IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.7.2021
COM(2021) 431 final
2021/0245(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għaċ-Ċekja
{SWD(2021) 211 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.7.2021
COM(2021) 431 final
2021/0245(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għaċ-Ċekja
{SWD(2021) 211 final}
2021/0245 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għaċ-Ċekja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikulari l-Artikolu 20 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt ta’ tfixkil fuq l-ekonomija taċ-Ċekja. Fl-2019, il-prodott domestiku gross per capita (PDG per capita) taċ-Ċekja kien ta’ 68 % tal-medja tal-UE. Skont il-previżjoni interim tal-Kummissjoni tas-sajf tal-2021, il-PDG reali taċ-Ċekja naqas b’ 5.6 % fl-2020 u huwa mistenni li jonqos b’1,9% b’mod kumulattiv fl-2020 u fl-2021. Aspetti fit-tul b’impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika fuq terminu medju jinkludu ż-żamma tat-tkabbir tal-produttività, li tirrekjedi riformi strutturali sostnuti fl-edukazzjoni, l-ekosistema tal-innovazzjoni u l-governanza, u investiment immirat fl-infrastrutturi, u r-riċerka u l-iżvilupp. Iċ-Ċekja għadha mhijiex ippreparata biżżejjed għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-bidliet teknoloġiċi, bħall-awtomatizzazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni, x’aktarx li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija taċ-Ċekja, minħabba l-esponiment tas-settur kbir tal-manifattura tagħha, inkluża l-produzzjoni awtomobilistika. Barra minn hekk, is-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa joħolqu riskji fit-tul għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-ekonomija.
(2)Fid-9 ta’ Lulju 2019 u fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill indirizza r-rakkomandazzjonijiet liċ-Ċekja fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. B’mod partikolari, il-Kunsill irrakkomanda li jittieħdu miżuri biex jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku filwaqt li tiġi salvagwardjata s-sostenibbiltà fiskali fit-tul u jissaħħaħ l-investiment; li tiżgura r-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, issaħħaħ id-disponibbiltà ta’ ħaddiema tas-saħħa, il-kura primarja u l-integrazzjoni tal-kura, u t-tnedija ta’ servizzi tas-saħħa elettronika; li tappoġġa l-impjiegi permezz ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, il-provvista ta’ ħiliet, inkluż il-ħiliet diġitali, u l-aċċess għat-tagħlim diġitali; li tappoġġa lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju billi tagħmel użu akbar ta’ strumenti finanzjarji biex jiġi żgurat appoġġ ta’ likwidità, tnaqqas il-piż amministrattiv u ttejjeb il-gvern elettroniku; li tiffinanzja fil-bidu tal-perjodu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jiġu mbuttat ’il quddiem l-irkupru ekonomiku; li tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq infrastruttura u teknoloġiji diġitali ta’ kapaċità għolja, produzzjoni u użu nodfa u effiċjenti tal-enerġija, u infrastruttura tat-trasport sostenibbli, inkluż fir-reġjuni tal-faħam; li jitneħħew l-ostakoli li jtellfu l-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ innovazzjoni li tkun għal kollox funzjonanti; li tiżgura l-aċċess għal finanzjament għal ditti innovattivi u ttejjeb il-koperazzjoni pubblika-privata fir-riċerka u fl-iżvilupp. Wara li vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-mument tal-preżentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Kummissjoni ssib li nkiseb progress sostanzjali fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet dwar it-teħid tal-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-pandemija, tiġi sostnita l-ekonomija u jiġi appoġġjat l-irkupru li jsegwi.
(3)Fl-1 ta’ Ġunju 2021, iċ-Ċekja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Wara dik il-preżentazzjoni kien hemm proċess ta’ konsultazzjoni, li sar f’konformità mal-qafas legali nazzjonali. F’dik il-konsultazzjoni kien hemm inklużi l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet ikkonċernati relevanti oħra. Is-sjieda nazzjonali tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tirfed l-implimentazzjoni b’suċċess u l-impatt dejjiemi tagħhom fil-livell nazzjonali, u l-kredibbiltà tagħhom fil-livell tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida għall-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament.
