SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Appell – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Irregolaritajiet fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti – Regolament (KE) Nru 2988/95 – Artikoli 4, 5 u 7 – Deċiżjoni ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Noti ta’ debitu – Distinzjoni bejn il-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet amministrattivi – Possibbiltà li tiġi adottata miżura amministrattiva fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni settorjali – Deċiżjoni ta’ rkupru bbażata fuq ir-Regolament Nru 2988/95 u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 – Regolament Nru 1605/2002 – Artikolu 103 – Possibbiltà ta’ rkupru mingħand l-amministratur tal-operatur ekonomiku benefiċjarju ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑721/22 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑24 ta’ Novembru 2022,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn B. Araujo Arce, J. Baquero Cruz u J. Estrada de Solà, bħala aġenti, sussegwentement minn J. Baquero Cruz u J. Estrada de Solà, bħala aġenti,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
PB, irrappreżentat minn L. Levi, avukata,
rikorrent fl-ewwel istanza,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,
intervenjent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Settembru 2022, PB vs Il‑Kummissjoni (T‑775/20, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2022:542), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 7151 final tat‑22 ta’ Ottubru 2020 dwar l-applikazzjoni ta’ miżura amministrattiva kontra l-amministratur tal-kumpannija [Kunfidenzjali], intiża biex jittieħdu lura mingħandu l-ammonti mħallsa indebitament abbażi tal-kuntratti TACIS/2006/101‑510 u CARDS/2008/166‑429 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il‑kuntest ġuridiku
Ir‑Regolament (KE) Nru 2988/95
|
2 |
It-tielet, ir-raba’ u l-ħames premessi tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340) jiddikjaraw: “billi atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-[Komunitajiet Ewropej] għandhom […] jiġu ribattuti [miġġielda] fl-oqsma kollha; Billi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunità titlob li jiġu promulgati sett ta’ regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-Komunità; Billi mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skont dan ir-Regolament”. |
|
3 |
Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament: “‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata”. |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “1. Il-verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunità. 2. Ebda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunità qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha. Fil-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv. […]” |
|
5 |
It-Titolu II tar-Regolament Nru 2988/95, intitolat “Il-miżuri amministrattivi u l-penali”, jinkludi l-Artikoli 4 sa 7 ta’ dan ir-regolament. |
|
6 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “1. Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:
2. L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa. 3. L-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu. 4. Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.” |
|
7 |
L-Artikolu 5 tal-istess regolament jipprevedi: “1. L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi: […]
[…] 2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati fir-regoli settorjali eżistenti fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, irregolaritajiet oħra jistgħu jagħtu lok biss għal dawk il-penali li m’humiex ekwivalenti għal penali kriminali li hemm provdut dwarhom fil-paragrafu 1, sakemm dawk il-penali jkunu essenzjali biex jiżguraw l-applikazzjoni tajba tar-regoli.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95: “Il-miżuri amministrattivi tal-Komunità u l-penali jistgħu jiġu applikati għall-operaturi ekonomiċi li għalihom issir riferenza f’Artikolu 1, jiġifieri l-persuni naturali jew legali jew l-entitajiet l-oħra li l-liġi nazzjonali tagħtihom kapaċità legali u li jkunu kkommettew l-irregolarità. Jistgħu japplikaw ukoll għal persuni li jkunu ħadu sehem fl-irregolarità jew li huma fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx.” |
Ir-Regolament Nru 99/2000
|
9 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 99/2000 tad‑29 ta’ Diċembru 1999 dwar l-għoti ta’ għajnuna lill-Istati sieħba fl-Ewropa tal-Lvant u ta’ l-Asja Ċentrali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 107), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2112/2005 tal‑21 ta’ Novembru 2005 (ĠU 2005, L 344, p. 23), kien introduċa l-programm TACIS intiż li jiffavorixxi t-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq u biex isaħħaħ id-demokrazija u l-Istat tad-dritt fl-Istati msieħba tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Asja Ċentrali. |
