|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1348 |
19.6.2026 |
TRADUZZJONI
Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra ċ-Ċiberkriminalità; it-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda Kontra Ċerti Reati Mwettqin minn Mezzi ta’ Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni ta’ Evidenza f’forma Elettronika ta’ Reati Serji
L-ISTATI PARTIJIET GĦAL DIN IL-KONVENZJONI,
FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM l-iskopijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
FILWAQT LI JINNOTAW li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, filwaqt li għandhom potenzjal enormi għall-iżvilupp tas-soċjetajiet, joħolqu opportunitajiet ġodda għall-awturi tar-reati, jistgħu jikkontribwixxu għaż-żieda fir-rata u d-diversità tal-attivitajiet kriminali, u jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-Istati, l-intrapriżi u l-benesseri tal-individwi u tas-soċjetà kollha kemm hi,
FILWAQT LI HUMA MĦASSBIN li l-użu ta’ sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jista’ jkollu impatt konsiderevoli fuq l-iskala, il-veloċità u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reati kriminali, inklużi reati relatati mat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali, bħat-traffikar ta’ persuni, il-kuntrabandu ta’ migranti, il-manifattura illeċita u t-traffikar ta’ armi tan-nar, il-partijiet, il-komponenti u l-munizzjon tagħhom, it-traffikar tad-droga u t-traffikar tal-proprjetà kulturali,
FILWAQT LI HUMA KONVINTI mill-ħtieġa li jsegwu, bħala kwistjoni ta’ prijorità, politika globali tal-ġustizzja kriminali mmirata lejn il-protezzjoni tas-soċjetà kontra ċ-ċiberkriminalità billi, fost l-oħrajn, jadottaw leġiżlazzjoni xierqa, jistabbilixxu reati komuni u setgħat proċedurali u jrawmu kooperazzjoni internazzjonali biex jipprevjenu u jiġġieldu tali attivitajiet b’mod aktar effettiv fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali,
FILWAQT LI HUMA DETERMINATI li jċaħħdu refuġju sikur lil dawk li jinvolvu ruħhom fiċ-ċiberkriminalità billi jipproċedu kontra dawn ir-reati kull fejn iseħħu,
FILWAQT LI JENFASIZZAW il-ħtieġa li jsaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-Istati billi, fost l-oħrajn, jipprovdu assistenza teknika u bini tal-kapaċità, inkluż it-trasferiment tat-teknoloġija fuq termini miftiehma b’mod reċiproku, lil pajjiżi, b’mod partikolari pajjiżi li qed jiżviluppaw, fuq talba tagħhom, itejbu l-leġiżlazzjoni u l-oqfsa nazzjonali u jsaħħu l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali li jittrattaw iċ-ċiberkriminalità fil-forom kollha tagħha, inklużi l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tagħha, u jenfasizzaw f’dan il-kuntest ir-rwol li għandhom in-Nazzjonijiet Uniti,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-għadd dejjem jikber ta’ vittmi taċ-ċiberkriminalità, l-importanza li tinkiseb ġustizzja għal dawk il-vittmi u l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli f’miżuri meħuda għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati koperti minn din il-Konvenzjoni,
FILWAQT LI HUMA DETERMINATI li jipprevjenu, jidentifikaw u jrażżnu b’mod aktar effettiv it-trasferimenti internazzjonali tal-proprjetà miksuba bħala riżultat taċ-ċiberkriminalità u jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali fl-irkupru u r-ritorn tar-rikavat mir-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni,
FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM li l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità huma responsabbiltà tal-Istati kollha u li jridu jikkooperaw ma’ xulxin, bl-appoġġ u l-involviment ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet akkademiċi u entitajiet tas-settur privat, jekk l-isforzi tagħhom f’dan il-qasam iridu jkunu effettivi,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ġeneru fl-isforzi rilevanti kollha biex jipprevjenu u jiġġieldu r-reati koperti minn din il-Konvenzjoni, f’konformità mal-liġi domestika,
FILWAQT LI HUMA KONXJI mill-ħtieġa li jintlaħqu l-objettivi tal-infurzar tal-liġi u li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif stabbiliti fl-istrumenti reġjonali u internazzjonali applikabbli,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU d-dritt għall-protezzjoni kontra interferenza arbitrarja jew illegali mal-privatezza ta’ persuna, u l-importanza tal-protezzjoni tad-data personali,
FILWAQT LI JFAĦĦRU l-ħidma tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Droga u l-Kriminalità u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali oħrajn fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità,
FILWAQT LI JFAKKRU fir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali 74/247 tas-27 ta’ Diċembru 2019 u 75/282 tas-26 ta’ Mejju 2021,
FILWAQT LI JQISU l-konvenzjonijiet u t-trattati reġjonali u internazzjonali eżistenti dwar il-kooperazzjoni f’materji kriminali, kif ukoll trattati simili li jeżistu bejn l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti,
QABLU KIF ĠEJ:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Dikjarazzjoni tal-iskop
L-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni huma li:
|
(a) |
Tippromwovi u ssaħħaħ il-miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità b’mod aktar effiċjenti u effettiv; |
|
(b) |
Tippromwovi, tiffaċilita u ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità; u |
|
(c) |
Tippromwovi, tiffaċilita u tappoġġa l-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, b’mod partikolari għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. |
Artikolu 2
Użu ta’ termini
Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:
|
(a) |
“Sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni” għandha tfisser kwalunkwe apparat jew grupp ta’ apparati interkonnessi jew relatati, li wieħed jew aktar minnhom, skont programm, jiġbor, jaħżen u jwettaq l-ipproċessar awtomatiku tad-data elettronika; |
|
(b) |
“Data elettronika” għandha tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni ta’ fatti, informazzjoni jew kunċetti f’forma adatta għall-ipproċessar f’sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, inkluż programm adatt biex iġiegħel sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni twettaq funzjoni; |
|
(c) |
“Data dwar it-traffiku” għandha tfisser kwalunkwe data elettronika relatata ma’ komunikazzjoni permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, iġġenerata minn sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li kienet tifforma parti mill-katina ta’ komunikazzjoni, li tindika l-oriġini, id-destinazzjoni, ir-rotta, il-ħin, id-data, id-daqs, id-durata jew it-tip ta’ komunikazzjoni tas-servizz sottostanti; |
|
(d) |
“Data dwar il-kontenut” għandha tfisser kwalunkwe data elettronika, għajr l-informazzjoni dwar l-abbonati jew id-data dwar it-traffiku, relatata mas-sustanza tad-data ttrasferita minn sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, inklużi, iżda mhux limitati għal, immaġnijiet, messaġġi testwali, messaġġi bil-vuċi, reġistrazzjonijiet bl-awdjo u reġistrazzjonijiet bil-vidjo; |
|
(e) |
“Fornitur ta’ servizzi” għandha tfisser kwalunkwe entità pubblika jew privata li:
|
|
(f) |
“Informazzjoni dwar l-abbonati” għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni li tinżamm minn fornitur ta’ servizzi, relatata mal-abbonati tas-servizzi tiegħu għajr data dwar it-traffiku jew il-kontenut u li biha jistgħu jiġu stabbiliti:
|
|
(g) |
“Data personali” għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; |
|
(h) |
“Reat serju” għandha tfisser imġiba li tikkostitwixxi reat punibbli b’ċaħda massima tal-libertà ta’ mill-inqas erba’ snin jew piena aktar serja; |
|
(i) |
“Proprjetà” għandha tfisser assi ta’ kull tip, kemm jekk korporali jew inkorporali, mobbli jew immobbli, tanġibbli jew intanġibbli, inklużi assi virtwali, u dokumenti jew strumenti legali li jixhdu t-titolu għal tali assi jew l-interess fihom; |
|
(j) |
“Rikavat minn attività kriminali” għandha tfisser kwalunkwe proprjetà derivata minn jew miksuba, direttament jew indirettament, permezz tat-twettiq ta’ reat; |
|
(k) |
“Iffriżar” jew “sekwestru” għandha tfisser il-projbizzjoni temporanja tat-trasferiment, il-konverżjoni, id-disponiment jew il-moviment ta’ proprjetà jew it-teħid temporanju f’kustodja jew il-kontroll ta’ proprjetà abbażi ta’ ordni maħruġa minn qorti jew awtorità kompetenti oħra; |
|
(l) |
“Konfiska”, li tinkludi sekwestru fejn applikabbli, għandha tfisser iċ-ċaħda permanenti ta’ proprjetà b’ordni ta’ qorti jew awtorità kompetenti oħra; |
|
(m) |
“Reat predikat” għandha tfisser kwalunkwe reat li b’riżultat tiegħu ġie ġġenerat rikavat li jista’ jsir is-suġġett ta’ reat kif definit fl-Artikolu 17 ta’ din il-Konvenzjoni; |
|
(n) |
“Organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika” għandha tfisser organizzazzjoni kostitwita minn Stati sovrani ta’ reġjun partikolari li lilha l-Istati Membri tagħha ttrasferew il-kompetenza fir-rigward ta’ kwistjonijiet regolati minn din il-Konvenzjoni u li kienet debitament awtorizzata, f’konformità mal-proċeduri interni tagħha, biex tiffirmaha, tirratifikaha, taċċettaha, tapprovaha u taderixxi magħha; ir-referenzi għal “Stati Partijiet” f’din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw għal tali organizzazzjonijiet fil-limiti tal-kompetenza tagħhom; |
|
(o) |
“Emerġenza” għandha tfisser sitwazzjoni fejn ikun hemm riskju sinifikanti u imminenti għall-ħajja jew is-sikurezza ta’ kwalunkwe persuna fiżika. |
Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni
Din il-Konvenzjoni għandha tapplika, ħlief kif iddikjarat mod ieħor hawnhekk, għal:
|
(a) |
Il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, inklużi l-iffriżar, il-qbid, il-konfiska u r-ritorn tar-rikavat minn tali reati; |
|
(b) |
Il-ġbir, il-kisba, il-preservazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ evidenza f’forma elettronika għall-fini ta’ investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali, kif previst fl-Artikoli 23 u 35 ta’ din il-Konvenzjoni. |
Artikolu 4
Reati stabbiliti f’konformità ma’ konvenzjonijiet u protokolli oħrajn tan-Nazzjonijiet Uniti
1. Meta jagħtu effett lil konvenzjonijiet u protokolli applikabbli oħrajn tan-Nazzjonijiet Uniti li għalihom huma Partijiet, l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li r-reati kriminali stabbiliti f’konformità ma’ tali konvenzjonijiet u protokolli jitqiesu wkoll bħala reati kriminali skont il-liġi domestika meta jitwettqu permezz tal-użu ta’ sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.
2. F’dan l-artikolu ma hemm xejn li għandu jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi reati kriminali f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 5
Protezzjoni tas-sovranità
1. L-Istati Partijiet għandhom iwettqu l-obbligi tagħhom skont din il-Konvenzjoni b’mod konsistenti mal-prinċipji ta’ ugwaljanza sovrana u integrità territorjali tal-Istati u dak ta’ nuqqas ta’ intervent fl-affarijiet domestiċi ta’ Stati oħrajn.
2. F’din il-Konvenzjoni ma hemm xejn li għandu jintitola lil Stat Parti jeżerċita ġuriżdizzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jwettaq funzjonijiet li huma riżervati esklussivament għall-awtoritajiet ta’ dak l-Istat l-ieħor mil-liġi domestika tiegħu.
Artikolu 6
Rispett għad-drittijiet tal-bniedem
1. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom skont din il-Konvenzjoni tkun konsistenti mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.
2. F’din il-Konvenzjoni ma hemm xejn li għandu jiġi interpretat bħala li jippermetti t-trażżin tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet relatati mal-libertajiet tal-espressjoni, tal-kuxjenza, tal-opinjoni, tar-reliġjon jew tat-twemmin, tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni, f’konformità u b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem.
KAPITOLU II
KRIMINALIZZAZZJONI
Artikolu 7
Aċċess illegali
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn kif jista’ jkun meħtieġ biex jistabbilixxi bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tiegħu, meta jitwettaq intenzjonalment, l-aċċess għas-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni kollha kemm hi jew għal kwalunkwe parti minnha mingħajr dritt.
2. Stat Parti jista’ jitlob li r-reat jitwettaq billi jinkisru l-miżuri ta’ sigurtà, bl-intenzjoni li tinkiseb data elettronika jew b’intenzjoni diżonesta jew kriminali oħra jew b’rabta ma’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li tkun konnessa ma’ sistema oħra tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.
Artikolu 8
Interċettazzjoni illegali
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn kif jista’ jkun meħtieġ biex jistabbilixxi bħala reati kriminali skont il-liġi domestika tiegħu, meta jitwettqu intenzjonalment u mingħajr dritt, l-interċettazzjoni, magħmula b’mezzi tekniċi, ta’ trażmissjonijiet mhux pubbliċi ta’ data elettronika lil, minn jew fi ħdan sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, inklużi emissjonijiet elettromanjetiċi minn sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li ġġorr tali data elettronika.
2. Stat Parti jista’ jirrikjedi li r-reat jitwettaq b’intenzjoni diżonesta jew kriminali, jew b’rabta ma’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li tkun konnessa ma’ sistema oħra tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.
Artikolu 9
Interferenza mad-data elettronika
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi bħala reati kriminali skont il-liġi domestika tiegħu, meta jitwettqu intenzjonalment u mingħajr dritt, il-ħsara, it-tħassir, id-deterjorament, l-alterazzjoni jew is-soppressjoni tad-data elettronika.
2. Stat Parti jista’ jirrikjedi li l-imġiba deskritta fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tirriżulta fi ħsara serja.
Artikolu 10
Interferenza ma’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni
Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi bħala reati kriminali skont il-liġi domestika tiegħu, meta jitwettqu intenzjonalment u mingħajr dritt, it-tfixkil serju tal-funzjonament ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni permezz tad-dħul, it-trażmissjoni, il-ħsara, it-tħassir, id-deterjorament, l-alterazzjoni jew is-soppressjoni tad-data elettronika.
Artikolu 11
Użu ħażin tal-apparat
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi bħala reati kriminali skont il-liġi domestika tiegħu, meta jitwettqu intenzjonalment u mingħajr dritt:
|
(a) |
Il-kisba, il-produzzjoni, il-bejgħ, l-akkwist għall-użu, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni jew inkella t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’:
bl-intenzjoni li l-apparat, inkluż programm, jew il-password, il-kredenzjali tal-aċċess, il-firma elettronika jew data simili jintużaw għall-fini tat-twettiq ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati stabbiliti f’konformità mal-Artikoli minn 7 sa 10 ta’ din il-Konvenzjoni; u |
|
(b) |
Il-pussess ta’ oġġett imsemmi fil-paragrafu 1(a)(i) jew (ii) ta’ dan l-Artikolu, bl-intenzjoni li jintuża għall-fini tat-twettiq ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati stabbiliti f’konformità mal-Artikoli minn 7 sa 10 ta’ din il-Konvenzjoni. |
2. Dan l-artikolu ma għandux jiġi interpretat bħala li jimponi responsabbiltà kriminali fejn il-kisba, il-produzzjoni, il-bejgħ, l-akkwist għall-użu, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni jew inkella t-tqegħid għad-dispożizzjoni, jew il-pussess imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux għall-fini tat-twettiq ta’ reat stabbilit f’konformità mal-Artikoli minn 7 sa 10 ta’ din il-Konvenzjoni, bħal għall-ittestjar awtorizzat jew il-protezzjoni ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.
3. Kull Stat Parti jista’ jirriżerva d-dritt li ma japplikax il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sakemm ir-riżerva ma tikkonċernax il-bejgħ, id-distribuzzjoni jew inkella t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1(a)(ii) ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 12
Falsifikazzjoni relatata mas-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jistabbilixxi bħala reati kriminali skont il-liġi domestika tiegħu, meta jitwettqu intenzjonalment u mingħajr dritt, id-dħul, l-alterazzjoni, it-tħassir jew is-soppressjoni ta’ data elettronika li tirriżulta f’data mhux awtentika bl-intenzjoni li jitqiesu jew jittieħdu azzjonijiet dwarhom għal finijiet legali daqslikieku kienu awtentiċi, irrispettivament minn jekk id-data tkunx tista’ tinqara u tinftiehem direttament jew le.
2. Stat Parti jista’ jirrikjedi intenzjoni ta’ ffrodar, jew intenzjoni diżonesta jew kriminali simili, qabel ma tiġi attribwita r-responsabbiltà kriminali.
Artikolu 13
Serq jew frodi relatati mas-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni
Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tiegħu, meta mwettqa intenzjonalment u mingħajr dritt, il-kawża ta’ telf ta’ proprjetà lil persuna oħra permezz ta’:
|
(a) |
Kwalunkwe dħul, alterazzjoni, tħassir jew soppressjoni ta’ data elettronika; |
|
(b) |
Kwalunkwe interferenza mal-funzjonament ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; |
|
(c) |
Kwalunkwe qerq fir-rigward ta’ ċirkostanzi fattwali magħmul permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li jwassal biex persuna tagħmel jew tonqos milli tagħmel kwalunkwe ħaġa li dik il-persuna kieku ma tagħmilx jew tonqos milli tagħmel; |
bl-intenzjoni frawdolenti jew diżonesta li persuna takkwista għaliha nnifisha jew għal persuna oħra, mingħajr dritt, qligħ fi flus jew proprjetà oħra.