(4)Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jenħtieġ li jsegwu l-objettivi ġenerali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbiliti bir-Regolament (UE) 2021/241 u tal-Istrument ta’ Rkupru tal-UE stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 2 sabiex jiġi appoġġat l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. Huma jenħtieġ li jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jikkontribwixxu għas-sitt pilastri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(5)L-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza tal-Istati Membri se tikkostitwixxi sforz ikkoordinat ta’ investiment u riformi madwar l-Unjoni. Permezz tal-implimentazzjoni kkoordinata u simultanja ta’ dawn ir-riformi u l-investimenti u l-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntiera, dawn ir-riformi u l-investimenti se jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u jiġġeneraw effetti konsegwenzjali pożittivi madwar l-Unjoni kollha. Għalhekk, madwar terz tal-impatt tal-Faċilità fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-Istati Membri se jiġi minn effetti konsegwenzjali minn Stati Membri oħra.
Rispons bilanċjat li jikkontribwixxi għas-sitt pilastri
(6)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(a) u t-Taqsima 2.1 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jirrappreżenta fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod xieraq għas-sitt pilastri kollha kemm huma msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241, filwaqt li jqis l-isfidi speċifiċi u l-allokazzjoni finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat.
(7)Il-pjan Ċek għall-irkupru u r-reżiljenza jipprevedi rispons komprensiv u bbilanċjat għall-kriżi kkawżata mill-pandemija. Il-pjan jinkludi miżuri li jikkontribwixxu għas-sitt pilastri kollha kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241. Il-pjan jagħmel referenzi espliċiti għas-sitt pilastri u kif qed jiġu indirizzati mill-miżuri, u jinkludi komponenti li jikkontribwixxu għal mill-inqas pilastru wieħed jew aktar. Il-pjan huwa magħmul minn ġabra ta’ investimenti u riformi li jiffukaw fuq oqsma ewlenin bħad-diġitalizzazzjoni, it-tranżizzjoni ekoloġika, l-edukazzjoni, l-aċċess għall-finanzjament, il-kultura, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-kura tas-saħħa.
(8)Il-pjan jipprevedi miżuri li jħarsu ‘l quddiem li jiffaċilitaw it-trasformazzjoni diġitali u t-tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomija Ċeka. Tali miżuri jinkludu l-espansjoni tas-servizzi tal-gvern elettroniku u tas-Saħħa elettronika, investimenti fid-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja tal-pajjiż, l-espansjoni ta’ netwerks tal-5G b’kapaċità għolja ħafna, l-innovazzjoni diġitali u l-ħiliet diġitali, u d-diġitalizzazzjoni tal-industrija. Il-pjan għandu l-għan li jżid is-sehem ta’ modi sostenibbli ta’ trasport, iżid l-iffrankar tal-enerġija u jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, filwaqt li jikkontribwixxi għall-objettivi ta’ mitigazzjoni u adattament għall-klima, għall-preservazzjoni u r-restawr tan-natura u għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari. Il-miżuri jindirizzaw l-isfidi soċjoekonomiċi speċifiċi taċ-Ċekja, permezz tal-appoġġ għal ekosistema tal-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet fl-edukazzjoni, filwaqt li jqisu d-disparitajiet soċjali.
L-indirizzar tal-isfidi kollha jew ta’ subsett sinifikanti ta’ sfidi identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi
(9)Skont l-Artikolu 19(3) punt (b) u t-Taqsima 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta’ sfidi (Klassifikazzjoni A) identifikati fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi, inklużi l-aspetti fiskali tagħhom indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat jew l-isfidi identifikati f’dokumenti rilevanti oħra adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.