Ir‑Regolament Nru 2666/2000
|
10 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 tal‑5 ta’ Diċembru 2000 dwar l-assistenza għall-Albanija, il-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1628/96 u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3906/89 u (KEE) Nru 1360/90 u d-Deċiżjonijiet 97/256/KE u 1999/311/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 34, p. 301), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2257/2004 tal‑20 ta’ Diċembru 2004 (ĠU 2006, L 153M, p. 403), kien jipprevedi, b’mod partikolari, permezz tal-programm CARDS, il-provvista ta’ għajnuna Komunitarja għar-rikostruzzjoni, l-iżvilupp u l-istabbilizzazzjoni fil-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa bil-għan tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea. |
Ir‑Regolament Finanzjarju 2002
|
11 |
L-Artikolu 103 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal‑2002”), kien jipprovdi: “Meta l-proċedura ta’ għoti jew ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt ikunu vvizzjati, jew bi żbalji jew b’irregolaritajiet sostanzjali, jew bi frodi, l-istituzzjonijiet għandhom jissospendu l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt. Jekk dawn l-iżbalji, irregolaritajiet jew frodi jkunu attribwibbli lill-kuntrattur, l-istituzzjonijiet jistgħu, barra minn hekk, jirrifjutaw li jwettqu l-ħlas jew jistgħu jirkupraw l-ammonti diġà mħallsa, fi proporzjon mal-gravità tal-imsemmija żbalji, irregolaritajiet jew frodi. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
12 |
Skont l-Artikolu 103 tar-Regolament Nru 1605/2002 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat‑13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 390, p. 1, u r-Rettifika fil-ĠU 2008, L 48, p. 88, iktar ’il quddiem ir-Regolament Finanzjarju tal‑2002 fil-verżjoni tiegħu tal‑2006”): “Meta l-proċedura ta’ għoti tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet għandhom jissospendu l-proċedura u jistgħu jieħdu kwalunkwe miżuri meħtieġa, inkluża l-kanċellazzjoni tal-proċedura. Meta, wara l-għoti tal-kuntratt, il-proċedura ta’ għoti jew it-twettiq tal-kuntratt tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet jistgħu, skond l-istadju li jkun intlaħaq fil-proċedura, jibqgħu lura milli jikkonkludu l-kuntratt jew jissospendu t-twettiq tal-kuntratt jew, fejn xieraq, jitterminaw il-kuntratt. Meta tali żbalji, irregolaritajiet jew frodi huma attribwibbli għall-kuntrattur, l-istituzzjonijiet jistgħu wkoll jirrifjutaw li jagħmlu ħlasijiet, jistgħu jirkupraw ammonti diġà mħallsa jew jistgħu jitterminaw il-kuntratti kollha konklużi ma’ dan il-kuntrattur, fi proporzjon mas-serjetà ta’ l-iżbalji, irregolaritajiet jew frodi.” |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
13 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 2 sa 33 tas-sentenza appellata. Għall-ħtiġijiet ta’ dan l-appell, huma jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej. |
|
14 |
L-Unjoni tat żewġ kuntratti pubbliċi lil konsorzju u, sussegwentement, ikkonkludiet żewġ kuntratti mal-kumpannija koordinatriċi ta’ dan il-konsorzju (iktar ’il quddiem il-“kumpannija koordinatriċi”), rispettivament matul is-sena 2006 u s-sena 2008. L-ewwel kuntratt, ta’ valur massimu ta’ EUR 4410000, kien jirrigwarda l-provvista ta’ assistenza teknika lill-awtoritajiet Ukraini bil-għan tal-approssimazzjoni tad-dritt Ukrain mad-dritt tal-Unjoni. It-tieni kuntratt, ta’ valur massimu ta’ EUR 1999125, kien jikkonsisti fil-provvista tas-servizzi ta’ assistenza teknika lill-Kunsill Ġudizzjarju Għoli fis-Serbja. |
|
15 |
Wara li saru denunzji anonomi li kienu jirrigwardaw lill-kumpannija koordinatriċi, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) investiga u kkonkluda, f’żewġ rapporti, li kienu jeżistu irregolaritajiet gravi u possibbiltà ta’ fatti ta’ korruzzjoni f’kull wieħed miż-żewġ kuntratti pubbliċi. |
|
16 |
Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti tal-OLAF, il-Kummissjoni adottat, fil‑15 ta’ Ottubru 2019, żewġ deċiżjonijiet li permezz tagħhom hija akkużat lill-kumpannija koordinatriċi bi twettiq ta’ irregolaritajiet sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002, matul il-proċeduri ta’ għoti taż-żewġ kuntratti inkwistjoni. Dawn l-irregolaritajiet dehrulha gravi biżżejjed biex il-ħlasijiet kollha mwettqa jitqiesu li tħallsu indebitament u li kellhom jiġu rkuprati. |
|
17 |
Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ġew ikkontestati mill-kumpannija koordinatriċi quddiem il-Qorti Ġenerali. Permezz tas-sentenzi tagħha tal‑21 ta’ Diċembru 2021, HB vs Il‑Kummissjoni (T‑795/19, EU:T:2021:917), u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, HB vs Il‑Kummissjoni (T‑796/19, EU:T:2021:918), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn iż-żewġ rikorsi ppreżentati minn din il-kumpannija minħabba li kienu inammissibbli, inkwantu kienu intiżi għall-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet ta’ rkupru, u infondati, inkwantu kienu jitolbu l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Dawn is-sentenzi, li ġew appellati, ġew annullati permezz tas-sentenza tal-lum, Il‑Kummissjoni vs HB, C‑160/22 P u C‑161/22 P. |
