tal-enerġija.

1.2.

Fid-dawl tal-miri klimatiċi tal-UE u f’konformità mal-kriterji ta’ finanzjament tal-Bank tal-Idroġenu tal-UE, primarjament l-idroġenu rinnovabbli, kif definit mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 (1), għandu jkun eliġibbli għall-finanzjament pubbliku. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li, speċjalment fil-fażi tranżitorja, jeħtieġ li jintużaw forom oħra ta’ idroġenu u gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju – kif definiti fil-Pakkett dwar is-Swieq tal-Idroġenu u tal-Gass Dekarbonizzat.

1.3.

Minbarra li jiżguraw kriterji ekoloġiċi, l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jridu jiggarantixxu wkoll standards soċjali. Dawn l-istandards għandhom jinkludu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u sikuri u konformità mad-drittijiet tax-xogħol, dawk soċjali u tat-trade unions. L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u verifika għandhom jiġu implimentati minn korp ċentrali tal-UE u ma għandhomx jiġu sostitwiti mill-parteċipazzjoni ta’ kumpaniji fi skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja.

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-infrastruttura tal-pipelines għall-introduzzjoni rapida ta’ idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Peress li biex tinbena infrastruttura tat-trasport ser ikun hemm kostijiet sinifikanti, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. Dan ser jirrikjedi ppjanar intelliġenti u integrat, inkluż bejn il-fruntieri, u reġim regolatorju li jippermetti l-investimenti meħtieġa fl-infrastruttura waqt li tiġi promossa s-sostenibbiltà ambjentali tas-sistema tal-enerġija kollha kemm hi u jiġu protetti l-utenti tan-network minn tariffi eċċessivi tan-network.

1.5.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-fatt li l-operaturi tal-grilja tal-gass jitħallew joperaw grilji tal-idroġenu jista’ joffri sinerġiji f’termini ta’ għarfien espert u impjegati tas-sengħa. Madankollu, dan ifisser li l-impjegati eżistenti ser ikollhom bżonn jirċievu taħriġ adatt u l-forza tax-xogħol ser ikun hemm bżonn li tinżamm billi jiġu offruti kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Pereżempju, l-operaturi tan-network jeħtieġ li jkunu marbuta bi ftehimiet kollettivi konswetudinarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jeħtieġ li jittejbu biex jattiraw ħaddiema tas-sengħa. Il-KESE jappella għal djalogu soċjali effiċjenti u konklużiv fis-settur tal-gass kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali.

1.6.

Fid-dawl taż-żieda fit-tariffi tal-grilja tal-gass minħabba d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija u t-tnaqqis sussegwenti fl-użu tal-grilja tal-gass, ċertament jeħtieġ li jiġu evitati piżijiet addizzjonali fil-forma ta’ sussidjar inkroċjat tal-grilji tal-idroġenu mill-utenti tal-grilja tal-gass. Dan huwa partikolarment importanti peress li l-utenti futuri tal-infrastruttura tal-grilja tal-idroġenu (jiġifieri setturi speċifiċi tal-industrija) ivarjaw b’mod konsiderevoli mill-utenti tal-grilja tal-gass tal-lum (l-industrija, l-SMEs u l-unitajiet domestiċi). Għalhekk huwa importanti li jiġi applikat kemm jista’ jkun il-prinċipju ta’ min juża jħallas u b’hekk jiġi żgurat li l-infrastruttura tal-idroġenu tiġi ffinanzjata primarjament mill-utenti ta’ dik l-infrastruttura, inklużi dawk li jalimentaw l-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fin-network.

1.7.