(10)Il-pjan jinkludi ġabra ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku li jikkontribwixxu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti tagħhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati liċ-Ċekja mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020 b’mod notevoli fl-oqsma tas-saħħa, il-ħiliet u l-edukazzjomni, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, it-trasport, l-appoġġ lin-negozji u r-riċerka u l-innovazzjoni. Il-pjan huwa ta’ kontribut għall-isfidi strutturali identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż peress li jinkludi għadd ta’ investimenti u riformi promettenti li jistgħu jwasslu għal titjib ġenwin għall-ekonomija u s-soċjetà Ċeka. Huwa jiffoka b’mod qawwi fuq l-investimenti fl-oqsma msemmija hawn fuq b’mod partikolari fl-enerġija, l-infrastruttura diġitali u t-trasport sostenibbli. Fil-qasam tal-enerġija, iċ-Ċekja qed tippjana li timmodernizza n-netwerks ta’ distribuzzjoni tat-tisħin distrettwali, iżżid is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, ittejjeb l-effiċjenza enerġetika fil-bini residenzjali u pubbliku u tissostitwixxi l-bojlers li jaħdmu bil-faħam għall-unitajiet domestiċi. Il-proġetti tal-infrastruttura diġitali u tat-trasport jiffukaw fuq netwerks diġitali u ferrovjarji ta’ kapaċità għolja ħafna, li huma mistennija jibnu pedamenti moderni u ekoloġiċi għat-tkabbir tal-produttività fil-ġejjieni.
(11)Dawk l-investimenti se jkunu appoġġati minn riforma fil-proċedura għall-għoti ta’ permessi għall-bini, inkluż id-diġitalizzazzjoni tal-proċess, li jnaqqas b’mod sinifikanti t-tul tiegħu, il-miżuri li jolqtu l-gvern elettroniku u dawk kontra l-korruzzjoni mistennija li jtejbu b’mod ulterjuri l-ambjent tan-negozju. Il-potenzjal tat-tkabbir u l-kompetittività tal-ekonomija Ċeka jenħtieġ li jiġu appoġġati wkoll mill-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, li jenħtieġ li jkollu fil-mira l-kooperazzjoni pubblika-privata, l-aċċess għall-finanzi u l-appoġġ mhux finanzjarju għal ditti innovattivi, b’mod partikolari l-SMEs, it-titjib fl-ekosistema tal-innovazzjoni, u jenħtieġ li jiffoka wkoll fuq oqsma industrijali, ambjentali, tat-trasport, kulturali, diġitali u tal-kura tas-saħħa. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill marbuta mas-suq tax-xogħol, il-ħiliet u l-edukazzjoni mistennija li jiġu indirizzati permezz ta’ skemi ta’ rikwalifikazzjoni, opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja bbażati fuq il-kumpaniji, faċilitajiet ġodda ta’ kura tat-tfal, ħiliet diġitali għall-għalliema, kurrikulu aġġornat li jrawwem il-ħiliet u l-għarfien diġitali, u tagħmir tal-IT għall-iskejjel, kif ukoll miżuri li jiffukaw fuq l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-kura tas-saħħa huma mistennija li jiġu indirizzati permezz ta’ prevenzjoni u kura ta’ riabilitazzjoni msaħħa tal-kanċer, l-iżvilupp ta’ portal tas-Saħħa elettronika li jrawwem prattiki ta’ kura integrata u appoġġ għall-edukazzjoni fil-kura tas-saħħa. Aktar azzjonijiet komplementari jinkludu miżuri biex titjieb il-kura fit-tul.