|
18 |
Fit‑13 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni informat lil PB, li huwa l-amministratratur tal-kumpannija koordinatriċi, li hija kellha l-intenzjoni li tadotta miżuri amministrattivi fil-konfront tiegħu, hekk kif previst fl-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament Nru 2988/95. Fil-fehma tagħha, ir-responsabbiltà personali ta’ PB setgħet tirriżulta fil-mument li dan kien ipparteċipa, fil-kapaċità tiegħu bħala amministratur, għat-twettiq tal-irregolaritajiet meta ngħataw iż-żewġ kuntratti inkwistjoni. Dan premess, bħala amministratur tal-kumpannija koordinatriċi, PB missu ħa ħsieb li tali irregolaritajiet ma jitwettqux. |
|
19 |
Fit‑22 ta’ Ottubru 2020, il-Kumissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża fuq il-bażi tal-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament Nru 2988/95 u, essenzjalment, tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002. Din id-deċiżjoni kienet tiddikjara lil PB responsabbli in solidum mal-kumpannija koordinatriċi tal-ħlas tal-ammonti ta’ EUR 4241507 b’rabta mal-ewwel kuntratt imsemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza u ta’ EUR 797 230.86 b’rabta mat-tieni kuntratt imsemmi f’dan l-istess punt. |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
20 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Diċembru 2020, PB adixxa lill-Qorti Ġenerali b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, għall-kundanna tal-Unjoni għar-rimbors tal-ammonti kollha li possibbilment ġew irkuprati mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) miżjuda b’7 punti perċentwali, għall-ħlas ta’ EUR 10000 bħala danni, salv dispożizzjonijiet ulterjuri, kif ukoll għall-ispejjeż kollha. |
|
21 |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha għall-eżami tat-tielet motiv ta’ PB invokat insostenn tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, ibbażatu fuq assenza ta’ bażi legali ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege u tal-prinċipju tal-applikazzjoni tal-liġi kriminali iktar favorevoli. Essenzjalment, fil-punti 55, 63 u 64 tas-sentenza appellata, hija siltet mis-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648, punti 52 sa 56) li l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 2988/95, li jippermettu li jiġu adottati miżuri sanzjonijiet amministrattivi, huma neqsin minn effett dirett, barra mill-kamp tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) u minn oqsma oħra li jsegwu regoli ekwivalenti bħall-Politika Kummerċjali Komuni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset li l-adozzjoni ta’ miżuri u ta’ sanzjonijiet amministrattivi kontra l-awturi ta’ irregolaritajiet tippresupponi l-istabbiliment ta’ leġiżlazzjonijiet settorjali speċifiċi konformi ma’ dan ir-regolament u li fuqhom dawn il-miżuri u dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu bbażati. Għaldaqstant l-imsemmija miżuri u sanzjonijiet ma jistgħux jistrieħu sempliċement fuq ir-Regolament Nru 2988/95. |
|
22 |
Barra minn hekk, fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li la l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u lanqas it-tieni paragrafu tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002 ma jawtorizzaw lill-Kummissjoni titlob ir-rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament minn persuni jew entitajiet oħra minbarra l-benefiċjarju tagħhom. Hija osservat ukoll li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 ma jipprovdix preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-kategorija ta’ atturi li għanhom ikunu suġġetti għal miżura amministrattiva f’tali każ. |
|
23 |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet nieqsa minn bażi legali. Peress li laqgħet it-tielet motiv tar-rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat l-imsemmija deċiżjoni u, sussegwentement, ma qisitx li kien neċessarju li jiġu eżaminati d-disa’ motivi l-oħra mqajma minn PB. |
|
24 |
Fl-aħħar nett, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet fuq il-mertu t-talbiet ta’ PB għal kumpens filwaqt li kkunsidrat, fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tagħhom. Hija qieset, b’mod partikolari, fil-punt 89 tal-imsemmija sentenza, li PB ma kienx ipproduċa l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-Kummissjoni li allegatament jikkostitwixxi ksur u d-dannu invokat. |
It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell
|
25 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
