|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1181 |
29.5.2026 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2026/1181
tat-22 ta’ Mejju 2026
li jissospendi d-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni msemmija fl-Artikolu 56(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi għal ċerti fertilizzanti
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Is-suq tal-Unjoni għal ċerti inputs ta’ fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu jiddependi fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Fl-2024, l-Unjoni importat 2 miljun tunnellata ta’ ammonijaka u 5,9 miljun tunnellata ta’ urea b’mod partikolari biex tipproduċi fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu. Barra minn hekk, l-Unjoni importat total ta’ 6,7 miljun tunnellata ta’ fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu u taħlitiet li fihom in-nitroġenu. L-urea u l-ammonijaka huma oġġetti intensivi fil-karbonju għall-fertilizzanti fejn id-diversifikazzjoni hija diffiċli u teħtieġ iż-żmien. Il-fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu huma essenzjali wkoll għall-bdiewa Ewropej li jeħtieġu fluss kummerċjali sigur u regolari ta’ fertilizzanti bi prezzijiet kompetittivi biex jiggarantixxu l-produzzjoni agrikola u s-sigurtà tal-ikel. Il-prezzijiet għal dawk l-oġġetti żdiedu sostanzjalment mill-2021. |
|
(2) |
Għall-fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Unjoni hija importatur nett strutturali, bi provvista kkonċentrata fi ftit pajjiżi, fejn wieħed mill-fornituri ewlenin huwa l-Federazzjoni Russa. |
|
(3) |
Bħalissa, parti sinifikanti mill-inputs użati għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu u parti sinifikanti mill-fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu huma importati fl-Unjoni mingħajr dazju minn pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali għas-suq tal-Unjoni. Madankollu, l-Unjoni għadha timporta volum kbir ta’ dawn l-oġġetti li joriġinaw minn pajjiżi soġġetti għat-Tariffa Doganali Komuni, bir-rati tad-dazju doganali li bħalissa jvarjaw bejn 5,5 % u 6,5 %. |
|
(4) |
Dawk id-dazji doganali jżidu l-kostijiet għall-produtturi tal-fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu u jaffettwaw il-prezz tal-fertilizzanti, li min-naħa tiegħu jaffettwa l-prezz tal-ikel, u dan iqajjem tħassib fir-rigward tal-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi, u fir-rigward tal-bdiewa Ewropej. F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni rat żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-fertilizzanti filwaqt li l-prezzijiet ta’ ċerti prodotti agrikoli għadhom ma rriflettewx bis-sħiħ l-istess xejra. Dik is-sitwazzjoni tpoġġi l-vijabbiltà tal-produzzjoni agrikola tal-Unjoni taħt pressjoni. |
|
(5) |
Sabiex jiġi żgurat dinamiżmu qawwi fis-suq tal-fertilizzanti tal-Unjoni u tiġi diversifikata l-katina tal-provvista tal-produzzjoni tal-fertilizzanti, huwa meħtieġ li jiġu ffaċilitati l-importazzjonijiet ta’ oġġetti li jintużaw għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu, ċerti fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu, u taħlitiet li fihom in-nitroġenu. Barra minn hekk, huwa kruċjali li jiġu ddiversifikati b’modurġenti s-sorsi ta’ provvista lil hinn mill-Federazzjoni Russa, b’mod partikolari minħabba l-miżuri stabbiliti mir-Regolament (UE) 2025/1227 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), li ser iżidu progressivament id-dazji doganali għal xi wħud mill-oġġetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
|
(6) |
F’dawn l-aħħar snin, il-kostijiet għoljin tal-enerġija affettwaw il-produzzjoni tal-fertilizzanti fl-Unjoni, b’mod partikolari tal-fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu minħabba li l-gass naturali huwa s-sors ewlieni tal-enerġija tagħhom u materja prima. Dan wassal għal impatt sinifikanti fuq il-produzzjoni u l-bejgħ tal-industrija tal-fertilizzanti tal-Unjoni. Il-produtturi tal-fertilizzanti tal-Unjoni għad iridu jadattaw għal dan l-ambjent kumpless xprunat minn fatturi ġeopolitiċi. Għalhekk, jenħtieġ li kwalunkwe miżura meħuda biex tittejjeb il-provvista tal-fertilizzanti hija li jiġi evitat impatt negattiv fuq il-produtturi tal-fertilizzanti tal-Unjoni. |
|
(7) |
Peress li jeħtieġ li l-produzzjoni eżistenti tal-fertilizzanti tal-Unjoni tibqa’ protetta, hemm bżonn li tiżdied ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista tagħha billi tiġi ffavorita d-diversifikazzjoni tal-inputs tagħha u jiġi minimizzat aktar ir-riskju ta’ dipendenzi esterni. |
