Opinion of the Advocate-General
I – Introduzzjoni
1. Id-deċiżjonijiet preliminari tal-Conseil d’État Belġjan li jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (2) (iktar ’il quddiem: id-Direttiva EEA, fejn l-abbrevjazzjoni EEA tindika l-evalwazzjoni strateġika ambjentali). Il-punt li għandu jiġi eżaminat huwa dak dwar jekk il-programmi ta’ azzjoni previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676/KEE tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (3) (iktar ’il quddiem: id-Direttiva nitrati) għandhomx jiġu sottomessi għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.
2. Id-Direttiva SEA, flimkien mad-Direttiva 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (4) (iktar ’il quddiem: Direttiva EIA), għandha tiggarantixxi li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw l-effetti sinjifikattivi kollha li l-proġetti jistgħu jkollhom fuq l-ambjent meta jadottaw deċiżjonijiet li kellhom impatt fuq it-twettiq tagħom. Id-Direttiva EIA stabbiliet evalwazzjonijiet ta’ dawn l-effetti li għandhom jitwettqu fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni tal-proġetti. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent prevista mid-Direttiva SEA hija mwettqa fil-kuntest tal-proċeduri ta’ deċiżjoni li jippreċedu l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni proprjament imsejħa proġetti individwali, iżda li jistgħu jkollhom impatt fuq dawn.
3. Il-kisi bid-demel tal-uċuħ tar-raba’ huwa sottomess għar-regoli stabbiliti mid-Direttiva nitrati u mill-programmi ta’ azzjoni li għandhom jiġu adottati għall-implementazzjoni tiegħu. Il-bdiewa jdemmlu l-għelieqi tagħhom mhux biss sabiex itejbu t-tkabbir tal-uċuħ tar-raba’ tagħhom, iżda wkoll biex jeħilsu mill-effluwenti li joriġinaw mill-annimali. Meta impriża tipproduċi iktar effluwenti minn dak li l-uċuħ tar-raba’ jistgħu jassorbu, dan iġib miegħu eċċess li jniġġes regolarment l-ilmijiet.
4. Din hija r-raġuni li għaliha tqajmet il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni previsti mid-Direttiva nitrati, humiex adottati deċiżjonijiet li għandhom impatt fuq l-awtorizzazzjoni ulterjuri ta’ proġetti bħall-programmi ta’ azzjoni li għandhom jiġu sottomessi għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-ewwel nett tindirizza kwistjonijiet fundamentali tad-Direttiva EEA essenzjalment rigward is-sinjifikat tal-kunċetti ta’ pjan u ta’ programm u ser jkollha wkoll tippreċiża f’liema ċirkustanzi dawn il-pjanijiet u l-programmi jiddefinixxu kuntest għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva EEA
5. L-għanijiet tad-Direttiva EEA huma stabbiliti fl-Artikolu 1:
“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima [evalwazzjoni] ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent.”
6. Il-pjanijiet u programmi huma definiti fl-Artikolu 2(a):
“Għall-għanijiet ta’ din id-direttiva,
a) “pjanijiet u programmi” tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:
– li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u
– li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;”.
7. L-Artikolu 3 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u jinnomina l-pjanijiet u l-programmi li għandhom jiġu sottomessi għal evvalwazzjoni. Huma determinanti b’mod partikolari paragrafi 1 sa 5:
“1. L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinjifikanti .
2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,
a) li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE, jew
b) li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE.
3. Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinjifikanti .
4. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinjifikanti .
5. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinjifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva.
6. […].”
8. L-Anness II jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat il-portata probabbli tal-effetti kkunsidrati fl-Artikolu 3(5). Ser nikkunsidra hawn il-punt 1, l-ewwel inċiż:
“1. Il-karatteristiċi tal-pjanijiet u l-programmi, billi tingħata konsiderazzjoni, b’mod partikolari,
– tal-grad li għalih il-pjan jew il-programm jistabbilixxi qafas għall-proġetti u attivitajiet oħra, kemm għar-rigward tal-lok, in-natura, id-daqs u l-kondizzjonijiet tax-xogħol jew billi jkunu allokati r-riżorsi,
[…].”
9. Xieraq nindika b’mod supplimentari li, mill-2008, l-Unjoni hija parti mill-Protokoll dwar il-valutazzjoni ambjentali strateġika tal-konvenzjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali, liema konvenzjoni ġiet konkluża f’Espoo fl-1991 (5) (iktar ’il quddiem: Protokoll dwar l-evalwazzjoni strateġika ambjentali) (6) . Dan il-protokoll fih regoli simili għal dawk li jidhru fid-Direttiva EEA, li żgurat it-traspożizzjoni fid-dritt Komunitarju (7) .
B – Id-Direttiva nitrati
10. L-Artikolu 3 tad-Direttiva nitrati jimponi lill-Istati Membri li jinnominaw ċerti żoni bħala żoni vulnerabbli sabiex jiġġieldu kontra t-tniġġis tal-ilmijiet ikkawżati min-nitrati ta’ oriġini agrikola. Skont l-Artikolu 5, huma għandhom jadottaw programmi ta’ azzjoni għal dawn iż-żoni vulnerabbli:
“1. Fil-perijodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-nomini inizjali riferiti fl-Artikolu 3(2) jew fi żmien sena minn kull nomina addizzjonali riferita fl-Artikolu 3(4), l-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.
2. […]
3. Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:
a) l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;
b) il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.
4. Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:
a) il-miżuri f’L-Anness III;
b) dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skond l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’l-Anness III.
5. L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibbli.
6. L-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw programmi ta’ monitoraġġ xieraq sabiex jivvalutaw l-effiċjenza tal-programmi ta’ azzjoni stabbiliti skond dan l-Artikolu.
L-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 5 fit-territorju tagħhom kollu għandhom jimmonitorjaw il-kontenut tan-nitrat fl-ilma (l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art) f’lokalitajiet magħżula għall-kejl li jagħmluha possibbli li jiġi stabbilit l-ammont tat-tniġġis min-nitrat fl-ilmijiet minn sorsi agrikoli.
7. L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jikkorreġu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom, inkluża kull miżura addizzjonali meħuda skond il-paragrafu 5, mill-inqas kull erba’ snin. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’ kull tibdil fil-programmi ta’ azzjoni.”
C – Id-Direttiva EIA
11. Id-Direttiva EIA hija l-punt ta’ riferiment tal-obbligu tal-evalwazzjoni impost mill-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EEA.
12. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva EIA, il-proġetti kkunsidrati fl-Anness I huma sottomessi għal evvalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Il-punt 17 tal-Anness I jelenka ċerti stallazzjonijiet intiżi għat-trobbija, jiġifieri:
“17. Stallazzjoni għat-tkabbir intensiv tat-tjur jew tal-ħnieżer b’iktar minn:
a) 85000 post għall-kapuċċelli, 60000 post għat-tiġieġ;
b) 3000 post għall-produzzjoni tal-ħnieżer (ta’ iktar minn 30 kg); jew
c) 900 post għall-majjaliet.”
13. Il-proġetti kkunsidrati fl-Anness II għandhom ikunu sottomessi għal evalwazzjoni meta jistgħu jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi. Il-punt 1 tal-Anness II jelenka b’mod partikolari l-proġetti li ġejjin:
“b) Proġetti għall-użu ta’ raba’ mhux ikkultivat jew ta’ żoni semi-naturali bil-għan ta’ biedja intensiva;
[…]
e) Stallazzjonijiet għat-tkabbir b’mod intensiv ta’ l-annimali ta’ l-irziezet (proġetti mhux inklużi fl-Anness I).”
14. L-Artikolu 8 jispeċifika x’għandu jsir bir-riżultati tal-evalwazzjoni:
“Informazzjoni miġbura skond l-Artikoli 5, 6 u 7 għandha tittieħed in konsiderazzjoni fil-proċedura ta’ kunsens għal żvilupp.”
D – Id-Direttiva 2003/35
15. Għandha tiġi msemmija wkoll id-Direttiva 2003/35/KE tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (8) . L-Artikolu 2 tagħha jistabbilixxi r-regoli tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’dak li jikkonċerna l-pjanijiet u l-programmi. L-Artikolu 2(5) jeskludi madankollu l-pjanijiet u l-programmi elenkati fl-Anness I li l-effetti ambjentali tagħhom huma diġà suġġetti għal evalwazzjoni skont id-Direttiva EEA. Il-pjanijiet u l-programmi msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva nitrati huma elenkati fl-Anness I(c) tad-Direttiva 2003/35.