26 |
PB jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l‑appell
|
27 |
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju uniku li huwa indirizzat kontra l-ewwel punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. |
L‑argumenti tal‑partijiet
|
28 |
Insostenn tal-uniku aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta, fl-ewwel lok, ir-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 51 sa 64 tas-sentenza appellata, sa fejn dan wassalha tikkunsidra, fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, li r-Regolament Nru 2988/95 ma setax jikkostitwixxi, waħdu, il-bażi legali rilevanti biex jiġu adottati miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru tal-ammonti rċevuti indebitament. Billi ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-Artikoli 4 u 7 ta’ dan ir-regolament li jikkostitwixxu bażi awtonoma u suffiċjentement preċiża sabiex jiġu adottati tali miżuri ma għandhomx natura ta’ sanzjoni. |
|
29 |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 51 tal-imsemmija sentenza, li jikkostitwixxi l-bażi għar-raġunament tagħha, billi mill-ħames premessa tal-imsemmi regolament iddeduċiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jissuġġetta l-impożizzjoni ta’ miżuri amministrattivi u ta’ sanzjonijiet fuq l-awturi ta’ irregolaritajiet għall-istabbiliment ta’ leġiżlazzjonijiet settorjali speċifiċi. Madankollu, din il-premessa ma timponix neċessarjament li wieħed għandu jibbaża ruħu fuq leġiżlazzjoni settorjali u lanqas ma teskludi li r-Regolament Nru 2988/95 jista’ jkollu effett awtonomu. |
|
30 |
Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, fil-punti 51 sa 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, mis-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648), li dan ir-regolament kien regolament qafas li jeħtieġ leġiżlazzjoni settorjali għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet u biex jiġu identifikati l-kategoriji ta’ persuni milquta minn dawn is-sanzjonijiet. Madankollu din l-interpretazzjoni hija valida biss għas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, li għalihom japplika l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ddikjarat fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Artikolu 2(2) tal-istess regolament. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li tali interpretazzjoni testendi għall-miżuri amministrattivi, li huma intiżi li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li ma jikkostitwixxux sanzjonijiet, iċaħħad lir-Regolament Nru 2988/95 mill-effett utli u min-natura vinkolanti tiegħu. |
|
31 |
Barra minn hekk, filwaqt li leġiżlazzjonijiet settorjali huma intiżi li japplikaw bħala lex specialis, fl-assenza tagħhom, ir-Regolament Nru 2988/95 jipproduċi effett legali individwali u awtonomu. B’żieda ma’ dan, fis-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648, punti 32 sa 34), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-dispożizzjonijiet ta’ regolament, bħala regola ġenerali, għandhom effett immedjat fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, minkejja li dan ikun biss b’mod eċċezzjonali, għal “uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ regolament”, bħal, fir-Regolament Nru 2988/95, id-dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet, li għalihom ikunu neċessarji miżuri ta’ applikazzjoni. |
|
32 |
F’din il-perspettiva, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre (C‑465/10, EU:C:2011:867) u tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Somvao (C‑599/13, EU:C:2014:2462), li għalihom tagħmel riferiment il-Qorti Ġenerali fil-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata, jillimitaw lilhom infushom għall-konstatazzjoni li, meta teżisti leġiżlazzjoni settorjali li tirregola l-irkupru ta’ ammonti dovuti, din għandha tapplika bħala lex specialis, minflok il-lex generalis li jikkostitwixxi r-Regolament Nru 2988/95. Fi kwalunkwe każ, peress li, fil-kawżi li taw lok għal dawn iż-żewġ sentenzi, kienet teżisti leġiżlazzjoni settorjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex teżamina l-kwistjoni dwar jekk din il-leġiżlazzjoni setgħetx tikkostitwixxi bażi awtonoma għall-irkupru, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni settorjali. |
|
33 |
Għaldaqstant, kemm il-Qorti Ġenerali kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxew espressament, numru ta’ drabi, l-applikazzjoni diretta u awtonoma tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament biex jiġu rkuprati tali ammonti, b’mod partikolari fis-sentenzi tal‑15 ta’ April 2011, IPK International vs Il‑Kummissjoni (T‑297/05, EU:T:2011:185, punt 117), tat‑13 ta’ Diċembru 2012, FranceAgriMer (C‑670/11, EU:C:2012:807, punt 72), kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2015, Cimmino et (C‑607/13, EU:C:2015:448, punt 76). Din il-ġurisprudenza għandha portata ġenerali u għaldaqstant ma tistax, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punti 62 sa 64 tas-sentenza appellata, tiġi limitata għall-PAK u għall-Politika Kummerċjali Komuni. |