|
(8) |
Huwa xieraq ukoll li jittieħdu miżuri biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-importazzjoni ta’ inputs użati għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu, ċerti fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu, u taħlitiet li fihom in-nitroġenu li għalihom il-produzzjoni tal-Unjoni mhijiex biżżejjed. |
|
(9) |
Sabiex tiġi żgurata provvista suffiċjenti u mingħajr interruzzjoni ta’ ċerti fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu li huma prodotti fi kwantitajiet insuffiċjenti fl-Unjoni, u b’hekk jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fis-suq għal dawk il-prodotti, huwa xieraq li d-dazju tat-Tariffa Doganali Komuni msemmi fl-Artikolu 56(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għall-urea u l-ammonijaka, għal ċerti fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu, u għal taħlitiet li fihom in-nitroġenu sa ċertu volum tal-importazzjonijiet tagħhom, jiġi sospiż temporanjament. Sabiex jiġu bbilanċjati l-interessi tal-produtturi tal-Unjoni ta’ dawk l-oġġetti u dawk tal-konsumaturi tal-fertilizzanti tal-Unjoni, is-sospensjoni temporanja tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni hija limitata, għal kull oġġett, għall-volum tal-importazzjonijiet tan-nazzjon l-aktar iffavorit (MFN) tal-Unjoni għall-2024, esklużi l-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja, u miżjuda b’żieda ta’ 20 % tal-volumi importati minn dawn iż-żewġ pajjiżi fl-2024. Jenħtieġ li s-sospensjoni temporanja tad-dazju doganali tapplika għal sena. Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja s-sitwazzjoni fis-suq tal-fertilizzanti u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi l-estensjoni jew il-modifika tas-sospensjoni tad-dazju doganali biex tinkiseb diversifikazzjoni suffiċjenti u biex tittejjeb id-disponibbiltà ta’ fertilizzanti bi prezz kompetittiv għall-bdiewa Ewropej. |
|
(10) |
Jeħtieġ li jiġu esklużi l-importazzjonijiet ta’ inputs li jintużaw għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu, ċerti fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu, u taħlitiet li fihom in-nitroġenu li joriġinaw jew li jiġu esportati, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sospensjoni temporanja tad-dazju doganali stabbilita f’dan ir-Regolament. L-esklużjoni tal-importazzjonijiet ta’ oġġetti li joriġinaw jew li jiġu esportati, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja mis-sospensjoni temporanja stabbilita f’dan ir-Regolament hija konsistenti mal-azzjoni esterna tal-Unjoni f’oqsma oħra, kif stipulat fl-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). |
|
(11) |
Il-qagħda tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa ddeterjorat ħafna fl-aħħar snin, b’mod partikolari mill-2022 ‘l hawn. Dak id-deterjorament tar-relazzjonijiet huwa dovut għan-nuqqas ta’ rispett sfaċċat mill-Federazzjoni Russa lejn id-dritt internazzjonali u għall-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tagħha kontra l-Ukrajna. Minn Lulju 2014 ’l hawn, l-Unjoni imponiet progressivament miżuri restrittivi fuq il-kummerċ mal-Federazzjoni Russa bħala rispons għall-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. L-Unjoni imponiet ukoll dazji doganali ogħla fuq l-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu mill-Federazzjoni Russa li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
|
(12) |
Il-Federazzjoni Russa hija membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Madankollu, bis-saħħa tal-eċċezzjonijiet li japplikaw skont il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-“Ftehim tad-WTO”), u b’mod partikolari l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (eċċezzjonijiet ta’ sigurtà), l-Unjoni hija meħlusa mill-obbligu li tagħti lill-oġġetti importati mill-Federazzjoni Russa l-vantaġġi mogħtija lill-oġġetti simili importati minn pajjiżi oħra (it-“trattament MFN”), jekk l-Unjoni tqis li tali miżuri huma meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi tas-sigurtà essenzjali tal-Unjoni. |
|
(13) |
Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Belarussja ddeterjoraw ukoll matul dawn l-aħħar snin minħabba n-nuqqas ta’ rispett min-naħa tar-Repubblika tal-Belarussja għad-dritt internazzjonali, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll l-appoġġ tagħha għall-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa. Minn Ottubru 2020 ‘l hawn, l-Unjoni imponiet progressivament miżuri restrittivi fuq il-kummerċ mar-Repubblika tal-Belarussja. L-Unjoni imponiet ukoll dazji doganali ogħla fuq l-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu mill-Belarussja li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