Fl-istadji bikrija b’mod partikolari tal-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-idroġenu, il-finanzjament tal-gvern jista’ jikkomplementa l-finanzjament ibbażat fuq il-ħlas mill-utenti permezz ta’ tariffi tan-network. B’mod aktar speċifiku, il-finanzjament tal-gvern jista’ jgħin biex il-kostijiet tan-network jinfirxu maż-żmien. Madankollu, huwa importanti li tali finanzjament ikun f’livell adatt, ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet ta’ kost-benefiċċju, u li l-prinċipju ta’ min juża jħallas jinżamm f’livell għoli. L-utenti sussegwenti tan-network għandhom iġorru sehem adegwat tal-kostijiet tal-iżvilupp tal-infrastruttura. Strumenti finanzjarji li jwasslu biex is-settur pubbliku jġorr riskji eċċessivi filwaqt li l-profitti mill-użu tal-infrastruttura tan-network tal-gass jiġu privatizzati għandhom jiġu evitati. Barra minn hekk, il-pipelines li huma fl-interess komuni Ewropew għandhom jiġu ffinanzjati, tal-inqas parzjalment, minn riżorsi finanzjarji komuni. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi estiż l-appoġġ bħal dak ipprovdut bħalissa permezz tal-lista tal-proġetti ta’ interess komuni. Fi kwalunkwe każ, l-appoġġ finanzjarju pubbliku għandu jkun marbut ma’ kundizzjonalitajiet soċjali u ekoloġiċi.

2.   Sfond tal-Opinjoni

2.1.

Sa ċertu punt, l-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, kif definit mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 u l-Pakkett dwar is-Swieq tal-Idroġenu u tal-Gass Dekarbonizzat, jeħtieġ li jintuża flimkien mal-elettrifikazzjoni. Dan huwa minnu, pereżempju, għall-proċessi ta’ produzzjoni li huma diffiċli biex jiġu elettrifikati, fejn l-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju huwa meħtieġ bħala fattur ta’ produzzjoni, bħal fl-industriji tal-azzar, tal-kimika u tas-siment, u għal fjuwils sostenibbli għas-settur tal-avjazzjoni, tat-trasport heavy-duty u dak marittimu. Il-konverżjoni tas-settur tal-elettriku għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli ser tirrikjedi wkoll, kif inhi bħalissa, l-użu tal-idroġenu rinnovabbli. Wara kollox, peress li l-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli hija volatili, l-idroġenu rinnovabbli jista’ jkollu rwol fil-ħżin tal-enerġija staġjonali.

2.2.

Is-sigurtà tal-provvista fis-sistema tal-enerġija kif ukoll id-deċiżjonijiet dwar il-produzzjoni u l-lokalizzazzjoni, u għalhekk l-impjiegi, kollha jiddependu mis-suċċess taż-żieda fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, il-KESE jirreferi wkoll għall-Opinjoni tiegħu dwar Il-Bank tal-Idroġenu tal-UE.

2.3.

Iż-żieda fl-idroġenu tinvolvi ħafna inċertezzi kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda. Dawn l-inċertezzi huma interdipendenti, u jeżistu mhux biss fi ħdan l-UE iżda wkoll madwar id-dinja. Sal-2050, il-kapaċità installata globali tal-elettroliżi ser ikollha tiżdied għal 6 000-8 000 darba aktar mill-kapaċità installata attwali, filwaqt li fl-istess ħin il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli ser ikollha tiżdied b’għaxar darbiet.

2.4.

L-importazzjonijiet tal-idroġenu jqajmu wkoll mistoqsijiet dwar il-possibbiltà li tiġi evitata d-dipendenza minn pajjiżi terzi individwali, u dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-produzzjoni kif ukoll l-impatt fuq is-sigurtà tal-enerġija f’dawk il-pajjiżi.

2.5.

Ir-reġjuni bl-aktar potenzjal ta’ produzzjoni tal-idroġenu huma differenti mir-reġjuni bl-akbar domanda għall-idroġenu. Għalhekk, kemm il-provvista (inklużi l-importazzjonijiet) kif ukoll id-domanda għall-idroġenu jiddependu ħafna mill-infrastruttura futura tal-idroġenu. Fl-UE jippredomina t-trasport permezz tan-networks tal-idroġenu, li jista’ jinvolvi l-konverżjoni tal-pipelines tal-gass eżistenti għat-trasport tal-idroġenu jew il-bini ta’ oħrajn ġodda. Il-KESE enfasizza l-importanza tal-infrastruttura tal-enerġija transkonfinali fl-Opinjoni TEN/823. Barra minn hekk, il-provvista u d-domanda jistgħu jvarjaw ukoll fir-rigward taż-żmien tal-produzzjoni u l-ħin tal-użu. Għalhekk, il-bini tal-infrastruttura tal-idroġenu jenħtieġ li jinkludi wkoll il-ħolqien ta’ faċilitajiet tal-ħżin.