|
34 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta r-raġunament magħmul fil-punti 67 u 69 tas-sentenza appellata sa fejn fiha l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002, inkwantu leġiżlazzjoni settorjali, kien jippermetti li jsir irkupru biss mingħand il-kuntrattur u mhux mingħand terzi, bħalma huwa l-amministratur tal-kumpannija koordinatriċi. |
|
35 |
Mill-punt 67 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 ma jippreċiżax il-kategorija ta’ atturi li għandhom ikunu s-suġġett ta’ miżura amministrattiva. Barra minn hekk, fil-punt 69 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002 kif ukoll tal-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament Nru 2988/95 ma kinitx tippermetti l-adozzjoni ta’ miżura amministrattiva kontra PB ġaladarba dan ma kienx il-benefiċjarju dirett tal-pagamenti inkwistjoni. |
|
36 |
Dan premess, skont il-Kummissjoni, mill-Artikolu 322(1)(a) TFUE jirriżulta li regolament li, bħar-Regolament Finanzjarju tal‑2002 jistabbilixxi r-regoli finanzjarji li b’mod partikolari jiffissaw il-modalitajiet dwar l-istabbiliment u l-eżekuzzjoni tal-baġit huwa leġiżlazzjoni ġenerali li tirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-baġit u mhux leġiżlazzjoni settorjali. Barra minn hekk ir-Regolament Finanzjarju tal‑2002 u r-Regolament Nru 2988/95 għandhom jitqiesu bħala żewġ leġiżlazzjonijiet ġenerali komplimentari u mhux rispettivament bħala lex generalis u lex specialis. F’dan is-sens, huwa possibbli, u ta’ spiss saħansitra neċessarju, li dawn iż-żewġ regolamenti jiġu applikati konġuntament. |
|
37 |
F’dan il-każ, il-leġiżlazzjonijiet settorjali rilevanti huma, għall-kuntratt pubbliku dwar l-Ukraina, ir-Regolament Nru 99/2000, kif emendat bir-Regolament Nru 2112/2005, u, għall-kuntratt pubbliku dwar is-Serbja, ir-Regolament Nru 2666/2000, kif emendat bir-Regolament Nru 2257/2004. |
|
38 |
Barra minn hekk, billi ddeċidiet, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 “ma jipprovdix preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-kategorija ta’ atturi li għandhom ikunu suġġetti għal miżura amministrattiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Qorti Ġenerali marret kontra t-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu li jgħid li miżuri amministrattivi “[j]istgħu japplikaw ukoll għal persuni li jkunu ħadu sehem fl-irregolarità jew li huma fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx”. F’dan il-każ, fil-kapaċità tiegħu bħala amministratur tal-kumpannija koordinatriċi, PB jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
39 |
Min-naħa tiegħu, PB jikkonfuta, fl-ewwel lok, l-argument tal-Kummissjoni, billi jenfasizza li l-Qorti Ġenerali ma sostnietx li l-ħames premessa ta’ dan ir-regolament tista’ tieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li permezz tiegħu hija tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-imsemmi regolament bħala “regolament qafas” mill-Qorti Ġenerali hija ineffettiva ġaladarba l-klassifikazzjoni bħala “leġiżlazzjoni ġenerali”, issuġġerita mill-Kummissjoni, hija ekwivalenti. |
|
40 |
Ulterjorment, PB isostni li l-Kummissjoni ma għandhiex raġun billi tikkontesta kemm it-traspożizzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisprudenza dwar is-sanzjonijiet amministrattivi għall-miżuri amministrattivi kif ukoll il-fatt li kkunsidrat li l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament ma jistax jikkostitwixxi, waħdu, il-bażi legali rilevanti ta’ miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament. Fil-fatt, ebda waħda mit-tliet sentenzi msemmija mill-Kummissjoni ma hija rilevanti peress li kemm is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, EmslandStärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punti 56 u 57) kif ukoll is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2012, FranceAgriMer (C‑670/11, EU:C:2012:807, punt 72) u tad‑9 ta’ Lulju 2015, Cimmino et (C‑607/13, EU:C:2015:448, punt 76) jaqgħu taħt il-PAK. Dan premess, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet, ġustament, li, fil-kuntest ta’ din il-politika, is-sistema tas-sanzjonijiet u tal-miżuri amministrattivi kienet ġiet stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95. |
|
41 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, b’mod partikolari fil-punt 37 tas-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Somvao (C‑599/13, EU:C:2014:2462), li dan ir-regolament jieħu ħsieb jistabbilixxi regoli ġenerali ta’ kontroll u ta’ sanzjonijiet li ma jistgħux jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti għal irkupru ta’ fondi li kienu ntużaw ħażin. Skont PB, din il-ġurisprudenza hija rilevanti biex tiġi ssostanzjata l-affermazzjoni, magħmula fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li ma hemmx differenzi sinjifikattivi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bejn l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi u dik tal-miżuri amministrattivi previsti mill-imsemmi regolament. |