E – Id-direttivi dwar il-protezzjoni tan-natura
16. L-obbligu ta’ evalwazjoni impost mill-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEA jirreferi għad-dritt tal-protezzjoni tan-natura li huwa stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (9) (iktar ’il quddiem: id-Direttiva ħabitat) u fid-Direttiva 79/409/KEE tal-Kunsill tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar salvaġġi (10) . Dawn id-Direttivi jipprovdu n-nominazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni għal ċerti tipi ta’ ħabitat u ċerti speċi. L-Artikolu 6(3) u (4), tad-Direttiva ħabitat, li, skont l-Artikolu 7, japplika wkoll għaż-żoni ta’ protezzjoni tal-għasafar, jistabbilixxi r-regoli ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni tal-pjanijiet u l-proġetti jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq dawn iż-żoni protetti:
“3. Kull pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit iżda li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħrajn, huwa suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom juru li ma jaqblux dwar dan il-pjan jew proġett biss wara li jiżguraw irwieħhom li mhux ser jhedded l-integrità tas-sit ikkonċernat u wara li jkunu ħadu, jekk ikun il-każ, l-opinjoni tal-pubbliku.
4. Jekk, minkejja konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi, pjan jew proġett għandu madankollu jitwettaq għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir, inklużi dawk ta’ natura soċjali u ekonomika, l-Istat Membru għandu jieħu kull miżura kumpensatorja neċessarja sabiex jiġi żgurat li l-koerenza globali ta’ Natura 2000 hija protetta. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
F – Id-dritt Belġjan
17. Minn indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-Reġjun tal-Vallonja adotta fil-15 ta’ Frar 2007 digriet li jemenda l-ktieb II tal-Kodiċi tal-ambjent li jikkostitwixxi l-Kodiċi tal-ilma f’dak li jikkonċerna l-ġestjoni sostenibbli tan-nitroġenu fl-agrikoltura (11) . Dan id-digriet huwa l-programm ta’ azzjoni li r-reġjun adotta fl-eżekuzzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati.
III – Proċedura prinċipali u deċiżjonijiet preliminari
18. L-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent Terre Wallonne u Inter-Environnement Wallonie ressqu rikors kontra dan id-digriet tar-Reġjun tal-Vallonja quddiem il-Conseil d’État. Huma jikkritikaw b’mod partikolari r-reġjun minħabba li ma pproċediex għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kif irrikjediet id-Direttiva EEA.
19. Din hija r-raġuni li għaliha l-Conseil d’État indirizza d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
1. Il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu rigward iż-żoni vulnerabbli indikati, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, huwa pjan jew programm kopert mill-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, li hu ppreparat għall-agrikoltura, l-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar tal-iskart, l-amministrazzjoni tal-ilma, t-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, l-ippjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu tal-art u li [jistabbilixxi] l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE?
2. Il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu rigward iż-żoni vulnerabbli indikati, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, huwa pjan jew programm kopert mill-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, li, peress li l-effetti li huwa jista’ jkollu fuq is-siti, jeħtieġ evalwazzjoni skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 92/43/KEE, b’mod partikolari meta l-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu inkwistjoni japplika għaż-żoni vulnerabbli indikati kollha tar-Reġjun tal-Vallonja?
3. Il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu rigward iż-żoni vulnerabbli indikati, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, huwa pjan jew programm differenti minn dawk koperti mill-Artikolu 3(2) tad-direttiva, li jiddefinixxi l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti, li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, skont l-Artikolu 3(4), jekk huma jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, skont il-paragrafu 5?
20. Ippreżentaw osservazzjonijiet miktubin lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Inter-Environnement Wallonie u r-Reġjun tal-Vallonja kif ukoll ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni. Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, ipparteċipaw ukoll għas-seduta tal-21 ta’ Jannar 2010.
IV – Evalwazzjoni ġuridika
21. Id-domandi tal-Conseil d’État jirrigwardaw tliet każijiet li fihom il-pjanijiet u l-programmi għandhom ikunu sottomessi għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA. Dawn huma pjanijiet u programmi
– li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti kkunsidrati fid-Direttiva EIA tkun tista’ tiġi awtorizzata [Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EEA; ara s-Sezzjoni B];
– li għalihom id-Direttiva ħabitat tirrekjedi valutazzjoni minħabba l-effetti li huma suxxettibbli li jkollhom fuq is-siti mħarsa [Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEA; ara s-Sezzjoni C] jew
– li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni ta’ proġetti oħrajn suxxettibbli li jkollhom effetti notevoli fuq l-ambjent tkun tista’ tiġi awtorizzata [Artikolu 3(4) u (5), tad-Direttiva EEA; ara s-Sezzjoni D].
22. Għal kull waħda minn dawn il-kategorija, ser ikun hemm bżonn l-ewwel nett li jiġi ddeterminat jekk il-programmi ta’ azzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati humiex pjanijiet jew programmi fis-sens tad-Direttiva EEA (ara s-Sezzjoni A(1)) u jekk hux neċessarju li jiġi eżaminat b’mod astratt jekk il-programmi ta’ azzjoni jistgħux ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi (ara s-Sezzjoni A(2)).
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. Dwar il-kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi”
23. Il-Belġju jsostni li d-digriet tar-Reġjun tal-Vallonja huwa dispożizzjoni legali u li għaldaqstant ma huwiex pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva EEA. Huwa jibbaża l-argument tiegħu fuq il-premessa korretta li programm ta’ azzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati u, għaldaqstant, id-digriet ikkontestat fih ukoll regoli li jistgħu jiġu inklużi wkoll f’liġijiet. Meta nanalizza s-sens tal-kliem b’mod iżolat, jidher plawżibbli li jiġu mifhuma l-kunċetti ta’ pjan u programm fis-sens li jeskludu l-liġijiet. Jekk jiġi analizzat is-sens tal-kliem b’mod iżolat, jidher plawsibbli li l-kunċetti ta’ pjanijiet u programmi jinftehmu fis-sens li dawn jeskludi l-liġijiet. Il-pjanijiet u l-programmi jistabbilixxu b’hekk intenzjonijiet li jeħtieġu implementazzjoni ulterjuri, iżda ebda regoli ta’ applikazzjoni immedjata.
24. Il-leġiżlatur ma segwiex madankollu dan l-approċċ restrittiv, bħalma turi diġà l-għażla tal-isem tal-programm, għall-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati, u għaldaqstant għad-digriet ikkontestat. Id-Direttiva 2003/35 [ara l-punt (a) hawn taħt] tikkonferma li dan l-isem ma għandux kontenut differenti fid-Direttiva nitrati minn dak li għandu fid-Direttiva EEA. Għall-bqija, madankollu, l-għanijiet tad-Direttiva EEA [ara l-punt (b) iktar ’l isfel] u l-kuntest sistematiku tagħha [ara l-punt (c) iktar ’l isfel] kif ukoll il-protokoll dwar il-evalwazzjoni strateġika ambjentali li ntlaħaq għal skop analogu għal dak tad-Direttiva EEA [ara l-punt (d) iktar ’l isfel] ifittxu li ma jeskludux immedjatament il-miżuri leġiżlattivi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EEA.
a) Dwar id-Direttiva 2003/35
25. L-argument prinċipali li jinkoraġġixxi l-kunsiderazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati bħala pjanijiet jew programmi fis-sens tad-Direttiva ESE jirriżulta minn direttiva oħra, jiġifieri d-Direttiva 2003/35, li diġà rreferiet għaliha l-qorti tar-rinviju. Din id-direttiva tittratta b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tfassil ta’ ċerti pjanijiet u programmi rigward l-ambjent.
26. L-Artikolu 2(2) u l-Anness I(c), tad-Direttiva 2003/35 isemmu espressament il-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati bħala pjanijiet u programmi.
