SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

19 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Għajnuna mill-Istat – Intervent tal-Kummissjoni bħala amicus curiae quddiem qorti nazzjonali – Illegalità tal-aġir li bih hija akkużata l-istituzzjoni tal-Unjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Prinċipji ta’ separazzjoni tal-poteri, ta’ indipendenza tal-qrati nazzjonali u ta’ dritt għal rimedju effettiv, ta’ imparzjalità u ta’ newtralità”

Fil-Kawża T‑350/23,

Rems Kargins, residenti f’Riga (il-Latvja), irrappreżentat minn O. Behrends, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A.‑L. Meyer u A. Jensen, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, V. Tomljenović (Relatriċi) u W. Valasidis, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑6 ta’ Novembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tiegħu, ibbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ir-rikorrent, Rems Kargins jitlob kumpens għad-dannu li huwa ġarrab minħabba l-allegat aġir illegali tal-Kummissjoni Ewropea, minħabba l-intervent ta’ din tal-aħħar bħala amicus curiae fil-kuntest ta’ proċedura kontra kumpannija terza quddiem l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja).

[omissis]

It‑talbiet tal‑partijiet

17

Ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tikkonstata li l-Kummissjoni hija responsabbli għad-dannu li hija kkawżatlu minħabba ndħil fi proċedura ġudizzjarja nazzjonali;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni tagħtih kumpens għall-imsemmi dannu, li jammonta għal mill-inqas EUR 15 028 841.93, flimkien mal-interessi bir-rata annwali ta’ 12 %, li jibdew jiddekorru mit‑23 ta’ Ġunju 2016 sal-ħlas sħiħ;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

19

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob, essenzjalment, li r-rikors jiġi miċħud.

Id‑dritt

[omissis]

23

F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni wriet aġir illegali meta ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bħala amicus curiae quddiem l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema).

[omissis]

Fuq l‑eċċezzjoni tal‑illegalità

26

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, b’mod inċidentali, li l-Artikolu 29(2) tar-Regolament 2015/1589 huwa inapplikabbli, peress li ma għandux bażi legali, jikser diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 267 TFUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u ma joffrix garanziji proċedurali suffiċjenti.

27

Il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent.

28

Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament 2015/1589:

“1.   Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 108 tat-TFUE, il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jistaqsu lill-Kummissjoni biex tittrasmettilhom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

2.   Fejn ikun meħtieġ minħabba l-applikazzjoni koerenti tal-Artikolu 107(1) jew l-Artikolu 108 tat-TFUE, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess, tista’ tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub lil qrati tal-Istati Membri li huma responsabbli mill-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. […]”

29

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-bażi legali tal-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 29(2) tar-Regolament 2015/1589, għandu jitfakkar li l-imsemmi regolament ġie adottat abbażi tal-Artikolu 109 TFUE. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi li l-Kunsill jista’ jadotta r-regolamenti kollha xierqa għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE. Għaldaqstant, hija tagħti lill-Kunsill setgħa wiesgħa, sa fejn hija tirreferi għar-“regoli [regolamenti] approprijati” kollha, sa fejn dawn ikunu jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE.

30

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni teżerċita rwol ċentrali u esklużiv għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, ir-rwol tal-qrati nazzjonali huwa li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, fl-istennija ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, u, meta tali deċiżjoni finali tkun ġiet adottata, huma għandhom jisiltu l-konsegwenzi tan-natura obbligatorja ta’ din id-deċiżjoni, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

31

Għalhekk, kemm il-Kummissjoni, fi rwol ċentrali, kif ukoll il-qrati nazzjonali, għal dak li jirrigwarda s-salvagwardja tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont l-Artikolu 108 TFUE, u l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet, skont l-imsemmi artikolu, huma mitluba, kull waħda fir-rwol tagħhom, japplikaw l-Artikoli 107 u 108 TFUE.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, fl-eżerċizzju tas-setgħa wiesgħa mogħtija mill-Artikolu 109 TFUE, il-Kunsill seta’ jqis utli, għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, li jagħti lill-Kummissjoni setgħat għall-finijiet, b’mod partikolari, ta’ applikazzjoni armonizzata fi ħdan l-Unjoni u ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali.