Artikolu 14
Reati relatati ma’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal jew sfruttament sesswali tat-tfal online
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi bħala reati kriminali skont il-liġi domestika tiegħu, meta mwettqa intenzjonalment u mingħajr dritt, l-imġiba li ġejja:
|
(a) |
Il-produzzjoni, l-offerta, il-bejgħ, id-distribuzzjoni, it-trażmissjoni, ix-xandir, il-wiri, il-pubblikazzjoni jew inkella t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal jew sfruttament sesswali tat-tfal permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; |
|
(b) |
Is-solleċitazzjoni, l-akkwist jew l-aċċess għal materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal jew sfruttament sesswali tat-tfal permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; |
|
(c) |
Il-pussess jew il-kontroll ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal jew sfruttament sesswali tat-tfal maħżun f’sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jew f’mezz ieħor ta’ ħżin; |
|
(d) |
Il-finanzjament tar-reati stabbiliti f’konformità mas-subparagrafi (a) sa (c) ta’ dan il-paragrafu, li l-Istati Partijiet jistgħu jistabbilixxu bħala reat separat. |
2. Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, it-terminu “materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal jew sfruttament sesswali tat-tfal” għandu jinkludi materjal viżiv, u jista’ jinkludi kontenut bil-miktub jew bl-awdjo, li juri, jiddeskrivi jew jirrappreżenta kwalunkwe persuna taħt it-18-il sena:
|
(a) |
L-involviment f’attività sesswali reali jew simulata; |
|
(b) |
Fil-preżenza ta’ persuna li tkun qed tinvolvi ruħha f’xi attività sesswali; |
|
(c) |
Li l-partijiet sesswali tagħha jintwerew għal skopijiet primarjament sesswali; jew |
|
(d) |
Soġġetta għal tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti u tali materjal ikun ta’ natura sesswali. |
3. Stat Parti jista’ jirrikjedi li l-materjal identifikat fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jkun limitat għal materjal li:
|
(a) |
Juri, jiddeskrivi jew jirrappreżenta persuna eżistenti; jew |
|
(b) |
Juri viżwalment abbuż sesswali tat-tfal jew sfruttament sesswali tat-tfal. |
4. F’konformità mal-liġi domestika tagħhom u konsistenti mal-obbligi internazzjonali applikabbli, l-Istati Partijiet jistgħu jieħdu passi biex jeskludu l-kriminalizzazzjoni ta’:
|
(a) |
L-imġiba mit-tfal għal materjal iġġenerat minnhom infushom li jurihom; jew |
|
(b) |
Il-produzzjoni, it-trażmissjoni jew il-pussess kunsenswali ta’ materjal deskritt fil-paragrafu 2(a) sa (c) ta’ dan l-Artikolu, fejn l-imġiba sottostanti murija tkun legali kif iddeterminata mil-liġi domestika, u fejn tali materjal jinżamm esklussivament għall-użu privat u kunsenswali tal-persuni involuti. |
5. F’din il-Konvenzjoni ma hemm xejn li għandu jaffettwa kwalunkwe obbligu internazzjonali li jwassal aktar għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tat-tfal.
Artikolu 15
Solleċitazzjoni jew grooming għall-fini tat-twettiq ta’ reat sesswali kontra wild minuri
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi bħala reati kriminali skont il-liġi domestika tiegħu l-att ta’ komunikazzjoni, solleċitazzjoni, grooming jew kwalunkwe arranġament b’mod intenzjonali permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni bil-għan li jitwettaq reat sesswali kontra wild minuri, kif definit fil-liġi domestika, inkluż għat-twettiq ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ din il-Konvenzjoni.
2. Stat Parti jista’ jirrikjedi att li jmexxi ’l quddiem l-imġiba deskritta fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. Stat Parti jista’ jikkunsidra li jestendi l-kriminalizzazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b’rabta ma’ persuna maħsuba li hija wild minuri.
4. L-Istati Partijiet jistgħu jieħdu passi biex jeskludu l-kriminalizzazzjoni ta’ mġiba kif deskritta fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta mwettqa minn tfal.
Artikolu 16
Tixrid mhux kunsenswali ta’ immaġnijiet intimi
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi bħala reati kriminali skont il-liġi domestika tiegħu, meta jitwettqu intenzjonalment u mingħajr dritt, il-bejgħ, id-distribuzzjoni, it-trażmissjoni, il-pubblikazzjoni jew inkella t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ immaġni intima ta’ persuna permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, mingħajr il-kunsens tal-persuna murija fl-immaġni.
2. Għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, “immaġni intima” għandha tfisser reġistrazzjoni viżwali ta’ persuna li għandha aktar minn 18-il sena magħmula bi kwalunkwe mezz, inkluż ritratt jew reġistrazzjoni bil-vidjo, li hija ta’ natura sesswali, fejn il-partijiet sesswali tal-persuna jkunu esposti jew il-persuna tkun involuta f’attività sesswali, li kienet privata fil-ħin tar-reġistrazzjoni, u li fir-rigward tagħha l-persuna jew il-persuni murija jkunu żammew aspettattiva raġonevoli ta’ privatezza fil-ħin tar-reat.
3. Stat Parti jista’ jestendi d-definizzjoni ta’ immaġnijiet intimi, kif xieraq, għal xbihat ta’ persuni li għandhom inqas minn 18-il sena jekk ikunu ta’ età legali biex jinvolvu ruħhom f’attività sesswali skont il-liġi domestika u l-immaġni ma turix abbuż jew sfruttament tat-tfal.
4. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, persuna li għandha inqas minn 18-il sena u murija f’immaġni intima ma tistax tagħti l-kunsens tagħha għat-tixrid ta’ immaġni intima li tikkostitwixxi materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal jew sfruttament sesswali tat-tfal skont l-Artikolu 14 ta’ din il-Konvenzjoni.
5. Stat Parti jista’ jirrikjedi l-intenzjoni li ssir ħsara qabel ma tiġi attribwita r-responsabbiltà kriminali.
6. L-Istati Partijiet jistgħu jieħdu miżuri oħrajn li jikkonċernaw kwistjonijiet relatati ma’ dan l-Artikolu, f’konformità mal-liġi domestika tagħhom u konsistenti mal-obbligi internazzjonali applikabbli.
Artikolu 17
Ħasil tar-rikavat minn reati
1. Kull Stat Parti għandu jadotta, f’konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi domestika tiegħu, tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi bħala reati kriminali, meta jitwettqu intenzjonalment:
|
(a) |
|
|
(b) |
Soġġett għall-kunċetti bażiċi tas-sistema legali tiegħu:
|
2. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni jew l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:
|
(a) |
Kull Stat Parti għandu jistabbilixxi bħala reati predikati dawk ir-reati rilevanti stabbiliti f’konformità mal-Artikoli minn 7 sa 16 ta’ din il-Konvenzjoni; |
|
(b) |
Fil-każ ta’ Stati Partijiet li l-leġiżlazzjoni tagħhom tistabbilixxi lista ta’ reati predikati speċifiċi, huma għandhom, bħala minimu, jinkludu f’dik il-lista firxa komprensiva ta’ reati stabbiliti f’konformità mal-Artikoli minn 7 sa 16 ta’ din il-Konvenzjoni; |
|
(c) |
Għall-finijiet tas-subparagrafu (b) ta’ dan il-paragrafu, reati predikati għandhom jinkludu reati mwettqa kemm fil-ġuriżdizzjoni tal-Istat Parti inkwistjoni kif ukoll barra minnha. Madankollu, ir-reati mwettqa barra mill-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Parti għandhom jikkostitwixxu reati predikati biss meta l-imġiba rilevanti tkun reat kriminali skont il-liġi domestika tal-Istat fejn titwettaq u tkun reat kriminali skont il-liġi domestika tal-Istat Parti li jimplimenta jew japplika dan l-artikolu, kieku tkun twettqet hemmhekk; |
|
(d) |
Kull Stat Parti għandu jipprovdi kopji tal-liġijiet tiegħu li jagħtu effett lil dan l-Artikolu u ta’ kwalunkwe bidla sussegwenti għal tali liġijiet jew deskrizzjoni tagħhom lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti; |
|
(e) |
Jekk ikun meħtieġ mill-prinċipji fundamentali tal-liġi domestika ta’ Stat Parti, jista’ jiġi previst li r-reati stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx għall-persuni li jkunu wettqu r-reat predikat; |
|
(f) |
L-għarfien, l-intenzjoni jew l-iskop meħtieġa bħala element ta’ reat stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu dedotti minn ċirkostanzi fattwali oġġettivi. |
Artikolu 18
Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa, konsistenti mal-prinċipji legali tiegħu, biex jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi għall-parteċipazzjoni fir-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
2. Soġġetta għall-prinċipji legali tal-Istat Parti, ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi tista’ tkun kriminali, ċivili jew amministrattiva.
3. Tali responsabbiltà għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà kriminali tal-persuni fiżiċi li jkunu wettqu r-reati.
4. Kull Stat Parti għandu, b’mod partikolari, jiżgura li l-persuni ġuridiċi miżmuma responsabbli f’konformità ma’ dan l-Artikolu jkunu soġġetti għal sanzjonijiet kriminali jew mhux kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, inklużi sanzjonijiet monetarji.
Artikolu 19
Parteċipazzjoni u tentattiv
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi bħala reat kriminali, f’konformità mal-liġi domestika tiegħu, meta titwettaq intenzjonalment, il-parteċipazzjoni fi kwalunkwe kapaċità, bħal dik ta’ kompliċi, assistent jew istigatur, f’reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
2. Kull Stat Parti jista’ jadotta l-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn meħtieġa biex jistabbilixxi bħala reat kriminali, f’konformità mal-liġi domestika tiegħu, meta jitwettaq intenzjonalment, kwalunkwe tentattiv biex jitwettaq reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
3. Kull Stat Parti jista’ jadotta l-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn meħtieġa biex jistabbilixxi bħala reat kriminali, f’konformità mal-liġi domestika tiegħu, meta titwettaq intenzjonalment, it-tħejjija għal reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 20
Termini preskrittivi
Kull Stat Parti għandu, fejn xieraq, filwaqt li jikkunsidra l-gravità tar-reat, jistabbilixxi skont il-liġi domestika tiegħu perjodu twil ta’ termini preskrittivi li fih jibda proċedimenti għal kwalunkwe reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni u jistabbilixxi perjodu itwal ta’ termini preskrittivi jew jipprevedi s-sospensjoni tat-termini preskrittivi fejn l-allegat awtur tar-reat ikun evita l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Artikolu 21
Prosekuzzjoni, aġġudikazzjoni u sanzjonijiet
1. Kull Stat Parti għandu jagħmel it-twettiq ta’ reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni soġġett għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi li jqisu l-gravità tar-reat.
2. Kull Stat Parti jista’ jadotta, f’konformità mal-liġi domestika tiegħu, tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi aggravanti b’rabta mar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, inklużi ċirkostanzi li jaffettwaw infrastrutturi kritiċi ta’ informazzjoni.
3. Kull Stat Parti għandu jagħmel ħiltu biex jiżgura li tiġi eżerċitata kwalunkwe setgħa ġuridika diskrezzjonali skont il-liġi domestika tiegħu relatata mal-prosekuzzjoni ta’ persuni għal reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni sabiex tiġi massimizzata l-effettività tal-miżuri ta’ infurzar tal-liġi fir-rigward ta’ dawk ir-reati u b’kunsiderazzjoni dovuta għall-ħtieġa li jiġi skoraġġut it-twettiq ta’ tali reati.
4. Kull Stat Parti għandu jiżgura li kwalunkwe persuna mħarrka għal reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni tgawdi d-drittijiet u l-garanziji kollha f’konformità mal-liġi domestika u konsistenti mal-obbligi internazzjonali applikabbli tal-Istat Parti, inkluż id-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża.
5. Fil-każ ta’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, kull Stat Parti għandu jieħu miżuri xierqa, f’konformità mal-liġi domestika tiegħu u b’kunsiderazzjoni dovuta għad-drittijiet tad-difiża, biex ifittex li jiżgura li l-kundizzjonijiet imposti b’konnessjoni mad-deċiżjonijiet dwar ir-rilaxx sakemm isir il-proċess jew l-appell iqisu l-ħtieġa li tiġi żgurata l-preżenza tal-konvenut fi proċedimenti kriminali sussegwenti.
6. Kull Stat Parti għandu jqis il-gravità tar-reati kkonċernati meta jikkunsidra l-eventwalità ta’ rilaxx bikri jew parole ta’ persuni kkundannati għal tali reati.
7. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri xierqa fis-seħħ skont il-liġi domestika biex jipproteġu lit-tfal li jkunu akkużati b’reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, konsistenti mal-obbligi skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli applikabbli għaliha, kif ukoll strumenti internazzjonali jew reġjonali applikabbli oħrajn.
8. F’din il-Konvenzjoni ma hemm xejn li għandu jaffettwa l-prinċipju li d-deskrizzjoni tar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni u tad-difiżi legali applikabbli jew ta’ prinċipji legali oħrajn li jikkontrollaw il-legalità tal-imġiba hija riżervata għal-liġi domestika ta’ Stat Parti u li tali reati għandhom jiġu pproċessati u kkastigati f’konformità ma’ dik il-liġi.
KAPITOLU III
ĠURIŻDIZZJONI
Artikolu 22
Ġuriżdizzjoni
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq ir-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni meta:
|
(a) |
Ir-reat jitwettaq fit-territorju ta’ dak l-Istat Parti; jew |
|
(b) |
Ir-reat jitwettaq abbord bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ dak l-Istat Parti jew inġenju tal-ajru li jkun irreġistrat skont il-liġijiet ta’ dak l-Istat Parti fil-ħin meta jitwettaq ir-reat. |
2. Soġġett għall-Artikolu 5 ta’ din il-Konvenzjoni, Stat Parti jista’ wkoll jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq kwalunkwe reat bħal dan meta:
|
(a) |
Ir-reat jitwettaq kontra ċittadin ta’ dak l-Istat Parti; jew |
|
(b) |
Ir-reat jitwettaq minn ċittadin ta’ dak l-Istat Parti jew minn persuna apolida b’residenza abitwali fit-territorju tiegħu; jew |
|
(c) |
Ir-reat ikun wieħed minn dawk stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 17, il-paragrafu 1(b)(ii), ta’ din il-Konvenzjoni u jitwettaq barra mit-territorju tiegħu bil-ħsieb li jitwettaq reat stabbilit f’konformità mal-Artikolu 17, il-paragrafu 1(a)(i) jew (ii) jew (b)(i), ta’ din il-Konvenzjoni fit-territorju tiegħu; jew |
|
(d) |
Ir-reat jitwettaq kontra l-Istat Parti. |
3. Għall-finijiet tal-Artikolu 37, il-paragrafu 11, ta’ din il-Konvenzjoni, kull Stat Parti għandu jieħu tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq ir-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni meta l-allegat awtur tar-reat ikun preżenti fit-territorju tiegħu u ma jestradix lil tali persuna biss għar-raġuni li l-persuna hija waħda miċ-ċittadini tiegħu.
4. Kull Stat Parti jista’ wkoll jadotta tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq ir-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni meta l-allegat awtur tar-reat ikun preżenti fit-territorju tiegħu u ma jestradix il-persuna.
5. Jekk Stat Parti li jeżerċita l-ġuriżdizzjoni tiegħu skont il-paragrafu 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu jkun ġie nnotifikat, jew ikun sar jaf b’xi mod ieħor, li xi Stati Partijiet oħrajn ikunu qed iwettqu investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċediment ġudizzjarju fir-rigward tal-istess imġiba, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin, kif xieraq, bil-ħsieb li jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom.
6. Mingħajr preġudizzju għan-normi tad-dritt internazzjonali ġenerali, din il-Konvenzjoni ma għandhiex teskludi l-eżerċitar ta’ kwalunkwe ġuriżdizzjoni kriminali stabbilita minn Stat Parti f’konformità mal-liġi domestika tiegħu.
KAPITOLU IV
MIŻURI PROĊEDURALI U INFURZAR TAL-LIĠI
Artikolu 23
Kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri proċedurali
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jistabbilixxi s-setgħat u l-proċeduri previsti f’dan il-kapitolu għall-fini ta’ investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali speċifiċi.
2. Ħlief kif previst mod ieħor f’din il-Konvenzjoni, kull Stat Parti għandu japplika s-setgħat u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal:
|
(a) |
Ir-reati kriminali stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni; |
|
(b) |
Reati kriminali oħrajn imwettqa permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; u |
|
(c) |
Il-ġbir ta’ evidenza f’forma elettronika ta’ kwalunkwe reat kriminali. |
|
3. |
|
dak l-Istat Parti jista’ jirriżerva d-dritt li ma japplikax dawn il-miżuri għal tali komunikazzjonijiet. Kull Stat Parti għandu jikkunsidra li jirrestrinġi tali riżerva sabiex jippermetti l-usa’ applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikoli 29 u 30 ta’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 24
Kundizzjonijiet u salvagwardji
1. Kull Stat Parti għandu jiżgura li l-istabbiliment, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tas-setgħat u tal-proċeduri previsti f’dan il-kapitolu jkunu soġġetti għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji previsti skont il-liġi domestika tiegħu, li għandhom jipprevedu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, f’konformità mal-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li għandhom jinkorporaw il-prinċipju tal-proporzjonalità.
2. F’konformità ma’ u skont il-liġi domestika ta’ kull Stat Parti, tali kundizzjonijiet u salvagwardji għandhom, kif xieraq fid-dawl tan-natura tal-proċedura jew tas-setgħa kkonċernata, jinkludu, fost l-oħrajn, stħarriġ ġudizzjarju jew rieżami indipendenti ieħor, id-dritt għal rimedju effettiv, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni, u l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u d-durata ta’ tali setgħa jew proċedura.
3. Sa fejn ikun konsistenti mal-interess pubbliku, b’mod partikolari l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, kull Stat Parti għandu jikkunsidra l-impatt tas-setgħat u tal-proċeduri f’dan il-kapitolu fuq id-drittijiet, ir-responsabbiltajiet u l-interessi leġittimi ta’ partijiet terzi.
4. Il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji stabbiliti f’konformità ma’ dan l-artikolu għandhom japplikaw fil-livell domestiku għas-setgħat u l-proċeduri stabbiliti f’dan il-kapitolu, kemm għall-fini ta’ investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali domestiċi, kif ukoll għall-fini tal-għoti ta’ kooperazzjoni internazzjonali mill-Istat Parti rikjest.
5. Ir-referenzi għal stħarriġ ġudizzjarju jew rieżami indipendenti ieħor fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu huma referenzi għal tali rieżami fil-livell domestiku.
