Brussell, 28.1.2025

COM(2025) 12 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri


1SFOND

Il-Kummissjoni (Eurostat) tirċievi d-data tal-istatistika dwar l-iżbark tal-prodotti tas-sajd skont ir-Regolament (KE) Nru 1921/2006 (“ir-Regolament”) 1 . Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament, il-prodotti tas-sajd ikunu meqjusa li ġew żbarkati f’territorju ta’ Stat Membru jekk jiġu żbarkati fil-portijiet tiegħu mill-bastimenti tas-sajd tal-UE u tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), jew jekk jiġu żbarkati f’territorju mhux tal-UE mill-bastimenti tal-UE u mbagħad importati fl-UE 2 . L-Artikolu 10 tar-Regolament jeħtieġ li kull 3 snin, il-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta, b’mod partikolari, il-kwalità u r-rilevanza tad-data tal-istatistika miġbura. Ir-rapport irid janalizza wkoll l-kosteffettività tas-sistema għall-ġbir u għall-ipproċessar tad-data tal-istatistika dwar l-iżbarki u jipproponi l-aħjar prattiki għat-tnaqqis tal-ammont ta’ xogħol fil-livell nazzjonali u għall-produzzjoni ta’ data tal-istatistika aktar utli u ta’ kwalità aħjar.

Ir-Regolament japplika għall-Istati Membri tal-UE u huwa rilevanti għall-pajjiżi kollha taż-ŻEE. Madankollu, minħabba li jikkonċerna l-iżbarki tal-prodotti tas-sajd tal-baħar, ħames Stati Membri mingħajr kosta huma eżentati mill-obbligu ta’ rappurtar tad-data (iċ-Ċekja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Awstrija u s-Slovakkja).

Minbarra l-istatistika dwar l-iżbarki, l-Eurostat tirċievi wkoll data relatata mal-qabdiet, mal-flotta u mal-akkwakultura. Għall-ġestjoni tal-politika komuni tas-sajd, dipartimenti oħra tal-Kummissjoni, prinċipalment id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (DĠ MARE), jiġbru wkoll data skont tliet regolamenti oħra: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 3 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tas-sajd; Ir-Regolament (UE) 2017/1004 4 dwar il-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data dwar is-sajd; u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 5 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni.

Kull 3 snin, il-Kummissjoni tiġbor rapporti ta’ kwalità nazzjonali 6 li fuqhom ikun ibbażat dan ir-rapport. Ir-rapporti nazzjonali jinkludu informazzjoni dettaljata dwar il-kwalità tad-data u dwar il-metodi użati għall-ġbir tagħha. Ir-rapporti nazzjonali tal-kwalità jsegwu l-linji gwida tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) u jinġabru bl-użu tal-Metadata Handler tal-ESS .

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq: (i) ir-rapporti tal-kwalità dwar l-iżbarki ppreżentati lill-Eurostat mill-Istati Membri relaturi għas-sena ta’ referenza 2022; (ii) analiżi tal-konformità; u (iii) id-data dwar il-kostijiet miġbura mill-Eurostat.

Il-Kummissjoni adottat ir-rapporti ta’ valutazzjoni preċedenti rigward l-istatistika dwar l-iżbarki ppreżentati skont ir-Regolament f’Novembru 2010 7 , f’April 2014 8 , f’Mejju 2016 9 , fi Frar 2019 10 u f’Diċembru 2021 11 .

Dan ir-rapport ikopri biss id-data annwali dwar il-kwantitajiet totali u l-prezzijiet unitarji tal-prodotti tas-sajd li ġew żbarkati fl-2022 fit-territorju tal-Istati Membri. Id-data miġbura mill-Eurostat tinqasam skont l-ispeċi, il-bandiera tal-bastiment, il-preżentazzjoni u l-użu maħsub.

2SEJBIET EWLENIN

2.1Tempestività u puntwalità

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrispettaw l-iskadenzi għall-preżentazzjoni tad-data għall-perjodu kopert minn dan ir-rapport. Il-valutazzjoni tal-konformità għall-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd għas-sena ta’ referenza 2022 tqabblet ma’ dik tas-snin preċedenti. Meta mqabbla mal-ġbir tad-data għas-sena ta’ referenza 2019, il-puntwalità tjiebet, b’pajjiż wieħed biss li wassal id-data kemxejn tard.