33

Fil-fatt, huwa indikat fil-premessa 37 tar-Regolament 2015/1589, li, għal applikazzjoni koerenti tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, li jippermettu lill-qrati nazzjonali jistaqsu lill-Kummissjoni sabiex tagħtihom informazzjoni jew opinjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li jippermettu lill-Kummissjoni tagħmel osservazzjonijiet bil-miktub jew orali quddiem dawn il-qrati, billi taġixxi konformement mad-dmir tagħha li tiddefendi l-interess pubbliku.

34

Barra minn hekk, il-premessa 38 tar-Regolament 2015/1589 tippreċiża, qabelxejn, li l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 267 TFUE u li dawn ma jorbtux legalment lill-qrati nazzjonali. Sussegwentement, huwa ppreċiżat li l-osservazzjonijiet għandhom jiġu kkomunikati skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, inklużi dawk li huma intiżi sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-partijiet. Barra minn hekk, huwa indikat li l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom josservaw l-indipendenza tal-qrati nazzjonali. Fl-aħħar nett, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, huwa ppreċiżat li dawn għandhom ikunu limitati għal każijiet li jkollhom importanza għall-applikazzjoni koerenti tal-Artikolu 107(1) TFUE jew tal-Artikolu 108 TFUE.

35

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali, previst mill-Artikolu 29(2) tar-Regolament 2015/1589, jista’ jitqies li huwa utli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, fis-sens tal-Artikolu 109 TFUE.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi fid-dritt primarju tal-Unjoni għall-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 29(2) tar-Regolament 2015/1589.

37

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2015/1589 ma jirriżultax li l-intervent tal-Kummissjoni, kemm jekk fuq talba tal-qrati nazzjonali jew fuq inizjattiva tagħha stess, jinterferixxi ma’ jew jippreġudika l-possibbiltà jew, skont iċ-ċirkustanzi, l-obbligu għall-qrati nazzjonali li jagħmlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

38

Fil-fatt, kif huwa indikat fil-premessa 38 tar-Regolament 2015/1589, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, bħala amicus curiae, għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 267 TFUE. Għalhekk, il-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament jifforma parti mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni leali, previst mill-Artikolu 4 TUE. Din hija possibbiltà, għall-qrati nazzjonali, li jitolbu lill-Kummissjoni tagħti opinjonijiet u, għaliha, li tippreżenta osservazzjonijiet mhux vinkolanti għall-imsemmija qrati. Dan huwa appoġġ li huwa għad-dispożizzjoni tal-qrati nazzjonali, sa fejn huma jqisu li dan huwa utli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE.

39

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk il-qorti nazzjonali kellha dubji jew diffikultajiet għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, hija dejjem kellha l-possibbiltà li ddur fuq il-Kummissjoni sabiex din tal-aħħar tagħtiha l-għajnuna tagħha skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Mediaset,C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 30).

40

Bl-istess mod, fir-rigward tal-possibbiltà għall-Kummissjoni, ex officio, li tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub lill-qrati tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), li jipprevedi, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, mekkaniżmu identiku għal dak previst fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament 2015/1589, li tali mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni jaqa’ fil-kuntest tal-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni leali, imsemmi fl-Artikolu 4 TUE, liema kooperazzjoni hija ta’ importanza partikolari meta tikkonċerna l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri inkarigati li jiżguraw l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, X,C‑429/07, EU:C:2009:359, punt 21).

41

Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà jew l-obbligu, għall-qrati nazzjonali li jagħmlu domanda preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ applikazzjoni uniformi u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tagħti lill-qrati nazzjonali l-possibbiltà u, jekk ikun il-każ, jimponi fuqhom l-obbligu li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari meta l-qorti nazzjonali tikkonstata jew ex officio jew fuq talba tal-partijiet li l-mertu tat-tilwima jinkludi kwistjoni li għandha tiġi riżolta u li tidħol fl-iskop tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu. Minn dan jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom setgħa diskrezzjonali mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kwistjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħhom (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Kelly,C‑104/10, EU:C:2011:506, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Il-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 267 TFUE u dak previst mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2015/1589 jikkostitwixxu għalhekk mekkaniżmi komplementari li ma jeskludux lil xulxin reċiprokament, sa fejn huwa kompletament prevedibbli li, wara li tkun irċeviet osservazzjonijiet mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament 2015/1589, dwar kwistjoni relatata mal-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, qorti nazzjonali tagħmel, sussegwentement, domanda preliminari dwar din l-istess domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE.

