European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3130

2.6.2025

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill li tirrieżamina l-linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ

(C/2025/3130)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

JISSOTTOLINJAW LI:

1.

Fid-dawl tal-isfidi dinamiċi attwali li qed iħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea, u filwaqt li jitqiesu r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-evalwazzjoni interim tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (1) u r-rakkomandazzjonijiet miċ-ċikli preċedenti tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, hemm ħtieġa dejjem akbar li tiġi rieżaminata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (2).

2.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 (3), ir-rapport tagħha dwar l-evalwazzjoni interim tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (4), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 (5) kollha jenfasizzaw il-ħtieġa li tingħata vuċi aktar b'saħħitha liż-żgħażagħ u li jiġi żgurat li huma jkunu jistgħu jsawru l-preżent u l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea. Id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ huwa mekkaniżmu fundamentali biex dan isir fil-kuntest Ewropew.

3.

Huwa kritiku li d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jibqa' jkun rilevanti u jkollu impatt biex isir progress fl-għanijiet tal-Unjoni ta' inklużività, koeżjoni u impenn demokratiku (6). Id-djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ għandu jibqa' sinifikattiv, adattabbli, reattiv u allinjat mal-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet dejjem jinbidlu taż-żgħażagħ, u b'hekk jirrinforza l-impenn tal-UE li trawwem żgħażagħ attivi, impenjati u emanċipati fl-Ewropa kollha.

4.

Id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ huwa mekkaniżmu ewlieni għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-UE, u jista' jkun ta' ispirazzjoni mad-dinja kollha. L-elementi ewlenin tal-mekkaniżmu jinkludu d-djalogu dirett bejn iż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi taż-żgħażagħ u r-riċerkaturi minn naħa u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li jirrappreżentaw il-livelli kollha min-naħa l-oħra, il-konsultazzjoni taż-żgħażagħ dwar suġġetti rilevanti għalihom, u s-sħubija kontinwa fil-governanza tal-proċess tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fil-livelli kollha. B'rabta mal-implimentazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u f'konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (7), l-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ għandhom ikomplu “jservu bħala ispirazzjoni u jipprovdu orjentazzjoni għall-UE, l-Istati Membri tagħha u l-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-awtoritajiet tagħhom” (8).

5.

L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 tispeċifika għadd ta' aspetti li jipprovdu qafas għall-implimentazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ:

a)

il-bini fuq l-esperjenzi tal-passat,

b)

l-għan ta' proċess aktar ċar u sempliċi,

c)

ċikli ta' ħidma preferibbilment ta' 18-il xahar,

d)

l-iffissar ta' prijorità tematika waħda għal kull ċiklu,

e)

li jiġi segwit il-pjan ta' ħidma tagħha,

f)

l-għoti ta' flessibbiltà rigward l-atturi li jieħdu sehem fil-governanza u l-implimentazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ,

g)

segwitu u monitoraġġ kontinwi tal-eżiti tal-kwalità u l-impatt tal-proċess kollu,

h)

ir-rikonoxximent tar-rwol tal-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali, li huma l-entitajiet fil-livell tal-Istati Membri li għandhom il-kompitu li jorganizzaw konsultazzjonijiet, u li jippromwovu u jikkontribwixxu għall-impatt fuq id-djalogu maż-żgħażagħ (9). F'konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, “l-Istati Membri huma mħeġġa jippermettu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-fażijiet kollha ta' implimentazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ billi jingħata fost l-oħrajn rwol ewlieni fil-Grupp ta' Ħidma Nazzjonali għall-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ” (10).

6.

L-evalwazzjoni interim tal-Kummissjoni Ewropea tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 tenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-komunikazzjoni dwar id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, fost oħrajn permezz ta' attivitajiet ta' tagħlim reċiproku, l-integrazzjoni taż-żgħażagħ, u l-monitoraġġ. Tenfasizza wkoll il-ħtieġa li jitħares il-progress fl-inklużjoni, filwaqt li jiġi żgurat li jsiru sforzi biex dan l-aspett importanti tad-djalogu jkompli jiġi indirizzat.

7.

L-evalwazzjoni interim tal-Kummissjoni Ewropea tindika li qasam li għandu jingħata attenzjoni partikolari huwa l-iżvilupp u l-appoġġ ulterjuri ta' proċess biex ir-rakkomandazzjonijiet mid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jiġu diretti lejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livelli kollha. Dan jinkludi wkoll li jiġu żgurati mekkaniżmi biex il-parteċipanti u l-partijiet ikkonċernati jiġu mgħarrfa dwar is-segwitu fil-livelli kollha.