27. Dan għaliex kien konxju li d-Direttiva EEA tikkunsidra hija wkoll il-pjanijiet u l-programmi li l-leġiżlatur stabbilixxa r-regoli ta’ kunflitt ta’ dawn iż-żewġ direttivi fl-Artikolu 2(5), tad-Direttiva 2003/35: id-Direttiva 2003/35 tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-pubbliku biss meta l-pjan jew il-programm ikkonċernat ma ġiex sottomess għal evalwazzjoni skont id-Direttiva EEA.
28. Kien ikun kuntradittorju kieku, fid-Direttiva 2003/35, il-leġiżlatur innomina speċifikament il-programmi ta’ azzjoni bħala pjanijiet u programmi, u kieku ppreveda wkoll il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni skont id-Direttiva EEA, iżda li l-programmi ta’ azzjoni ma jkunux jistgħu jkunu pjanijiet jew programmi fis-sens tad-Direttiva ESE għaliex għandhom jinkludu regoli legali.
b) Dwar l-għanijiet tad-Direttiva EEA
29. L-inklużjoni tal-miżuri leġiżlattivi hija barra minn hekk konformi mal-għanijiet tad-Direttiva EEA. Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva EEA għandha bħala għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-tfassil u fl-adozzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi billi tipprevedi li ċerti pjanijiet u programmi li jista’ jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi jkunu sottomessi għal evalwazzjoni ambjentali.
30. L-interpretazzjoni taż-żewġ kunċetti ta’ “pjanijiet u proġetti” għandha għalhekk tiggarantixxi li l-miżuri li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu sottomessi għal valutazzjoni ta’ dawn. Bħalma jgħodd għad-Direttiva EEA (12), jidher għalhekk xieraq li tingħata bi priorità attenzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri kkonċernati jistgħux jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Id-dispożizzjonijiet legali jistgħu jkollhom tali effetti, b’mod partikolari meta jippermettu t-tniġġis tal-ambjent.
31. Mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva EEA joħroġ l-għan speċifiku mħadden minnha permezz tal-evalwazzjoni ta’ pjanijiet u programmi. Fil-fatt, hija tikkompleta d-Direttiva EIA, li ppreċedietha b’iktar minn għaxar snin u li kellha bħala għan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti ekoloġiċi waqt il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti.
32. L-applikazzjoni tad-Direttiva EIA uriet li fil-mument tal-evalwazzjoni ta’ proġetti, effetti ambjentali sinjifikattivi kienu diġà ġew stabbiliti abbażi ta’ miżuri ta’ pjanifikazzjoni preċedenti (13) . Din hija r-raġuni li għaliha, jekk huwa possibbli li jiġu studjati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, ma għadux kompletament possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-awtorizzazzjoni tal-proġett. Huwa għalhekk iktar għaqli li jiġu eżaminati tali effetti ekoloġiċi mill-istadju tal-miżuri preparatorji u li jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest.
33. Pereżempju, pjan ta’ itinerarju astratt jista’ jistabbilixxi li triq għandha tinbena f’kuritur determinat, b’tali mod li fil-mument tal-awtorizzazzjoni ulterjuri tal-proġett konkret ta’ kostruzzjoni tat-triq, ikun possibbli li l-kwistjoni dwar jekk jeżistux, minbarra dan il-kuritur, itinerarji ta’ sostituzzjoni li jikkawżaw l-effetti ambjentali żgħar ma tkunx eżaminata iktar. Huwa għalhekk xieraq li jiġi eżaminat mill-istabbiliment tal-kuritur liema effetti d-delineazzjoni tal-itinerarju għandha fuq l-ambjent u jekk itinerarji ta’ sostituzzjoni jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.
34. Il-kundizzjonijiet li jippreċedu l-awtorizzazzjoni ta’ proġett li jista’ jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi jistgħu jkunu ta’ natura differenti. Il-pjanijiet relatati ma’ settur partikolari jistgħu jistabbilixxu b’mod xi ftit jew wisq preċiż fejn ċerti proġetti għandhom jiġu eżegwiti. Miżuri li jistabbilixxu l-mod ta’ eżekuzzjoni tal-proġetti jistgħu madankollu wkoll ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi. Huwa b’dan il-mod li leġiżlazzjoni (fittizja) li tippermetti li jiġu ddevjati direttament l-effluwenti tal-annimali mhux ippurifikati direttament mill-istallazzjonijiet għat-trobbija intensiva lejn ilmijiet naturali jkollha effetti ambjentali sinjifikattivi.
35. Din hija r-raġuni li għaliha huwa possibbli li jittieħdu kompletament inkunsiderazzjoni effetti ambejntali sinjifikattivi biss jekk dawn ikunu ġew analizzati għall-miżuri kollha preparatorji li jistgħu jkollhom bħala effett li proġetti eżegwiti ulterjorment ikollhom tali effetti. F’dan is-sens, il-kunċetti ta’ pjan u programm għandhom ikunu interpretati b’mod wiesa’ biżżejjed biex jiġu inklużi wkoll dispożizzjonijiet legali.
c) Dwar il-koerenza sistematika tal-kunċetti ta’ pjan u ta’ programm fid-Direttiva EEA
36. Ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva EEA jikkonfermaw din l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ pjan u ta’ programm.
37. L-Artikolu 2(a), tad-Direttiva EEA jistabbilixxi li għall-finijiet tad-direttiva, it-termini “pjanijiet u programmi” għandhom jinftehmu bħala l-pjanijiet u programmi, inklużi dawk kofinanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll l-emendi tagħhom, li huma mfassla jew adottati minn awtorità fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew imfassla minn awtorità għall-adozzjoni tagħhom mill-Parlament jew mill-gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, u li huma rikjesti mil-liġijiet, ir-regolamenti, jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi.
38. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix iż-żewġ kunċetti, iżda sempliċement tiddeskriviehom bħala: il-frażi “pjanijiet u programmi” fis-sens tad-direttiva tindika l-pjanijiet u programmi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet (supplimentari).
39. Jidher biċ-ċar mill-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li l-proċess leġiżlattiv li matulu d-digriet tar-Reġjun tal-Vallonja ġie adottat ma huwiex ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tad-Direttiva EEA. Fil-fatt, l-ewwel inċiż ta’ dan l-artikolu jipprevedi b’mod ċar li l-pjanijiet u programmi jistgħu jiġu mfassla permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, li barra minn hekk jinvoka favur l-argument li skontu miżuri li huma ta’ natura leġiżlattiva minħabba l-kontenut tagħhom ukoll jistgħu huma wkoll ikunu pjanijiet jew programmi.
40. Inter-Environnement Wallonie ġustament tirrelevi f’dan il-kuntest differenza relatata mad-Direttiva EIA: l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva EIA teskludi speċifikament il-miżuri leġiżlattivi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (14) . Id-Direttiva EEA ma fihiex tali esklużjoni għalkemm tirrigwarda l-intenzjoni leġiżlattiva bi probabbiltà ferm ikbar mid-Direttiva EIA.
41. It-tieni kundizzjoni minn qabel hija ta’ natura li tiżgura lill-Belġju li jibża’ li l-liġijiet kollha, huma x’inhuma, iridu għaldaqstant ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tagħhom. Obbligu globali li jiġu evalwati l-effetti li l-liġijiet jistgħu jkollhom fuq l-ambjent huwa diġà eskluż minħabba li, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a), id-Direttiva EIA tieħu inkunsiderazzjoni biss il-pjanijiet u proġetti li għandhom ikunu stabbiliti abbażi tal-liġijiet, tar-regolamenti jew tad-dispożizzjonijiet amministrattivi. Id-deċiżjoni politika ħielsa dwar il-proġetti leġiżlattivi ma hijiex għalhekk sottomessa għall-obbligu ta’ evalwazzjoni.
42. Din ir-restrizzjoni ma teskludix madankollu l-programm ta’ azzjoni tar-Reġju n tal-Vallonja mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ proċediment għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali minħabba li dan jiddependi minn obbligu ta’ natura leġiżlativa, jiġifieri l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati. Huwa għandu jkun fih miżuri li huma imperattivament preskritti mill-Annessi ta’ din id-direttiva, bħal, pereżempju, ir-regoli rigward l-applikazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ fertilizzanti (Artikolu 5(4) u l-punti 1 u 2 tal-Anness III) (15) .