Artikolu 25
Preservazzjoni mgħaġġla tad-data elettronika maħżuna
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu jistgħu jordnaw jew jiksbu bl-istess mod il-preservazzjoni mgħaġġla tad-data elettronika speċifikata, inklużi data dwar it-traffiku, data dwar il-kontenut u informazzjoni dwar l-abbonati, li jkunu ġew maħżuna permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, b’mod partikolari fejn ikun hemm raġunijiet biex jitwemmen li d-data elettronika hija partikolarment vulnerabbli għal telf jew modifika.
2. Meta Stat Parti jagħti effett lill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu permezz ta’ ordni lil persuna biex tippreserva d-data elettronika maħżuna speċifikata fil-pussess jew fil-kontroll tal-persuna, l-Istat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jobbliga lil dik il-persuna tippreserva u żżomm l-integrità ta’ dik id-data elettronika għal perjodu ta’ żmien sakemm ikun meħtieġ, sa massimu ta’ 90 jum, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jfittxu d-divulgazzjoni tagħha. Stat Parti jista’ jipprevedi li tali ordni sussegwentement tiġġedded.
3. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jobbliga lill-kustodju jew lil persuna oħra li għandha tippreżerva d-data elettronika żżomm kunfidenzjali t-twettiq ta’ tali proċeduri għall-perjodu ta’ żmien previst fil-leġiżlazzjoni domestika tiegħu.
Artikolu 26
Preservazzjoni mgħaġġla u divulgazzjoni parzjali tad-data dwar it-traffiku
Kull Stat Parti għandu jadotta, fir-rigward tad-data dwar it-traffiku li għandha tiġi ppreservata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 ta’ din il-Konvenzjoni, tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex:
|
(a) |
Jiżgura li tali preservazzjoni mgħaġġla tad-data dwar it-traffiku tkun disponibbli, irrispettivament minn jekk fornitur ta’ servizz wieħed jew aktar kinux involuti fit-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni; u |
|
(b) |
Jiżgura d-divulgazzjoni mgħaġġla lill-awtorità kompetenti tal-Istat Parti, jew lil persuna maħtura minn dik l-awtorità, ta’ ammont suffiċjenti ta’ data dwar it-traffiku li tippermetti lill-Istat Parti jidentifika l-fornituri ta’ servizzi u l-mogħdija li minnha ġiet trażmessa l-komunikazzjoni jew l-informazzjoni indikata. |
Artikolu 27
Ordni ta’ produzzjoni
Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu sabiex jordnaw lil:
|
(a) |
Persuna fit-territorju tiegħu biex tissottometti data elettronika speċifikata fil-pussess jew fil-kontroll ta’ dik il-persuna li tinħażen f’sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jew f’mezz elettroniku għall-ħżin tad-data; u |
|
(b) |
Fornitur ta’ servizzi li joffri s-servizzi tiegħu fit-territorju tal-Istat Parti biex jissottometti informazzjoni dwar l-abbonati relatata ma’ tali servizzi fil-pussess jew fil-kontroll ta’ dak il-fornitur ta’ servizzi. |
Artikolu 28
Tiftix u qbid tad-data elettronika maħżuna
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu biex ifittxu jew jaċċessaw b’mod simili:
|
(a) |
Sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, jew parti minnha, u d-data elettronika maħżuna fiha; u |
|
(b) |
Mezz elettroniku għall-ħżin tad-data li fih tista’ tinħażen id-data elettronika mfittxija; |
fit-territorju ta’ dak l-Istat Parti.
2. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiżgura li, fejn l-awtoritajiet tiegħu jfittxu jew jaċċessaw b’mod simili sistema speċifika tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, jew parti minnha, skont il-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu, u jkollhom raġunijiet biex jemmnu li d-data elettronika mfittxija tinħażen f’sistema oħra tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, jew parti minnha, fit-territorju tiegħu, u tali data tkun legalment aċċessibbli mis-sistema inizjali jew disponibbli għaliha, tali awtoritajiet għandhom ikunu jistgħu jwettqu t-tfittxija malajr biex jiksbu aċċess għal dik is-sistema l-oħra tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.
3. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu biex jaqbdu jew jiksbu b’mod simili data elettronika fit-territorju tiegħu aċċessata f’konformità mal-paragrafu 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu s-setgħa li:
|
(a) |
Jaħtfu jew jiksbu b’mod simili sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jew parti minnha, jew mezz elettroniku għall-ħżin tad-data; |
|
(b) |
Jagħmlu u jżommu kopji ta’ dik id-data elettronika f’forma elettronika; |
|
(c) |
Iżommu l-integrità tad-data elettronika maħżuna rilevanti; |
|
(d) |
Jagħmlu inaċċessibbli jew ineħħu dik id-data elettronika fis-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni aċċessata. |
4. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu sabiex jordnaw lil kwalunkwe persuna li jkollha għarfien dwar il-funzjonament tas-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni inkwistjoni, in-network tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjoni, jew il-partijiet komponenti tagħhom, jew il-miżuri applikati biex jipproteġu d-data elettronika fihom, tipprovdi, kif ikun raġonevoli, l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 29
Ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it-traffiku
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu biex:
|
(a) |
Jiġbru jew jirreġistraw, permezz tal-applikazzjoni ta’ mezzi tekniċi fit-territorju ta’ dak l-Istat Parti; u |
|
(b) |
Iġiegħlu lil fornitur ta’ servizzi, fil-kapaċità teknika eżistenti tiegħu:
|
data dwar it-traffiku, f’ħin reali, assoċjata ma’ komunikazzjonijiet speċifikati fit-territorju tiegħu trażmessa permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.
2. Meta Stat Parti, minħabba l-prinċipji tas-sistema legali domestika tiegħu, ma jkunx jista’ jadotta l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu, huwa jista’ minflok jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiżgura l-ġbir jew ir-reġistrazzjoni f’ħin reali tad-data dwar it-traffiku assoċjata ma’ komunikazzjonijiet speċifikati trażmessi fit-territorju tiegħu, permezz tal-applikazzjoni ta’ mezzi tekniċi f’dak it-territorju.
3. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jobbliga lil fornitur ta’ servizzi jżomm kunfidenzjali l-fatt tal-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe setgħa prevista f’dan l-Artikolu u kwalunkwe informazzjoni relatata magħha.
Artikolu 30
Interċettazzjoni tad-data dwar il-kontenut
1. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa, b’rabta ma’ firxa ta’ reati kriminali serji li għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi domestika, biex jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu biex:
|
(a) |
Jiġbru jew jirreġistraw, permezz tal-applikazzjoni ta’ mezzi tekniċi fit-territorju ta’ dak l-Istat Parti; u |
|
(b) |
Iġiegħlu lil fornitur ta’ servizzi, fil-kapaċità teknika eżistenti tiegħu:
|
data dwar il-kontenut, f’ħin reali, ta’ komunikazzjonijiet speċifikati fit-territorju tiegħu trażmessi permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.
2. Meta Stat Parti, minħabba l-prinċipji tas-sistema legali domestika tiegħu, ma jkunx jista’ jadotta l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu, huwa jista’ minflok jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiżgura l-ġbir jew ir-reġistrazzjoni f’ħin reali tad-data dwar il-kontenut fuq komunikazzjonijiet speċifikati fit-territorju tiegħu, permezz tal-applikazzjoni ta’ mezzi tekniċi f’dak it-territorju.
3. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jobbliga lil fornitur ta’ servizzi jżomm kunfidenzjali l-fatt tal-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe setgħa prevista f’dan l-Artikolu u kwalunkwe informazzjoni relatata magħha.
Artikolu 31
Iffriżar, qbid u konfiska tar-rikavat minn attività kriminali
1. Kull Stat Parti għandu jadotta, sa fejn ikun possibbli fis-sistema legali domestika tiegħu, tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jippermettu l-konfiska ta’:
|
(a) |
Rikavat minn attività kriminali derivata minn reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni jew proprjetà li l-valur tagħha jikkorrispondi għal dak ta’ tali rikavat; |
|
(b) |
Proprjetà, tagħmir jew strumenti oħrajn użati jew maħsuba biex jintużaw f’reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni. |
2. Kull Stat Parti għandu jadotta tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jippermetti l-identifikazzjoni, it-traċċar, l-iffriżar jew il-qbid ta’ kwalunkwe oġġett imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-fini ta’ konfiska eventwali.
3. Kull Stat Parti għandu jadotta, f’konformità mal-liġi domestika tiegħu, tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jirregola l-amministrazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-proprjetà ffriżata, maqbuda jew ikkonfiskata koperta fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.
4. Jekk ir-rikavat minn attività kriminali jkun ġie ttrasformat jew ikkonvertit, parzjalment jew kompletament, fi proprjetà oħra, tali proprjetà għandha tkun soġġetta għall-miżuri msemmija f’dan l-artikolu minflok ir-rikavat.
5. Jekk ir-rikavat minn attività kriminali jkun tħallat ma’ proprjetà miksuba minn sorsi leġittimi, tali proprjetà għandha, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe setgħa relatata mal-iffriżar jew mal-qbid, tkun soġġetta għal konfiska sal-valur ivvalutat tar-rikavat imħallat.
6. L-introjtu jew benefiċċji oħrajn derivati mir-rikavat minn attività kriminali, minn proprjetà li fiha jkun ġie ttrasformat jew ikkonvertit ir-rikavat minn attività kriminali jew minn proprjetà li magħha jkun tħallat ir-rikavat minn attività kriminali, għandhom ukoll ikunu soġġetti għall-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu, bl-istess mod u sal-istess punt bħar-rikavat minn attività kriminali.
7. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 50 ta’ din il-Konvenzjoni, kull Stat Parti għandu jagħti s-setgħa lill-qrati tiegħu jew lil awtoritajiet kompetenti oħrajn sabiex jordnaw li r-rekords bankarji, finanzjarji jew kummerċjali jsiru disponibbli jew jiġu ssekwestrati. Stat Parti ma għandux jirrifjuta li jaġixxi skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu abbażi tas-segretezza bankarja.
8. Kull Stat Parti jista’ jikkunsidra l-possibbiltà li jirrikjedi li awtur ta’ reat juri l-oriġini legali tal-allegat rikavat minn attività kriminali jew proprjetà oħra soġġetta għal konfiska, sa fejn tali rekwiżit ikun konsistenti mal-prinċipji tal-liġi domestika tiegħu u man-natura tal-proċedimenti ġudizzjarji u oħrajn.
9. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu interpretati bħala li jippreġudikaw id-drittijiet ta’ partijiet terzi bona fide.
10. F’dan l-Artikolu ma hemm xejn li għandu jaffettwa l-prinċipju li l-miżuri li jirreferi għalihom għandhom jiġu definiti u implimentati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika ta’ Stat Parti.
Artikolu 32
Stabbiliment ta’ rekord kriminali
Kull Stat Parti jista’ jadotta tali miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex iqis, taħt tali termini u għall-iskop li jqis xieraq, kwalunkwe kundanna preċedenti fi Stat ieħor ta’ allegat awtur ta’ reat għall-fini tal-użu ta’ tali informazzjoni fi proċedimenti kriminali relatati ma’ reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 33
Protezzjoni tax-xhieda
1. Kull Stat Parti għandu jieħu miżuri xierqa, f’konformità mal-liġi domestika tiegħu u fi ħdan il-mezzi tiegħu, biex jipprovdi protezzjoni effettiva minn ritaljazzjoni jew intimidazzjoni potenzjali għal xhieda li jagħtu prova jew, in bona fide u fuq bażi raġonevoli, biex jipprovdi informazzjoni dwar reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni jew inkella jikkoopera ma’ awtoritajiet investigattivi jew ġudizzjarji u, kif xieraq, għall-qraba tagħhom u għal persuni oħrajn qrib tagħhom.
2. Il-miżuri previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-konvenut, inkluż id-dritt għal proċess dovut:
|
(a) |
L-istabbiliment ta’ proċeduri għall-protezzjoni fiżika ta’ tali persuni, bħal, sa fejn ikun meħtieġ u fattibbli, ir-rilokazzjoni tagħhom u l-permess, fejn xieraq, għan-nuqqas ta’ divulgazzjoni jew il-limitazzjonijiet fuq id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-identità u l-post fejn jinsabu tali persuni; |
|
(b) |
L-għoti ta’ regoli evidenzjarji biex jippermettu li l-provi tax-xhieda jingħataw b’mod li jiżgura s-sikurezza tax-xhud, bħall-permess li x-xhieda tingħata permezz tal-użu ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni bħal kollegamenti bil-vidjo jew mezzi adegwati oħrajn. |
3. L-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw li jidħlu fi ftehimiet jew arranġamenti ma’ Stati oħrajn għar-rilokazzjoni tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
4. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll għall-vittmi sa fejn ikunu xhieda.
Artikolu 34
Assistenza lill-vittmi u l-protezzjoni tagħhom
1. Kull Stat Parti għandu jieħu miżuri xierqa fi ħdan il-mezzi tiegħu biex jipprovdi assistenza u protezzjoni lill-vittmi ta’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, b’mod partikolari f’każijiet ta’ theddida ta’ ritaljazzjoni jew intimidazzjoni.
2. Kull Stat Parti għandu, soġġett għal-liġi domestika tiegħu, jistabbilixxi proċeduri xierqa biex jipprovdi aċċess għal kumpens u restituzzjoni għall-vittmi ta’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
3. Kull Stat Parti għandu, soġġett għal-liġi domestika tiegħu, jippermetti li l-fehmiet u t-tħassib tal-vittmi jiġu ppreżentati u kkunsidrati fi stadji xierqa tal-proċedimenti kriminali kontra l-awturi tar-reati b’mod li ma jippreġudikax id-drittijiet tad-difiża.
4. Fir-rigward tar-reati stabbiliti f’konformità mal-Artikoli minn 14 sa 16 ta’ din il-Konvenzjoni, kull Stat Parti għandu, soġġett għal-liġi domestika tiegħu, jieħu miżuri biex jipprovdi assistenza lill-vittmi ta’ tali reati, inkluż għall-irkupru fiżiku u psikoloġiku tagħhom, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u elementi oħrajn tas-soċjetà ċivili.
5. Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi minn 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, kull Stat Parti għandu jqis l-età, il-ġeneru u ċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet partikolari tal-vittmi, inklużi ċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet partikolari tat-tfal.
6. Kull Stat Parti għandu, sa fejn ikun konsistenti mal-qafas legali domestiku tiegħu, jieħu passi effettivi biex jiżgura l-konformità mat-talbiet biex jitneħħa jew isir inaċċessibbli l-kontenut deskritt fl-Artikoli 14 u 16 ta’ din il-Konvenzjoni.
KAPITOLU V
KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI
Artikolu 35
Prinċipji ġenerali tal-kooperazzjoni internazzjonali
1. L-Istati Partijiet għandhom jikkooperaw ma’ xulxin f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, kif ukoll ma’ strumenti internazzjonali applikabbli oħrajn dwar il-kooperazzjoni internazzjonali f’materji kriminali, u mal-liġijiet domestiċi, għall-fini ta’:
|
(a) |
L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’, u proċedimenti ġudizzjarji b’rabta ma’, ir-reati kriminali stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, inklużi l-iffriżar, il-qbid, il-konfiska u r-ritorn tar-rikavat minn tali reati; |
|
(b) |
Il-ġbir, il-kisba, il-preservazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ evidenza f’forma elettronika ta’ reati kriminali stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni; |
|
(c) |
Il-ġbir, il-kisba, il-preservazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ evidenza f’forma elettronika ta’ kwalunkwe reat serju, inklużi reati serji stabbiliti f’konformità ma’ konvenzjonijiet u protokolli applikabbli oħrajn tan-Nazzjonijiet Uniti fis-seħħ fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din il-Konvenzjoni. |
2. Għall-fini tal-ġbir, il-kisba, il-preservazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ evidenza f’forma elettronika ta’ reati kif previst fil-paragrafu 1(b) u (c) ta’ dan l-Artikolu, għandhom japplikaw il-paragrafi rilevanti tal-Artikolu 40, u l-Artikoli minn 41 sa 46 ta’ din il-Konvenzjoni.
3. Fi kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali, kull meta l-kriminalità doppja titqies bħala rekwiżit, għandu jitqies issodisfat irrispettivament minn jekk il-liġijiet tal-Istat Parti rikjest iqiegħdux ir-reat fl-istess kategorija ta’ reat jew jiddenominawx ir-reat bl-istess terminoloġija bħall-Istat Parti rikjedenti, jekk l-imġiba sottostanti għar-reat li għalih tintalab l-assistenza tkun reat kriminali skont il-liġijiet taż-żewġ Stati Partijiet.
Artikolu 36
Protezzjoni ta’ data personali
|
1. |
|
2. Għal data personali ttrasferita f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li d-data personali riċevuta tkun soġġetta għal salvagwardji effettivi u xierqa fl-oqfsa legali rispettivi tal-Istati Partijiet.
3. Sabiex jittrasferixxi d-data personali miksuba f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, Stat Parti għandu jinnotifika lill-Istat Parti trasferenti oriġinali bl-intenzjoni tiegħu u jitlob l-awtorizzazzjoni tiegħu.
L-Istat Parti għandu jittrasferixxi tali data personali biss bl-awtorizzazzjoni tal-Istat Parti trasferenti oriġinali, li jista’ jirrikjedi li l-awtorizzazzjoni tiġi pprovduta bil-miktub.
Artikolu 37
Estradizzjoni
1. Dan l-Artikolu għandu japplika għar-reati kriminali stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, fejn il-persuna li hija s-suġġett tat-talba għal estradizzjoni tkun preżenti fit-territorju tal-Istat Parti rikjest, diment li r-reat li għalih tintalab l-estradizzjoni jkun punibbli skont il-liġi domestika kemm tal-Istat Parti rikjedenti kif ukoll tal-Istat Parti rikjest. Meta tintalab l-estradizzjoni bl-iskop li tiġi skontata sentenza finali ta’ priġunerija jew forma oħra ta’ detenzjoni imposta fir-rigward ta’ reat li jista’ jwassal għal estradizzjoni, l-Istat Parti rikjest jista’ jagħti l-estradizzjoni f’konformità mal-liġi domestika.
2. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Stat Parti li l-liġi tiegħu tippermetti dan jista’ jagħti l-estradizzjoni ta’ persuna għal kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni li ma humiex punibbli skont il-liġi domestika tiegħu stess.
3. Jekk it-talba għal estradizzjoni tinkludi diversi reati kriminali separati, li mill-inqas wieħed minnhom jista’ jwassal għal estradizzjoni skont dan l-Artikolu u li wħud minnhom ma jistgħux iwasslu għal estradizzjoni minħabba l-perjodu ta’ priġunerija tagħhom, iżda huma relatati ma’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, l-Istat Parti rikjest jista’ japplika dan l-Artikolu anke fir-rigward ta’ dawk ir-reati.
4. Kull wieħed mir-reati li għalihom japplika dan l-Artikolu għandu jitqies li huwa inkluż bħala reat li jista’ jwassal għal estradizzjoni fi kwalunkwe trattat dwar l-estradizzjoni li jeżisti bejn l-Istati Partijiet. L-Istati Partijiet jimpenjaw ruħhom li jinkludu tali reati bħala reati li jistgħu jwasslu għal estradizzjoni f’kull trattat dwar l-estradizzjoni li għandu jiġi konkluż bejniethom.
5. Jekk Stat Parti li jagħmel l-estradizzjoni kundizzjonali fuq l-eżistenza ta’ trattat jirċievi talba għal estradizzjoni minn Stat Parti ieħor li miegħu ma għandu l-ebda trattat dwar l-estradizzjoni, dan jista’ jqis din il-Konvenzjoni bħala l-bażi legali għall-estradizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe reat li għalih japplika dan l-Artikolu.
6. L-Istati Partijiet li jagħmlu l-estradizzjoni kundizzjonali fuq l-eżistenza ta’ trattat għandhom:
|
(a) |
Fil-ħin tad-depożitu tal-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jew ta’ adeżjoni magħha, jinformaw lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jekk humiex se jieħdu din il-Konvenzjoni bħala l-bażi legali għall-kooperazzjoni fl-estradizzjoni ma’ Stati Partijiet oħrajn għal din il-Konvenzjoni; u |
|
(b) |
Jekk ma jiħdux din il-Konvenzjoni bħala l-bażi legali għall-kooperazzjoni fl-estradizzjoni, ifittxu, fejn xieraq, li jikkonkludu trattati dwar l-estradizzjoni ma’ Stati Partijiet oħrajn għal din il-Konvenzjoni sabiex jimplimentaw dan l-Artikolu. |
7. Bejniethom, l-Istati Partijiet li ma jagħmlux l-estradizzjoni kundizzjonali fuq l-eżistenza ta’ trattat għandhom jirrikonoxxu r-reati li għalihom japplika dan l-Artikolu bħala reati li jistgħu jwasslu għal estradizzjoni.
8. L-estradizzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet previsti mil-liġi domestika tal-Istat Parti rikjest jew mit-trattati dwar l-estradizzjoni applikabbli, inklużi, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet b’rabta mar-rekwiżit ta’ piena minima għall-estradizzjoni u r-raġunijiet li għalihom l-Istat Parti rikjest jista’ jirrifjuta l-estradizzjoni.
9. Soġġetti għal-liġi domestika tagħhom, l-Istati Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex iħaffu l-proċeduri ta’ estradizzjoni u jissimplifikaw ir-rekwiżiti evidenzjarji relatati magħhom fir-rigward ta’ kwalunkwe reat li għalih japplika dan l-Artikolu.
10. Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika tiegħu u t-trattati dwar l-estradizzjoni tiegħu, l-Istat Parti rikjest jista’, wara li jkun sodisfatt li ċ-ċirkostanzi jiġġustifikaw dan u jkunu urġenti, u fuq talba tal-Istat Parti rikjedenti, inkluż meta t-talba tiġi trażmessa permezz tal-mezzi eżistenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali, jieħu f’kustodja persuna li tkun qed tintalab l-estradizzjoni tagħha u li tkun preżenti fit-territorju tiegħu, jew jieħu miżuri xierqa oħrajn biex jiżgura l-preżenza tal-persuna fil-proċedimenti ta’ estradizzjoni.
11. Stat Parti li fit-territorju tiegħu jinstab allegat reat ta’ awtur, jekk ma jestradix tali persuna fir-rigward ta’ reat li għalih japplika dan l-Artikolu għar-raġuni biss li l-persuna hija waħda miċ-ċittadini tiegħu, għandu, fuq talba tal-Istat Parti li jkun qed jitlob l-estradizzjoni, ikun obbligat li jissottometti l-każ mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu għall-iskop ta’ prosekuzzjoni. Dawk l-awtoritajiet għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom u jwettqu l-proċedimenti tagħhom bl-istess mod bħal fil-każ ta’ kwalunkwe reat ieħor ta’ natura komparabbli skont il-liġi domestika ta’ dak l-Istat Parti. L-Istati Partijiet ikkonċernati għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, b’mod partikolari dwar aspetti proċedurali u evidenzjarji, sabiex jiżguraw l-effiċjenza ta’ tali prosekuzzjoni.
12. Kull meta Stat Parti jkun permess skont il-liġi domestika tiegħu li jestradixxi jew inkella jikkonsenja wieħed miċ-ċittadini tiegħu biss bil-kundizzjoni li l-persuna tiġi rritornata lejn dak l-Istat Parti biex tiskonta s-sentenza imposta bħala riżultat tal-proċess jew tal-proċedimenti li għalihom tkun intalbet l-estradizzjoni jew il-konsenja tal-persuna u dak l-Istat Parti u l-Istat Parti li titlob l-estradizzjoni tal-persuna jaqblu ma’ din l-għażla u ma’ termini oħrajn li jistgħu jqisu bħala xierqa, tali estradizzjoni jew konsenja kundizzjonali għandha tkun biżżejjed biex teżenta l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 11 ta’ dan l-Artikolu.
13. Jekk l-estradizzjoni, mitluba għall-finijiet tal-infurzar ta’ sentenza, tiġi miċħuda minħabba li l-persuna mfittxija tkun ċittadin tal-Istat Parti rikjest, l-Istat Parti rikjest ħandu, jekk il-liġi domestika tiegħu tippermetti dan u f’konformità mar-rekwiżiti ta’ tali liġi, mal-applikazzjoni tal-Istat Parti rikjedenti, jikkunsidra l-infurzar tas-sentenza imposta skont il-liġi domestika tal-Istat Parti rikjedenti jew il-bqija tagħha.
14. Kwalunkwe persuna li fir-rigward tagħha jkunu qed jitwettqu proċedimenti b’konnessjoni ma’ kwalunkwe wieħed mir-reati li għalihom japplika dan l-Artikolu għandha tiġi garantita trattament ġust fl-istadji kollha tal-proċedimenti, inkluża t-tgawdija tad-drittijiet u l-garanziji kollha previsti mil-liġi domestika tal-Istat Parti li fit-territorju tiegħu tkun preżenti dik il-persuna.
15. F’din il-Konvenzjoni ma hemm xejn li għandu jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu ta’ estradizzjoni jekk l-Istat Parti rikjest ikollu raġunijiet sostanzjali biex jemmen li t-talba tkun saret għall-fini ta’ prosekuzzjoni jew piena ta’ persuna minħabba s-sess, ir-razza, il-lingwa, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, l-oriġini etnika jew l-opinjonijiet politiċi ta’ dik il-persuna, jew li l-konformità mat-talba tikkawża preġudizzju għall-pożizzjoni ta’ dik il-persuna għal kwalunkwe waħda minn dawn ir-raġunijiet.
16. L-Istati Partijiet ma jistgħux jirrifjutaw talba għal estradizzjoni għar-raġuni biss li r-reat jitqies ukoll li jinvolvi kwistjonijiet fiskali.
17. Qabel ma jirrifjuta l-estradizzjoni, l-Istat Parti rikjest għandu, fejn xieraq, jikkonsulta mal-Istat Parti rikjedenti biex jagħtih kull opportunità biex jippreżenta l-opinjonijiet tiegħu u biex jipprovdi informazzjoni rilevanti għall-allegazzjoni tiegħu.
18. L-Istat Parti rikjest għandu jinforma lill-Istat Parti rikjedenti bid-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-estradizzjoni. L-Istat Parti rikjest għandu jinforma lill-Istat Parti rikjedenti bi kwalunkwe raġuni għal rifjut ta’ estradizzjoni, sakemm l-Istat Parti rikjest ma jitwaqqafx milli jagħmel dan mil-liġi domestika tiegħu jew mill-obbligi legali internazzjonali tiegħu.
19. Kull Stat Parti għandu, fil-ħin tal-iffirmar jew meta jiddepożita l-istrument tiegħu ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, jikkomunika lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti l-isem u l-indirizz ta’ awtorità responsabbli biex tagħmel jew tirċievi talbiet għal estradizzjoni jew arrest provviżorju. Is-Segretarju Ġenerali għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornat reġistru tal-awtoritajiet hekk innominati mill-Istati Partijiet. Kull Stat Parti għandu jiżgura li d-dettalji miżmuma fir-reġistru jkunu korretti f’kull ħin.
20. L-Istati Partijiet għandhom ifittxu li jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali u multilaterali biex iwettqu l-estradizzjoni jew isaħħu l-effettività tagħha.
Artikolu 38
Trasferiment ta’ persuni kkundannati
L-Istati Partijiet jistgħu, filwaqt li jqisu d-drittijiet ta’ persuni kkundannati, jikkunsidraw li jidħlu fi ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali dwar it-trasferiment lejn it-territorju tagħhom ta’ persuni kkundannati għal priġunerija jew forom oħrajn ta’ ċaħda tal-libertà għal reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, sabiex ikunu jistgħu jlestu l-iskontar tas-sentenzi tagħhom hemmhekk. L-Istati Partijiet jistgħu jqisu wkoll kwistjonijiet relatati mal-kunsens, ir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni.
Artikolu 39
Trasferiment ta’ proċedimenti kriminali
1. L-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li jittrasferixxu lil xulxin proċedimenti għall-prosekuzzjoni kriminali ta’ reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni meta tali trasferiment jitqies li jkun fl-interessi tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, b’mod partikolari f’każijiet fejn ikunu involuti diversi ġuriżdizzjonijiet, bil-ħsieb li l-prosekuzzjoni tiġi kkonċentrata.
2. Jekk Stat Parti li jagħmel it-trasferiment ta’ proċedimenti kriminali kundizzjonali fuq l-eżistenza ta’ trattat jirċievi talba għal trasferiment minn Stat Parti ieħor li miegħu ma għandu l-ebda trattat f’din il-kwistjoni, huwa jista’ jikkunsidra din il-Konvenzjoni bħala l-bażi legali għat-trasferiment ta’ proċedimenti kriminali fir-rigward ta’ kwalunkwe reat li għalih japplika dan l-Artikolu.
Artikolu 40
Prinċipji u proċeduri ġenerali relatati mal-assistenza legali reċiproka
1. L-Istati Partijiet għandhom jagħtu lil xulxin l-aktar miżura wiesgħa ta’ assistenza legali reċiproka fl-investigazzjonijiet, fil-prosekuzzjonijiet u fil-proċedimenti ġudizzjarji b’rabta mar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, u għall-finijiet tal-ġbir ta’ evidenza f’forma elettronika ta’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, kif ukoll ta’ reati serji.
2. L-assistenza legali reċiproka għandha tingħata sal-massimu possibbli skont il-liġijiet, it-trattati, il-ftehimiet u l-arranġamenti rilevanti tal-Istat Parti rikjest fir-rigward tal-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-proċedimenti ġudizzjarji b’rabta mar-reati li għalihom persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ din il-Konvenzjoni fl-Istat Parti rikjedenti.
3. L-assistenza legali reċiproka li għandha tingħata f’konformità ma’ dan l-Artikolu tista’ tintalab għal kwalunkwe wieħed mill-iskopijiet li ġejjin:
|
(a) |
It-teħid ta’ evidenza jew dikjarazzjonijiet mingħand persuni; |
|
(b) |
It-twettiq ta’ notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji; |
|
(c) |
It-twettiq ta’ tfittxijiet, sekwestri u ffriżar; |
|
(d) |
It-tfittxija jew l-aċċess b’mod simili, is-sekwestru jew il-qbid b’mod simili, u d-divulgazzjoni ta’ data elettronika maħżuna permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni skont l-Artikolu 44 ta’ din il-Konvenzjoni; |
|
(e) |
Il-ġbir ta’ data dwar it-traffiku f’ħin reali skont l-Artikolu 45 ta’ din il-Konvenzjoni; |
|
(f) |
L-interċettazzjoni ta’ data dwar il-kontenut skont l-Artikolu 46 ta’ din il-Konvenzjoni; |
|
(g) |
L-eżaminazzjoni ta’ oġġetti u siti; |
|
(h) |
L-għoti ta’ informazzjoni, evidenza u evalwazzjonijiet ta’ esperti; |
|
(i) |
L-għoti ta’ kopji oriġinali jew iċċertifikati ta’ dokumenti u rekords rilevanti, inklużi rekords governattivi, bankarji, finanzjarji, korporattivi jew kummerċjali; |
|
(j) |
L-identifikazzjoni jew it-traċċar ta’ rikavat minn attività kriminali, proprjetà, strumenti jew affarijiet oħrajn għall-finijiet ta’ evidenza; |
|
(k) |
Il-faċilitazzjoni tad-dehra volontarja ta’ persuni fl-Istat Parti rikjedenti; |
|
(l) |
L-irkupru ta’ rikavat minn attività kriminali; |
|
(m) |
Kwalunkwe tip ieħor ta’ assistenza li ma tmurx kontra l-liġi domestika tal-Istat Parti rikjest. |
4. Mingħajr preġudizzju għal-liġi domestika, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Parti jistgħu, mingħajr talba minn qabel, jibagħtu informazzjoni relatata ma’ materji kriminali lil awtorità kompetenti fi Stat Parti ieħor meta jemmnu li tali informazzjoni tista’ tgħin lill-awtorità biex twettaq jew tikkonkludi b’suċċess inkjesti u proċedimenti kriminali jew tista’ tirriżulta f’talba fformulata mill-Istat Parti tal-aħħar skont din il-Konvenzjoni.
5. It-trażmissjoni ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-inkjesti u l-proċedimenti kriminali fl-Istat tal-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu l-informazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti li jirċievu l-informazzjoni għandhom jikkonformaw ma’ talba li dik l-informazzjoni tibqa’ kunfidenzjali, anke temporanjament, jew b’restrizzjonijiet fuq l-użu tagħha. Madankollu, dan ma għandux jimpedixxi lill-Istat Parti riċeventi milli jiddivulga fil-proċedimenti tiegħu informazzjoni li teżonera lil persuna akkużata. F’każ bħal dan, l-Istat Parti riċeventi għandu jinnotifika lill-Istat Parti trażmittenti qabel id-divulgazzjoni u, jekk jintalab, jikkonsulta mal-Istat Parti trażmittenti. Jekk, f’każ eċċezzjonali, ma jkunx possibbli li jingħata avviż minn qabel, l-Istat Parti riċeventi għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Istat Parti trażmittenti dwar id-divulgazzjoni.
6. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jaffettwaw l-obbligi taħt kwalunkwe trattat ieħor, bilaterali jew multilaterali, li jirregola jew se jirregola, kompletament jew parzjalment, l-assistenza legali reċiproka.
7. Il-paragrafi minn 8 sa 31 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għat-talbiet magħmula skont dan l-Artikolu jekk l-Istati Partijiet inkwistjoni ma jkunux marbuta bi trattat dwar l-assistenza legali reċiproka. Jekk dawk l-Istati Partijiet ikunu marbuta b’tali trattat, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dak it-trattat, sakemm l-Istati Partijiet ma jaqblux li japplikaw il-paragrafi minn 8 sa 31 ta’ dan l-Artikolu minflokhom. L-Istati Partijiet huma mħeġġa bil-qawwa biex japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dawk il-paragrafi jekk jiffaċilitaw il-kooperazzjoni.
8. L-Istati Partijiet jistgħu jirrifjutaw li jagħtu assistenza skont dan l-Artikolu abbażi tan-nuqqas ta’ kriminalità doppja. Madankollu, l-Istat Parti rikjest jista’, meta jqis li huwa xieraq, jipprovdi assistenza, sal-punt li jiddeċiedi hu fid-diskrezzjoni tiegħu, irrispettivament minn jekk l-imġiba tikkostitwix reat skont il-liġi domestika tal-Istat Parti rikjest. L-assistenza tista’ tiġi rrifjutata meta t-talbiet jinvolvu kwistjonijiet ta’ natura de minimis jew kwistjonijiet li għalihom il-kooperazzjoni jew l-assistenza mitluba tkun disponibbli skont dispożizzjonijiet oħrajn ta’ din il-Konvenzjoni.