Skont il-proċedura tas-soltu, id-data kienet soġġetta għal validazzjoni minn qabel awtomatika tal-istruttura u l-kontenut tagħha, u l-pajjiżi rċevew rapport li jindika kwalunkwe żball. Il-pajjiżi reġgħu ppreżentaw id-data tagħhom, kif meħtieġ, sakemm ma ġie rrappurtat l-ebda żball ieħor. L-Eurostat imbagħad wettaq kontrolli addizzjonali u meta sab inkonsistenzi talab lill-pajjiżi rapportaturi biex jikkoreġu d-data u jippreżentaw r-reviżjonijiet. Għas-sena ta’ referenza 2022, id-data ppreżentata minn terz tal-pajjiżi rapportaturi kienet teħtieġ kjarifiki u korrezzjonijiet. Madankollu, jidher b’mod ċar li saru sforzi sinifikanti mill-pajjiżi rapportaturi u mill-Eurostat biex itejbu l-kwalità tad-data fuq tul ta’ żmien.

Il-Kummissjoni (l-Eurostat) ħarġet id-data immedjatament wara l-validazzjoni, f’konformità mal-prattika tas-soltu tagħha. Għalkemm rarament jirriżulta li jkun meħtieġ, id-data tista’ tiġi riveduta fi kwalunkwe waqt.

2.2Akkuratezza u komparabbiltà

Skont ir-rapporti tal-kwalità li waslu mingħand l-Istati Membri, l-utenti jikklassifikaw l-akkuratezza tagħhom bħala tajba jew tajba ħafna u l-affidabbiltà tagħhom bħala stabbli jew imtejba.

F’Ottubru 2019, l-Eurostat ippubblika verżjoni riveduta ta’ manwal iddedikat għall-istatistika dwar il-qabdiet u l-iżbarki 12 . Bl-użu tal-manwal rivedut, sar titjib ulterjuri fil-komparabbiltà tad-data tal-istatistika bejn il-pajjiżi.

Minħabba d-dati ta’ adeżjoni differenti tal-Istati Membri fl-UE, it-tul tad-data tas-serje kronoloġika disponibbli jvarja, u dan jirriżulta fi gradi differenti ta’ komparabilità fuq tul ta’ żmien. Madankollu, meta jitqies biss il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, id-data hija komparabbli.

2.3Rilevanza

L-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politika komuni tas-sajd jeħtieġu ħafna data u informazzjoni dettaljata. Għalhekk, id-data tal-istatistika miġbura skont ir-Regolament hija essenzjali għat-tfassil ta’ politika li tkun infurmata u bbażata fuq l-evidenza, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. Id-data dwar il-livelli tal-produzzjoni u x-xejriet hija importanti għall-analiżi tal-iżvilupp tas-settur tas-sajd bħala parti mill-politika komuni tas-sajd. Dawk li jfasslu l-politika u l-industrija b’hekk ikollhom bażi soda fuq xiex jibnu l-futur tas-settur.

2.4Aċċessibbiltà

Id-data tal-istatistika dwar l-iżbark tal-prodotti tas-sajd hija disponibbli fil-bażi tad-data 13 tal-Eurostat kemm fit-tabelli dettaljati tal-pajjiżi kif ukoll fit-tabella ta’ sommarju globali li turi d-data nazzjonali u tal-UE f’livell aktar aggregat.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jippubblikaw id-data fil-bażijiet tad-data online nazzjonali jew fil-forma ta’ pubblikazzjonijiet elettroniċi. L-aċċess għal dawn il-prodotti huwa dejjem mingħajr ħlas.

Il-metadata ta’ referenza Ewropea, inkluż rapport dwar il-kwalità fuq livell tal-UE dwar l-istatistika dwar l-iżbarki 14 , hi ppubblikata fil-bażi tad-data tal-Eurostat aċċessibbli għall-pubbliku. Il-Eurostat jippubblika d-data u l-artikli rigward l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fil-ġabra tiegħu online “Statistics Explained” 15 u f’pubblikazzjonijiet ġenerali 16 .