|
42 |
PB jistaqsi, barra minn hekk, dwar in-natura operattiva tal-argument tal-Kummissjoni ġaladarba din tikkontesta biss il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża tistrieħ fuq żewġ bażijiet legali. Dan premess, li kieku l-Kummissjoni qieset li r-Regolament Nru 2988/95 kien jikkostitwixxi bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija ma kinitx tibbażaha wkoll fuq l-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002. |
|
43 |
Fl-aħħar nett, PB jqis li ma tagħmilx differenza jekk ir-Regolament Finanzjarju tal‑2002 jiġix ikklassifikat bħala “leġiżlazzjoni settorjali” jew bħala “leġiżlazzjoni ġenerali”. Fil-fatt, mis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Somvao (C‑599/13, EU:C:2014:2462) jirriżulta wkoll li dan ir-regolament finanzjarju seta’ jservi bħala bażi għal miżura li tnaqqas l-ammont ta’ għajnuna mogħtija taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati. Il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonformat ruħha ma’ din is-sentenza, billi eżaminat, fil-punti 65 u 66 tas-sentenza appellata, jekk l-imsemmi regolament finanzjarju kienx jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
44 |
Fit-tieni lok, PB jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni indirizzat kontra l-punti 67 u 69 tas-sentenza appellata u jsostni, minn naħa, li t-tieni sentenza tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 hija dispożizzjoni purament fakultattiva li għandha, sabiex tkun tista’ tiġi applikata, li tiġi ppreċiżata minn att tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, PB isostni li miżura amministrattiva tista’ tiġi applikata biss sa fejn din tippermetti li jitneħħa vantaġġ miksub indebitament. Għaldaqstant tali tneħħija ma tistax tiġi ordnata fir-rigward ta’ persuna li, bħal PB, ma bbenefikatx minn dan il-vantaġġ. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
45 |
Insostenn tal-uniku aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta, fl-ewwel lok, ir-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 51 sa 64 tas-sentenza appellata, sa fejn dan wassalha tikkunsidra, fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, li r-Regolament Nru 2988/95 ma setax jikkostitwixxi, waħdu, il-bażi legali rilevanti biex jiġu adottati miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru tal-ammonti rċevuti indebitament. |
|
46 |
Hekk kif iddeċiediet numru ta’ drabi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-PAK u tal-Politika Kummerċjali Komuni, l-obbligu ta’ restituzzjoni ta’ vantaġġ miksub indebitament minn prattika irregolari ma jikkostitwixxix sanzjoni li għaliha hija neċessarja bażi legali ċara u mhux ambigwa, distinta mir-Regolament Nru 2988/95, iżda huwa s-sempliċi konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni nħolqu artifiċjalment, b’tali mod li l-vantaġġ miksub ikun ta’ natura indebita u, għalhekk, li l-obbligu li dan jiġi rrestitwit ikun iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland‑Stärke, C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 56; tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pometon,C‑158/08, EU:C:2009:349, punt 28; tat‑13 ta’ Diċembru 2012, FranceAgriMer,C‑670/11, EU:C:2012:807, punt 65; tas‑17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punt 45, kif ukoll tad‑29 ta’ Frar 2024, Eesti Vabariik (Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet),C‑437/22, EU:C:2024:176, punt 57). |
|
47 |
Għaldaqstant, f’ċirkustanzi fejn l-irregolaritajiet ikkonstatati għandhom bħala konsegwenza li l-kuntratti li bis-saħħa tagħhom kellu jingħata finanzjament Ewropew lil operatur ekonomiku ma setgħux jitqiesu li ġew validament konklużi għall-finijiet tal-kisba tal-finanzjament inkwistjoni, jeħtieġ li tiġi applikata miżura amministrattiva, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tar‑Regolament Nru 2988/95, li tikkonsisti fil-ħtieġa tar-rimbors tal-fondi rċevuti indebitament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, FranceAgriMer,C‑670/11, EU:C:2012:807, punt 67). |
|
48 |
B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li miżura amministrattiva li tikkostitwixxi fl-irkupru mingħand operatur tal-vantaġġ li minnu kien ibbenefika indebitament tista’ tiġi adottata fuq is-sempliċi bażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95. |
|
49 |