9. Persuna li tkun qed tinżamm f’detenzjoni jew li tkun qed tiskonta sentenza fit-territorju ta’ Stat Parti wieħed u li l-preżenza tagħha fi Stat Parti ieħor tintalab għal finijiet ta’ identifikazzjoni, xhieda jew inkella biex tipprovdi assistenza biex tinkiseb evidenza għal investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji b’rabta ma’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni tista’ tiġi ttrasferita jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
Il-persuna tagħti kunsens infurmat liberament; |
|
(b) |
L-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati Partijiet jaqblu, soġġetti għal tali kundizzjonijiet li dawk l-Istati Partijiet jistgħu jqisu xierqa. |
10. Għall-finijiet tal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu:
|
(a) |
L-Istat Parti li lejh tiġi ttrasferita l-persuna għandu jkollu l-awtorità u l-obbligu li jżomm il-persuna ttrasferita f’kustodja, sakemm ma jintalabx jew ma jkunx awtorizzat mod ieħor mill-Istat Parti li minnu tkun ġiet ittrasferita l-persuna; |
|
(b) |
L-Istat Parti li lejh tiġi ttrasferita l-persuna għandu, mingħajr dewmien, jimplimenta l-obbligu tiegħu li jirritorna l-persuna fil-kustodja tal-Istat Parti li minnu tkun ġiet ittrasferita l-persuna kif miftiehem minn qabel, jew kif miftiehem mod ieħor, mill-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati Partijiet; |
|
(c) |
L-Istat Parti li lejh tiġi ttrasferita l-persuna ma għandux jirrikjedi li l-Istat Parti li minnu tkun ġiet ittrasferita l-persuna jibda proċedimenti ta’ estradizzjoni għar-ritorn tal-persuna; |
|
(d) |
Il-persuna ttrasferita għandha tirċievi kreditu għan-notifika tas-sentenza li tkun qed tiġi skontata fl-Istat li minnu tkun ġiet ittrasferita l-persuna għaż-żmien li qattgħet fil-kustodja tal-Istat Parti li lejh tkun ġiet ittrasferita l-persuna. |
11. Sakemm l-Istat Parti li minnu għandha tiġi ttrasferita persuna f’konformità mal-paragrafi 9 u 10 ta’ dan l-Artikolu ma jaqbilx hekk, dik il-persuna, irrispettivament min-nazzjonalità tal-persuna, ma għandhiex tiġi mħarrka, miżmuma f’detenzjoni, ikkastigata jew soġġetta għal xi restrizzjoni oħra tal-libertà fit-territorju tal-Istat li lejh tiġi ttrasferita dik il-persuna fir-rigward ta’ atti, ommissjonijiet jew kundanni qabel it-tluq tal-persuna mit-territorju tal-Istat li minnu tkun ġiet ittrasferita l-persuna.
|
12. |
|
13. It-talbiet għandhom isiru bil-miktub jew, fejn possibbli, bi kwalunkwe mezz li kapaċi jipproduċi rekord bil-miktub, b’lingwa aċċettabbli għall-Istat Parti rikjest, taħt kundizzjonijiet li jippermettu lil dak l-Istat Parti jistabbilixxi l-awtentiċità. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jiġi nnotifikat bil-lingwa jew lingwi aċċettabbli għal kull Stat Parti fil-mument li jiddepożita l-istrument tiegħu ta’ atifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jew l-adeżjoni magħha. F’ċirkostanzi urġenti, u fejn maqbul mill-Istati Partijiet, it-talbiet jistgħu jsiru bil-fomm, iżda għandhom jiġu kkonfermati bil-miktub mingħajr dewmien.
14. Fejn ma jkunux ipprojbiti mil-liġijiet rispettivi tagħhom, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Partijiet huma mħeġġa jibagħtu u jirċievu talbiet għal assistenza legali reċiproka, u komunikazzjonijiet relatati magħhom, kif ukoll evidenza, f’forma elettronika taħt kundizzjonijiet li jippermettu lill-Istat Parti rikjest jistabbilixxi l-awtentiċità u jiżgura s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet.
15. Talba għal assistenza legali reċiproka għandha tinkludi:
|
(a) |
L-identità tal-awtorità li tagħmel it-talba; |
|
(b) |
Is-suġġett u n-natura tal-investigazzjoni, tal-prosekuzzjoni jew tal-proċediment ġudizzjarju li magħhom hija relatata t-talba, u l-isem u l-funzjonijiet tal-awtorità li twettaq l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew il-proċediment ġudizzjarju; |
|
(c) |
Sommarju tal-fatti rilevanti, ħlief b’rabta mat-talbiet għall-fini ta’ konsenja ta’ dokumenti ġudizzjarji; |
|
(d) |
Deskrizzjoni tal-assistenza mitluba u dettalji ta’ kwalunkwe proċedura partikolari li l-Istat Parti rikjedenti jixtieq li tiġi segwita; |
|
(e) |
Fejn possibbli u xieraq, l-identità, il-post u n-nazzjonalità ta’ kwalunkwe persuna kkonċernata, kif ukoll il-pajjiż tal-oriġini, id-deskrizzjoni u l-post ta’ kwalunkwe oġġett jew kont ikkonċernat; |
|
(f) |
Fejn applikabbli, il-perjodu ta’ żmien li għalih qed tintalab l-evidenza, l-informazzjoni jew assistenza oħra; u |
|
(g) |
L-iskop li għalih qed tintalab l-evidenza, l-informazzjoni jew assistenza oħra. |
16. L-Istat Parti rikjest jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali meta din tidher neċessarja għall-eżekuzzjoni tat-talba f’konformità mal-liġi domestika tiegħu jew meta tista’ tiffaċilita tali eżekuzzjoni.
17. Talba għandha tiġi eżegwita f’konformità mal-liġi domestika tal-Istat Parti rikjest u, sa fejn ma tmurx kontra l-liġi domestika tal-Istat Parti rikjest u fejn possibbli, f’konformità mal-proċeduri speċifikati fit-talba.
18. Kull meta possibbli u konsistenti mal-prinċipji fundamentali tal-liġi domestika, meta individwu jkun fit-territorju ta’ Stat Parti u jkun irid jinstema’ bħala xhud, vittma jew espert mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Parti ieħor, l-ewwel Stat Parti jista’, fuq talba tal-ieħor, jippermetti li s-seduta ssir permezz ta’ vidjokonferenza jekk ma jkunx possibbli jew mixtieq li l-individwu inkwistjoni jidher personalment fit-territorju tal-Istat Parti rikjedenti. L-Istati Partijiet jistgħu jaqblu li s-seduta għandha titmexxa minn awtorità ġudizzjarja tal-Istat Parti rikjedenti u li matulha tattendi awtorità ġudizzjarja tal-Istat Parti rikjest. Jekk l-Istat Parti rikjest ma jkollux aċċess għall-mezzi tekniċi meħtieġa biex issir vidjokonferenza, tali mezzi jistgħu jiġu pprovduti mill-Istat Parti rikjedenti, bi ftehim reċiproku.
19. L-Istat Parti rikjedenti ma għandux jibgħat jew juża informazzjoni jew evidenza pprovduta mill-Istat Parti rikjest għal investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji minbarra dawk iddikjarati fit-talba mingħajr il-kunsens minn qabel tal-Istat Parti rikjest. F’dan il-paragrafu ma hemm xejn li għandu jimpedixxi lill-Istat Parti milli jiddivulga fil-proċedimenti tiegħu informazzjoni jew evidenza li teżonera lil persuna akkużata. Fil-każ tal-aħħar, l-Istat Parti rikjedenti għandu jinnotifika lill-Istat Parti rikjest qabel ma ssir id-divulgazzjoni u, jekk jintalab hekk, jikkonsulta mal-Istat Parti rikjest. Jekk, f’każ eċċezzjonali, ma jkunx possibbli li jingħata avviż minn qabel, l-Istat Parti rikjedenti għandu jinforma lill-Istat Parti rikjest dwar id-divulgazzjoni mingħajr dewmien.
20. L-Istat Parti rikjedenti jista’ jirrikjedi li l-Istat Parti rikjest iżomm kunfidenzjali l-fatti u s-sustanza tat-talba, ħlief sa fejn ikun meħtieġ għall-eżekuzzjoni tat-talba. Jekk l-Istat Parti rikjest ma jkunx jista’ jikkonforma mar-rekwiżit tal-kunfidenzjalità, huwa għandu jinforma minnufih lill-Istat Parti rikjedenti.
21. L-assistenza legali reċiproka tista’ tiġi rrifjutata:
|
(a) |
Jekk it-talba ma ssirx f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu; |
|
(b) |
Jekk l-Istat Parti rikjest iqis li l-eżekuzzjoni tat-talba x’aktarx tippreġudika s-sovranità, is-sigurtà, l-ordni pubbliku jew interessi essenzjali oħrajn tiegħu; |
|
(c) |
Jekk l-awtoritajiet tal-Istat Parti rikjest ikunu pprojbiti mil-liġi domestika tiegħu milli jwettqu l-azzjoni mitluba fir-rigward ta’ kwalunkwe reat simili, kieku kienu soġġetti għal investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedimenti ġudizzjarji taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom stess; |
|
(d) |
Jekk tkun tmur kontra s-sistema legali tal-Istat Parti rikjest relatata mal-assistenza legali reċiproka sabiex it-talba tintlaqa’. |
22. F’din il-Konvenzjoni ma hemm xejn li għandu jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu li tingħata assistenza legali reċiproka jekk l-Istat Parti rikjest ikollu raġunijiet sostanzjali biex jemmen li t-talba saret għall-fini ta’ prosekuzzjoni jew piena ta’ persuna minħabba s-sess, ir-razza, il-lingwa, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, l-oriġini etnika jew l-opinjonijiet politiċi ta’ dik il-persuna, jew li l-konformità mat-talba tikkawża preġudizzju għall-pożizzjoni ta’ dik il-persuna għal kwalunkwe waħda minn dawn ir-raġunijiet.
23. L-Istati Partijiet ma jistgħux jirrifjutaw talba għal assistenza legali reċiproka għar-raġuni biss li r-reat jitqies ukoll li jinvolvi kwistjonijiet fiskali.
24. L-Istati Partijiet ma għandhomx jirrifjutaw li jagħtu assistenza legali reċiproka skont dan l-Artikolu abbażi ta’ segretezza bankarja.
25. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut ta’ assistenza legali reċiproka.
26. L-Istat Parti rikjest għandu jeżeġwixxi t-talba għal assistenza legali reċiproka malajr kemm jista’ jkun u jqis bis-sħiħ kemm jista’ jkun kwalunkwe skadenza ssuġġerita mill-Istat Parti rikjedenti u li għaliha jingħataw raġunijiet, preferibbilment fit-talba. L-Istat Parti rikjest għandu jirrispondi għal talbiet raġonevoli mill-Istat Parti rikjedenti dwar l-istatus tat-talba u l-progress fl-immaniġġar tagħha. L-Istat Parti rikjedenti għandu jinforma minnufih lill-Istat Parti rikjest meta l-assistenza mitluba ma tibqax meħtieġa.
27. L-assistenza legali reċiproka tista’ tiġi posposta mill-Istat Parti rikjest għar-raġuni li tinterferixxi ma’ investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċediment ġudizzjarju li jkunu għaddejjin.
28. Qabel ma jirrifjuta talba skont il-paragrafu 21 ta’ dan l-Artikolu jew qabel ma jipposponi l-eżekuzzjoni tagħha skont il-paragrafu 27 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Parti rikjest għandu jikkonsulta mal-Istat Parti rikjedenti biex jikkunsidra jekk l-assistenza tistax tingħata soġġetta għal tali termini u kundizzjonijiet skont kif iqis li huwa neċessarju. Jekk l-Istat Parti rikjedenti jaċċetta l-assistenza soġġetta għal dawk il-kundizzjonijiet, huwa għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet.
29. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-paragrafu 11 ta’ dan l-Artikolu, xhud, espert jew persuna oħra li, fuq talba tal-Istat Parti rikjedenti, jagħtu l-kunsens tagħhom li jagħtu xhieda fi proċediment jew li jassistu f’investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċediment ġudizzjarju fit-territorju tal-Istat Parti rikjedenti ma għandhomx jiġu mħarrka, miżmuma f’detenzjoni, ikkastigati jew soġġetti għal kwalunkwe restrizzjoni oħra tal-libertà tal-persuna f’dak it-territorju fir-rigward ta’ atti, ommissjonijiet jew kundanni qabel it-tluq tal-persuna mit-territorju tal-Istat Parti rikjest. Tali mġiba sikura għandha tieqaf meta x-xhud, l-espert jew persuna oħra li kellhom, għal perjodu ta’ 15-il jum konsekuttiv jew għal kwalunkwe perjodu miftiehem mill-Istati Partijiet mid-data li fiha l-persuna tkun ġiet infurmata uffiċjalment li l-preżenza tal-persuna ma tkunx għadha meħtieġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji, opportunità li jitilqu, madankollu ikunu baqgħu volontarjament fit-territorju tal-Istat Parti rikjedenti jew, wara li jkunu telqu minnu, ikunu rritornaw minn jeddhom.
30. Il-kostijiet ordinarji tal-eżekuzzjoni ta’ talba għandhom jitħallsu mill-Istat Parti rikjest, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Istati Partijiet ikkonċernati. Jekk huma jew se jkunu meħtieġa spejjeż ta’ natura sostanzjali jew straordinarja sabiex tiġi ssodisfata t-talba, l-Istati Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex jiddeterminaw it-termini u l-kundizzjonijiet li taħthom se tiġi eżegwita t-talba, kif ukoll il-mod kif għandhom jitħallsu l-kostijiet.
31. L-Istat Parti rikjest:
|
(a) |
Għandu jipprovdi lill-Istat Parti rikjedenti kopji ta’ rekords, dokumenti jew informazzjoni tal-gvern fil-pussess tiegħu li skont il-liġi domestika tiegħu huma disponibbli għall-pubbliku ġenerali; |
|
(b) |
Jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, jipprovdi lill-Istat Parti rikjedenti, kompletament, parzjalment jew soġġett għal tali kundizzjonijiet li jqis xierqa, kopji ta’ kwalunkwe rekord, dokument jew informazzjoni tal-gvern fil-pussess tiegħu, li skont il-liġi domestika tiegħu ma humiex disponibbli għall-pubbliku ġenerali. |
32. L-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw, kif jista’ jkun meħtieġ, il-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali li jservu l-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, jagħtuhom effett prattiku jew isaħħuhom.
Artikolu 41
Network 24/7
1. Kull Stat Parti għandu jaħtar punt ta’ kuntatt disponibbli 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, sabiex jiżgura l-għoti ta’ assistenza immedjata għall-fini ta’ investigazzjonijiet kriminali, prosekuzzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji speċifiċi dwar reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, jew għall-ġbir, il-kisba u l-preservazzjoni ta’ evidenza f’forma elettronika għall-finijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u b’rabta mar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, kif ukoll ma’ kriminalità serja.
2. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jiġi nnotifikat b’tali punt ta’ kuntatt u jżomm reġistru aġġornat tal-punti ta’ kuntatt maħtura għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu u għandu jiċċirkola kull sena lill-Istati Partijiet il-lista aġġornata tal-punti ta’ kuntatt.
3. ali assistenza għandha tinkludi l-iffaċilitar jew, jekk permess mil-liġi u l-prattika domestika tal-Istat Parti rikjest, it-twettiq dirett tal-miżuri li ġejjin:
|
(a) |
L-għoti ta’ pariri tekniċi; |
|
(b) |
Il-preservazzjoni ta’ data elettronika maħżuna skont l-Artikoli 42 u 43 ta’ din il-Konvenzjoni, inkluża, kif xieraq, informazzjoni dwar il-post fejn ikun jinsab il-fornitur ta’ servizzi, jekk dan ikun magħruf mill-Istat Parti rikjest, sabiex isservi ta’ għajnuna għall-Istat Parti rikjedenti meta jiġi biex jagħmel talba; |
|
(c) |
Il-ġbir ta’ evidenza u l-għoti ta’ informazzjoni legali; |
|
(d) |
Il-lokalizzazzjoni ta’ persuni suspettati; jew |
|
(e) |
Il-forniment ta’ data elettronika biex tiġi evitata emerġenza. |
4. Punt ta’ kuntatt ta’ Stat Parti għandu jkollu l-kapaċità li jwettaq komunikazzjonijiet mal-punt ta’ kuntatt ta’ Stat Parti ieħor fuq bażi mgħaġġla. Jekk il-punt ta’ kuntatt maħtur minn Stat Parti ma jkunx parti mill-awtorità jew l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Parti responsabbli għall-assistenza legali reċiproka jew għall-estradizzjoni, il-punt ta’ kuntatt għandu jiżgura li jkun jista’ jikkoordina ma’ dik l-awtorità jew dawk l-awtoritajiet fuq bażi mgħaġġla.
5. Kull Stat Parti għandu jiżgura li jkun hemm persunal imħarreġ u mgħammar disponibbli biex jiżgura t-tħaddim tan-network 24/7.
6. L-Istati Partijiet jistgħu jużaw u jsaħħu wkoll in-networks awtorizzati eżistenti ta’ punti ta’ kuntatt, fejn applikabbli, u fil-limiti tal-liġijiet domestiċi tagħhom, inklużi n-networks 24/7 għall-kriminalità relatata mal-kompjuter tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali għal kooperazzjoni fil-pront bejn il-pulizija u metodi oħrajn ta’ kooperazzjoni fl-iskambju ta’ informazzjoni.
Artikolu 42
Kooperazzjoni internazzjonali għall-fini ta’ preservazzjoni mgħaġġla tad-data elettronika maħżuna
1. Stat Parti jista’ jitlob lil Stat Parti ieħor biex jordna jew inkella jikseb, f’konformità mal-Artikolu 25 ta’ din il-Konvenzjoni, il-preservazzjoni rapida tad-data elettronika maħżuna permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li tinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat Parti l-ieħor, u li fir-rigward tagħha l-Istat Parti rikjedenti jkun biħsiebu jissottometti talba għal assistenza legali reċiproka fit-tfittxija jew aċċess simili, sekwestru jew kisba simili, jew divulgazzjoni tad-data elettronika.
2. L-Istat Parti rikjedenti jista’ juża n-network 24/7 previst fl-Artikolu 41 ta’ din il-Konvenzjoni biex ifittex informazzjoni dwar il-post tad-data elettronika maħżuna permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u, kif xieraq, informazzjoni dwar il-post fejn jinsab il-fornitur ta’ servizzi.
3. Talba għall-preservazzjoni magħmula skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tispeċifika:
|
(a) |
L-awtorità li tkun qed tfittex il-preservazzjoni; |
|
(b) |
Ir-reat li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali, prosekuzzjoni jew proċediment ġudizzjarju u sommarju qasir tal-fatti relatati; |
|
(c) |
Id-data elettronika maħżuna li għandha tiġi ppreservata u r-relazzjoni tagħha mar-reat; |
|
(d) |
Kwalunkwe informazzjoni disponibbli li tidentifika l-kustodju tad-data elettronika maħżuna jew il-post fejn tkun tinsab is-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; |
|
(e) |
In-neċessità tal-preservazzjoni; |
|
(f) |
Li l-Istat Parti rikjedenti jkollu l-intenzjoni li jissottometti talba għal assistenza legali reċiproka fit-tfittxija jew aċċess simili, sekwestru jew kisba simili, jew divulgazzjoni tad-data elettronika maħżuna; |
|
(g) |
Kif xieraq, il-ħtieġa li t-talba għall-preservazzjoni tinżamm kunfidenzjali u li l-utent ma jiġix innotifikat. |
4. Malli jirċievi t-talba mingħand Stat Parti ieħor, l-Istat Parti rikjest għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jippreserva malajr id-data elettronika speċifikata f’konformità mal-liġi domestika tiegħu. Għall-finijiet ta’ rispons għal talba, il-kriminalità doppja ma għandhiex tkun meħtieġa bħala kundizzjoni biex tiġi pprovduta tali preservazzjoni.