2.6.

L-infrastruttura tal-enerġija bħalissa hija ta’ spiss iffinanzjata permezz ta’ tariffi għall-utent. Skont il-ftehim tat-trilogu dwar il-pakkett tas-suq intern tal-gass (2), dan ser ikun ukoll il-każ għan-networks tal-idroġenu fil-futur: il-kostijiet tal-investiment, l-operat u l-manutenzjoni ser ikunu koperti mill-utenti tan-network. Il-vantaġġ ta’ din il-forma ta’ finanzjament għalhekk huwa li, jekk ikun imfassal kif suppost, jirrifletti l-użu reali.

2.7.

Madankollu, hemm problemi bid-distribuzzjoni maż-żmien tal-kostijiet tal-finanzjament tan-networks tal-idroġenu. Mill-bidu nett, għadd żgħir ta’ utenti ser jiffaċċjaw kostijiet għoljin, u dan ma jipprovdix kundizzjonijiet favorevoli għall-introduzzjoni tal-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu.

2.8.

Barra minn hekk, l-investiment fit-trasformazzjoni ekoloġika, bħall-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija jew l-elettrolizzaturi, bħalissa qed jiffaċċja kundizzjonijiet diffiċli. Minn mindu l-banek ċentrali żiedu r-rati tal-imgħax bħala reazzjoni għaż-żieda fl-inflazzjoni, l-ispejjeż kapitali qed jiżdiedu.

2.9.

Fl-aħħar rapport tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (3) tindika li l-miri tal-Kummissjoni Ewropea għall-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu rinnovabbli sal-2030 huma ambizzjużi wisq. L-awdituri jistiednu lill-Kummissjoni taġġorna l-istrateġija tagħha għall-idroġenu, b’mod partikolari biex tieħu deċiżjonijiet strateġiċi dwar it-triq ’il quddiem wara eżami tal-qagħda attwali, mingħajr ma toħloq dipendenzi strateġiċi ġodda, tiddefinixxi pjan direzzjonali tal-UE u timmonitorja l-progress, tikseb data affidabbli dwar il-finanzjament nazzjonali u tivvaluta l-adegwatezza tal-iskemi ta’ finanzjament tal-UE b’mod adegwat, timmonitorja l-proċeduri ta’ approvazzjoni fl-Istati Membri u tieħu deċiżjoni ċara dwar miżuri ta’ appoġġ u koordinazzjoni għall-industrija tal-idroġenu u flimkien magħha. Il-KESE jilqa’ dan ir-rapport u jarah bħala konferma tal-ħsibijiet tiegħu dwar il-ħolqien tas-suq tal-idroġenu. Il-katina tal-valur kollha trid tissaħħaħ, u l-investimenti meħtieġa jridu jiġu żgurati. Barra minn hekk, l-idroġenu jrid jingħata prijorità f’dawk is-setturi fejn huwa meħtieġ bl-aktar mod urġenti, peress li mhux se jkun hemm idroġenu disponibbli daqs kemm kien mistenni oriġinarjament mill-Kummissjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Fil-fehma tal-KESE, l-introduzzjoni rapida tal-idroġenu hija importanti ħafna. Biex din l-introduzzjoni tkun possibbli, hemm bżonn li tiżdied il-manifattura tal-elettrolizzaturi, li tintuża l-produzzjoni meħtieġa tal-elettriku nadif, li jkun hemm infrastruttura adatta u li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-kostijiet assoċjati u użu effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji, kif ukoll tal-idroġenu nnifsu.

3.2.

Id-disponibbiltà limitata, u l-isfidi diġà sinifikanti involuti fil-ħolqien tal-provvista, id-domanda u l-infrastruttura, ifissru li ser ikun meħtieġ approċċ effiċjenti fil-kostijiet u fir-riżorsi. Dan jimplika li l-użu tal-idroġenu jrid l-ewwelnett ikun immirat lejn żoni li huma diffiċli biex jiġu elettrifikati.

3.3.