Fil-fatt, billi jipprovdi li “[l]-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-[Unjoni] applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu”, l-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament huwa direttament applikabbli fl-elementi kollha tiegħu, inkluż, konsegwentement, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni li tikkonkretizzah. |
|
50 |
Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 62 sa 64 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi trasposta għal sitwazzjoni li fiha kuntratti pubbliċi jiġu ffinanzjati minn fondi mogħtija mill-Unjoni taħt il-programmi CARDS u TACIS. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Unjoni għandha l-intenzjoni tiffinanzja, permezz tal-fondi tagħha, biss azzjonijiet imwettqa b’konformità sħiħa, b’mod partikolari, mal-prinċipji u r-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2016, Wrocław – Miasto na prawach powiatu, C‑406/14, EU:C:2016:562, punt 43, u tat‑8 ta’ Ġunju 2023, ANAS,C‑545/21, EU:C:2023:451, punt 31). |
|
51 |
Tali interpretazzjoni tikkontribwixxi għall-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll għall-garanzija tal-effett utli tar-Regolament Nru 2988/95. Fil-fatt, mit-tielet u r-raba’ premessi ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan huwa intiż li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni “fl-oqsma kollha” u li jistabbilixxi “sett ta’ regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-[Unjoni]”. Mill-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta wkoll li l-kontrolli, kif ukoll il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi, jiġu introdotti sa fejn ikunu “neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-[Unjoni]”, liema artikolu mingħajr dubju jinkludi r-regoli ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi. |
|
52 |
L-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li r-Regolament Nru 2988/95 għandu l-intenzjoni li jilħaq, jikkonferma li l-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi applikat, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi adottata leġiżlazzjoni settorjali, biex jiġi evitat ir-riskju li jiġu pparalizzati l-possibbiltajiet ta’ azzjoni tal-Unjoni bil-għan tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha. |
|
53 |
Min-naħa l-oħra, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li joħloq, f’leġiżlazzjoni ġenerali oħra jew f’leġiżlazzjoni settorjali oħra, obbligu ta’ rkupru tal-fondi użati ħażin jew miksuba b’mod irregolari, hija dik il-leġiżlazzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali rilevanti għall-finijiet tal-irkupru ta’ dawn il-fondi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre, C‑465/10, EU:C:2011:867, punt 33, u tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Somvao,C‑599/13, EU:C:2014:2462, punt 37). |
|
54 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames premessa tar-Regolament Nru 2988/95 ma tistax tinqara fis-sens li l-Unjoni għandha l-obbligu li tadotta leġiżlazzjoni settorjali sabiex tapplika l-miżuri amministrattivi previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Effettivament tali obbligu huwa meħtieġ biss fir-rigward tas-sanzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament. Madankollu l-Unjoni żżomm il-fakultà li tipprevedi regoli relatati mal-miżuri amministrattivi fil-leġiżlazzjonijiet settorjali li hija tadotta. |
|
55 |
Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95 ma japplikax direttament għal operatur ekonomiku li wettaq irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, hija preċiżament minħabba li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi, awtorizzata minn dan l-Artikolu 5, hija, min-naħa tagħha, suġġetta għall-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punti 39, 43 u 61, kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2012, FranceAgriMer,C‑670/11, EU:C:2012:807, punti 61 u 62). |
|
56 |
Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li r-Regolament Nru 2988/95 ma jistax jikkostitwixxi, waħdu, il-bażi legali rilevanti biex jiġu adottati miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru ta’ ammonti rċevuti indebitament. |
|
57 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-punt 67 tas-sentenza appellata, sa fejn fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament ma jippreċiżax il-kategorija ta’ atturi li għandhom ikunu suġġetti għal miżura amministrattiva. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li l-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi tal-Unjoni “[j]istgħu japplikaw […] għal persuni li jkunu ħadu sehem fl-irregolarità jew li huma fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx”. |
|
59 |