8.

Il-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ futur għall-President tal-Kummissjoni Ewropea huwa inizjattiva ġdida. Dan ser jagħti pariri dwar kwistjonijiet li huma importanti għaż-żgħażagħ u l-pari tagħhom fil-komunità tagħhom u jagħti opportunità biex jiġu kkunsidrati ideat żviluppati mill-Kummissjoni. Fit-tfassil tal-Bord u l-missjonijiet tiegħu, għandhom jitqiesu l-konnessjonijiet possibbli tiegħu mad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ sabiex il-membri tal-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ ikunu jistgħu jgħaddu l-messaġġi taż-żgħażagħ u r-riżultati tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fl-ogħla livell politiku tal-UE.

9.

Hemm bżonn li jiġi żgurat li l-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ tkun aktar trasparenti u effettiva billi jiġu definiti b'mod ċar ir-rwoli tal-partijiet ikkonċernati kollha, u billi jissaħħu l-kooperazzjoni u r-responsabbiltà tagħhom għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tat-Triju ta' Presidenzi.

10.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ” (11) u r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill dwar ir-riżultati taċ-ċikli tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u l-evalwazzjoni interim tal-Kummissjoni Ewropea tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ jistgħu jservu ta' dokumenti ta' gwida għal kull min huwa involut fid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ.

GĦANDHOM L-GĦAN LI:

11.

Isaħħu u jtejbu d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fis-snin li ġejjin billi jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri prattiċi biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tal-proċess. Dan għandu jinkludi:

a)

l-iżvilupp ta' approċċ lejn l-għoti ta' feedback regolari fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u dak lokali liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ dwar l-eżiti tal-proċess ta' Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u l-attivitajiet ta' segwitu sabiex jiġu żgurati djalogu sinifikanti u s-sehem taż-żgħażagħ fil-livelli kollha. Dan għandu jinkludi riflessjoni dwar kif jistgħu jintlaħqu eżiti aktar konkreti fi ħdan il-proċess, pereżempju billi d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jiġi allinjat aħjar mal-programm ta' ħidma u l-aġenda politika tal-Kummissjoni Ewropea billi tingħata attenzjoni lil miżuri ta' implimentazzjoni (konġunti) konkreti magħżula;

b)

il-ħolqien ta' strateġija ta' komunikazzjoni komuni għad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ biex jiġi żgurat it-tixrid sostenibbli ta' informazzjoni trasparenti u faċli biex tinftiehem miż-żgħażagħ fil-fażijiet kollha tal-proċess.

12.

Jaħdmu għall-objettiv li tissaħħaħ il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, b'mod partikolari billi jikkonċentraw fuq l-atturi involuti, ir-rwoli tagħhom, il-qafas organizzattiv li fih isiru l-attivitajiet tagħhom u l-kwistjonijiet ta' implimentazzjoni relatati mal-governanza, filwaqt li fl-istess ħin jirrikonoxxu r-rwol importanti li jaqdi s-settur taż-żgħażagħ tal-UE fil-qafas organizzattiv tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (12).

13.

Itejbu l-aċċessibbiltà u l-kwalità tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ biex jiżguraw is-sehem inklużiv taż-żgħażagħ fid-diversità kollha tagħhom, isaħħu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, u jtejbu l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' inizjattivi relatati maż-żgħażagħ.

14.

Fil-kuntest tal-proċess tat-tkabbir, jesploraw kif jinvolvu aktar liż-żgħażagħ minn pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali fid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, fejn xieraq.

IQISU LI:

15.

It-Triju ta' Presidenzi għandu jieħu r-rwol ewlieni fit-tmexxija tal-implimentazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ. Dan il-proċess jitwettaq f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea, il-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ kif ukoll l-Aġenziji Nazzjonali (13), fejn xieraq. Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva, it-Triju ta' Presidenzi għandu jorganizza din il-ħidma permezz tal-Grupp ta' Tmexxija Ewropew.

16.

Il-Grupp ta' Tmexxija Ewropew iservi bħala l-pjattaforma ta' governanza għad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ. Il-membri tiegħu jinkludu rappreżentanti tat-Triju ta' Presidenzi u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ tagħhom mill-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali, preferibbilment permezz tal-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Fuq l-istedina tat-Triju ta' Presidenzi, fil-Grupp ta' Tmexxija Ewropew jistgħu jieħdu sehem ukoll partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, bħal Aġenziji Nazzjonali, riċerkaturi, esperti, u rappreżentanti tat-Triju ta' Presidenzi preċedenti u dak li jmiss.