Hemm ukoll punt ta’ aċċess uniku għad-data, għall-metodoloġija u għall-pubblikazzjonijiet kollha fuq is-sit web tal-Eurostat 17 .

2.5Kunfidenzjalità tad-data

Il-pajjiżi ppreżentaw biss id-data mhux kunfidenzjali dwar l-iżbarki fiż-żmien meta ġie adottat ir-Regolament fl-2006. Madankollu, mill-2012, xi pajjiżi bdew jibagħtu ċifri kunfidenzjali biex jipproteġu d-data tal-kumpaniji waħdanin. Dan huwa konformi mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 18 dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika. Għalkemm għadu pjuttost baxx, il-proporzjon tal-punti tad-data kunfidenzjali rrappurtati mill-pajjiżi qed jikber b’mod kostanti, wara li żdied minn 2 % għal 4 % tad-data totali dwar l-iżbarki bejn l-2019 u l-2022.

Meta l-pajjiżi bdew jirrapportaw id-data kunfidenzjali, ġie miftiehem li l-Eurostat ikun japplika regola stretta meta jikkalkula l-aggregati tal-UE. Din ir-regola tipprovdi li aggregat huwa kunfidenzjali jekk valur wieħed inkluż fih ikun kunfidenzjali. L-Eurostat jirrikonoxxi li filwaqt li dan l-approċċ jipproteġi l-kunfidenzjalità, jillimita wkoll b’mod eċċessiv il-pubblikazzjoni tad-data. L-Eurostat għalhekk qed jaħdem mal-pajjiżi biex isib modi kif jippubblika aktar aggregati nazzjonali u fil-livell tal-UE filwaqt li xorta waħda jiżgura l-kunfidenzjalità tad-data.

3PIŻ U KOSTEFFETTIVITÀ

L-Eurostat ivvaluta l-kosteffettività tal-ġbir tad-data dwar l-iżbarki skont ir-Regolament bl-użu tar-rapporti tal-kwalità għall-2022, flimkien mal-analiżi tal-kostijiet ibbażata fuq stħarriġ immirat lejn l-istituti nazzjonali tal-istatistika. L-analiżi tal-kostijiet kienet ibbażata fuq il-kostijiet għall-2023, li kopriet il-ġbir tad-data dwar l-iżbarki għas-sena ta’ referenza 2022. B’kollox, 19-il pajjiż wieġbu għall-istħarriġ dwar il-kostijiet. It-total tal-kostijiet diretti u indiretti għall-pajjiżi kollha li pprovdew iċ-ċifri kien ta’ EUR 3,0 miljun fis-sena. Dan baqa’ fl-istess livell bħal tas-sena ta’ referenza 2019.

Ir-rapporti ta’ kwalità tal-2022 ippreżentati minn 23 Stat Membru tal-UE u pajjiż taż-ŻEE wrew li l-maġġoranza tal-pajjiżi jiġbru d-data bl-użu ta’ sorsi ta’ data amministrattiva. B’kollox, 11-il pajjiż jużawha bħala l-uniku sors, 4 flimkien ma’ ċensiment, 3 flimkien ma’ ċensiment u stħarriġ kampjunarju, 2 flimkien ma’ stħarriġ kampjunarju, 1 flimkien ma’ konsultazzjoni ma’ esperti u 1 flimkien ma’ sorsi oħra. Pajjiż wieħed biss juża ċensiment bħala l-uniku metodu ta’ ġbir tad-data. Għadd ta’ pajjiżi rrapportaw kisbiet fl-effiċjenza, l-aktar marbuta ma’ awtomatizzazzjoni ulterjuri (6 pajjiżi), ma’ taħriġ (3 pajjiżi), ma’ żieda fl-użu ta’ data amministrattiva (3 pajjiżi) u mal-introduzzjoni ta’ stħarriġ online (pajjiż 1).

4KONKLUŻJONIJIET U TRIQ ’IL QUDDIEM: RAZZJONALIZZAZZJONI U SIMPLIFIKAZZJONI TAL-ISTATISTIKA EWROPEA DWAR IS-SAJD

L-Eurostat iħabrek biex itejjeb kontinwament il-kwalità u d-disponibbiltà tal-istatistika Ewropea filwaqt li jimminimizza l-piż tar-rapportar.