(12)Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill relatati mar-rispons immedjat tal-politika fiskali għall-pandemija jistgħu jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza taċ-Ċekja, minkejja l-fatt li ċ-Ċekja ġeneralment wieġbet b’mod adegwat u suffiċjenti għall-ħtieġa immedjata li l-ekonomija tiġi appoġġata permezz ta’ mezzi fiskali fl-2020 u fl-2021, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Klawżola Liberatorja Ġenerali fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
(13)Madankollu, is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi mhijiex indirizzata fil-pjan. Minħabba n-natura ta’ terminu medju sa twil tal-isfida, l-urġenza li tiġi indirizzata fis-sitwazzjoni ekonomika attwali hija inqas evidenti milli għar-rakkomandazzjonijiet l-oħra. Madankollu, jenħtieġ li ċ-Ċekja tkompli tiffaċċja riskji medji għas-sostenibbiltà fiskali tal-finanzi pubbliċi fit-tul, l-aktar minħabba l-kostijiet tat-tixjiħ. It-titjib tas-sostenibbiltà fiskali fit-tul tas-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa għalhekk jibqa’ sfida importanti li għandha tiġi indirizzata fis-snin li ġejjin. Barra minn hekk, il-pjan iqis id-disparitajiet reġjonali meta jindirizza r-rakkomandazzjonijiet sa ċertu punt biss.
Kontribut għall-potenzjal ta’ tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali u l-implimentazzjoni tal-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali
(14)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(c) u t-Taqsima 2.3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jkollu impatt qawwi (Klassifikazzjoni A) fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali tal-Istat Membru, filwaqt li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq it-taffija tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19, u b’hekk isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza fl-Unjoni.
(15)Simulazzjonijiet mis-servizzi tal-Kummissjoni juru li l-pjan għandu l-potenzjal li jżid il-PDG taċ-Ċekja b’ bejn 0,8 % u 1,2 % sal-2026 3 . Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi fiċ-Ċekja. Il-pjan jindirizza b’mod koerenti bosta dgħufijiet identifikati tal-ekonomija, b’mod partikolari l-esponiment tal-industrija għar-riskji ppreżentati mill-awtomatizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika, il-livelli baxxi tal-finanzjament fir-riċerka u l-iżvilupp għal ditti innovattivi fi stadju bikri, in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet, il-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u n-nuqqas fil-ħiliet u l-ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni pubblika.
(16)Il-pjan jindirizza dawk id-dgħufijiet u l-vulnerabbiltajiet b’mod partikolari billi jidderieġi l-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju lill-SMEs, lill-intrapriżi kbar u lill-proġetti, li jippermettilhom jipparteċipaw fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, l-investimenti fit-trasport, miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u n-negozju u l-iffinanzjar tad-diġitalizzazzjoni u r-riċerka u l-innovazzjoni f’setturi strateġiċi f’konformità mal-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni Smart u l-provvista ta’ ffinanzjar fi stadju bikri lil kumpaniji ġodda. Il-miżuri li jindirizzaw l-adattabbiltà tal-forza tax-xogħol jinkludu r-reviżjoni tal-kurrikuli u l-azzjonijiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, filwaqt li l-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa bi tfal żgħar fis-suq tax-xogħol hija indirizzata billi tiżdied il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ qabel l-iskola. Il-pjan jipprevedi miżuri biex jitrawwem l-użu tas-servizzi tal-gvern elettroniku, jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-permessi u tiġi miġġielda l-korruzzjoni b’leġiżlazzjoni ġdida kontra l-korruzzjoni, li se tikkontribwixxi għat-titjib tal-ambjent tan-negozju għall-investituri privati.
(17)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa ta’ kontribut fl-indirizzar ta’ diversi sfidi soċjali rilevanti għaċ-Ċekja u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-miżuri proposti tal-pjan huma mistennija li jappoġġaw il-koeżjoni soċjali u jindirizzaw diversi sfidi f’dan il-qasam. Il-forniment ta’ netwerks b’kapaċità għolja ħafna għaż-żoni rurali huwa mistenni li jtaffi d-distakk urban/rurali fl-aċċess għall-konnettività. Appoġġ imsaħħaħ għall-iskejjel b’sehem ogħla ta’ studenti bi sfond soċjoekonomiku dgħajjef u tagħmir tal-IT għal tfal u studenti żvantaġġati għandu jgħin biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni. Iż-żieda fil-kapaċitajiet tal-edukazzjoni ta’ qabel l-iskola għandha ssaħħaħ l-opportunitajiet indaqs u trawwem il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Miżuri importanti oħra li jindirizzaw il-ħtiġijiet tat-tfal jinkludu riformi fil-kurrikulu għat-tisħiħ tal-kompetenzi diġitali tat-tfal tal-iskola u l-użu tar-riżorsi diġitali.