43. Finalment, ir-regoli li jimponu l-obbligu ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(a) u (4) tad-Direttiva EEA jeċċepixxu huma wkoll favur inklużjoni tal-liġijiet fil-kunċett ta’ pjanijiet u programmi, peress li jirriżulta li l-pjanijiet u programmi jistgħu jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti tkun tista’ tiġi awtorizzata. Mill-ewwel inċiż tal-punt 1 tal-Anness II jidher li dak li l-leġiżlatur ried essenzjalment ifisser b’dan, kienet il-miżura li fiha l-pjan jew il-programm ikkonċernat jiddefinixxi kuntest għal proġetti oħrajn jew attivitajiet f’dak li jikkonċerna l-post, in-natura, id-daqs u l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament jew permezz ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi. Minħabba l-kwalità tagħhom, regoli li jikkonċernaw dawn il-kwistjonijiet jistgħu jkunu ta’ natura leġiżlattiva.
d) Dwar il-Protokoll li jikkonċerna l-evalwazzjoni strateġika ambjentali
44. Il-Protokoll dwar l-evalwazzjoni strateġika ambjentali (16), li huwa konvenzjoni internazzjonali konkluża mill-Unjoni fil-kuntest tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (KEE-NO), juri wkoll li l-evalwazzjoni ambjentali ta’ miżuri leġiżlattivi ma hijiex wisq ’il bogħod. Skont l-Artikolu 13(1) tal-Protokoll, kull parti għandha tagħmel sforz sabiex tissorvelja li l-problemi ambjentali, inkluża s-saħħa, jittieħedu inkunsiderazzjoni u integrati, skont kif inhu konvenjenti, fil-proċess ta’ tfassil tal-proġetti ta’ testi politiċi jew leġiżlattivi tiegħu li jistgħu jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi, inkluż fuq is-saħħa. Dan ma jittrattax biss dwar l-inklużjoni tal-ambjent taħt forma jew oħra fir-raġunament, għaliex l-Artikolu 13(2) jimponi fuq kull parti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji u l-elementi rilevanti tal-Protokoll.
45. Ċertament, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi ebda obbligu li jostakola s-sottomissjoni tal-proġetti ta’ liġi għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, iżda l-partijiet kontraenti li fasslu l-protokoll, jiġifieri l-Unjoni Ewropea wkoll, iddeċidew b’mod ċar li tali evalwazzjoni kienet possibbli u f’waqqitha.
e) Riżultat intermedjarju
46. Fil-qosor, għandu jiġi nnotat li minkejja n-natura leġiżlattiva tagħhom, il-programmi ta’ azzjoni adottati taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati huma pjanijiet jew programmi fis-sens tad-Direttiva EEA.
2. Dwar il-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi
47. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-obbligu ta’ proċediment għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali skont l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva EEA jimplika madankollu li l-pjan jew il-programm ikkonċernat jista’ jkollu effetti ambjentali sinjifikattivi. L-Artikolu 3(1), tad-Direttiva EEA jista’ effettivament jinftihem b’ċertu mod li l-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi hija dejjem kundizzjoni distinta mill-obbligu ta’ proċediment għal evalwazzjoni. Tali interpretazzjoni tkun konformi mal-għan tad-direttiva hekk kif jidher fl-Artikolu 1, li skonthu għandhom jiġu sottomessi għal evalwazzjoni ambjentali l-pjanijiet u l-programmi li jistgħu jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi.
48. Madankollu, jekk neżamina waħda waħda r-regoli tal-obbligu ta’ evalwazzjoni, ninduna li jikkonkretizzaw il-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi b’tali mod li evalwazzjoni distinta ta’ din il-possibbiltà ma hijiex neċessarja (17) .
49. L-Artikolu 3, tad-Direttiva EEA jesprimi dan b’mod ċar meta jistipola li evalwazzjoni ambjentali għandha titwettaq għall-pjanijiet u programmi kollha li jikkorrispondu mal-kriterji elenkati taħt l-Artikolu 3(a) u (b). Barra minn hekk, li jiġi rikjest li huma jinkludu l-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi ma huwiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.
50. It-tieni każ ta’ obbligu ta’ evalwazzjoni, previst fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEA, jikkonkretizza l-kundizzjoni minn qabel ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi. Dan jinvolvi forma speċifika tal-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi, jiġifieri li huwa xieraq li jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju proċediment għal evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva ħabitat. Tali evalwazzjoni tal-pjanijiet u proġetti hija obbligatorja meta l-ebda element oġġettiv ma jippermetti l-esklużjoni li individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħrajn, il-pjan jew il-proġett inkwistjoni jaffettwa b’mod sinjifikanti s-sit li għandu jiġi kkonservat (18) . Dan ma huwiex dwar it-theddida għall-ambjent ikkunsidrata b’mod astratt, iżda dwar għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal kull żona kkonċernata (19) . Li jiġi vverifikat għal darb’oħra abbażi ta’ kriterju ieħor jekk effetti ambjentali sinjifikattivi humiex possibbli ma jkollu għaldaqstant ebda sens.
51. L-obbligi għal proċediment ta’ evalwazzjoni magħmulin mill-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva EEA, min-naħa l-oħra, jirrifjutaw forma speċifika ta’ din il-kundizzjoni minn qabel. Għall-kuntrarju, huma jippresupponu speċifikament il-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi. F’dawn il-każijiet, l-argument tal-Kummissjoni jerġa’ jaqa’ fuq kontroll doppju ta’ dan il-kriterju.
52. L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EEA biss ma fihx kundizzjoni minn qabel li tagħmel manifestament neċessarju kontroll tal-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi. Madankollu, din id-differenza meta mqabbla mal-obbligi ta’ evalwazzjoni oħrajn turi preċiżament li, f’dak il-każ, il-leġiżlatur ma stabbilixxiex evalwazzjoni speċifika tal-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi. Għall-kuntrarju huwa abbanduna l-idea li, fil-każ tal-pjanijiet u programmi kkunsidrati fl-Artikolu 3(2)(a), jeħtieġ xorta waħda li wieħed jistenna tali effetti.
53. Barra minn hekk, huwa uża din it-teknika regolatorja fid-Direttiva EIA wkoll. Il-proġetti kkunsidrati fl-Artikolu 4(1), u fl-Anness I għandhom xorta waħda jiġu sottomessi għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tagħhom filwaqt li l-proġetti kkunsidrati fl-Anness II għandhom jiġu sottomessi għal tali evalwazzjoni biss meta jistgħu jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi (20) .
54. Għaldaqstant ma huwiex neċessarju l-proċediment għal evalwazzjoni speċifika tal-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi.
B – Dwar l-ewwel domanda
55. Il-Conseil d’État ifformula l-ewwel domanda tiegħu sabiex jippreċiża jekk, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESE, il-programm ta’ azzjoni tar-Reġjun tal-Vallonja għandux jiġi sottomess għal evalwazzjoni ambjentali. Skont din id-dispożizzjoni, u bla ħsara għallArtikolu 3(3) 3, tali evalwazzjoni hija mwettqa għall-pjanijiet u programmi kollha li huma mfassla għas-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija, tas-sajd, tal-enerġija, tal-industrija, tat-trasport, tal-immaniġġjar tal-iskart, tal-immaniġġjar tal-ilma, tat-telekomunikazzjoni, tat-turiżmu, tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-artijiet u li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni ta’ proġetti elenkati fl-Annessi I u II tkunx tista’ tkun awtorizzata fil-futur.
56. Ma jistax jiġi kkontestat li d-digriet tar-Reġjun tal-Vallonja kienet mfassla għas-settur agrikolu minħabba li jikkonċerna l-immaniġġjar tan-nitroġenu fl-agrikoltura. Jikkonċerna ugwalment l-immaniġġjar tal-ilma minħabba li għandu l-intenzjoni jħares il-kwalità tal-ilmijiet. Huwa finalment manifest li l-programm ta’ azzjoni ma jaqax fil-klawżola de minimis stabbilita fl-Artikolu 3(3), tad-Direttiva EEA.
57. Il-partijiet ma humiex madankollu tal-istess fehma fuq il-kwistjoni dwar jekk id-digriet jiddefinixxix il-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva EIA tkunx tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.