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi, il-KESE jemmen li l-idroġenu użat għandu jkun primarjament rinnovabbli, kif definit mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 u l-Pakkett dwar is-Swieq tal-Idroġenu u tal-Gass Dekarbonizzat. Fl-istess ħin, il-KESE jirrikonoxxi li hemm forom oħra ta’ proċessi ta’ produzzjoni tal-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li ser ikunu meħtieġa biex jintużaw matul il-fażi ta’ tranżizzjoni, peress li d-domanda għall-idroġenu x’aktarx li tisboq il-provvista matul din il-fażi ta’ tranżizzjoni. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ l-evalwazzjoni tal-finanzjament pubbliku għal proċessi oħra ta’ produzzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju f’dak iż-żmien. Il-finanzjament pubbliku għandu, fi kwalunkwe każ, jingħata biss lill-proċessi tal-produzzjoni b’intensità ġenerali tal-emissjonijiet (inklużi l-emissjonijiet indiretti) li hija komparabbli mal-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli. Minħabba li d-domanda futura għall-idroġenu ser tiġi parzjalment issodisfata mill-importazzjonijiet, il-prijoritizzazzjoni tal-idroġenu rinnovabbli trid tiġi estiża wkoll għall-idroġenu importat.

3.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li, meta jiġi importat l-idroġenu, u meta jiġu konklużi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi meħtieġa għal dak l-għan, il-valuri Ewropej iridu jiġu rispettati. Iridu jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u sikuri fil-prattika u l-konformità mad-drittijiet tax-xogħol, dawk soċjali u tat-trade unions. Barra minn hekk, ir-realtajiet ġeografiċi (eż. il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u esportazzjoni ta’ pajjiż) u l-miri ta’ awtonomija strateġika tal-UE jridu jiġu kkunsidrati.

3.5.

Mod wieħed kif jiġu infurzati l-istandards klimatiċi, ambjentali u tal-protezzjoni tal-ħaddiema fir-rigward tal-idroġenu jista’ jkun garanziji tal-oriġini soċjali u ekoloġiċi ddedikati għall-idroġenu. Huwa importanti li tali garanziji jinkludu rekwiżiti obbligatorji biex jiġi evitat l-abbuż u biex jiġi żgurat li l-idroġenu ċċertifikat bħala “rinnovabbli” fil-fatt jissodisfa l-kriterji soċjali u ekoloġiċi li għandhom jiġu definiti. Filwaqt li r-RED III issa fiha regoli ċari dwar il-klassifikazzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, il-proċedura għall-importazzjonijiet għadha mhijiex ċara. Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li l-garanziji tal-oriġini jirriflettu l-użu effettiv tal-elettriku rinnovabbli għall-produzzjoni tal-idroġenu, li jkun hemm prossimità fiżika u temporali bejn il-produzzjoni tal-elettriku u l-produzzjoni tal-idroġenu, u li ma jiġux esklużi oqsma oħra ta’ applikazzjoni tal-elettriku rinnovabbli. Il-KESE jqis li l-UE għandha, kemm jista’ jkun, twitti t-triq b’regoli uniformi ċari sabiex issir mexxejja globali. L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u verifika jridu jintużaw ukoll għall-importazzjonijiet minn korp ċentrali tal-UE u ma jridux jiġu sostitwiti mill-parteċipazzjoni ta’ kumpaniji fi skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja.

3.6.

L-idroġenu ser ikollu wkoll rwol importanti fl-istabbilizzazzjoni tas-sistema tal-elettriku fil-futur. Il-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli spiss twassal għal elettriku żejjed, skont it-temp u l-istaġuni. Madankollu, l-idroġenu jista’ jintuża bħala ħżin f’każijiet bħal dawn. Barra minn hekk, il-produzzjoni tal-idroġenu tista’ tintuża wkoll biex jiġi stabbilizzat in-network tal-elettriku, kif indikat fl-Opinjoni TEN/827. Dan jista’ jnaqqas il-ħtieġa li jiġi estiż in-network tal-elettriku u jitnaqqsu l-kostijiet tal-espansjoni.

3.7.

Il-konverżjoni tal-infrastruttura eżistenti tan-network tal-gass u l-espansjoni tal-infrastruttura tal-idroġenu jinvolvu kostijiet sinifikanti tal-investiment. Sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-kostijiet ekonomiċi, irid jittieħed approċċ effiċjenti fir-rigward tal-kostijiet u r-riżorsi. Dan ser jeħtieġ ippjanar intelliġenti u integrat, inkluż bejn il-fruntieri (ara l-Opinjoni TEN/823); ippjanar bħal dan għandu jiġi kkoordinat ma’ pjani strateġiċi rilevanti oħra, bħall-istrateġiji dwar id-dekarbonizzazzjoni industrijali u l-ippjanar tal-bliet iffukat fuq l-enerġija, u għandu dejjem ikun soġġett għal valutazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji.

