European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2196

29.9.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2196

tat-28 ta’ Settembru 2026

dwar miżura ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b'appoġġ għall-Forzi Armati ta' Cabo Verde

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta' azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta' sigurtà komuni għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-konflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B'mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta' miżuri ta' assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma' kwistjonijiet militari u ta' difiża.

(2)

Il-qasam marittimu tal-Afrika tal-Punent għadu jiffaċċja ambjent diffiċli li fih il-piraterija, is-serq bl-użu ta' armi fuq il-baħar, il-ħtif ta' baħħara, is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), il-kuntrabandu u t-traffikar ta' drogi u armi, kif ukoll il-kriminalità organizzata transnazzjonali joħolqu theddida maġġuri u dejjem tiżdied għas-sigurtà marittima, li taffettwa l-libertà ta' navigazzjoni, u b'hekk tipperikola rotot kummerċjali ewlenin, tipperikola l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun kollu u l-għajxien ekonomiku tal-popolazzjoni, u twassal għad-deterjorament tal-ambjent u tal-bijodiversità.

(3)

Cabo Verde għadu partikolarment espost għal diversi theddidiet, fosthom il-piraterija marittima, it-terroriżmu, it-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, iċ-ċiberkriminalità u s-sajd IUU minħabba ż-Żona Ekonomika Esklużiva vasta u l-pożizzjoni ġeostrateġika tiegħu f'salib it-toroq tal-Atlantiku, fejn jgħaqqad l-Afrika mal-Ewropa u mal-Amerki. It-tisħiħ tal-Forzi Armati ta' Cabo Verde huwa element importanti li jippermetti u jappoġġa l-isforzi ta' sigurtà marittima f'Cabo Verde u fir-reġjuni tal-Atlantiku u tal-Golf tal-Guinea.

(4)

Matul it-13-il Laqgħa Ministerjali fi ħdan is-Sħubija Speċjali bejn l-Unjoni Ewropea u Cabo Verde, li saret fi Brussell fil-31 ta' Jannar 2025, iż-żewġ sħab affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom taħt il-pilastru tas-sigurtà u l-istabbiltà, bl-għan li jiddefinixxu kunċett intensifikat għas-sigurtà, f'konformità mal-Approċċ Integrat tal-Unjoni.

(5)

Fit-8 ta' Lulju 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/1340 (2).

(6)

Fis-17 ta' Diċembru 2025, ġie konkluż il-kuntratt bejn l-Amministratur għall-miżuri ta' assistenza tal-EPF u l-attur responsabbli mill-implimentazzjoni, il-Ministeru għad-Difiża Nazzjonali tal-Portugall, iffinanzjat skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1340. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-appoġġ tal-EPF fl-2026 u jiġu evitati lakuni operazzjonali potenzjali, jenħtieġ li l-eliġibbiltà ta’ ċertu nefqa ffinanzjata skont din id-Deċiżjoni jibda fis-17 ta' Diċembru 2025.

(7)

Fl-1 ta' April 2026, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rċeviet talba minn Cabo Verde biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati ta' Cabo Verde bl-akkwist ta' infrastruttura, tagħmir u servizzi kruċjali, biex jissaħħu l-mezzi tal-Gwardja tal-Kosta tagħhom.

(8)

Il-miżuri ta' assistenza għandhom jiġu implimentati b'kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b'mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (3), u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.

(9)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta' applikazzjoni u durata

1.   Hija b'dan stabbilita miżura ta' assistenza għall-benefiċċju ta' Cabo Verde (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta' assistenza”).

2.   L-objettivi tal-miżura ta' assistenza huma dawn li ġejjin:

(a)

li tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni fis-sigurtà u d-difiża bejn l-Unjoni u l-benefiċjarju;

(b)

li jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ġenerali tas-sigurtà u tad-difiża tal-Forzi Armati ta' Cabo Verde biex titħares is-sovranità tal-benefiċjarju fil-baħar u tittejjeb is-sigurtà marittima reġjonali, b'hekk jitħarsu aħjar il-bastimenti u r-riżorsi marittimi, il-popolazzjonijiet kostali u l-għajxien tagħhom;

(c)

li jissaħħaħ il-potenzjal tal-benefiċjarju fir-rigward tas-sehem tiegħu fl-operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-Unjoni, u l-kontribut tiegħu għal azzjonijiet konġunti fil-qafas tal-Arkitettura ta' Yaoundé.