|
(14) |
Ir-Repubblika tal-Belarussja mhijiex membru tad-WTO. Għalhekk, l-Unjoni mhijiex obbligata, bis-saħħa tal-Ftehim tad-WTO, li tagħti lill-oġġetti mir-Repubblika tal-Belarussja t-trattament MFN u trattament ieħor f’konformità ma’ dak il-Ftehim. Barra minn hekk, il-ftehimiet kummerċjali eżistenti bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Belarussja jippermettu azzjonijiet ġustifikati fuq il-bażi ta’ klawżoli ta’ eċċezzjoni applikabbli, b’mod partikolari eċċezzjonijiet ta’ sigurtà. |
|
(15) |
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq, biex jintlaħaq l-objettiv bażiku li tiġi żgurata provvista suffiċjenti ta’ fertilizzanti bbażati fuqin-nitroġenu u b’hekk jiġi evitat tfixkil serju fis-suq tal-Unjoni għal dawk il-prodotti, li jiġu stabbiliti regoli dwar is-sospensjoni temporanja tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni msemmija fl-Artikolu 56(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, dwar il-ftuħ u l-metodu għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi għal ċerti fertilizzanti. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi maħsuba skont l-Artikolu 5(4) TUE. |
|
(16) |
Sabiex jitrawwmu d-diversifikazzjoni tal-provvisti jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni, qabel l-istaġun tat-tħawwil u /taż-żrigħ li jmiss, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni msemmija fl-Artikolu 56(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għandhom jiġu sospiżi għall-kodiċijiet NM li ġejjin, għall-ammonti aggregati ġenerali li jinsabu fl-Anness ta’ dan ir-Regolament:
|
(a) |
il-kodiċijiet NM 2814 10 00 u 2814 20 00 ; |
|
(b) |
il-kodiċijiet NM 3102 10 12 , 3102 10 15 , 3102 10 19 u 3102 10 90 ; |
|
(c) |
il-kodiċi NM 3102 21 00 ; |
|
(d) |
il-kodiċi NM 3102 60 00 ; |
|
(e) |
il-kodiċi NM 3102 80 00 ; |
|
(f) |
il-kodiċijiet NM 3105 20 10 u 3105 20 90 ; |
|
(g) |
il-kodiċi NM 3105 30 00 ; |
|
(h) |
il-kodiċi NM 3105 40 00 . |
2. Is-sospensjoni tad-dazji doganali fuq oġġetti taħt il-kodiċijiet NM imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ma għandhiex tapplika għall-importazzjonijiet ta’ oġġetti taħt dawk il-kodiċijiet NM li joriġinaw jew li jiġu esportati, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja.
3. Is-sospensjoni tad-dazji doganali fuq oġġetti taħt il-kodiċijiet NM imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b), (c), (d), (e), (f), (g) u (h) ma għandhiex tapplika għall-importazzjonijiet ta’ oġġetti taħt dawk il-kodiċijiet NM li joriġinaw jew li jiġu esportati, direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2025/1227.
4. In-numri tal-ordni tal-kwota l-ġodda għandhom jinfetħu bir-referenzi elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimmaniġġaw il-kwoti ta’ volum tal-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament f’konformità mas-sistema ta’ ġestjoni għall-kwoti tariffarji prevista fl-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3).
Artikolu 3
Il-Kummissjoni għandha timmonitorja s-sitwazzjoni fis-suq tal-fertilizzanti u jekk ikun meħtieġ, tipproponi l-estensjoni jew il-modifika tas-sospensjoni prevista fl-Artikolu 1, jew tal-perjodu ta’ applikazzjoni previst fl-Artikolu 4, jew tat-tnejn.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika sal-31 ta’ Mejju 2027.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. DAMIANOS
(1) Ir-Regolament (UE) 2025/1227 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2025 dwar il-modifika tad-dazji doganali applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw jew jiġu esportati mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja (ĠU L, 2025/1227, 20.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1227/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).
ANNESS
|
Kodiċi NΜ |
Volum tal-kwota tariffarja (tunnellati metriċi) |
Numru tal-ordni |
|
2814 10 00 , 2814 20 00 |
300 000 |
09.0172 |
|
3102 10 12 , 3102 10 15 , 3102 10 19 , 3102 10 90 |
890 000 |
09.0173 |
|
3102 21 00 |
413 000 |
09.0174 |
|
3102 60 00 |
27 000 |
09.0175 |
|
3102 80 00 |
583 000 |
09.0176 |
|
3105 20 10 , 3105 20 90 |
360 000 |
09.0177 |
|
3105 30 00 |
87 000 |
09.0178 |
|
3105 40 00 |
83 000 |
09.0179 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1181/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)