(18)L-investiment fin-netwerks tat-trasport pubbliku u l-infrastruttura tal-konnettività diġitali huwa partikolarment rilevanti għal reġjuni strutturalment żvantaġġati u għal dawk bi dħul baxx f’żoni urbani. Il-miżuri mistennija wkoll li jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin distrettwali u l-iffrankar tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi. Barra minn hekk, l-investiment fis-sostituzzjoni ta’ sistemi tat-tisħin li jniġġsu li jaħdmu bil-faħam b’pompi tas-sħana u bojlers tal-bijomassa f’bini residenzjali ta’ familji bi dħul baxx għandu għax inaqqas il-faqar enerġetiku u jnaqqas l-ispejjeż tal-investiment ekoloġiku. Il-ħtiġijiet soċjali ta’ persuni vulnerabbli għandhom jiġu appoġġjati wkoll minn aċċess aktar faċli għal programmi ta’ skrinjar tas-saħħa u minn kapaċitajiet akbar fil-kura soċjali u l-investiment fl-infrastruttura tal-kura soċjali.
Ma tagħmilx ħsara sinifikanti
(19)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(d) u t-Taqsima 2.4 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni jiżgura li l-ebda miżura (Klassifikazzjoni A) għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment inkluża fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (il-prinċipju “ma tagħmilx ħsara sinifikanti”). Iċ-Ċekja wettqet valutazzjoni dwar il-prinċipju “ma tagħmilx ħsara sinifikanti” tal-miżuri inklużi fil-pjan. L-impatt ambjentali potenzjalment dannuż tal-miżuri rilevanti kollha jenħtieġ li jiġi indirizzat permezz ta’ assigurazzjonijiet xierqa, inklużi l-istadji importanti u l-miri rilevanti, filwaqt li jiġi żgurat li jintlaħqu l-kriterji ambjentali applikabbli. Fejn meħtieġ, jenħtieġ li jiġu stabbiliti stadji importanti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni biex tiġi evitata ħsara sinifikanti. Dan huwa l-każ għal miżuri li jappoġġjaw il-modernizzazzjoni tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tat-tisħin distrettwali, is-sostituzzjoni ta’ bojlers li jaħdmu bil-faħam b’bojlers b’kondensazzjoni tal-gass u bojlers ibbażati fuq il-bijomassa f’bini residenzjali u pubbliku, u l-protezzjoni kontra l-għargħar.
Kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika inkluża l-bijodiversità
(20)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(e) u t-Taqsima 2.5 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri li fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 41,6 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, ikkalkulat skont il-metodoloġija tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241. F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima għall-2021-2030.
(21)L-investimenti f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-modernizzazzjoni tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tat-tisħin distrettwali, is-sostituzzjoni ta’ bojlers li jaħdmu bil-faħam u t-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta’ bini residenzjali u pubbliku huma mistennija li jgħinu liċ-Ċekja tilħaq l-objettivi tagħha ta’ dekarbonizzazzjoni għall-2030 u li jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. L-investimenti fil-gass u fil-bijomassa hija soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi u jenħtieġ li tkun iggwidata mill-kriterji ta’ sostenibbiltà għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li ċ-Ċekja għandha tadotta. L-investimenti fit-trasport sostenibbli għandhom għax itejbu l-infrastruttura ferrovjarja u l-infrastruttura tal-mobbiltà nadifa, inkluża l-elettromobbiltà. Dan mistenni li jagħti spinta lill-ekosistema kumplessiva tal-mobbiltà, li hija kruċjali għall-ekonomija Ċeka.
(22)Ir-riformi u l-investimenti relatati mal-protezzjoni tan-natura u l-ġestjoni tal-ilma huma mistennija li sa ċertu punt jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed tiffaċċja ċ-Ċekja fir-rigward tal-adattament għall-klima u l-protezzjoni tas-sorsi tal-ilma, in-natura u l-bijodiversità.