5. Stat Parti li jirrikjedi l-kriminalità doppja bħala kundizzjoni biex jirrispondi għal talba għal assistenza legali reċiproka fit-tfittxija jew aċċess simili, sekwestru jew kisba simili, jew divulgazzjoni tad-data elettronika maħżuna jista’, fir-rigward ta’ reati għajr dawk stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, jirriżerva d-dritt li jirrifjuta t-talba għall-preservazzjoni skont dan l-Artikolu f’każijiet fejn ikollu raġunijiet biex jemmen li, fil-ħin tad-divulgazzjoni, il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja ma setgħetx tiġi ssodisfata.
6. Barra minn hekk, talba għall-preservazzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss abbażi tar-raġunijiet li jinsabu fl-Artikolu 40, il-paragrafu 21(b) u (c) u l-paragrafu 22, ta’ din il-Konvenzjoni.
7. Meta l-Istat Parti rikjest jemmen li l-preservazzjoni mhux se tiżgura d-disponibbiltà futura tad-data jew se thedded il-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni tal-Istat Parti rikjedenti jew inkella tippreġudikaha, huwa għandu jinforma minnufih b’dan lill-Istat Parti rikjedenti, li mbagħad għandu jiddetermina jekk it-talba għandhiex xorta tiġi eżegwita.
8. Kwalunkwe preservazzjoni li ssir b’reazzjoni għal talba magħmula skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun għal perjodu ta’ mhux inqas minn 60 jum, sabiex l-Istat Parti rikjedenti jkun jista’ jissottometti talba għat-tfittxija jew aċċess simili, sekwestru jew kisba simili, jew divulgazzjoni tad-data. Wara li tasal tali talba, id-data għandha tkompli tiġi ppreservata sakemm tittieħed deċiżjoni dwar dik it-talba.
9. Qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ preservazzjoni fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Parti rikjedenti jista’ jitlob estensjoni tal-perjodu ta’ preservazzjoni.
Artikolu 43
Kooperazzjoni internazzjonali għall-fini ta’ divulgazzjoni mgħaġġla tad-data dwar it-traffiku ppreservata
1. Meta, waqt l-eżekuzzjoni ta’ talba magħmula skont l-Artikolu 42 ta’ din il-Konvenzjoni biex tiġi ppreservata d-data dwar it-traffiku li tikkonċerna komunikazzjoni speċifika, l-Istat Parti rikjest jiskopri li fornitur ta’ servizzi fi Stat Parti ieħor kien involut fit-trażmissjoni tal-komunikazzjoni, l-Istat Parti rikjest għandu jiddivulga malajr lill-Istat Parti rikjedenti ammont suffiċjenti ta’ data dwar it-traffiku biex jidentifika dak il-fornitur ta’ servizzi u l-mogħdija li minnha tkun ġiet trażmessa l-komunikazzjoni.
2. Id-divulgazzjoni tad-data dwar it-traffiku skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tiġi rrifjutata biss abbażi tar-raġunijiet li jinsabu fl-Artikolu 40, il-paragrafu 21(b) u (c) u l-paragrafu 22, ta’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 44
Assistenza legali reċiproka fl-aċċess għad-data elettronika maħżuna
1. Stat Parti jista’ jitlob lil Stat Parti ieħor biex ifittex jew jaċċessa b’mod simili, jissekwestra jew jikseb b’mod simili, u jiddivulga d-data elettronika maħżuna permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li tinsab fit-territorju tal-Istat Parti rikjest, inkluża data elettronika li tkun ġiet ippreservata skont l-Artikolu 42 ta’ din il-Konvenzjoni.
2. L-Istat Parti rikjest għandu jirrispondi għat-talba permezz tal-applikazzjoni tal-istrumenti u l-liġijiet internazzjonali rilevanti msemmija fl-Artikolu 35 ta’ din il-Konvenzjoni, u f’konformità ma’ dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ dan il-kapitolu.
3. It-talba għandha tiġi mwieġba fuq bażi mgħaġġla meta:
|
(a) |
Ikun hemm raġunijiet biex jitwemmen li d-data rilevanti hija partikolarment vulnerabbli għal telf jew modifika; jew |
|
(b) |
L-istrumenti u l-liġijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jipprevedu kooperazzjoni mgħaġġla b’mod ieħor. |
Artikolu 45
Assistenza legali reċiproka fil-ġbir f’ħin reali tad-data dwar it-traffiku
1. L-Istati Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu assistenza legali reċiproka lil xulxin fil-ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it-traffiku assoċjata ma’ komunikazzjonijiet speċifikati fit-territorju tagħhom trażmessi permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, tali assistenza għandha tkun regolata mill-kundizzjonijiet u l-proċeduri previsti skont il-liġi domestika.
2. Kull Stat Parti għandu jagħmel ħiltu biex jipprovdi tali assistenza mill-inqas fir-rigward ta’ reati kriminali li għalihom il-ġbir f’ħin reali tad-data dwar it-traffiku jkun disponibbli f’każ domestiku simili.
3. Talba magħmula f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tispeċifika:
|
(a) |
L-isem tal-awtorità rikjedenti; |
|
(b) |
Sommarju tal-fatti ewlenin u n-natura tal-investigazzjoni, tal-prosekuzzjoni jew tal-proċediment ġudizzjarju li magħhom hija relatata t-talba; |
|
(c) |
Id-data elettronika li b’rabta magħha jkun meħtieġ il-ġbir tad-data dwar it-traffiku u r-relazzjoni tagħha mar-reat; |
|
(d) |
Kwalunkwe data disponibbli li tidentifika s-sid jew l-utent tad-data jew il-post fejn tkun tinsab is-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; |
|
(e) |
Ġustifikazzjoni għall-ħtieġa li tinġabar id-data dwar it-traffiku; |
|
(f) |
Il-perjodu li għalih għandha tinġabar id-data dwar it-traffiku u ġustifikazzjoni korrispondenti tad-durata tiegħu. |
Artikolu 46
Assistenza legali reċiproka fl-interċettazzjoni tad-data dwar il-kontenut
L-Istati Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu assistenza legali reċiproka lil xulxin fil-ġbir jew ir-reġistrazzjoni f’ħin reali tad-data dwar il-kontenut ta’ komunikazzjonijiet speċifikati trażmessi permezz ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, sa fejn ikun permess skont it-trattati applikabbli għalihom jew skont il-liġijiet domestiċi tagħhom.
Artikolu 47
Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi
1. L-Istati Partijiet għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin, b’mod konsistenti mas-sistemi legali u amministrattivi domestiċi rispettivi tagħhom, biex isaħħu l-effettività tal-azzjoni ta’ infurzar tal-liġi biex jiġu miġġielda r-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni. L-Istati Partijiet għandhom, b’mod partikolari, jieħdu miżuri effettivi:
|
(a) |
Biex isaħħu u, fejn meħtieġ, jistabbilixxu mezzi ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet, l-aġenziji u s-servizzi kompetenti tagħhom, filwaqt li jqisu l-mezzi eżistenti, inklużi dawk tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali, sabiex jiffaċilitaw l-iskambju sigur u rapidu ta’ informazzjoni dwar l-aspetti kollha tar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, inklużi, jekk l-Istati Partijiet ikkonċernati jqisu li jkun xieraq, rabtiet ma’ attivitajiet kriminali oħrajn; |
|
(b) |
Biex jikkooperaw ma’ Stati Partijiet oħrajn fit-twettiq ta’ inkjesti fir-rigward ta’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni dwar:
|
|
(c) |
Biex jipprovdu, fejn xieraq, l-elementi jew id-data meħtieġa għal skopijiet analitiċi jew investigattivi; |
|
(d) |
Biex jiskambjaw, fejn xieraq, informazzjoni ma’ Stati Partijiet oħrajn dwar mezzi u metodi speċifiċi użati biex jitwettqu r-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, inkluż l-użu ta’ identitajiet foloz, dokumenti ffalsifikati, mibdula jew foloz u mezzi oħrajn ta’ ħabi ta’ attivitajiet, kif ukoll tattiki, tekniki u proċeduri ta’ ċiberkriminalità; |
|
(e) |
Biex jiffaċilitaw koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet, l-aġenziji u s-servizzi kompetenti tagħhom u jippromwovu l-iskambju ta’ persunal u esperti oħrajn, inkluż, soġġett għal ftehimiet jew arranġamenti bilaterali bejn l-Istati Partijiet ikkonċernati, l-istazzjonar ta’ uffiċjali ta’ kollegament; |
|
(f) |
Biex jiskambjaw informazzjoni u jikkoordinaw miżuri amministrattivi u oħrajn meħuda, kif xieraq, għall-fini ta’ identifikazzjoni bikrija tar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni. |
2. Bil-ħsieb li jagħtu effett lil din il-Konvenzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw li jidħlu fi ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali dwar kooperazzjoni diretta bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tagħhom u, meta diġà jkunu jeżistu tali ftehimiet jew arranġamenti, jemendawhom. Fin-nuqqas ta’ tali ftehimiet jew arranġamenti bejn l-Istati Partijiet ikkonċernati, l-Istati Partijiet jistgħu jikkunsidraw din il-Konvenzjoni bħala l-bażi għal kooperazzjoni reċiproka fl-infurzar tal-liġi fir-rigward tar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni. Kull meta jkun xieraq, l-Istati Partijiet għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-ftehimiet jew mill-arranġamenti, inklużi organizzazzjonijiet reġjonali jew internazzjonali, biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tagħhom.
Artikolu 48
Investigazzjonijiet konġunti
L-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw li jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali li bihom, b’rabta mar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni li huma s-suġġett ta’ investigazzjonijiet kriminali, prosekuzzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji fi Stat wieħed jew aktar, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jistabbilixxu korpi investigattivi konġunti. Fin-nuqqas ta’ tali ftehimiet jew arranġamenti, jistgħu jitwettqu investigazzjonijiet konġunti bi ftehim fuq bażi ta’ każ b’każ. L-Istati Partijiet involuti għandhom jiżguraw li s-sovranità tal-Istat Parti li fit-territorju tiegħu għandhom isiru tali investigazzjonijiet tiġi rrispettata bis-sħiħ.
Artikolu 49
Mekkaniżmi għall-irkupru tal-proprjetà permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali fil-konfiska
1. Kull Stat Parti, sabiex jipprovdi assistenza legali reċiproka skont l-Artikolu 50 ta’ din il-Konvenzjoni fir-rigward ta’ proprjetà miksuba permezz ta’ jew involuta fit-twettiq ta’ reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, għandu, f’konformità mal-liġi domestika tiegħu:
|
(a) |
Jieħu tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu jagħtu effett lil ordni ta’ konfiska maħruġa minn qorti ta’ Stat Parti ieħor; |
|
(b) |
Jieħu tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, fejn ikollhom ġuriżdizzjoni, jordnaw il-konfiska ta’ tali proprjetà ta’ oriġini barranija permezz ta’ aġġudikazzjoni ta’ reat ta’ ħasil tal-flus jew tali reat ieħor li jista’ jkun fil-ġuriżdizzjoni tiegħu jew permezz ta’ proċeduri oħrajn awtorizzati skont il-liġi domestika tiegħu; u |
|
(c) |
Jikkunsidra li jieħu tali miżuri li jistgħu jkunu kif meħtieġa biex jippermetti l-konfiska ta’ tali proprjetà mingħajr kundanna kriminali f’każijiet li fihom l-awtur tar-reat ma jkunx jista’ jiġi mħarrek minħabba mewt, ħarba jew assenza jew f’każijiet xierqa oħrajn. |
2. Kull Stat Parti, sabiex jipprovdi assistenza legali reċiproka fuq talba magħmula skont l-Artikolu 50, il-paragrafu 2, ta’ din il-Konvenzjoni, għandu, f’konformità mal-liġi domestika tiegħu:
|
(a) |
Jieħu tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu jiffriżaw jew jissekwestraw proprjetà fuq ordni ta’ ffriżar jew sekwestru maħruġa minn qorti jew awtorità kompetenti ta’ Stat Parti rikjedenti li tipprovdi bażi raġonevoli biex l-Istat Parti rikjest jemmen li hemm raġunijiet suffiċjenti biex jieħu tali azzjonijiet u li l-proprjetà eventwalment tkun soġġetta għal ordni ta’ konfiska għall-finijiet tal-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu; |
|
(b) |
Jieħu tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu jiffriżaw jew jissekwestraw proprjetà fuq talba li tipprovdi bażi raġonevoli biex l-Istat Parti rikjest jemmen li hemm raġunijiet suffiċjenti biex jieħu tali azzjonijiet u li l-proprjetà eventwalment tkun soġġetta għal ordni ta’ konfiska għall-finijiet tal-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu; u |
|
(c) |
Jikkunsidra li jieħu miżuri addizzjonali biex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu jippreservaw proprjetà għal konfiska, bħal fuq il-bażi ta’ arrest barrani jew akkuża kriminali relatati mal-akkwist ta’ tali proprjetà. |
Artikolu 50
Kooperazzjoni internazzjonali għall-finijiet ta’ konfiska
1. Stat Parti li jkun irċieva talba mingħand Stat Parti ieħor li jkollu ġuriżdizzjoni fuq reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni għall-konfiska ta’ rikavat minn attività kriminali, proprjetà, tagħmir jew strumenti oħrajn imsemmija fl-Artikolu 31, il-paragrafu 1, ta’ din il-Konvenzjoni li jinsabu fit-territorju tiegħu għandu, sa fejn ikun possibbli fis-sistema legali domestika tiegħu:
|
(a) |
Jissottometti t-talba lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu bil-għan li jikseb ordni ta’ konfiska u, jekk tali ordni tingħata, jagħtiha effett; jew |
|
(b) |
Jissottometti lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, bil-ħsieb li jagħtiha effett sa fejn ikun mitlub, ordni ta’ konfiska maħruġa minn qorti fit-territorju tal-Istat Parti rikjedenti f’konformità mal-Artikolu 31, il-paragrafu 1, ta’ din il-Konvenzjoni sa fejn tkun relatata ma’ rikavat minn attività kriminali, proprjetà, tagħmir jew strumenti oħrajn li jinsabu fit-territorju tal-Istat Parti rikjest. |
2. Wara talba magħmula minn Stat Parti ieħor li jkollu ġuriżdizzjoni fuq reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, l-Istat Parti rikjest għandu jieħu miżuri biex jidentifika, jittraċċa u jiffriża jew jissekwestra rikavat minn attività kriminali, proprjetà, tagħmir jew strumenti oħrajn imsemmija fl-Artikolu 31, il-paragrafu 1, ta’ din il-Konvenzjoni għall-fini ta’ konfiska eventwali li għandha tiġi ordnata jew mill-Istat Parti rikjedenti jew, skont talba skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, mill-Istat Parti rikjest.
3. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 ta’ din il-Konvenzjoni huma applikabbli, mutatis mutandis, għal dan l-Artikolu. Minbarra l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 40, il-paragrafu 15, ta’ din il-Konvenzjoni, it-talbiet magħmula skont dan l-Artikolu għandu jkun fihom:
|
(a) |
Fil-każ ta’ talba li tappartjeni għall-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu, deskrizzjoni tal-proprjetà li għandha tiġi kkonfiskata, inklużi, sa fejn ikun possibbli, il-post u, fejn rilevanti, il-valur stmat tal-proprjetà u dikjarazzjoni tal-fatti invokati mill-Istat Parti rikjedenti suffiċjenti biex l-Istat Parti rikjest ikun jista’ jitlob l-ordni skont il-liġi domestika tiegħu; |
|
(b) |
Fil-każ ta’ talba li tappartjeni għall-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu, kopja legalment ammissibbli ta’ ordni ta’ konfiska li fuqha tkun ibbażata t-talba maħruġa mill-Istat Parti rikjedenti, dikjarazzjoni tal-fatti u l-informazzjoni dwar il-punt sa fejn tintalab l-eżekuzzjoni tal-ordni, dikjarazzjoni li tispeċifika l-miżuri meħuda mill-Istat Parti rikjedenti biex jipprovdi notifika adegwata lil partijiet terzi bona fide u biex jiżgura proċess dovut, u dikjarazzjoni li l-ordni ta’ konfiska hija finali; |
|
(c) |
Fil-każ ta’ talba li tappartjeni għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dikjarazzjoni tal-fatti invokati mill-Istat Parti rikjedenti u deskrizzjoni tal-azzjonijiet mitluba u, fejn disponibbli, kopja legalment ammissibbli ta’ ordni li fuqha tkun ibbażata t-talba. |
4. Id-deċiżjonijiet jew l-azzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jittieħdu mill-Istat Parti rikjest f’konformità ma’, u soġġetti għal, id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika tiegħu u r-regoli proċedurali tiegħu jew kwalunkwe trattat, ftehim jew arranġament bilaterali jew multilaterali li miegħu jista’ jkun marbut b’rabta mal-Istat Parti rikjedenti.
5. Kull Stat Parti għandu jipprovdi kopji tal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu li jagħtu effett lil dan l-Artikolu u ta’ kwalunkwe bidla sussegwenti għal dawn il-liġijiet u r-regolamenti jew deskrizzjoni tagħhom lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
6. Jekk Stat Parti jagħżel li jagħmel it-teħid tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu kundizzjonali fuq l-eżistenza ta’ trattat rilevanti, dak l-Istat Parti għandu jqis din il-Konvenzjoni bħala l-bażi tat-trattat meħtieġa u suffiċjenti.