Il-possibbiltà hekk miftuħa f’din id-dispożizzjoni tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari meta l-benefiċjarju jkun persuna ġuridika li ma teżistix iktar jew ma jkollux riżorsi suffiċjenti biex jirrimborsa l-ammonti inkwistjoni. Din l-interpretazzjoni hija ġġustifikata, b’mod iktar partikolari, fid-dawl tal-għan ta’ effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi, imsemmi fir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 2988/95 (sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Eesti Vabariik (Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet),C‑437/22, EU:C:2024:176, punt 53). |
|
60 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li PB pparteċipa f’irregolaritajiet, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fil-kuntest tal-koordinazzjoni ta’ dawn l-irregolaritajiet u tar-redazzjoni ta’ posta elettronika jew ukoll billi kkondivida ikliet ma’ membru tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti. Dan premess, jekk jitqies li dawn il-fatti seħħew, PB missu, fil-kapaċità tiegħu bħala amministratur tal-kumpannija koordinatriċi, mhux biss qagħad lura milli jieħu sehem f’tali irregolaritajiet, iżda missu wkoll ħares li dawn ma jitwettqux. Konsegwentement, l-azzjonijiet ta’ PB kienu koperti mid-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. |
|
61 |
Għalhekk, dejjem jekk jitqies li l-fatti seħħew, il-Kummissjoni kellha dritt li tiddikjara lil PB responsabbli in solidum mal-kumpannija koordinatriċi għall-ħlas tal-ammonti rċevuti indebitament minn din il-kumpannija għaż-żewġ kuntratti pubbliċi inkwistjoni billi bbażat id-deċiżjoni kontenzjuża biss fuq l-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament Nru 2988/95. |
|
62 |
Barra minn hekk, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, mill-Artikolu 322(1)(a) TFUE jirriżulta li r-Regolament Finanzjarju tal‑2002 jikkostitwixxi leġiżlazzjoni ġenerali relatata mal-eżekuzzjoni tal-baġit u mhux leġiżlazzjoni settorjali li għandha tieħu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni ġenerali kkostitwita mir-Regolament Nru 2988/95. Il-fatt li dan ir-regolament finanzjarju jirreferi biss għall-parti kontraenti tal-Unjoni ma jagħmel ebda differenza. |
|
63 |
Din il-konklużjoni tapplika wkoll għar-Regolament Finanzjarju tal‑2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1995/2006, li kien applikabbli fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża li tordna lil PB jirrimborsa l-pagamenti li l-Kummissjoni tqis li tħallsu indebitament lill-kumpannija koordinatriċi bis-saħħa tal-kuntratt konkluż fl‑2008 b’konsegwenza tat-tieni kuntratt pubbliku. |
|
64 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan trasversali ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 2988/95, imfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002 kif ukoll it-tielet paragrafu tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1995/2006, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95. |
|
65 |
Għaldaqstant it-tieni paragrafu tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) kif ukoll mal-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament Nru 2988/95, għandu jitqies li jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jindirizzaw lilhom infushom, bil-għan li jiksbu r-restituzzjoni ta’ ammonti mħallsa indebitament, lill-persuni marbuta mal-parti kontraenti li pparteċipaw, waqt il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt jew waqt l-eżekuzzjoni tiegħu, għat-twettiq ta’ irregolaritajiet, iżda wkoll lill-persuni li għandhom iwieġbu għal dawn l-irregolaritajiet u lill-persuni li kellhom iħarsu biex l-imsemmija irregolaritajiet ma jitwettqux. |
|
66 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 4 u 7 ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002 ma kinitx tippermetti li tiġi adottata miżura amministrattiva fir-rigward ta’ PB. |
|
67 |
Għaldaqstant l-aggravju uniku mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata. |
Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali
|
68 |
Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
69 |
Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. |
|
70 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi l-appell b’mod definittiv u li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
71 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Konsegwentement, jeħtieġ li l-kawża, sa fejn din tirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, terġa’ tintbagħat quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
72 |
Min-naħa l-oħra, il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li skontu l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ PB għall-kumplament u li ma kienx suġġett għal appell, huwa mogħni bl-awtorità ta’ res judicata, minkejja l-annullament parzjali ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punti 109 u 110). |
Fuq l‑ispejjeż
|
73 |
Peress li l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali, jeħtieġ li l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell jiġu rriżervati. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.