58. Il-Belġju jqis b’mod partikolari li programm li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ fertilizzant ma huwiex proġett li l-kompatibbiltà tiegħu mal-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi evalwata. Il-Conseil d’État, madankollu, iqis li huwa possibbli li d-digriet jiddefinixxi l-kuntest li fih l-implementazzjoni ta’ proġetti ta’ stallazzjonijiet għat-trobbija intensiva kkunsidrati fil-punt 17 tal-Anness I jew fil-punt 1(e) tal-Anness II tad-Direttiva EIA u ta’ proġetti li jaffettwaw artijiet mhux ikkultivati jew ta’ firxiet seminaturali għall-isfruttament agrikolu intensiv ikkunsidrati fil-punt 1(b) tal-Anness II, tista’ tiġi kkunsidrata.
59. Programm ta’ azzjoni fis-sens ta l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati għandu bla dubju ta’ xejn importanza għal tali proġetti minħabba li t-trobbija tipproduċi effluwenti, jiġifieri fertilizzanti organiċi bin-nitroġenu, li għandhom jiġu eliminati u li dawn jistgħu jintużaw meta artijiet mhux ikkultivati jew firxiet seminaturali huma assenjati għall-isfruttament agrikolu intensiv. Madankollu, huwa xieraq nistaqsi jekk din l-importanza hijiex biżżejjed biex tiddefinixxi l- kuntest li fih l-implementazzjoni ta’ proġetti simili tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.
1. Dwar il-kunċett ta’ kuntest
60. Il-kunċett ta’ kuntest għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-għan li jfittex li l-effetti ekoloġiċi ta’ kull deċiżjoni li fiha l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ulterjuri ta’ proġetti jkunu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni (21) .
61. Il-miżura li fiha l-eżigenzi ta’ pjanijiet u programmi għandhom jinfluwenzaw il-proġetti individwali biex jista’ jiġi kkunsidrat li huma jiddefinixxu kuntest ma hijiex madankollu ċara.
62. Matul il-proċedura leġiżlattiva, l-Olanda u l-Awstrija pproponew li jiġi ppreċiżat li l-kuntest għandu jistabbilixxi l-post, in-natura jew id-daqs tal-proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom mal-protezzjoni tal-ambjent (22) . Kienu jinħtieġu għalhekk eżigenzi komprensivi speċifiċi ħafna biex tinħtieġ evalwazzjoni ambjentali. Minħabba li din il-propożizzjoni ġiet irrifjutata, il-kunċett ta’ kuntest ma jillimitax ruħu għal dawn l-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw is-sitwazzjoni, in-natura jew id-daqs tal-proġett.
63. Hija wkoll interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ kuntest li hija l-bażi tal-pożizzjoni tar-Repubblika Ċeka, li skont ma tgħid, ċerti proġetti għandhom speċifikament jew impliċitament jagħmlu parti mill-għan tal-pjan jew tal-programm.
64. Il-pjanijiet u l-proġetti jistgħu madankollu jinfluwenzaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti partikolari b’diversi modi u jkollhom b’dan il-mod impatt fuq it-teħid inkunsiderazzjoni xieraq tal-effetti ambjentali. Id-Direttiva EEA tistabbilixxi għalhekk bħala premessa kunċett wiesa’ ħafna tal-kuntest.
65. Dan joħroġ partikolarment b’mod ċar minn kriterju li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni meta jevalwaw il-portata probabbli tal-effetti li l-pjanijiet u programmi jistgħu jkollhom fuq l-ambjent skont l-Artikolu 3(5). Fil-fatt, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l- miżura li fiha l-pjan u programm ikkonċernat jiddefinixxi kuntest għal proġetti oħrajn jew attivitajiet f’dak li jikkonċerna l-post, in-natura, id-daqs u l-kundizzjonijiet tal-funzjonament jew permezz ta’ allokazzjoni (23) tar-riżorsi (l-ewwel inċiż tal-punt 1 tal-Anness II, punt 1). Il-kunċett ta’ kuntest huwa għalhekk ta’ interpretazzjoni flessibbli. Huwa ma jeħtieġ ebda regola komprensiva, iżda jinkludi wkoll forom ta’ influwenza li jħallu xorta ċerta libertà fit-tfassil.
66. Bil-kontra ta’ dak li jikkunsidra l-Belġju, il-lista tal-karatteristiċi differenti fl-ewwel inċiż tal-punti 1 tal-Anness II ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala lista kumulattiva, għallinqas mhux fis-sens li l-kuntest għandu jikkonċernahom kollha. Biex jiġi evalwat il-kobor tal-effetti fuq l-ambjent, il-karatteristiċi elenkati fil-ħames inċiżi tal-punt 1 tal-Anness II, ma għandhomx, fil-fatt, jittieħdu inkunsiderazzjoni ħlief “b’mod sinjifikattiv”. Jekk il-lista globali ma hijiex komprensiva, mela l-listi parzjali ma jistgħux lanqas jgħollu l-livell ta’ din l-eżiġenza. Barra minn hekk, tali applikabbiltà kumulattiva tal-karatteristiċi individwali tkun inkumpatibbli mal-użu tal-kunċett ta’ miżura fil-punt 1 tal-Anness II. Din il-formulazzjoni timplika li l-karatteristiċi differenti jistgħu jkunu kkonċernati b’intensità diversa, jiġifieri li jistgħu sewwasew ma jkunu xejn minn dan. Dan waħdu jikkorrispondi mal-għan li jfittex li jissottometti għal evalwazzjoni ambjentali kull deċiżjoni preparatorja li tippreċedi l-approvazzjoni ta’ proġett meta huma jistgħu jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi.
67. Fil-qosor, nista’ nikkonstata li pjan jew programm jiddefinixxi kuntest sakemm jittieħdu deċiżjonijiet li jinfluwenzaw l-awtorizzazzjoni eventwali ulterjuri ta’ proġetti, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-post, in-natura, id-daqs u l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament jew inkella l-allokazzjoni tar-riżorsi.
2. Applikazzjoni għall-programmi ta’ azzjoni
68. Jeħtieġ għalhekk neżamina jekk il-kundizzjonijiet minn qabel ta’ programm ta’ azzjoni adottat skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati jistgħux jinfluwenzaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ trobbija intensiva kkunsidrati fil-punt 17 tal-Anness I jew fil-punt 1(e) tal-Anness II tad-Direttiva EIA jew l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ assenjazzjoni ta’ artijiet mhux ikkultivati jew ta’ firxiet seminaturali għall-isfruttament agrikolu intensiv skont il-punt 1(b) tal-Anness II.
69. Il-Belġju jqis li ma huwiex il-każ għaliex il-kontenut tal-programmi ta’ azzjoni huwa ddeterminat mid-Direttiva nitrati. Din l-oġġezzjoni tista’ tkun valida jekk id-Direttiva nitrati ma tħalli lill-Istati Membri l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni fit-tfassil tal-programmi ta’ azzjoni tagħhom. Jekk il-każ kien tali, il-programm ta’ azzjoni jipprovdi biss il-kuntest definit mid-Direttiva nitrati. Evalwazzjoni ambjentali ma tistax tinfluwenza t-traspożizzjoni ta’ tali kundizzjonijiet imperattivi imposti mid-direttiva, iżda jkollha tippreċedi l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar.
70. Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-Direttiva nitrati tħalli ċerta latitudnijiet lill-Istati Membri, b’mod partikolari meta kien jittratta dwar il-projbizzjoni tal-applikazzjoni ta’ fertilizzant matul ċerti perijodi. L-evalwazzjoni ambjentali tista’ tikkontribwixxi għal użu ottimali ta’ dawn il-marġni ta’ evalwazzjoni għaliex ittejjeb l-informazzjoni li tikkonċerna l-effetti ekoloġiċi tas-soluzzjonijiet differenti disponibbli.