17.

Ir-rwol tal-Grupp ta' Tmexxija Ewropew huwa li:

a)

jagħti gwida ġenerali għad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, li tkopri kwistjonijiet bħall-prijorità tematika taċ-ċiklu, filwaqt li jiżgura l-kontinwità fiċ-ċikli u bejniethom, l-istrumenti ta' konsultazzjoni, l-attivitajiet ta' implimentazzjoni u l-avvenimenti rilevanti għall-proċess, fosthom il-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ;

b)

jagħti kontribut, għodod u appoġġ fejn meħtieġ, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kwalità għolja tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u l-konsistenza tematika fi ħdan kull ċiklu;

c)

jikkoopera b'mod effettiv mal-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali billi jipprovdi linji gwida, għodod u appoġġ, fosthom il-faċilitazzjoni ta' skambji regolari fejn xieraq, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' kwalità għolja tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ;

d)

jiżgura li ssir, tiġi mmonitorjata u użata evalwazzjoni parteċipattiva taċ-ċiklu u jkun hemm segwitu għaliha, jiżgura t-tixrid b'mod mifrux tal-evalwazzjoni, u jagħti appoġġ għall-monitoraġġ u s-segwitu tal-eżiti tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fl-oqsma ta' politika kollha li jolqtu liż-żgħażagħ;

e)

jiżgura approċċ kwalitattiv u bbażat fuq l-evidenza għall-implimentazzjoni u l-immaniġġar tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ bl-appoġġ tar-riċerkaturi;

f)

jagħti kontribut għall-iżgurar tal-preservazzjoni tal-memorja istituzzjonali tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ;

g)

jiffaċilita proċess ta' tranżizzjoni bla xkiel għat-Triju ta' Presidenzi li jmiss;

h)

jikkunsidra l-eżiti u r-rakkomandazzjonijiet ta' ċikli preċedenti tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ relatati mat-titjib tal-governanza tiegħu, fejn xieraq;

i)

jesplora metodi għat-tisħiħ tal-evalwazzjoni, il-monitoraġġ u s-segwitu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u l-eżiti tiegħu fil-livelli kollha;

j)

ikopri kwalunkwe aspett ieħor li t-Triju ta' Presidenzi, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ, jista' jqis xieraq.

18.

Sabiex jiġi żgurat li l-Grupp ta' Tmexxija Ewropew taċ-ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jaħdem b'mod trasparenti u bla xkiel u tiġi appoġġata l-preservazzjoni tal-memorja istituzzjonali, it-Triju ta' Presidenzi għandu jħejji dokument ta' ħidma u nota ta' spjegazzjoni, li jistipulaw l-objettivi u t-temi tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u jispeċifikaw ir-rwoli tal-atturi kollha involuti fil-Grupp ta' Tmexxija Ewropew, kif ukoll il-kompiti operazzjonali u l-metodi ta' ħidma kollha.

19.

Ir-rwol tal-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali huwa li:

a)

jimplimentaw il-konsultazzjoni dwar id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali;

b)

jikkomunikaw b'mod effettiv l-objettivi u l-prijoritajiet tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ liż-żgħażagħ u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u jippromwovuhom b'mod attiv fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali;

c)

iqajmu kuxjenza dwar id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u kif persuna tista' tieħu sehem fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali;

d)

jistimulaw is-sehem attiv tas-settur taż-żgħażagħ fid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali;

e)

jiżguraw li gruppi ta' żgħażagħ sottorappreżentati, fosthom dawk b'inqas opportunitajiet, ikunu involuti fid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali;

f)

jagħtu kontribut għall-implimentazzjoni tal-eżiti tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, fosthom il-komunikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-konsultazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ lill-atturi rilevanti fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali;

g)

iħejju lid-delegati taż-żgħażagħ għall-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, inkluż billi jipprovdulhom taħriġ imfassal apposta dwar il-valuri u l-funzjonament tal-UE kif ukoll dwar l-ispeċifiċità tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u l-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ sabiex jingħataw fehim tajjeb tar-rwol tagħhom u jitħejjew għas-suġġetti li jkunu qed jiġu diskussi sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal dawn id-diskussjonijiet b'mod infurmat;

h)

jinvolvu ruħhom, f'konformità mar-regoli tal-UE u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, fil-proċess ta' applikazzjoni għall-għotja tal-UE għall-implimentazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, u l-ġestjoni ta' din l-għotja u r-rappurtar dwarha.

20.