Kontribut għat-tranżizzjoni diġitali
(23)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(f) u t-Taqsima 2.6 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih miżuri li fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 22,1 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, ikkalkulat skont il-metodoloġija tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241.
(24)Il-pjan jippreżenta miżuri ambizzjużi għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija Ċeka billi jieħu approċċ komprensiv, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-saff nazzjonali tal-ekosistema diġitali Ewropea. Il-miżuri proposti jgħaqqdu l-investiment f’netwerks ta’ kapaċità għolja ħafna u tal-5G, proġetti ta’ dimostrazzjoni teknoloġika, il-bini ta’ infrastruttura tal-komunikazzjoni kwantistika, jgħinu lill-kumpaniji jisfruttaw l-opportunitajiet tal-innovazzjoni diġitali u jiffaċilitaw it-trasferiment tal-għarfien bl-għajnuna ta’ ċentri ta’ innovazzjoni diġitali, ittestjar u esperimentazzjoni. Sabiex iwieġeb għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jippromwovi wkoll il-ħiliet diġitali permezz ta’ programmi ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid kif ukoll riforma diġitali tal-edukazzjoni. Il-miżuri li jipprovdu lill-għalliema u lill-istudenti b’ħiliet diġitali huma kkombinati mal-provvista ta’ tagħmir u konnettività meħtieġa tal-IT lill-iskejjel u lill-istudenti, filwaqt li jitqiesu d-disparitajiet reġjonali u soċjali.
(25)Ir-riformi għandhom għax jiżguraw li l-bidliet tat-trasformazzjoni diġitali jibqgħu sostenibbli u effettivi. Skont il-pjan Ċek, il-provvista ta’ servizzi tal-gvern elettroniku u tas-Saħħa elettronika għandhom għax jiġu estiżi, u dan huwa mistenni li jżid l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u jtejjeb l-ambjent tan-negozju. Il-bidliet fil-proċedura tal-permess tal-bini u d-diġitalizzazzjoni tagħha se jiġu implimentati biex iħaffu u jissimplifikaw il-proċessi rilevanti. Ir-riforma tal-kurrikuli fl-edukazzjoni primarja u sekondarja jenħtieġ li tappoġġa l-iżvilupp tal-litteriżmu diġitali tal-istudenti fiċ-Ċekja. Il-pjan jintroduċi wkoll mudell ta’ governanza mtejba biex jissorvelja t-trasformazzjoni diġitali u l-innovazzjoni diġitali b’mod effettiv. Għalhekk, il-pjan huwa mistenni li jindirizza l-aspetti ewlenin tat-trasformazzjoni diġitali u tal-ekosistema diġitali b’mod ġenerali, u b’dik it-titjib tal-kompetittività tal-ekonomija Ċeka.
Impatt dejjiemi
(26)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(g) u t-Taqsima 2.7 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jkollu impatt fil-parti l-kbira fit-tul fuq iċ-Ċekja (Klassifikazzjoni A).
(27)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza taċ-Ċekja jippreżenta sett ta’ riformi u investimenti b’enfasi fuq din tal-aħħar, li għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt dejjiemi fuq iċ-Ċekja. Il-pjan jintroduċi miżuri li għandhom l-għan li jwasslu għal bidliet strutturali fl-amministrazzjoni pubblika, it-trasport, l-iffrankar tal-enerġija u r-riżorsi tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi, il-ħiliet u l-edukazzjoni, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-aċċess għall-kura tas-saħħa u dik fit-tul. Il-pjan jippreżenta aġenda ambizzjuża għad-diġitalizzazzjoni tan-negozju u għat-tisħiħ tal-ekosistema tal-innovazzjoni, li għandha trawwem it-tkabbir sostenibbli u żżid il-kompetittività taċ-Ċekja.