3.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 2, il-miżura ta' assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta' tagħmir li ġejjin mhux iddisinjati biex iwasslu forza letali, l-infrastruttura u s-servizzi li ġejjin:

(a)

tagħmir għall-bastiment tal-għassa oċeaniku, li għandu jiġi pprovdut fil-qafas tal-miżura ta' assistenza tal-2025 taħt l-EPF;

(b)

bażi tal-ajru għall-Gwardja tal-Kosta ta' Cabo Verde fuq il-Gżira ta' Sal u tagħmir relatat;

(c)

faċilitajiet ta' workshop għall-Gwardja tal-Kosta ta' Cabo Verde u kamp bażi għall-forzi tal-baħar, l-ajru u l-art tal-flotta navali ta' Cabo Verde f'Mindelo, il-gżira ta' São Vicente u tagħmir relatat;

(d)

korsijiet ta' taħriġ f'oqsma kritiċi bħall-manutenzjoni, il-loġistika u l-komunikazzjonijiet;

(e)

tagħmir operazzjonali għall-Gwardja tal-Kosta ta' Cabo Verde inkluż l-intervent, it-tagħmir individwali u l-assi ta' komunikazzjoni;

(f)

sistemi ta' komunikazzjoni u tagħmir għal bejn l-ajru, l-art u l-baħar għaċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet Marittimi nazzjonali ta' Cabo Verde (COSMAR);

(g)

inġenju tal-ajru għall-Gwardja tal-Kosta ta' Cabo Verde.

Il-miżura ta' assistenza għandha tiffinanzja wkoll provvisti u servizzi relatati, inkluż taħriġ tekniku, fejn meħtieġ.

4.   Id-durata tal-miżura ta' assistenza għandha tkun ta' 48 xahar mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-miżura ta' assistenza għandu jkun ta' EUR 60 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.

3.   In-nefqa relatata mal-Artikolu 1(3), il-punti (a) u (d) għandha tkun eliġibbli mis-17 ta' Diċembru 2025.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta' appoġġ fil-qafas tal-miżura ta' assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati ta' Cabo Verde appoġġati fil-qafas tal-miżura ta' assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti fil-qafas tal-miżura ta' assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(c)

il-manutenzjoni suffiċjenti ta' kwalunkwe assi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta' assistenza biex tiġi żgurata l-utilizzabbiltà u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li kwalunkwe assi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta' assistenza ma jintilfux jew ma jiġux ittrasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f'dawk l-arranġamenti.

3.   L-arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ fil-qafas tal-miżura ta' assistenza f'każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF u mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta' assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill-Ministeru għad-Difiża Nazzjonali tal-Portugall fir-rigward tal-punti (a), (d) u (g) tiegħu, u minn Expertise France fir-rigward tal-punti (b), (c), (e) u (f) tiegħu.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jiġi pprovdut għarfien tal-kuntest u tar-riskji ta' ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jingħata kontribut għall-prevenzjoni ta' tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati ta' Cabo Verde appoġġati fil-qafas tal-miżura ta' assistenza.

2.   Il-kontroll ta' wara t-trasportazzjoni ta' tagħmir u provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

verifika tal-kunsinna, fejn iċ-ċertifikati tal-kunsinna tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

rapportar, li permezz tiegħu l-benefiċjarju għandu jirrapporta fuq bażi annwali dwar l-attivitajiet li jkunu saru bit-tagħmir, l-infrastruttura, il-provvisti u s-servizzi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta' assistenza u dwar l-inventarju ta' oġġetti ddeżinjati sakemm tali rapportar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS);

(c)

żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta' assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta' assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 6

Rapportar

Matul il-perjodu ta' implimentazzjoni, kull sitt xhur ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza, f'konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jinforma b'mod regolari lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f'konformità mal-Artikolu 38 ta' dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista' jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza f'konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista' jirrakkomanda li l-Kunsill jittermina l-miżura ta' assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika fir-rigward tan-nefqa relatata mal-Artikolu 1(3), il-punti (a) u (d), mis-17 ta' Diċembru 2025.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1340 tat-8 ta' Lulju 2025 dwar miżura ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b'appoġġ għall-Forzi Armati ta' Cabo Verde (ĠU L, 2025/1340, 9.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1340/oj).

(3)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2196/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)