Għal dak il-għan, fl-2018, il-Eurostat nieda l-proġett “Razzjonalizzazzjoni u Simplifikazzjoni tal-istatistika Ewropea dwar is-sajd”. Il-proġett jikkonsisti minn: (i) evalwazzjoni tal-istatistika attwali dwar l-akkwakultura, il-qabdiet u l-iżbarki; u (ii) valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet futuri tal-politika u l-leġiżlazzjoni futura possibbli. L-evalwazzjoni, li kopriet ukoll l-implimentazzjoni tar-Regolament, ġiet konkluża fl-2019 19 . Il-valutazzjoni tal-impatt tal-EFS tnediet fil-bidu tal-2020 u ġiet iffinalizzata f’Novembru 2021.

L-istatistika dwar l-iżbarki hija robusta f’termini ta’ puntwalità, kompletezza u konsistenza. Il-pajjiżi jipprovdu informazzjoni affidabbli dwar il-volum u l-valur tal-prodotti tas-sajd li jiġu żbarkati fl-UE u data dettaljata fil-livell tal-ispeċijiet li tista’ tintuża fl-analiżi tas-suq tal-ħut tal-UE.

Il-koerenza u l-komparabbiltà tal-ġbir tad-data huma msaħħa mil-linji gwida tekniċi u l-proċeduri ta’ validazzjoni tal-Eurostat.

L-aċċess għat-data tal-istatistika huwa pubbliku u mingħajr ħlas. Il-metadata li takkumpanja l-istatistika prodotta tinkludi rapporti ta’ kwalità kemm nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE.

Huma biss ftit il-pajjiżi rapportaturi li jiffaċċjaw problemi li jittrattaw kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità, jew rigward il-kwantità jew il-prezz tal-prodotti żbarkati. Jeħtieġ li jinstab approċċ vijabbli biex jiġi limitat l-impatt tal-kunfidenzjalità fuq l-aggregati tal-UE.

Kif imsemmi hawn fuq, jeżistu opportunitajiet biex tissaħħaħ ir-rilevanza tal-istatistika Ewropea dwar is-sajd u l-akkwakultura, tiġi ssimplifikata s-sistema attwali u jiġi mmodernizzat il-ġbir tad-data, pereżempju billi jintużaw sorsi ta’ data amministrattiva b’mod aktar effettiv fil-livell tal-UE.

(1)

     Ir-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1382/91 (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1921/oj ).

(2)

     Dan ifisser li din l-istatistika mhijiex komparabbli mad-data dwar l-iżbark miġbura skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, fejn id-data hija miġbura skont il-pajjiż tal-bandiera tal-bastiment.

(3)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/2024-10-11 ).

(4)

     Ir-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (ĠU L 157, 20.6.2017, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1004/oj ).

(5)

     Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni

(6)

      https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/fish_ld_esms.htm

(7)

     Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ dejta tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri, KUMM(2010) 675 finali.

(8)

     Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ dejta tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri, COM(2014) 240 final.

(9)

     Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ dejta tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri, COM(2016) 239 final.

(10)

     Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri, COM(2019) 47 final.

(11)

     Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri , COM(2021) 789 final.

(12)

      https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/Annexes/fish_ld_esms_an_3.pdf (disponibbli biss bl-Ingliż).

(13)

      https://ec.europa.eu/eurostat/data/database

(14)

      https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/fish_ld_esms.htm

(15)

      https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Fisheries_-_catches_and_landings

(16)

   L-aktar reċenti hija “Key figures on the European food chain – 2023 edition”, ISBN 978-92-68-07811-2. https://ec.europa.eu/eurostat/documents/15216629/18054337/KS-FK-23-001-EN-N.pdf/048e130f-79fa-e870-6c46-d80c9408620b?version=7.0&t=1707290893751 (disponibbli biss bl-Ingliż).

(17)

      https://ec.europa.eu/eurostat/web/fisheries/overview

(18)

     Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej  (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164) .

(19)

      https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52019SC0425