(28)L-investimenti mdaqqsa huma mistennija li jġibu bidla dejjiema fl-ekonomija Ċeka. L-investiment f’modi sostenibbli ta’ trasport, bħall-ferroviji u fir-rinnovazzjoni effiċjenti fl-enerġija tal-istokk tad-djar u tal-bini pubbliku, se jnaqqas it-tniġġis tal-arja, jgħin fit-tranżizzjoni ekoloġika u jikkontribwixxi għall-koeżjoni territorjali. L-investimenti fi start-ups innovattivi, SMEs u intrapriżi kbar permezz ta’ skemi ta’ finanzjament varji, flimkien mat-tisħiħ tal-ekosistema tal-innovazzjoni u l-kooperazzjoni u l-investiment bejn is-settur pubbliku u dak privat f’netwerks b’kapaċità kbira ħafna, għandhom għax irawmu l-innovazzjoni u l-kompetittività tan-negozji Ċeki filwaqt li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. L-investimenti ppjanati għat-tranżizzjoni diġitali tas-sistema ġudizzjarja taċ-Ċekja għandhom potenzjal tajjeb biex isaħħu l-effiċjenza u r-reżiljenza tagħha u jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja. Ir-riformi tal-kura tas-saħħa huma appoġġati minn investiment fil-kura speċjalizzata, is-Saħħa elettronika, programmi ta’ skrinjar u kura komprensiva ta’ riabilitazzjoni kif ukoll f’riċerka eċċellenti f’oqsma tal-kura tas-saħħa magħżula, li jistgħu jtejbu l-eżiti tas-saħħa. L-investimenti fl-edukazzjoni u l-kura soċjali jgħinu l-koeżjoni soċjali u jikkontribwixxu biex jittaffa l-impatt potenzjali tat-tendenzi u d-demografija tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu. Dawk l-investimenti huma ikkumplimentati permezz ta’ aktar investiment fit-tħejjija tal-proġetti, it-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni, l-appoġġ metodoloġiku u analitiku fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali sabiex titrawwem tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u jiġu massimizzati l-impatt u l-assorbiment ta’ riżorsi addizzjonali inklużi fondi mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-impatt dejjiemi tal-pjan jista’ jissaħħaħ ukoll permezz ta’ sinerġiji bejn il-pjan u programmi oħra ffinanzjati mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati b’mod sostantiv l-isfidi territorjali b’għeruq fondi u jiġi promoss żvilupp ibbilanċjat.
Monitoraġġ u implimentazzjoni
(29)Skont l-Artikolu 19(3), il-punt (h) u t-Taqsima 2.8 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, sal-limitu li huma kumplimentati mill-miżuri addizzjonali f’din id-Deċiżjoni bħala stadji importanti, huma minimi (Klassifikazzjoni B) biex jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-implimentazzjoni effettivi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż l-iskeda ta’ żmien prevista, l-istadji importanti u l-miri, u l-indikaturi relatati.
(30)L-arranġament nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-Gvern Nru 467 tal-17 ta’ Mejju 2021. Il-Kunsill ta’ Ġestjoni tal-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza huwa l-ogħla korp ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ approvazzjoni bir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ġenerali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-Ministeru tal-Industrija u l-Kummerċ, bħala l-awtorità responsabbli għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-implimentazzjoni tiegħu, huwa responsabbli għall-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u huwa l-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-Kummissjoni. Dak il-korp għandu jfassal talbiet għal pagamenti lill-Kummissjoni, ladarba s-sidien tal-komponenti jiddikjaraw li l-istadji importanti rispettivi jkun ntlaħqu u l-korp tal-awditjar fil-Ministeru tal-Finanzi jwettaq l-awditu tas-sistema, li jinkludi l-ittestjar sostantiv tal-istadji importanti u l-miri ddikjarati. Wara awditu reċenti fuq programmi oħra tal-UE, il-Ministeru tal-Industrija u l-Kummerċ irċieva opinjoni kwalifikata tal-awditjar minħabba n-nuqqas ta’ miżuri effettivi mmirati lejn il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta’ każijiet ta’ kunflitt ta’ interess. Għandhom jiġu stabbiliti stadji importanti ddedikati biex jiġi żgurat li dawn id-dgħufijiet ikunu ġew indirizzati qabel l-ewwel talba għall-pagament.