3.8.

Sabiex tiżdied l-aċċettazzjoni għall-bini tal-infrastruttura tal-idroġenu, inklużi l-elettrolizzaturi u ż-żieda fil-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini, kif ġie indikat fl-Opinjoni TEN/827.

3.9.

Bħan-networks tal-elettriku u tal-gass, in-networks tal-idroġenu jiffurmaw monopolju naturali, u jagħtu lill-operaturi tan-networks setgħa ta’ monopolju li tippermettilhom jimponu tariffi eċċessivi fuq l-utent. Għalhekk hemm bżonn ta’ regolamentazzjoni biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista u kumpens adegwat għall-operaturi tan-network li jippermetti l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura u fl-istess ħin tiġi promossa s-sostenibbiltà ambjentali tas-sistema tal-enerġija kollha kemm hi. Barra minn hekk, ir-regolamentazzjoni trid tipproteġi lill-utenti tan-network minn tariffi eċċessivi u tiżgura li l-attivitajiet tal-operaturi tan-network ikunu kosteffettivi, u b’hekk tiġi żgurata l-affordabbiltà, punt li ġie mtenni riċentament mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (4).

3.10.

Jekk fil-futur in-networks tal-idroġenu jkunu operati minn kumpaniji li diġà joperaw networks tal-gass, dan jista’ joffri sinerġiji li jġibu benefiċċji, jekk ikunu disponibbli l-għarfien espert u l-impjegati b’ħiliet adatti. Madankollu, dan ifisser li l-impjegati eżistenti ser ikollhom bżonn jirċievu taħriġ adatt u l-forza tax-xogħol ser ikun hemm bżonn li tinżamm billi jiġu offruti kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Pereżempju, l-operaturi tan-networks iridu jkunu marbuta bi ftehimiet kollettivi konswetudinarji (ara l-Opinjoni TEN/827). Barra minn hekk, sabiex jinstab xogħol b’ħiliet speċjalizzati, huma meħtieġa kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti u ta’ kwalità għolja. Dan jista’ jsir billi jiġu introdotti miżuri mmirati lejn it-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, miżuri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa, l-infurzar tar-regolamenti tax-xogħol u l-istabbiliment ta’ kunsilli tal-ħaddiema. Id-djalogu soċjali tal-UE huwa ġeneratur importanti ta’ dan, u d-Dikjarazzjoni ta’ Val Duchesse għandha l-għan li ssaħħaħ dan. L-azzjoni tas-sħubija soċjali ssaħħaħ l-ekonomija u l-koeżjoni soċjali. Il-KESE għalhekk jappella għal djalogu soċjali effiċjenti u sinifikanti fis-settur tal-gass fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali.

3.11.

Madankollu, flimkien mal-benefiċċji tas-sinerġiji, din l-operazzjoni doppja tista’ twassal għal sussidjar inkroċjat, fejn l-ispejjeż operattivi u ta’ manutenzjoni jiġu ffinanzjati permezz tal-finanzjament tan-network tal-gass. L-abbozz tat-trilogu tar-Regolament dwar is-suq intern tal-gass jippermetti tali sussidjar reċiproku f’ċerti ċirkostanzi. Dan huwa problematiku minħabba li l-gruppi ta’ utenti għall-infrastruttura tal-idroġenu huma differenti minn dawk għall-infrastruttura tal-gass: negozji u unitajiet domestiċi iżgħar mhux ser jużaw l-idroġenu fil-futur, u madankollu, jekk iseħħ sussidjar inkroċjat, dawn ikunu qed jikkontribwixxu għall-kostijiet tal-infrastruttura tal-idroġenu. Fis-snin li ġejjin, l-utenti tan-network tal-gass fi kwalunkwe każ ser jiffaċċjaw tariffi tan-network li qed jiżdiedu, peress li t-tnaqqis fid-daqs tan-networks tal-gass u t-tneħħija gradwali u progressiva tal-gass ser ifissru li l-ispejjeż tal-infrastruttura tan-network tal-gass iridu jiġġarrbu minn dejjem inqas utenti. Din ix-xejra, li hija wkoll inkwetanti mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumatur, hija partikolarment problematika għall-utenti li jiffaċċjaw ostakli għall-ħruġ (eż. inkwilini jew unitajiet domestiċi b’introjtu baxx li ma jaffordjawx jissostitwixxu s-sistema tat-tisħin tagħhom). Għalhekk huwa importanti li jiġi applikat kemm jista’ jkun il-prinċipju ta’ min juża jħallas u b’hekk jiġi żgurat li l-infrastruttura tal-idroġenu tiġi ffinanzjata primarjament mill-utenti ta’ dik l-infrastruttura. Dan ser jeħtieġ separazzjoni regolatorja stretta tal-assi fissi.