7. Il-kooperazzjoni skont dan l-Artikolu tista’ wkoll tiġi rrifjutata jew il-miżuri provviżorji jistgħu jitneħħew jekk l-Istat Parti rikjest ma jirċevix evidenza suffiċjenti u f’waqtha jew jekk il-proprjetà tkun ta’ valur de minimis.
8. Qabel ma jneħħi kwalunkwe miżura provviżorja meħuda skont dan l-Artikolu, l-Istat Parti rikjest għandu, kull fejn ikun possibbli, jagħti lill-Istat Parti rikjedenti opportunità li jippreżenta r-raġunijiet tiegħu favur it-tkomplija tal-miżura.
9. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu interpretati bħala li jippreġudikaw id-drittijiet ta’ partijiet terzi bona fide.
10. L-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw li jikkonkludu trattati, ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali biex isaħħu l-effettività tal-kooperazzjoni internazzjonali mwettqa skont dan l-Artikolu.
Artikolu 51
Kooperazzjoni speċjali
Mingħajr preġudizzju għal-liġi domestika tiegħu, kull Stat Parti għandu jagħmel ħiltu biex jieħu miżuri li jippermettulu jibgħat, mingħajr preġudizzju għall-investigazzjonijiet kriminali, il-prosekuzzjonijiet jew il-proċedimenti ġudizzjarji tiegħu stess, informazzjoni dwar ir-rikavat minn reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni lil Stat Parti ieħor mingħajr talba minn qabel, meta jqis li d-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni tista’ tgħin lill-Istat Parti riċeventi jibda jew iwettaq investigazzjonijiet kriminali, prosekuzzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji jew tista’ twassal għal talba minn dak l-Istat Parti skont l-Artikolu 50 ta’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 52
Ritorn u disponiment ta’ rikavat minn attività kriminali jew proprjetà kkonfiskati
1. Ir-rikavat minn attività kriminali jew il-proprjetà kkonfiskati minn Stat Parti skont l-Artikolu 31 jew 50 ta’ din il-Konvenzjoni għandhom jinqerdu minn dak l-Istat Parti f’konformità mal-liġi domestika u l-proċeduri amministrattivi tiegħu.
2. Meta jaġixxu fuq talba magħmula minn Stat Parti ieħor f’konformità mal-Artikolu 50 ta’ din il-Konvenzjoni, l-Istati Partijiet għandhom, sa fejn ikun permess mil-liġi domestika u jekk jintalbu jagħmlu dan, jagħtu prijorità lir-ritorn tar-rikavat minn attività kriminali jew tal-proprjetà kkonfiskati lill-Istat Parti rikjedenti sabiex ikun jista’ jagħti kumpens lill-vittmi tal-attività kriminali jew jirritorna tali rikavat minn attività kriminali jew proprjetà lis-sidien leġittimi preċedenti tagħhom.
3. Meta jaġixxi fuq talba magħmula minn Stat Parti ieħor f’konformità mal-Artikoli 31 u 50 ta’ din il-Konvenzjoni, Stat Parti jista’, wara li tkun ingħatat kunsiderazzjoni xierqa lill-kumpens tal-vittmi, jagħti kunsiderazzjoni speċjali lill-konklużjoni ta’ ftehimiet jew arranġamenti dwar:
|
(a) |
Il-kontribut tal-valur ta’ tali rikavat minn attività kriminali jew proprjetà jew fondi derivati mill-bejgħ ta’ tali rikavat minn attività kriminali jew proprjetà, jew parti minnhom, għall-kont deżinjat f’konformità mal-Artikolu 56, il-paragrafu 2(c), ta’ din il-Konvenzjoni, u għal korpi intergovernattivi li jispeċjalizzaw fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità; |
|
(b) |
Il-kondiviżjoni ma’ Stati Partijiet oħrajn, fuq bażi regolari jew każ b’każ, ta’ tali rikavat minn attività kriminali jew proprjetà, jew fondi derivati mill-bejgħ ta’ tali rikavat minn attività kriminali jew proprjetà, f’konformità mal-liġi domestika jew il-proċeduri amministrattivi tiegħu. |
4. Fejn xieraq, sakemm l-Istati Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, l-Istat Parti rikjest jista’ jnaqqas l-ispejjeż raġonevoli mġarrba f’investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji li jwasslu għar-ritorn jew id-disponiment ta’ proprjetà kkonfiskata skont dan l-Artikolu.
KAPITOLU VI
MIŻURI PREVENTIVI
Artikolu 53
Miżuri preventivi
1. Kull Stat Parti għandu jagħmel ħiltu, f’konformità mal-prinċipji fundamentali tas-sistema legali tiegħu, biex jiżviluppa u jimplimenta jew iżomm politiki effettivi u kkoordinati u l-aħjar prattiki biex inaqqas l-opportunitajiet eżistenti jew futuri għaċ-ċiberkriminalità permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew oħrajn xierqa.
2. Kull Stat Parti għandu jieħu miżuri xierqa, fi ħdan il-mezzi tiegħu u f’konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi domestika tiegħu, biex jippromwovi l-parteċipazzjoni attiva ta’ individwi u entitajiet rilevanti barra mis-settur pubbliku, bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet akkademiċi u entitajiet tas-settur privat, kif ukoll il-pubbliku ġenerali, fl-aspetti rilevanti tal-prevenzjoni tar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
3. Il-miżuri preventivi jistgħu jinkludu:
|
(a) |
It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jew il-prosekuturi u l-individwi u l-entitajiet rilevanti barra mis-settur pubbliku, bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet akkademiċi u entitajiet tas-settur privat bl-iskop li jiġu indirizzati aspetti rilevanti tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni; |
|
(b) |
Il-promozzjoni tal-għarfien pubbliku rigward l-eżistenza, il-kawżi u l-gravità tat-theddida kkawżata mir-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni permezz ta’ attivitajiet ta’ informazzjoni pubblika, edukazzjoni pubblika, programmi ta’ litteriżmu fil-media u l-informazzjoni u kurrikuli li jippromwovu l-parteċipazzjoni pubblika fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra tali reati; |
|
(c) |
Il-bini u t-twettiq ta’ sforzi biex tiżdied il-kapaċità tas-sistemi domestiċi tal-ġustizzja kriminali, inklużi t-taħriġ u l-iżvilupp ta’ għarfien espert fost il-prattikanti tal-ġustizzja kriminali, bħala parti minn strateġiji nazzjonali ta’ prevenzjoni kontra r-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni; |
|
(d) |
L-inkoraġġiment lill-fornituri tas-servizzi biex jieħdu miżuri effettivi, fejn fattibbli fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali u sa fejn permess mil-liġi domestika, bil-għan li jsaħħu s-sigurtà tal-prodotti, tas-servizzi u tal-klijenti tal-fornituri tas-servizzi; |
|
(e) |
Ir-rikonoxximent tal-kontribuzzjonijiet tal-attivitajiet leġittimi tar-riċerkaturi tas-sigurtà meta jkunu maħsuba biss, u sa fejn ikun permess u soġġett għall-kundizzjonijiet preskritti mil-liġi domestika, biex isaħħu u jtejbu s-sigurtà tal-prodotti, tas-servizzi u tal-klijenti tal-fornituri tas-servizzi li jinsabu fit-territorju tal-Istat Parti; |
|
(f) |
L-iżvilupp, l-iffaċilitar u l-promozzjoni ta’ programmi u attivitajiet sabiex dawk li huma f’riskju li jinvolvu ruħhom fiċ-ċiberkriminalità jiġu skoraġġuti milli jsiru awturi ta’ reati u biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom b’mod legali; |
|
(g) |
L-isforz biex tiġi promossa r-riintegrazzjoni fis-soċjetà ta’ persuni kkundannati għal reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni; |
|
(h) |
L-iżvilupp ta’ strateġiji u politiki, f’konformità mal-liġi domestika, maħsuba biex jipprevjenu u jeradikaw il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru li sseħħ permezz tal-użu ta’ sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, kif ukoll il-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet speċjali ta’ persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli fl-iżvilupp ta’ miżuri preventivi; |
|
(i) |
It-twettiq ta’ sforzi speċifiċi u mfassla apposta sabiex it-tfal jinżammu sikuri online, inkluż permezz ta’ edukazzjoni u taħriġ u sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-abbuż sesswali tat-tfal jew l-isfruttament sesswali tat-tfal online u permezz tar-reviżjoni tal-oqfsa legali domestiċi u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali mmirata lejn il-prevenzjoni ta’ dan, kif ukoll permezz ta’ sforzi biex tiġi żgurata t-tneħħija rapida tal-materjal dwar l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal; |
|
(j) |
It-tisħiħ tat-trasparenza u l-promozzjoni tal-kontribut tal-pubbliku għall-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-iżgurar li l-pubbliku jkollu aċċess adegwat għall-informazzjoni; |
|
(k) |
Ir-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà li wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni pubblika dwar iċ-ċiberkriminalità; |
|
(l) |
L-iżvilupp jew it-tisħiħ ta’ programmi ta’ appoġġ għall-vittmi tar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni; |
|
(m) |
Il-prevenzjoni u l-iskoperta ta’ trasferimenti ta’ rikavat minn attività kriminali u proprjetà relatati mar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni. |
4. Kull Stat Parti għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura li l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti rilevanti responsabbli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità jkunu magħrufa u aċċessibbli għall-pubbliku, fejn xieraq, għar-rapportar, inkluż b’mod anonimu, ta’ kwalunkwe inċident li jista’ jitqies bħala reat kriminali stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
5. L-Istati Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jevalwaw perjodikament l-oqfsa legali nazzjonali u l-prattiki amministrattivi rilevanti eżistenti bil-ħsieb li jidentifikaw lakuni u vulnerabbiltajiet u jiżguraw ir-rilevanza tagħhom fid-dawl tat-theddidiet li qed jinbidlu maħluqa mir-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
6. L-Istati Partijiet jistgħu jikkollaboraw ma’ xulxin u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti fil-promozzjoni u l-iżvilupp tal-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu. Dan jinkludi l-parteċipazzjoni fi proġetti internazzjonali mmirati lejn il-prevenzjoni taċ-ċiberkriminalità.
7. Kull Stat Parti għandu jinforma lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-isem u l-indirizz tal-awtorità jew l-awtoritajiet li jistgħu jassistu lil Stati Partijiet oħrajn fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni taċ-ċiberkriminalità.
KAPITOLU VII
ASSISTENZA TEKNIKA U SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI
Artikolu 54
Assistenza teknika u bini tal-kapaċitajiet
1. L-Istati Partijiet għandhom, skont il-kapaċità tagħhom, jikkunsidraw li jagħtu lil xulxin l-aktar miżura wiesgħa ta’ assistenza teknika u bini tal-kapaċità, inklużi taħriġ u forom oħrajn ta’ assistenza, l-iskambju reċiproku ta’ esperjenza rilevanti u għarfien speċjalizzat u t-trasferiment tat-teknoloġija fuq termini miftiehma b’mod reċiproku, filwaqt li jqisu b’mod partikolari l-interessi u l-ħtiġijiet tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, bil-ħsieb li jiffaċilitaw il-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati koperti minn din il-Konvenzjoni.
2. L-Istati Partijiet għandhom, sa fejn ikun meħtieġ, jibdew, jiżviluppaw, jimplimentaw jew itejbu programmi ta’ taħriġ speċifiċi għall-persunal tagħhom responsabbli għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati koperti minn din il-Konvenzjoni.
3. L-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jittrattaw, sa fejn ikun permess mil-liġi domestika, dawn li ġejjin:
|
(a) |
Il-metodi u t-tekniki użati fil-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati koperti minn din il-Konvenzjoni; |
|
(b) |
Il-bini tal-kapaċitajiet fl-iżvilupp u l-ippjanar ta’ politiki u leġiżlazzjoni strateġiċi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità; |
|
(c) |
Il-bini tal-kapaċitajiet fil-ġbir, il-preservazzjoni u l-kondiviżjoni tal-evidenza, b’mod partikolari f’forma elettronika, inkluża ż-żamma tal-katina tal-kustodja u tal-analiżi forensika; |
|
(d) |
Tagħmir modern għall-infurzar tal-liġi u l-użu tiegħu; |
|
(e) |
It-taħriġ tal-awtoritajiet kompetenti fit-tħejjija ta’ talbiet għal assistenza legali reċiproka u mezzi oħrajn ta’ kooperazzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din il-Konvenzjoni, speċjalment għall-ġbir, il-preservazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ evidenza f’forma elettronika; |
|
(f) |
Il-prevenzjoni, l-iskoperta u l-monitoraġġ tal-movimenti ta’ rikavati li jirriżultaw mit-twettiq tar-reati koperti minn din il-Konvenzjoni, proprjetà, tagħmir jew strumenti u metodi oħrajn użati għat-trasferiment, il-ħabi jew it-travestiment ta’ tali rikavati, proprjetà, tagħmir jew strumenti oħrajn; |
|
(g) |
Mekkaniżmi u metodi legali u amministrattivi xierqa u effiċjenti għall-iffaċilitar tal-qbid, il-konfiska u r-ritorn tar-rikavat minn reati koperti minn din il-Konvenzjoni; |
|
(h) |
Il-metodi użati fil-protezzjoni tal-vittmi u tax-xhieda li jikkooperaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji; |
|
(i) |
It-taħriġ fil-liġi sostantiva u proċedurali rilevanti, u s-setgħat ta’ investigazzjoni tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll fir-regolamenti nazzjonali u internazzjonali u fil-lingwi. |
4. L-Istati Partijiet għandhom, soġġetti għal-liġi domestika tagħhom, jagħmlu ħilithom biex jisfruttaw l-għarfien espert ta’, u jikkooperaw mill-qrib ma’, Stati Partijiet oħrajn u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet akkademiċi u entitajiet tas-settur privat, bil-ħsieb li tissaħħaħ l-implimentazzjoni effettiva ta’ din il-Konvenzjoni.
5. L-Istati Partijiet għandhom jassistu lil xulxin fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ riċerka u taħriġ imfassla biex jikkondividu l-għarfien espert fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u għal dak il-għan għandhom ukoll, meta jkun xieraq, jużaw konferenzi u seminars reġjonali u internazzjonali biex jippromwovu l-kooperazzjoni u biex jistimulaw diskussjoni dwar problemi ta’ tħassib reċiproku.
6. L-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw li jassistu lil xulxin, fuq talba, fit-twettiq ta’ evalwazzjonijiet, studji u riċerka relatati mat-tipi, il-kawżi u l-effetti ta’ reati koperti minn din il-Konvenzjoni mwettqa fit-territorji rispettivi tagħhom, bil-ħsieb li jiżviluppaw, bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-entitajiet tas-settur privat, strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità.
7. L-Istati Partijiet għandhom jippromwovu taħriġ u assistenza teknika li jiffaċilitaw l-estradizzjoni f’waqtha u l-assistenza legali reċiproka. Tali taħriġ u assistenza teknika jistgħu jinkludu taħriġ fil-lingwa, assistenza fl-abbozzar u l-immaniġġar ta’ talbiet għal assistenza legali reċiproka, u s-sekondar u l-iskambji bejn il-persunal f’awtoritajiet ċentrali jew aġenziji b’responsabbiltajiet rilevanti.
8. L-Istati Partijiet għandhom isaħħu, sa fejn ikun meħtieġ, l-isforzi biex jimmassimizzaw l-effettività tal-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċitajiet f’organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali u fil-qafas ta’ ftehimiet jew arranġamenti bilaterali u multilaterali rilevanti.
9. L-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw li jistabbilixxu mekkaniżmi volontarji bil-ħsieb li jikkontribwixxu finanzjarjament għall-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimplimentaw din il-Konvenzjoni permezz ta’ programmi ta’ assistenza teknika u proġetti ta’ bini tal-kapaċitajiet.
10. Kull Stat Parti għandu jagħmel ħiltu biex jagħmel kontribuzzjonijiet volontarji lill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità bl-iskop li jrawwem, permezz tal-Uffiċċju, programmi u proġetti bil-ħsieb li tiġi implimentata din il-Konvenzjoni permezz ta’ assistenza teknika u bini tal-kapaċitajiet.
Artikolu 55
Skambju ta’ informazzjoni
1. Kull Stat Parti għandu jikkunsidra li janalizza, kif xieraq, f’konsultazzjoni mal-esperti rilevanti, inkluż minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet akkademiċi u entitajiet tas-settur privat, ix-xejriet fit-territorju tiegħu fir-rigward ta’ reati koperti minn din il-Konvenzjoni, kif ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom jitwettqu tali reati.
2. L-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw li jiżviluppaw u jikkondividu ma’ xulxin u permezz ta’ statistika tal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, għarfien espert analitiku u informazzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità, bil-ħsieb li jiżviluppaw, sa fejn ikun possibbli, definizzjonijiet, standards u metodoloġiji komuni, kif ukoll l-aħjar prattiki, għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra tali kriminalità.
3. Kull Stat Parti għandu jikkunsidra li jimmonitorja l-politiki u l-miżuri prattiċi tiegħu għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati koperti minn din il-Konvenzjoni u jagħmel valutazzjonijiet tal-effettività u l-effiċjenza tagħhom.
4. L-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-iżviluppi legali, ta’ politika u teknoloġiċi relatati maċ-ċiberkriminalità u l-ġbir ta’ evidenza f’forma elettronika.
Artikolu 56
Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni permezz ta’ żvilupp ekonomiku u assistenza teknika
1. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri li jwasslu għall-implimentazzjoni ottimali ta’ din il-Konvenzjoni sa fejn ikun possibbli, permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali, filwaqt li jqisu l-effetti negattivi tar-reati koperti minn din il-Konvenzjoni fuq is-soċjetà b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, fuq l-iżvilupp sostenibbli.