Il-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali għandhom:

a)

jipprovdu rwol ewlieni liż-żgħażagħ, tipikament irrappreżentati permezz tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, biex jiġi żgurat li d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jitmexxa miż-żgħażagħ;

b)

jiddeċiedu dwar il-konfigurazzjoni u l-proċeduri operazzjonali li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom bl-aħjar mod f'konformità mal-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri tagħhom u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ;

c)

jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi ta' kull ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ;

d)

jiżguraw rappreżentanza adegwata taż-żgħażagħ fid-diversità kollha tagħhom fil-fażijiet kollha tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (14);

e)

jiġu nnominati f'konformità mar-regoli u ċ-ċirkostanzi nazzjonali mill-Istati Membri qabel kull perjodu ta' għotja fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea;

f)

ikunu appoġġati, fejn xieraq, mill-Aġenziji Nazzjonali li jistgħu, fost affarijiet oħra, jagħtu informazzjoni dwar l-objettivi tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u jippromwovu l-parteċipazzjoni fihom, inkluż lil gruppi sottorappreżentati, u jrawmu sinerġiji mal-programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

g)

jikkooperaw mal-Kummissjoni fl-iżvilupp u l-użu tal-linji gwida dwar approċċ sistemiku għall-monitoraġġ u t-tixrid tal-eżiti tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali.

21.

Ir-rwol tad-delegati taż-żgħażagħ huwa li:

a)

jieħdu sehem attiv fil-Konferenzi Ewropej taż-Żgħażagħ sabiex jitkellmu f'isem iż-żgħażagħ f'pajjiżhom, filwaqt li jibnu fuq is-sejbiet tal-konsultazzjonijiet nazzjonali u t-tħejjija tagħhom mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ;

b)

jieħdu sehem, meta jkun meħtieġ u possibbli, fil-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali u f'avvenimenti nazzjonali relatati mad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ;

c)

jagħtu kontribut fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak lokali għall-promozzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u għall-għarfien dwar dan il-proċess fost il-pari tagħhom, inkluż billi jaqsmu dak li jkun ġie diskuss fil-Konferenzi Ewropej taż-Żgħażagħ;

d)

jagħtu kontribut, meta jirrappreżentaw organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali taż-żgħażagħ, għad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ billi attivament jinkludu fid-diskussjonijiet perspettivi miż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tagħhom u l-oqsma ta' azzjoni speċifiċi tagħhom.

22.

Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea huwa li:

a)

tiżgura l-preservazzjoni tal-memorja istituzzjonali tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, inkluż l-arkivji tiegħu, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u fuq il-bażi tal-kontribut mogħti mill-Grupp ta' Tmexxija Ewropew;

b)

tiżgura proċess ta' integrazzjoni bla xkiel għat-Triju ta' Presidenzi li jkun imiss, u t-trasferiment tal-għarfien bejn iċ-ċikli, f'kooperazzjoni mal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ;

c)

tagħti appoġġ u gwida lill-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali dwar il-komunikazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, bħall-identità viżiva, il-prodotti ta' komunikazzjoni u l-pjanijiet ta' komunikazzjoni tiegħu, sabiex jiġi żgurat li kemm il-proċess kif ukoll l-eżiti jiġu rikonoxxuti u jinxterdu b'mod wiesa';

d)

tagħti kontribut għal implimentazzjoni bbażata fuq l-evidenza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ billi ssaħħaħ u tissimplifika r-rwol tar-riċerkaturi, inkluż esplorazzjoni ta' kif huma jistgħu jagħtu kontribut għall-evalwazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, is-segwitu għalih u l-monitoraġġ tiegħu;

e)

tfittex sinerġiji bejn id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u inizjattivi u mekkaniżmi parteċipattivi oħra tal-UE sabiex tiżdied l-effettività tagħhom u jissaħħaħ is-sehem taż-żgħażagħ;

f)

tikkomunika u żżid l-għarfien dwar id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u b'mod partikolari l-eżiti tiegħu, fil-livell tal-UE, inkluż permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u n-Network taż-Żgħażagħ tal-Kummissjoni ta' korrispondenti taż-żgħażagħ;

g)

tappoġġa, permezz ta' għotjiet tal-UE, il-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali u t-Triju ta' Presidenzi fl-attivitajiet tagħhom relatati mad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ;

h)

iżżid l-allinjament bejn id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u l-programm ta' ħidma u l-aġenda politika tal-Kummissjoni Ewropea bil-ħsieb li jissaħħaħ l-impatt tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ bħala proċess immexxi miż-żgħażagħ;

i)

tiżviluppa, bl-involviment tal-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali, linji gwida dwar approċċ unifikat u sistemiku għall-monitoraġġ u t-tixrid tal-eżiti tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fil-livelli kollha.

