2.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 30/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/216

tal-1 ta’ Frar 2023

li japprova s-sustanza attiva b’riskju baxx Trichoderma atroviride AGR2, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) flimkien mal-Artikolu 22(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ April 2018, Franza rċeviet applikazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 mingħand Agrolor għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva Trichoderma atroviride AGR2.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 9(3) ta’ dak ir-Regolament, fil-5 ta’ Ġunju 2018, Franza, fil-kariga tagħha ta’ Stat Membru relatur, għarrfet lill-applikanti, lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) bl-ammissibbiltà tal-applikazzjoni.

(3)

Fit-23 ta’ Ġunju 2020, wara li vvaluta jekk jistax jiġi mistenni li dik is-sustanza attiva tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Istat Membru relatur ressaq abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni b’kopja lill-Awtorità.

(4)

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Awtorità ċċirkolat l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni lill-applikant u lill-Istati Membri l-oħra.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, talbet lill-applikant jibgħat aktar informazzjoni lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità.

(6)

Il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru relatur tressqet quddiem l-Awtorità fil-forma ta’ abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni aġġornat.

(7)

Fl-20 ta’ Jannar 2022, l-Awtorità kkomunikat il-konklużjoni (2) tagħha lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar jekk is-sustanza attiva Trichoderma atroviride AGR2 hix mistennija tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-Awtorità għamlet il-konklużjoni tagħha disponibbli għall-pubbliku.

(8)

Fl-14 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat rapport ta’ rieżami dwar it-Trichoderma atroviride AGR2 u abbozz ta’ dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(9)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant jissottometti l-kummenti tiegħu dwar ir-rapport ta’ rieżami. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(10)

Rigward użu rappreżentattiv wieħed ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva, li ġie eżaminat u ddettaljat fir-rapport tar-rieżami, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati.

(11)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis ukoll li Trichoderma atroviride AGR2 hija sustanza attiva b’riskju baxx skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. It-Trichoderma atroviride AGR2 mhijiex mikroorganiżmu ta’ tħassib u tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II, il-punt 5.2, tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(12)

Għalhekk huwa xieraq li t-Trichoderma atroviride AGR2 tiġi approvata bħala sustanza attiva b’riskju baxx.

(13)

F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet.

(14)

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 22(2) tiegħu, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3) jiġi emendat skont dan.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni tas-sustanza attiva

Is-sustanza attiva Trichoderma atroviride AGR2, kif speċifikata fl-Anness I, hija approvata soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi lir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  EFSA (L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2022. Konklużjoni dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva Trichoderma atroviride tar-razza AGR2: EFSA Journal 2022;20(3):7199 DOI: 10.2903/j.efsa.2022.7199. Disponibbli online: www.efsa.europa.eu

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem komuni, Numri ta’ identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Trichoderma atroviride AGR2

m.a.

Il-kontenut nominali tat-Trichoderma atroviride AGR2 fil-prodott tekniku u l-formulazzjoni huwa Minimu: 5 x 1011 CFU/kg

Nominali: 1 x 1012 CFU/kg

Massimu: 1 x 1013 CFU/kg L-ebda impurità rilevanti

it-22 ta’ Frar 2023

il-21 ta’ Frar 2038

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tar-rieżami dwar it-Trichoderma atroviride AGR2, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil:

—

l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku kif immanifatturat kummerċjalment użat fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fosthom il-karatterizzazzjoni sħiħa tal-metaboliti sekondarji rilevanti;

—

il-ħarsien tal-operaturi u tal-ħaddiema, billi jitqies li l-mikroorganiżmi bħala tali huma kkunsidrati bħala sensitizzaturi potenzjali. L-użu ta’ PPE/RPE jista’ jiġi rrakkomandat biex jitnaqqas l-esponiment mill-ġilda u mill-inalazzjoni.


(1)  Jinsabu aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva fir-rapport tar-rieżami.


ANNESS II

Fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Isem komuni, Numri ta’ identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“42

Trichoderma atroviride AGR2

m.a.

Il-kontenut nominali tat-Trichoderma atroviride AGR2 fil-prodott tekniku u l-formulazzjoni huwa Minimu: 5 x 1011 CFU/kg

Nominali: 1 x 1012 CFU/kg

Massimu: 1 x 1013 CFU/kg L-ebda impurità rilevanti

it-22 ta’ Frar 2023

il-21 ta’ Frar 2038

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tar-rieżami dwar it-Trichoderma atroviride AGR2, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom jagħtu kas partikolari lil:

—

l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku kif immanifatturat kummerċjalment użat fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fosthom il-karatterizzazzjoni sħiħa tal-metaboliti sekondarji rilevanti;

—

il-ħarsien tal-operaturi u tal-ħaddiema, billi jitqies li l-mikroorganiżmi bħala tali huma kkunsidrati bħala sensitizzaturi potenzjali. L-użu ta’ PPE/RPE jista’ jiġi rrakkomandat biex jitnaqqas l-esponiment mill-ġilda u mill-inalazzjoni.


(1)  Jinsabu aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva fir-rapport tar-rieżami.”