2. L-Istati Partijiet huma mħeġġa bil-qawwa biex jagħmlu sforzi konkreti, sa fejn ikun possibbli u f’koordinazzjoni ma’ xulxin, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali:
|
(a) |
Biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f’diversi livelli ma’ Stati Partijiet oħrajn, b’mod partikolari pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-ħsieb li jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jipprevjenu u jiġġieldu r-reati koperti minn din il-Konvenzjoni; |
|
(b) |
Biex isaħħu l-assistenza finanzjarja u materjali bil-ħsieb li jappoġġaw l-isforzi ta’ Stati Partijiet oħrajn, b’mod partikolari pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jipprevjenu u jiġġieldu b’mod effettiv kontra r-reati koperti minn din il-Konvenzjoni u biex jgħinuhom jimplimentaw din il-Konvenzjoni; |
|
(c) |
Biex jipprovdu assistenza teknika lil Stati Partijiet oħrajn, b’mod partikolari pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’appoġġ għall-issodisfar tal-ħtiġijiet tagħhom rigward l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dak il-għan, l-Istati Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħmlu kontribuzzjonijiet volontarji adegwati u regolari għal kont speċifikament deżinjat għal dak l-iskop f’mekkaniżmu ta’ finanzjament tan-Nazzjonijiet Uniti; |
|
(d) |
Biex jinkoraġġixxu, kif xieraq, lil organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet akkademiċi u entitajiet tas-settur privat, kif ukoll istituzzjonijiet finanzjarji, biex jikkontribwixxu għall-isforzi tal-Istati Partijiet, inkluż f’konformità ma’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari billi jipprovdu aktar programmi ta’ taħriġ u tagħmir modern lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jgħinuhom jilħqu l-objettivi ta’ din il-Konvenzjoni; |
|
(e) |
Biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u informazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa, bil-ħsieb li tittejjeb it-trasparenza, tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jsir l-aħjar użu minn kwalunkwe tagħlima meħuda. |
3. L-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw ukoll li jużaw il-programmi subreġjonali, reġjonali u internazzjonali eżistenti, inklużi konferenzi u seminars, biex jippromwovu l-kooperazzjoni u l-assistenza teknika u biex jistimulaw diskussjoni dwar problemi ta’ tħassib reċiproku, inklużi l-problemi u l-ħtiġijiet speċjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
4. Sa fejn ikun possibbli, l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li r-riżorsi u l-isforzi jitqassmu u jiġu diretti biex jappoġġaw l-armonizzazzjoni tal-istandards, il-ħiliet, il-kapaċità, l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tekniċi bil-għan li jiġu stabbiliti standards minimi komuni fost l-Istati Partijiet biex jiġu eradikati żoni sikuri għar-reati koperti minn din il-Konvenzjoni u tissaħħaħ il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità.
5. Sa fejn ikun possibbli, il-miżuri meħuda skont dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-impenji eżistenti ta’ assistenza barranija jew għal arranġamenti oħrajn ta’ kooperazzjoni finanzjarja fil-livelli bilaterali, reġjonali jew internazzjonali.
6. L-Istati Partijiet jistgħu jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali, reġjonali jew multilaterali dwar assistenza materjali u loġistika, filwaqt li jqisu l-arranġamenti finanzjarji meħtieġa sabiex il-mezzi ta’ kooperazzjoni internazzjonali previsti minn din il-Konvenzjoni jkunu effettivi u għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati koperti minn din il-Konvenzjoni.
KAPITOLU VIII
MEKKANIŻMU TA’ IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 57
Konferenza tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni
1. Konferenza tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni hija b’dan stabbilita biex ittejjeb il-kapaċità u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Partijiet biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’din il-Konvenzjoni u biex tippromwovi u tirrevedi l-implimentazzjoni tagħha.
2. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jlaqqa’ l-Konferenza tal-Istati Partijiet mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni. Minn hemm ’il quddiem, għandhom isiru laqgħat regolari tal-Konferenza f’konformità mar-regoli ta’ proċedura adottati mill-Konferenza.
3. Il-Konferenza tal-Istati Partijiet għandha tadotta regoli ta’ proċedura u regoli li jirregolaw l-attivitajiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, inklużi regoli dwar l-ammissjoni u l-parteċipazzjoni ta’ osservaturi, u l-ħlas tal-ispejjeż imġarrba fit-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet. Tali regoli u attivitajiet relatati għandhom iqisu prinċipji bħall-effettività, l-inklużività, it-trasparenza, l-effiċjenza u s-sjieda nazzjonali.
4. Meta tistabbilixxi l-laqgħat regolari tagħha, il-Konferenza tal-Istati Partijiet għandha tqis il-ħin u l-post tal-laqgħat ta’ organizzazzjonijiet u mekkaniżmi reġjonali u internazzjonali rilevanti oħrajn fi kwistjonijiet simili, inklużi l-korpi tat-trattati sussidjarji tagħhom, konsistenti mal-prinċipji identifikati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
5. Il-Konferenza tal-Istati Partijiet għandha taqbel fuq l-attivitajiet, il-proċeduri u l-metodi ta’ ħidma biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inklużi:
|
(a) |
L-iffaċilitar tal-użu u l-implimentazzjoni effettivi ta’ din il-Konvenzjoni, l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe problema tagħha, kif ukoll l-attivitajiet imwettqa mill-Istati Partijiet skont din il-Konvenzjoni, inkluż l-inkoraġġiment tal-mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet volontarji; |
|
(b) |
L-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-iżviluppi legali, ta’ politika u teknoloġiċi relatati mar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni u l-ġbir ta’ evidenza f’forma elettronika fost l-Istati Partijiet u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet akkademiċi u entitajiet tas-settur privat, f’konformità mal-liġi domestika, kif ukoll dwar mudelli u xejriet fiċ-ċiberkriminalità u dwar prattiki ta’ suċċess għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra tali reati; |
|
(c) |
Il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet akkademiċi u entitajiet tas-settur privat; |
|
(d) |
L-użu xieraq mill-informazzjoni rilevanti prodotta minn organizzazzjonijiet u mekkaniżmi reġjonali u internazzjonali oħrajn għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, sabiex tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn tax-xogħol; |
|
(e) |
Ir-rieżami perjodiku tal-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni mill-Istati Partijiet tagħha; |
|
(f) |
Ir-rakkomandazzjonijiet biex jittejbu din il-Konvenzjoni u l-implimentazzjoni tagħha, kif ukoll il-kunsiderazzjoni ta’ supplimentazzjoni jew emenda possibbli tal-Konvenzjoni; |
|
(g) |
L-elaborazzjoni u l-adozzjoni ta’ protokolli supplimentari għal din il-Konvenzjoni abbażi tal-Artikoli 61 u 62 ta’ din il-Konvenzjoni; |
|
(h) |
It-teħid ta’ nota tar-rekwiżiti tal-assistenza teknika u tal-bini tal-kapaċitajiet tal-Istati Partijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni u r-rakkomandazzjoni ta’ kwalunkwe azzjoni li tista’ titqies meħtieġa f’dak ir-rigward. |
6. Kull Stat Parti għandu jipprovdi lill-Konferenza tal-Istati Partijiet b’informazzjoni dwar miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u oħrajn, kif ukoll dwar il-programmi, il-pjanijiet u l-prattiki tiegħu, sabiex din il-Konvenzjoni tiġi implimentata kif meħtieġ mill-Konferenza. Il-Konferenza għandha teżamina l-aktar mod effettiv kif tirċievi u taġixxi fuq l-informazzjoni, inkluża, fost l-oħrajn, l-informazzjoni li tasal mingħand l-Istati Partijiet u mingħand l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali kompetenti. Jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll il-kontribuzzjonijiet li jaslu mingħand rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet akkademiċi u entitajiet tas-settur privat, akkreditati kif xieraq f’konformità mal-proċeduri li għandhom jiġu deċiżi mill-Konferenza.
7. Għall-fini tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, il-Konferenza tal-Istati Partijiet tista’ tistabbilixxi u tamministra tali mekkaniżmi ta’ rieżami kif tqis li jkun meħtieġ.
8. Skont il-paragrafi minn 5 sa 7 ta’ dan l-Artikolu, il-Konferenza tal-Istati Partijiet għandha tistabbilixxi, jekk tqis li jkun meħtieġ, kwalunkwe mekkaniżmu jew korp sussidjarju xieraq biex jassisti fl-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni.
Artikolu 58
Segretarjat
1. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jipprovdi s-servizzi ta’ segretarjat meħtieġa lill-Konferenza tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni.
2. Is-segretarjat għandu:
|
(a) |
Jassisti lill-Konferenza tal-Istati Partijiet fit-twettiq tal-attivitajiet stabbiliti f’din il-Konvenzjoni u jagħmel arranġamenti u jipprovdi s-servizzi neċessarji għas-sessjonijiet tal-Konferenza kif jappartjenu għal din il-Konvenzjoni; |
|
(b) |
Fuq talba, jassisti lill-Istati Partijiet fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Konferenza tal-Istati Partijiet, kif previst f’din il-Konvenzjoni; u |
|
(c) |
Jiżgura l-koordinazzjoni meħtieġa mas-segretarjati tal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti. |
KAPITOLU IX
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 59
Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni
1. Kull Stat Parti għandu jieħu l-miżuri meħtieġa, inklużi miżuri leġiżlattivi u amministrattivi, f’konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi domestika tiegħu, biex jiżgura l-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu skont din il-Konvenzjoni.
2. Kull Stat Parti jista’ jadotta miżuri aktar stretti jew severi minn dawk previsti minn din il-Konvenzjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 60
Effetti tal-Konvenzjoni
1. Jekk żewġ Stati Partijiet jew aktar ikunu diġà kkonkludew ftehim jew trattat dwar il-kwistjonijiet ittrattati f’din il-Konvenzjoni jew inkella jkunu stabbilew ir-relazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ tali kwistjonijiet, jew jekk fil-futur jagħmlu dan, għandhom ukoll ikunu intitolati li japplikaw dak il-ftehim jew it-trattat jew li jirregolaw dawk ir-relazzjonijiet kif xieraq.
2. F’din il-Konvenzjoni ma hemm xejn li għandu jaffettwa drittijiet, restrizzjonijiet, obbligi u responsabbiltajiet oħrajn ta’ Stat Parti skont id-dritt internazzjonali.
Artikolu 61
Relazzjoni mal-protokolli
1. Din il-Konvenzjoni tista’ tiġi ssupplimentata bi protokoll wieħed jew aktar.
2. Sabiex issir Parti għal protokoll, organizzazzjoni reġjonali jew Statali għall-integrazzjoni ekonomika trid tkun ukoll Parti għal din il-Konvenzjoni.
3. Stat Parti għal din il-Konvenzjoni ma huwiex marbut bi protokoll, sakemm ma jsirx Parti għall-protokoll f’konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu.
4. Kwalunkwe protokoll għal din il-Konvenzjoni għandu jiġi interpretat flimkien ma’ din il-Konvenzjoni, filwaqt li jitqies l-iskop ta’ dak il-protokoll.
Artikolu 62
Adozzjoni ta’ protokolli supplimentari
1. Għandhom ikunu meħtieġa mill-inqas 60 Stat Parti qabel ma jiġi kkunsidrat kwalunkwe protokoll supplimentari għall-adozzjoni mill-Konferenza tal-Istati Partijiet. Il-Konferenza għandha tagħmel kull sforz biex tikseb kunsens dwar kwalunkwe protokoll supplimentari. Jekk l-isforzi kollha biex jintlaħaq kunsens ikunu ġew eżawriti u ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim, il-protokoll supplimentari għandu, bħala l-aħħar alternattiva, jirrikjedi għall-adozzjoni tiegħu vot b’maġġoranza ta’ mill-inqas żewġ terzi tal-Istati Partijiet preżenti u li jivvotaw fil-laqgħa tal-Konferenza.
2. L-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika għandhom, fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvotaw skont dan l-Artikolu b’numru ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħhom li huma Partijiet għal din il-Konvenzjoni.
Tali organizzazzjonijiet ma għandhomx jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvotaw jekk l-Istati Membri tagħhom jeżerċitaw tagħhom u viċi versa.
Artikolu 63
Soluzzjoni tat-tilwim
1. L-Istati Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu tilwimiet dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni permezz ta’ negozjati jew kwalunkwe mezz paċifiku ieħor tal-għażla tagħhom.
2. Kwalunkwe tilwima bejn żewġ Stati Partijiet jew aktar dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni li ma tistax tissolva permezz ta’ negozjati jew mezzi paċifiċi oħrajn fi żmien raġonevoli għandha, fuq talba ta’ wieħed minn dawk l-Istati Partijiet, tiġi sottomessa għall-arbitraġġ. Jekk, 6 xhur wara d-data tat-talba għall-arbitraġġ, dawk l-Istati Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar l-organizzazzjoni tal-arbitraġġ, kwalunkwe wieħed minn dawk l-Istati Partijiet jista’ jirreferi t-tilwima lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja permezz ta’ talba f’konformità mal-Istatut tal-Qorti.
3. Kull Stat Parti jista’, fil-mument tal-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jew l-adeżjoni magħha, jiddikjara li ma jikkunsidrax lilu nnifsu marbut bil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. L-Istati Partijiet l-oħrajn ma għandhomx ikunu marbuta bil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kwalunkwe Stat Parti li jkun għamel tali riżerva.
4. Kwalunkwe Stat Parti li jkun għamel riżerva f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jista’ fi kwalunkwe ħin jirtira dik ir-riżerva permezz ta’ notifika lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Artikolu 64
Iffirmar, ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni u adeżjoni
1. Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-Istati kollha għall-iffirmar f’Hanoi fl-2025 u wara fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York sal-31 ta’ Diċembru 2026.
2. Din il-Konvenzjoni għandha tkun ukoll miftuħa għall-iffirmar minn organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika, sakemm mill-inqas Stat Membru wieħed ta’ tali organizzazzjoni jkun iffirma din il-Konvenzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. Din il-Konvenzjoni hija soġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika tista’ tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni jekk mill-inqas wieħed mill-Istati Membri tagħha jkun għamel l-istess. F’dak l-istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, tali organizzazzjoni għandha tiddikjara l-firxa tal-kompetenza tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet regolati minn din il-Konvenzjoni. Tali organizzazzjoni għandha wkoll tinforma lid-depożitarju dwar kwalunkwe modifika rilevanti fil-firxa tal-kompetenza tagħha.
4. Din il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-adeżjoni minn kwalunkwe Stat jew kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li mill-inqas Stat Membru wieħed tagħha jkun Parti għal din il-Konvenzjoni. L-istrumenti ta’ adeżjoni għandhom jiġu ddepożitati mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Fil-mument tal-adeżjoni tagħha, organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika għandha tiddikjara l-firxa tal-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ kwistjonijiet regolati minn din il-Konvenzjoni. Tali organizzazzjoni għandha wkoll tinforma lid-depożitarju dwar kwalunkwe modifika rilevanti fil-firxa tal-kompetenza tagħha.
Artikolu 65
Dħul fis-seħħ
1. Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-disgħin jum wara d-data tad-depożitu tal-erbgħin strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni. Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, kwalunkwe strument iddepożitat minn organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika ma għandux jitqies bħala addizzjonali għal dawk iddepożitati mill-Istati Membri ta’ dik l-organizzazzjoni.
2. Għal kull Stat jew organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li jirratifikaw, jaċċettaw, japprovaw jew jaderixxu ma’ din il-Konvenzjoni wara d-depożitu tal-erbgħin strument ta’ tali azzjoni, din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data tad-depożitu minn tali Stat jew organizzazzjoni tal-istrument rilevanti jew fid-data li fiha din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, skont liema minnhom tkun l-aktar tard.
Artikolu 66
Emenda
1. Wara l-iskadenza ta’ 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, Stat Parti jista’ jipproponi emenda u jibgħatha lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li mbagħad għandu jikkomunika l-emenda proposta lill-Istati Partijiet u lill-Konferenza tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni bl-iskop li tiġi kkunsidrata l-proposta u tittieħed deċiżjoni dwarha. Il-Konferenza għandha tagħmel kull sforz biex tilħaq kunsens dwar kull emenda. Jekk l-isforzi kollha biex jintlaħaq kunsens ikunu ġew eżawriti u ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim, l-emenda għandha, bħala l-aħħar alternattiva, tirrikjedi għall-adozzjoni tagħha vot b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Istati Partijiet preżenti u li jivvotaw fil-laqgħa tal-Konferenza.
2. L-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika għandhom, fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvotaw skont dan l-Artikolu b’numru ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħhom li huma Partijiet għal din il-Konvenzjoni. Tali organizzazzjonijiet ma għandhomx jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvotaw jekk l-Istati Membri tagħhom jeżerċitaw tagħhom u viċi versa.
3. Emenda adottata f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu hija soġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Istati Partijiet.
4. Emenda adottata f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tidħol fis-seħħ fir-rigward ta’ Stat Parti 90 jum wara d-data tad-depożitu mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni ta’ tali emenda.
5. Meta emenda tidħol fis-seħħ, din għandha tkun vinkolanti fuq dawk l-Istati Partijiet li jkunu esprimew il-kunsens tagħhom li jkunu marbuta biha. Stati Partijiet oħrajn xorta għandhom ikunu marbuta bid-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni u kwalunkwe emenda preċedenti li jkunu rratifikaw, aċċettaw jew approvaw.
Artikolu 67
Denunzja
1. Stat Parti jista’ jiddenunzja din il-Konvenzjoni b’notifika bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Tali denunzja għandha ssir effettiva sena wara d-data li fiha s-Segretarju Ġenerali jirċievi n-notifika.
2. Organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika ma għandhiex tibqa’ Parti għal din il-Konvenzjoni meta l-Istati Membri kollha tagħha jkunu ddenunzjawha.
3. Id-denunzja ta’ din il-Konvenzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinvolvi d-denunzja ta’ kwalunkwe protokoll għaliha.
Artikolu 68
Depożitarju u lingwi
1. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti huwa d-depożitarju nnominat ta’ din il-Konvenzjoni.
2. Il-verżjoni oriġinali ta’ din il-Konvenzjoni, li t-testi tagħha bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol huma ugwalment awtentiċi, għandha tiġi ddepożitata mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
B’XHIEDA TA’ DAN, il-plenipotenzarji sottoskritti, debitament awtorizzati sabiex jagħmlu dan mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw din il-Konvenzjoni.
ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2026/1348/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)