71. Barra minn hekk, mhux suffiċjenti fil-każijiet kollha li l-Istati Membri jillimitaw il-programmi ta’ azzjoni għall-indikazzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva nitrati. L-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva jimponilhom, għall-kuntrarju, li jieħdu l-miżuri supplimentari jew l-azzjonijiet rinfurzati kollha li jikkunsidraw neċessarji jekk jiġri, mill-bidu jew fid-dawl tal-esperjenza akkwiżita bl-implementazzjoni ta’ programmi ta’ azzjoni, li l-miżuri kkunsidrati mid-Direttiva nitrati ma jkunux biżżejjed biex inaqqsu t-tniġġis tal-ilmijiet ikkawżat jew indott min-nitrati minn sorsi agrikoli jew biex jipprevjenu kull tniġġis ġdid ta’ dan it-tip. L-evalwazzjoni ambjentali tista’ turi n-neċessità ta’ miżuri simili.
72. Finalment, l-Artikolu 176 KE (li issa sar l-Artikolu 193 TFUE) iħalli lill-Istati Membri l-libertà li jadottaw miżuri rinfurzati meta jfasslu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom.
73. L-eżigenzi li d-Direttiva nitrati tistabbilixxi rigward is-suġġett tal-programmi ta’ azzjoni ma jeskludux għalhekk li dawn jiddefinixxu kuntest li fih l-implementazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata.
74. Ir-Reġjun tal-Vallonja jiddikjara li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, l-applikazzjoni ta’ prodotti fertilizzanti ma għandha xejn x’taqsam mal-awtorizzazzjoni tal-proġetti ta’ trobbija intensiva. Jittratta dwar proċeduri amministrattivi distinti indipendenti waħda mill-oħra. Il-programm ta’ azzjoni ma jkunx għalhekk jista’ jinfluwenza l-proġetti tat-trobbija intensiva.
75. Dan l-argument ma jikkonvinċinix.
76. Programm ta’ azzjoni għandu jimpedixxi li l-agrikoltura tuża iktar nitroġenu minn kemm il-pjanti jistgħu jassorbu għaliex in-nitroġenu żejjed iniġġes l-ilmijiet. Għalhekk jirregola primarjament l-applikazzjoni ta’ prodotti fertilizzanti nitroġenużi, partikolarment il-kwantitajiet awtorizzati u l-perijodi li matulhom jistgħu jiġu applikati kif ukoll il-mod li bih jiġu applikati. Fl-istess ħin, il-programm i ta’ azzjoni jirrikjedu madankollu li l-intrapriżi agrikoli jkollhom kapaċitajiet adegwati suffiċjenti biex jinħażnu l-effluwenti prodotti matul perijodu li matulu l-applikazzjoni tagħhom fuq l-għelieqi huwa pprojbit.
77. Id-Direttiva nitrati tirrikjedi diġà li f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ sfruttament, il-programmi ta’ azzjoni jiddefinixxu kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti ta’ assenjament ta’ artijiet mhux ikkultivati jew ta’ firxiet seminaturali għall-isfruttament agrikolu intensiv tkun tista’ tiġi awtorizzata. Dan il-kuntest jirriżulta direttament mir-regoli tal-użu tal-prodotti fertilizzanti nitroġenużi li jridu jiġu osservati meta jiġu użati dawn l-uċuħ.
78. Barra minn hekk hemm għalfejn nissoponi li għalll-inqas ir-regoli li jikkonċernaw il-kapaċitajiet ta’ ħażna jkollhom inċidenza fuq l-awtorizzazzjoni tal-proġetti tat-trobbija intensiva, inkluż fl-iskema implementata mir-Reġjun tal-Vallonja wkoll, għaliex l-istallazzjonijiet imħarsa għandhom jinkludu kapaċitajiet ta’ ħażna suffiċjenti. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, ma jittrattax dwar dan.
79. Fil-fatt, diġà jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-programmi ta’ azzjoni jiddefinixxu kuntest għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti simili. Flimkien mal-kundizzjonijiet minimi ta’ influwenza rikjesti mid-Direttiva EIA jiżdiedu ristrezzjonijiet aktar stretti li, għal parti mit-tipi ta’ proġetti kkonċernati, jirriżultaw mid-Direttiva 96/61/KE tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 1996 relatata mal-prevenzjoni u r-riduzzjoni integrata mat-tniġġis (24) (iktar ’il quddiem: id-Direttiva PRIP).
80. Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva EIA, l-informazzjoni miġbura matul l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali li għaliha ġie sottomess proġett b’mod obbligatorju għandha tittieħed inkonsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett. Il-proġetti kkunsidrati fl-Anness I, jiġifieri l-proġetti ta’ ħolqien ta’ stallazzjonijiet għat-trobbija intensiva kkunsidrati fil-punt 17 tiegħu, għandhom xorta waħda b’mod obbligatorju jiġu sottomessi għal evalwazzjoni. Fil-kuntest ta’ din, mhux biżżejjed li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-effetti immedjati tax-xogħlijiet previsti, iżda wkoll l-effetti ambjentali li jistgħu jiġu pprovokati mill-użu u l-isfruttament tal-prodotti maħluqin minn dawn ix-xogħlijiet (25) . Dan jinkludi partikolarment l-effetti li l-istallazzjonijiet ta’ trobbija intensiva għandhom fuq il-kwalità tal-ilma (26) . Biex jiġi awtorizzat il-ħolqien ta’ stallazzjonijiet ta’ trobbija intensiva, jeħtieġ għalhekk jiġi żgurat li l-effluwenti prodotti jistgħu jinħażnu u jiġu eliminati b’mod xieraq.
81. Fil-kuntest ta’ dan it-teħid inkunsiderazzjoni, il-kuntest definit mill-programm ta’ azzjoni għandu minn tal-inqas bħala effett li l-istallazzjoni għandha tkun tista’ tiġi sfruttata skont id-dispożizzjonijiet tal-programm. Fl-istess ħin, l-awtorizzazzjoni bilkemm tista’, madankollu, tiġi rrifjutata għal raġunijiet ta’ tniġġis tal-ilmijiet minn nitrat ta’ oriġini agrikola meta proġett jirrispondi għall-preskrizzjonijiet tal-programm. Ċerti soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni (ta’ ħsara għall-ambjent fir-rigward tal-għan tal-programm ta’ azzjoni) huma b’hekk esklużi u oħrajn (li, meta jirriżulta l-każ, iħarsu iktar l-ilmijiet) ma għandhomx jiġu eżaminati u lanqas meħudin inkunsiderazzjoni. B’mod konkret, dan ma jikkonċernax il-kundizzjonijiet ta’ sfruttament, iżda jista’ wkoll ikollu effetti fuq il-post. Il-ħolqien ta’ stallazzjonijiet għat-trobbija intensiva ma għandux jiġi awtorizzat biss jekk dawn ikunu stabbiliti f’postijiet li joffru uċuħ suffiċjenti għall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti mill-annimali.
82. L-effett tal-forma tal-programmi ta’ azzjoni għal ċerti stallazzjonijiet ta’ trobbija intensiva huwa iktar u iktar rinfurzat minn direttiva oħra, jiġifieri d-Direttiva PRIP. Din id-direttiva tikkonċerna l-istess tip ta’ stallazzjonijiet bħal dawk ikkunsidrati fin.Nru 17 tal-Anness I tad-Direttiva EIA, iżda tbaxxi l-valuri ta’ limitu (ara l-punt 6.6 tal-Anness I tad-Direttiva PRIP) b’mod li jkopru iktar l-stallazzjonijiet. Skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 3(a) u (b) tad-Direttiva PRIP, l-awtorizzazzjoni ta’ stallazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiggarantixxi li tkun sfruttata b’tali mod li l-miżuri ta’ prevenzjoni kollha xierqa jittieħdu inkunsiderazzjoni kontra t-tniġġis u li ebda tniġġis gravi ma jiġi kkawżat. L-applikazzjoni ta’ effluwenti tal-annimali prodotti huwa attribwibbli għall-isfruttament ta’dawn l-istallazzjonijiet. Għalhekk, l-programm ta’ azzjoni ma għandux biss jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest, iżda għandu jiġi rrispettat b’mod imperattiv.
83. Il-programmi ta’ azzjoni jiddefinixxu b’hekk kuntest li fih jista’ jiġi awtorizzat il-ħolqien ta’ stallazzjonijiet għat-trobbija intensiva kkunsidrati fil-punt 6.6 tal-Anness I tad-Direttiva PRIP li jirriżultaw jew min-Nru 17 tal-Anness I jew mill-punt 1(e) tal-Anness II tad-Direttiva EIA.