3.12.

Il-prinċipju ta’ min juża jħallas ifisser ukoll li l-infrastruttura għandha tiġi ffinanzjata mhux biss mill-konsumaturi iżda wkoll minn dawk li jalimentaw in-network, peress li huwa ċar fl-istadju attwali tal-introduzzjoni tal-idroġenu li kemm il-fornituri kif ukoll il-konsumaturi tal-idroġenu jiddependu mill-infrastruttura. Fil-fehma tal-KESE, id-distribuzzjoni inugwali ħafna tal-kostijiet tal-grilja tal-elettriku bejn il-fornituri u l-konsumaturi madwar l-UE għandha titqies bħala eżempju negattiv, kif indikat fl-Opinjoni TEN/823 u fl-Opinjoni TEN/827. Għalhekk, it-tariffi għall-użu tan-network iridu jiġu applikati mhux biss għall-offtake iżda wkoll għall-feed-in, waqt li jitqies bilanċ li jkun konformi mal-prinċipju ta’ min juża jħallas.

3.13.

Il-finanzjament (parzjali) tal-bidu – speċjalment fl-istadji bikrija tal-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-idroġenu – mid-dħul mit-taxxa jista’ jkun ukoll parti minn soluzzjoni olistika u jgħin biex il-kostijiet tan-network jinfirxu maż-żmien. Tali appoġġ jista’ jirrifletti l-interess ekonomiku ġenerali tal-espansjoni tal-infrastruttura tal-idroġenu. Madankollu, huwa importanti li tali finanzjament ikun f’livell adatt, ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet ta’ kost-benefiċċju, u li l-prinċipju ta’ min juża jħallas jinżamm f’livell għoli. Strumenti finanzjarji li jwasslu biex is-settur pubbliku jġorr riskji eċċessivi filwaqt li l-profitti mill-użu tal-infrastruttura tan-network tal-gass jiġu privatizzati għandhom jiġu evitati. Il-finanzjament pubbliku jrid ikun akkumpanjat minn redditu adatt fuq l-investiment għall-awtoritajiet pubbliċi.

3.14.

It-tranżizzjoni tal-enerġija, inklużi l-investimenti meħtieġa fis-settur tal-idroġenu, qed tnaqqas ir-ritmu minħabba ż-żieda qawwija fil-kostijiet kapitali minħabba rati tal-imgħax ogħla. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu għażliet biex jintervjeni f’dan il-qasam, minħabba li l-appoġġ għat-tranżizzjoni tal-enerġija fiż-żona tal-euro u fl-UE kollha huwa kompetenza tal-BĊE. Bi skema ta’ self ekoloġiku divrenzjat, il-BĊE għandu strument potenzjalment effettiv għad-dispożizzjoni tiegħu kemm biex jippromovi t-tranżizzjoni tal-enerġija kif ukoll biex jilħaq l-objettiv primarju tiegħu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Dan l-istrument jista’ jassumi l-forma ta’ verżjoni aktar ekoloġika tal-istrument preċedenti li kien ta’ suċċess magħruf bħala Operazzjoni Mmirata ta’ Rifinanzjament fuq Terminu Itwal (Targeted Longer Term Refinancing Operation – TLTRO) (5), kif issuġġerit min-network tal-banek ċentrali NGFS u meqjus fir-rieżami tal-istrateġija tal-BĊE. Dan l-istrument jippermetti lill-BĊE joffri lill-banek, bħala l-mezz ewlieni ta’ self fl-Ewropa, finanzjament fit-tul fuq termini attraenti u b’hekk jistimula s-self mill-banek lill-ekonomija reali. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ l-isforzi tal-BĊE biex jiġi żviluppat strument TLTRO ekoloġiku biex jappoġġja t-tranżizzjoni tal-enerġija, mingħajr preġudizzju għall-objettiv primarju tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

3.15.