43

Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, filwaqt li, fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti nazzjonali kkonċernata, il-Kummissjoni kienet ippreżentat osservazzjonijiet bħala amicus curiae (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar,C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 37).

44

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, bħala amicus curiae, ma humiex vinkolanti għall-qrati nazzjonali.

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jitolbu kjarifiki lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE kienet bla ħsara għall-possibbiltà jew għall-obbligu tal-qrati nazzjonali li jagħmlulha domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punti 50 u 51).

46

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2015/1589 ma jmurx kontra l-Artikolu 267 TFUE.

47

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent li l-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2015/1589 huwa inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, sa fejn dan jinterferixxi mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina eventwali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Istat Membru kkonċernat, għandhom jiġu rrilevati l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

48

Skont l-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tadixxi direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur, meta Stat Membru ma jikkonformax ruħu ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li għajnuna mill-Istat ma hijiex kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107 TFUE, u li din għandha titħassar jew tiġi emendata.

49

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 108 TFUE ma jirriżultax li l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadixxi direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja hija prekluża mill-fatt li hija tkun intervjeniet bħala amicus curiae fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament 2015/1589. Bl-istess mod, minn din l-aħħar dispożizzjoni ma jirriżultax li l-possibbiltà li tintervjeni bħala amicus curiae hija kkundizzjonata mill-possibbiltà għall-Kummissjoni li tkun tista’ tadixxi jew le lill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE. Minn dan jirriżulta li l-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2015/1589 bl-ebda mod ma jaffettwa l-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni, previst mill-Artikolu 108(2) TFUE. Għalhekk, il-fatt li, fil-kuntest ta’ tilwima nazzjonali, il-Kummissjoni tintervjeni, b’mod mhux ġudizzjarju, billi tippreżenta osservazzjonijiet mhux vinkolanti għall-qrati nazzjonali huwa bla ħsara għall-proċedura li l-Kummissjoni tista’ tibda skont l-Artikolu 108(2) TFUE, fil-każ li hija tqis li miżura statali tmur kontra l-Artikolu 107 TFUE u jkollha titħassar jew tiġi emendata.

50

Għalhekk, dawn huma mekkaniżmi distinti, komplementari u li ma jeskludux lil xulxin.

51

Minn dan isegwi li l-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2015/1589 ma jmurx kontra l-Artikolu 108 TFUE.

52

L-argument tar-rikorrent, li bl-ebda mod ma huwa ssostanzjat, li jgħid li l-Artikolu 108 TFUE huwa huwa stess illegali, jekk jitqies li huwa ammissibbli, huwa infondat. Fil-fatt, il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat, stabbilita fl-Artikolu 107 TFUE, hija l-bażi stess tal-funzjonament tas-suq intern, li l-kompetizzjoni tiegħu ma għandhiex tiġi distorta minn miżuri tal-Istat. Bl-istess mod, il-funzjoni ta’ sorveljanza, mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 108 TFUE, tikkostitwixxi element fundamentali tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattati.

53

Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-garanziji proċedurali li jirregolaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament 2015/1589, mill-premessa 38 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu kkomunikati konformement mar-regoli proċedurali nazzjonali, inklużi dawk li huma intiżi sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-partijiet, u josservaw l-indipendenza tal-qrati nazzjonali.

54

Għaldaqstant, huma l-garanziji proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali li għandhom japplikaw fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni, liema dritt għandu jitqies li huwa konformi mal-Artikolu 19 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2015/1589 ma jipprevedix garanziji proċedurali suffiċjenti għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Rems Kargins għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

 

Marcoulli

Tomljenović

Valasidis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑19 ta’ Marzu 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qegħdin jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.