84. Din hija r-raġuni li għaliha jaqbel li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-programmi ta’ azzjoni adottati abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati għandhom jiġu sottomessi għal evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EEA.
C – Dwar it-tieni domanda
85. Billi l-Artikolu 3,(2)(a), tad-Direttiva EEA jimponi diġà li jiġu evalwati l-effetti li l-programmi ta’ azzjoni jistgħu jkollhom fuq l-ambjent, ma għadux determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali li jsir magħruf jekk l-ittra b ta’ din l-istess dispożizzjoni timponix hija wkoll evalwazzjoni (27) . Din hija r-raġuni li għaliha ser nirrispondi għal din it-tieni domanda biss b’mod sussidjarju.
86. Il-Conseil d’État għamel din id-domanda sabiex issirlu preċiżjoni dwar jekk l-effetti li l-programmi ta’ azzjoni jistgħu jkollhom fuq żoni protetti skont id-Direttiva ħabitat jew id-Direttiva għasafar għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni.
87. L-Artikolu 3(2)(b), tad-Direttiva EEA jipprevedi li evalwazzjoni ambjentali għandha titwettaq għall-pjanijiet u programmi kollha li għalihom evalwazzjoni għandha titwettaq skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva ħabitat minħabba l-effetti li jistgħu jkollhom fuq siti protteti. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, kull pjan u proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-immaniġġjar tas-sit, iżda li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikanti, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħrajn, huwa suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit minħabba l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan.
88. Il-programmi ta’ azzjoni adottati taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati ma humiex la direttament marbutin u lanqas neċessarji għall-immaniġġjar ta’ siti mħarsa skont id-dispożizzjonijiet magħqudin tad-Direttiva ħabitat u tad-Direttiva dwar il-ħarsien tal-għasafar. Evalwazzjoni tal-effetti hija għalhekk obbligatorja meta programm ta’ azzjoni jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq żoni ta’ konservazzjoni individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħrajn.
89. Jeħtieġ għalhekk neżamina jekk teżistix probabbiltà jew riskju li l-miżura inkwistjoni taffettwa s-sit ikkonċrnat b’mod sinjifikanti (28) . B’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali riskju jeżisti meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-pjan jew proġett inkwistjoni jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikanti (29) .
90. F’dak li jikkonċerna l-miżuri relatati mal-ippjanar tat-territorju, l-Artikolu 6(3), tad-Direttiva ħabitat jirrikjedi għalhekk evalwazzjoni meta dawn il-miżuri jistgħu jkollhom influwenza deċiżiva fuq l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq is-siti ta’ konservazzjoni kkonċernati (30) . Il-pjanijiet u proġetti jaqbżu madankollu l-istadju ta’ riflessjoni amministrattiva preliminari u jinkludu grad ta’ preċiżjoni bħalma evalwazzjoni ambjentali tal-effetti tagħhom hija meħtieġa (31) .
91. Obbligu ta’ evalwazzjoni fondat fuq l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEA għandu prinċipalment jikkonċerna l-pjanijiet u programmi li jinkudu proġetti konkreti li jaffettwaw żoni ta’ konservazzjoni determinati, bħall-ippjanar ta’ kuritur għall-kostruzzjoni ta’ rotta li taffettwa żona ta’ konservazzjoni.
92. Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax mid-Direttiva nitrati li programm ta’ azzjoni adottat taħt l-Artikolu 5 għandu neċessarjament influwenza fuq l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti suxxettibbli li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq żoni ta’ konservazzjoni. Il-fatt li proġett ikun kumpatibbli mal-programm ta’ azzjoni xorta waħda ma jipprovdix, fil-fatt, ebda indikazzjoni dwar jekk huwiex legali meta jista’ jkollu effetti fuq żona ta’ konservazzjoni. Hija d-Direttiva ħabitat li hija determinanti biex jiġi ġġudikat dan.
93. Id-Direttiva ħabitat ma tippermettix lanqas li jintwera li l-programmi ta’ azzjoni huma importanti għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li jaffettwaw żoni ta’ konservazzjoni. It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 6(4), fihom biss kriterji awtonomi ta’ awtorizzazzjoni ta’ pjanijiet u proġetti li ma humiex direttament marbuta mal-għanijiet tal-programmi ta’ azzjoni.
94. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ħabitat, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jawtorizzaw proġett ħlief wara li jkunu żguraw li mhux ser jhedded l-integrità tas-sit ikkonċernat. Huma jistgħu jakkwistaw tali konvinzjoni biss meta ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika fl-assenza ta’ effetti simili (32) . Il-kriterji li jaqbel napplikaw għal dan il-għan qiegħed fl-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit (33) .
95. Meta tali effetti mhuxfavorevoli ma jistgħux jiġu esklużi, awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(4), tad-Direttiva ħabitat ma tistax tingħata ħlief f’nuqqas ta’ soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni, meta dan il-proġett għandu jitwettaq għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir u bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jieħu kull miżura kumpensatorja neċessarja biex jiżgura li l-koerenza globali ta’ Natura 2000 tkun protetta (34) . Il-programmi ta’ azzjoni adottati f’applikazzjoni taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati ma humiex rilevanti f’dan il-każ.
96. Ma nistax madankollu neskludi li programmi ta’ azzjoni jistgħu jikkontribwixxu għal deterjorazzjoni kunsiderevoli ta’ siti mħarsa.
97. L-ewwel nett , Stat Membru jista’ jinkludi fil-programmi ta’ azzjoni tiegħu miżuri li jmorru lil hinn mill-eżigenzi tad-Direttiva nitrati u li jfittxu li jinfluwenzaw il-posibbiltà li jiġu awtorizzati proġetti marbutin ma’ żoni mħarsa.
98. It-tieni nett , l-għan ta’ konservazzjoni ta’ sit jista’ joħloq, speċifikament jew impliċitament, rabta mal-programm ta’ azzjoni, pereżempju meta jittratta dwar il-prevenzjoni tal-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet. Programm ta’ azzjoni applikabbli jista’ jkun ikkunsidrat bħala suffiċjenti biex jirrispondi għal dan l-għan. Eżami biss tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti mħarsa kkonċernati mill-programm ta’ azzjoni jkun jista’ jippermetti li jiġi stabbilit jekk tali rabta teżistix.
99. It-tielet nett , dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dritt nazzjonali jistgħu jkollhom bħala effett li programm ta’ azzjoni jeżerċita influwenza fuq l-awtorizzazzjonijiet skont Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva ħabitat. Jekk jista’ jiġri li tali rabta tkun inkumpatibbli mal-eżigenzi li d-Direttiva ħabitat tirrikjedi dwar is-suġġett tal-awtorizzazzjoni ta’ proġetti, xejn ma jipprevjeni madankollu li jiġi eskluż li individwi jiddependu madankollu mid-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti.
100. Huwa biss f’idejn il-qrati nazzjonali kompetenti li jkollhom, meta jirriżulta l-każ, jikkontrollaw jekk programm ta’ azzjoni, l-għan ta’ konservazzjoni ta’ żoni mħarsa jew dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt nazzjonali jistgħux iħallu tali effett lil programmi ta’ azzjoni.
101. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel li tiddeċiedi dwar it-tieni domanda, jiena nikkunsidra li għandha tirrispondi li, skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEA, programm ta’ azzjoni adottat taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati għandu jiġi sottomess għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tiegħu meta jista’ jikkontribwixxi għal deterjorazzjoni kunsiderevoli ta’ żoni protetti minħabba r-regoli tiegħu stess, minħabba l-għan ta’ konservazzjoni ta’ żoni protetti jew skont dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dritt nazzjonali.
D – Dwar it-tielet domanda
102. It-tielet domanda tittratta dwar l-obbligu ta’ proċediment għal evalwazzjoni ambjentali tal-pjanijiet u programmi skont l-Artikolu 3(4), tad-Direttiva EEA. Skont dan, l-Istati Membri jiddeterminaw jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk ikkunsidrati f’paragrafu 2, li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti tkun tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, jistgħux li jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi.
103. Dan l-artikolu huwa dispożizzjoni residwa li ma huwiex ikkunsidrat ħlief meta jeżisti diġà obbligu ta’ evalwazzjoni. Tali huwa l-każ attwali.
104. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu għandha tikkonkludi li programm ta’ azzjoni jiddefinixxi tassew kuntest għal proġetti, iżda li ebda minn dawn il-proġetti ma jidher fl-Anness I jew II tad-Direttiva EIA u li ebda evalwazzjoni tal-effetti ambjentali ma għandha titwettaq skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ħabitat, hija għandha, għalhekk, teżamina jekk il-programm ta’ azzjoni jistax jkollu effetti ambjentali sinjifikattivi.
105. Il-Belġju jikkontesta li l-programm ta’ azzjoni tar-Reġjun tal-Vallonjajistax ikollu tali effetti ambjentali sinjifikattivi. Huwa jkollu bħala għan li jnaqqas it-tniġġis tal-ilmijiet u li b’hekk jikkontribwixxi għal-titjib tal-ambjent.
106. Kif diġà għidt, nikkunsidra, fil-prinċipju, l-effetti ta’ benefiċċju biss li proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent ma humiex effetti sinjifikattivi skont id-Direttiva EIA. L-għanijiet tad-Direttiva, b’mod partikolari l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent li trid tilħaq (Artikolu 1), ma jimponux li titwettaq evalwazzjoni biss għar-raġuni li proġett jista’ jtejjeb b’mod kunsiderevoli l-istat tal-ambjent (35) . Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu rrifjutat din il-pożizzjoni (36) . Ħafna affarijiet oħrajn dejjem fil-kuntest tad-Direttiva EEA jfittxu li jikkunsidraw effetti ta’ benefiċċju fuq l-ambjent bħala sinjifikattivi. Kif enfasizzat Inter-Environnement Wallonie, fil-fatt, in-Nota 1 tal-ittra f tal-Annesstirrikjedi speċifikament li evalwazzjoni ambjentali tinkludi wkoll l-effetti ta’ benefiċċju.
107. Finalment, ma huwiex neċessarju li nirrispondi għal din id-domanda f’dan il-każ minħabba li l-programmi ta’ azzjoni jistgħu jkollhom effetti ta’ ħsara sinjifikattivi fuq l-ambjent. Jekk jistgħu jkollhom bħala għan li jtejbu l-kwalità tal-ambjent, ma għandhomx neċessarjament effetti ta’ benefiċċju fuq dan. Huma jiddeterminaw kemm hija legali attività li tista’ jkollha effetti mhux favorevoli fuq l-ambjent: l-użu ta’ fertilizzant nitroġenuż fl-agrikoltura. Programmi ta’ azzjoni difettużi jistgħu għalhekk ikollhom effetti ta’ ħsara sinjifikattivi fuq l-ambjent.
108. Il-programmi ta’ azzjoni adottati taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati jistgħu għalhekk ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EEA.
V – Konklużjoni
109. Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:
Programmi ta’ azzjoni adottati taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676/KEE tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli jiġu sottomessi għal evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a), tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent.
(1) .
(2) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157.
(3) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68, fil-verżjoni emendata mir-Regolament (KE) Nru 1822/2003 Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2003 li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE id-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447.
(4) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248, fil-verżjoni emendata mid-Direttiva 2003/35/KE, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466.
(5) – ĠU 2008, L 308, p. 35.
(6) – Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2008 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll dwar il-valutazzjoni strateġika ambjentali għall-Konvenzjoni ta’ Espoo tal-UN/ECE tal-1991 dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali [iffirmata f’Espoo fl-1991 (ĠU L 308, p. 33)].
(7) – Ara d-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea skont l-Artikolu 23(5), tal-Protokoll dwar il-valutazzjoni strateġika ambjentali għall-Konvenzjoni tal-UN/ECE dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali ffirmata f’Espoo fl-1991, ĠU 2008, L 308, p. 34.
(8) – Diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.
(9) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 2, p. 102, fil-verżjoni emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li tadatta d-Direttivi 73/239/KEE, 74/557/KEE u 2002/83/KE fil-qasam tal-ambjent, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, ĠU L 352M, p. 883.
(10) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 1, p. 98, fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 2006/105.
(11) – Moniteur Belge Nru 68 tas-7 ta’ Marzu 2007, p. 11118 u s-sussegwenti.
(12) – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, Ġabra 1996, p. I‑5403, punti 32 u 39), tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C‑435/97, Ġabra 1999, p. I‑5613, punt 40), tad-9 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, Ġabra 2000, p. I‑6917, punt 52), tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, Ġabra 2008, p. I‑1197, punt 32) u tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA (C‑142/07, Ġabra 2008, p. I‑6097, punt 33).
(13) – Proposta għal direttiva tal-Kunsill rigward l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, COM(96) 511 finali, p. 6.
(14) – Ara rigward dan is-suġġett is-sentenzi, diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, WWF et , punt 55 et seq , u Linster, punt 41 et seq .
(15) – Is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑266/00, Ġabra 2001, p. I‑2073), tat-2 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs l-Olanda (C‑322/00, Ġabra 2003, p. I‑11267) u tat-22 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑221/03, Ġabra 2005, p. I‑8307), li jittrattaw dwar it-traspożizzjoni insuffiċjenti tad-Direttiva nitrati, juru l-karattru legali tal-programmi ta’ azzjoni.
(16) – Ara punt 9 iktar ’il fuq.
(17) – Huwa probabbilment f’dan is-sens li għandu jiġi mifhum ukoll il-“vade mecum tal-Kummissjoni, traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill relatata mal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent” (Nru 3.21), vade mecum imfassal minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tad-Direzzjoni Ġenerali Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea.
(18) – Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, Ġabra 2004, p. I‑7405, punt 45) u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (C‑418/04, Ġabra 2007, p. I‑10947, punt 238).
(19) – Sentenza Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 259).
(20) – Ara s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.
(21) – Ara l-punti 29 et seq iktar ’il fuq.
(22) – Dokument tal-Kunsill 12967/99 tas-17 ta’ Novembru 1999, nota 10: “by determining their location, nature and size”.
(23) – Nota ta’ qiegħ il-paġna mingħajr skop fil-verżjoni Franċiża.
(24) – ĠU L 157, p. 26, fil-verżjoni emendata mir-regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 li tikkonċerna l-ħolqien ta’ reġistru Ewropew tar-rifjuti u tat-trasferimenti ta’ niġġiesa, u li temenda d-Direttivi 91/689/KEE u 96/61/KE tal-Kunsill, ĠU L 33, p. 1. Id-Direttiva 96/61 ġiet sadanittant issostitwita mid-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 relatata mal-prevenzjoni u r-riduzzjoni integrata mat-tniġġis (verżjoni kkodifikata, ĠU L 24, p.8).
(25) – Ara s-sentenzi, diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, Abraham et , punt 43, u Ecologistas en Acción-CODA, punt 39.
(26) – Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑121/03, Ġabra 2005, p. I‑7569, punt 88).
(27) – Fil-prattika, jeħtieġ madankollu, anki għal evalwazzjoni mwettqa b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(2), taħt a), tad-Direttiva SEA, li jittieħed inkunsiderazzjoni jekk il-miżura taffettwax żoni ta’ protezzjoni għaliex jeħtieġ eventwalment jiġu applikati kriterji oħrajn għall-inċidenzi suxxettibbli li jaffettwawhom. Il-manjiera ta’ evalwazzjoni ma hijiex suġġetta madankollu għal din il-proċedura.
(28) – Sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 43), tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑6/04, Ġabra 2005, p. I‑9017, punt 54) u tal-4 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑179/06, Ġabra 2007, p. I‑8131, punt 34).
(29) – Sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 44), Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 54) u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 254).
(30) – Sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 55).
(31) – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 41).
(32) – Sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 59).
(33) – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 259).
(34) – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 260).
(35) – Konklużjonijiet tat-30 ta’ April 2008, Ecologistas en Acción-CODA (C‑142/07, Ġabra 2008, p. I‑6097, punt 50). Huwa possibbli li għandi nifhem wkoll f’dan is-sens is-sentenza, impreċiża dwar dan il-punt, tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑247/06, Ġabra p. I-150, punt 50).
(36) – Sentenza Ecologistas en Acción-CODA (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 41).