Peress li r-regolamentazzjoni u l-finanzjament tan-networks tal-idroġenu għandhom effetti sinifikanti f’termini ta’ ridistribuzzjoni u makroekonomija, il-partijiet ikkonċernati rilevanti għandhom ikunu involuti fi proċess demokratiku biex jiddefinixxu dan ir-Regolament u l-finanzjament. Peress li n-networks tal-gass ta’ spiss ser jiġu kkonvertiti f’networks tal-idroġenu, iridu jiġu involuti r-rappreżentanti tal-utenti tan-network tal-gass – bħall-imsieħba soċjali. Enfasi aktar qawwija fuq il-kodiċijiet tan-network, kif diskuss fil-kuntest tal-pakkett tas-suq intern tal-gass, għandha titqies b’mod kritiku, peress li ma tinvolvix biżżejjed lill-partijiet interessati kkonċernati u tagħti setgħa eċċessiva ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-operaturi tan-network u lill-Kummissjoni. Il-proċess attwali applikat fis-settur tal-gass naturali jenħtieġ li jiġi previst ukoll fis-settur tal-idroġenu. Dan jista’ jinkiseb billi l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-enerġija jkollhom ir-responsabbiltà li jissorveljaw is-suq emerġenti tal-idroġenu u jirrevedu t-tariffi tal-idroġenu mill-perspettiva tal-interess tal-konsumatur aħħari.

3.16.

Il-KESE jqis li huwa importanti li l-piż finanzjarju tal-iżvilupp tal-infrastruttura tal-idroġenu jkun ibbilanċjat fil-livell reġjonali. Għalhekk huwa importanti, l-ewwel nett, li l-aġenti ta’ tranżitu jerfgħu parti adatta mill-kostijiet tal-infrastruttura tal-pipelines. Barra minn hekk, il-pipelines li huma fl-interess komuni Ewropew għandhom jiġu ffinanzjati wkoll, tal-inqas parzjalment, minn riżorsi finanzjarji komuni. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi estiż l-appoġġ bħal dak ipprovdut bħalissa permezz tal-lista tal-proġetti ta’ interess komuni. Barra minn hekk, il-finanzjament għandu jkun disponibbli fi stadju bikri fl-iżvilupp tal-proġett sabiex jiżdiedu l-possibbiltajiet li jiżdied il-finanzjament ibbażat fuq is-suq. Il-kundizzjonijiet soċjali u ekoloġiċi jridu jiġu rispettati f’dan ir-rigward. Minbarra l-ħtieġa li jkun hemm konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà, il-KESE jirreferi għall-kummenti li saru fil-punt 3.9.

Brussell, it-18 ta’ Settembru 2024.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi metodoloġija tal-Unjoni li tistipula regoli dettaljati għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika (ĠU L 157, 20.6.2023, p. 11).

(2)  Ara l-ftehim proviżorju dwar ir-Regolament tas-suq intern tal-gass (mhux disponibbli bil-Malti) u l-ftehim proviżorju dwar id-Direttiva dwar is-suq intern tal-gass (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)   Il-politika industrijali tal-UE dwar l-idroġenu rinnovabbli – Il-qafas legali ġie fil-biċċa l-kbira adottat – wasal iż-żmien li ssir verifika tar-realtà , rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, 11/2024.

(4)   Leakages remain in the EU’s gas supplies (Għad fadal tnixxijiet fil-provvisti tal-gass tal-UE – mhux disponibbli bil-Malti), aħbarijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, 24 ta’ Ġunju 2024.

(5)   Targeting a sustainable recovery with Green TLTROs: Green, Targeted and Long-Term Refinancing Operations , ta’ Jens van ‘t Klooster u Rens van Tilburg, Positive Money Europe & Sustainable Finance Lab, Settembru 2020.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6863/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)