23.

Ir-rwol tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ huwa li:

a)

jagħti kontribut biex tiġi żgurata l-preservazzjoni tal-memorja istituzzjonali tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, inkluż l-arkivji tiegħu, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u fuq il-bażi tal-kontribut mogħti mill-Grupp ta' Tmexxija Ewropew;

b)

jappoġġa lill-Kummissjoni Ewropea fl-iżgurar ta' integrazzjoni bla xkiel għat-Triju ta' Presidenzi li jkun imiss, u t-trasferiment tal-għarfien bejn iċ-ċikli;

c)

joffri appoġġ u pariri lill-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali u lill-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ;

d)

jikkomunika b'mod effettiv l-objettivi u l-prijoritajiet tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ liż-żgħażagħ u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u jippromwovihom b'mod attiv fil-livell tal-UE;

e)

jikkomunika l-eżiti tal-konsultazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ permezz tan-networks u l-mezzi xierqa tiegħu.

24.

Sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà fil-mod kif id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jiżvolġi f'kull ċiklu ta' ħidma ta' 18-il xahar, il-Presidenza għandha tgħarraf lill-Grupp ta' Ħidma dwar iż-Żgħażagħ u lill-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali, fil-ħin, dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Grupp ta' Tmexxija Ewropew, il-progress fl-implimentazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u kwalunkwe ħaġa oħra li tista' tkun pertinenti għall-aspetti msemmijin fit-23 paragrafu ta' hawn fuq.

JIMPENJAW RUĦHOM LI:

25.

Jistabbilixxu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea segretarjat tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fi ħdan il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ sabiex jissaħħu l-effettività u l-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u biex jiġi żgurat li jkun proċess sinifikattiv immexxi miż-żgħażagħ. Il-kompiti tas-segretarjat jistgħu jinkludu l-appoġġ għall-memorja istituzzjonali, il-bini tal-kapaċità, l-iżgurar tal-koerenza u t-trasferiment tal-għarfien bejn iċ-ċikli, il-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni, u t-titjib tas-segwitu sistematiku tal-eżiti. Sabiex l-effettività tiegħu tkun kemm jista' jkun kbira, is-segretarjat għandu jaħdem f'sinerġija mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, it-Triju ta' Presidenzi, il-Grupp ta' Tmexxija Ewropew, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, filwaqt li jiżgura approċċ strutturat, trasparenti u kkoordinat għall-implimentazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ.

26.

Jirrevedu din ir-Riżoluzzjoni f'konformità mal-Istrateġija futura tal-UE għaż-Żgħażagħ wara l-2027 sabiex jaġġustawha għal żviluppi u ħtiġijiet ġodda possibbli, b'enfasi fuq l-iżgurar li s-sehem taż-żgħażagħ tibqa' sies tal-iżvilupp tal-politika Ewropea dwar iż-żgħażagħ.

(1)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-evalwazzjoni interim tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, COM(2024) 162 final.

(2)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ - Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (ĠU C 189, 5.6.2019, p. 1).

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, COM(2024) 1 final.

(4)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-evalwazzjoni interim tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, COM(2024) 162 final.

(5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, ĠU C, C/2024/3543, 31.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3543/oj.

(6)  L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(7)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1).

(8)  L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (punt 3, it-tielet paragrafu) (ĠU C 456, 18.12.2018, p. 2).

(9)  Ara l-programm ta' ħidma annwali għall-implimentazzjoni ta' Erasmus+, il-programm tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, referenza tal-Kummissjoni C(2024) 7026, 11 ta' Ottubru 2024.

(10)  L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, p. 9 (l-Anness I, il-punt 4, it-tielet paragrafu).

(11)  9264/18 + ADD 1-8, COM(2018) 269 final + SWD(2018) 168 u 169 final.

(12)  Is-“settur taż-żgħażagħ tal-UE” ġeneralment jirreferi għall-organizzazzjonijiet, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-membri tad-dinja akkademika, is-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ kollha u esperti oħra involuti fl-iżvilupp tal-politika dwar iż-żgħażagħ li jwettqu attivitajiet u proġetti rilevanti għaż-żgħażagħ fl-UE.

(13)   “Aġenzija Nazzjonali” tfisser korp wieħed jew aktar inkarigati mill-immaniġġar tal-implimentazzjoni tal-Programm Erasmus+ u tal-programm tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fil-livell nazzjonali fi Stat Membru jew f'pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

(14)  Ibid. nota 9 f'qiegħ il-paġna.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3130/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)