(31)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju taħt il-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/241. L-appoġġ tekniku jista’ jintalab taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jew taħt xi strumenti speċifiċi għas-settur bħall-Faċilità ta’ Appoġġ għall-Politiki ta’ Orizzont bħala assistenza lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjan tagħhom.
Estimi tal-prezzijiet
(32)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(i) u t-Taqsima 2.9 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni mogħtija fil-pjan dwar l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija moderatament (Klassifikazzjoni X) raġonevoli u plawżibbli, hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata għall-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.
(33)Iċ-Ċekja pprovdiet stimi li jistrieħu fuq ġustifikazzjoni, evidenza u metodoloġija xierqa għall-maġġoranza tal-ispejjeż imġarrba skont il-pjan. L-informazzjoni dwar l-ispejjeż u d-dokumenti ta’ sostenn ġew ipprovduti b’mod medju. F’ħafna każijiet, il-kostijiet tqabblu b’referenza għal proġetti tal-passat jew data tal-offerti ta’ investimenti simili mwettqa fiċ-Ċekja jew fi Stati Membri oħra. Fejn dan ma kienx possibbli, l-istimi tal-ispejjeż ġew ipprovduti l-aktar bl-użu ta’ approċċi minn isfel għal fuq ibbażati fuq il-prezzijiet tas-suq tal-motivaturi l-kbar tal-ispejjeż. Għal diversi miżuri iżgħar, spjegazzjonijiet dettaljati tal-istimi tal-ispejjeż jew dokumentazzjoni ta’ sostenn kienu limitati. Skont din l-informazzjoni, ma hemm l-ebda indikazzjoni li r-raġonevolezza, il-plawżibbiltà u l-addizzjonalità ġenerali tal-istimi tal-ispejjeż se jkunu indeboliti. Fl-aħħar nett, l-ispiża totali stmata tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata mal-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji
(34)Skont l-Artikolu 19(3), il-punt (j) u t-taqsima 2.10 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, sal-livell li huma kkumplimentati mill-miżuri addizzjonali li jinsabu f’din id-Deċiżjoni bħala stadji importanti huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess meta jintużaw il-fondi pprovduti skont dak ir-Regolament, u l-arranġamenti huma mistennija li jevitaw b’mod effettiv il-finanzjament doppju skont dak ir-Regolament u programmi oħra tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ strumenti u għodod oħra li jippromwovu u jinfurzaw il-konformità mad-dritt tal-UE, inkluż għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitt ta’ interess, u għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(35)Is-sistema ta’ kontroll intern deskritta fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ikkumplimentata mill-miżuri addizzjonali f’din id-Deċiżjoni bħala stadji importanti, hija bbażata fuq proċessi u strutturi robusti u tidentifika b’mod ċar l-atturi u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom għat-twettiq tal-kompiti ta’ kontroll intern. Is-sistema ta’ kontroll interna tikkonsisti mil-livelli: (i) il-verifiki tal-ġestjoni mwettqa mis-sidien tal-komponenti u mill-korp ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-Ministeru tal-Industrija u l-Kummerċ; u (ii) awditi mwettqa mill-korp nazzjonali tal-awditjar ċentralizzat fil-Ministeru tal-Finanzi. B’kollox, id-deskrizzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern u arranġamenti rilevanti oħra fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż għall-ġbir u d-disponibbiltà ta’ data dwar ir-riċevituri finali huma aċċettabbli fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni, il-frodi, il-kunflitt ta’ interessi meta jintużaw il-fondi skont ir-Regolament (UE) 2021/241 u biex jiġi evitat finanzjament doppju skont dak ir-Regolament u programmi oħra tal-Unjoni.
(36)Ġew stabbiliti stadji importanti addizzjonali li jeħtieġu (i) rieżami tal-konformità tal-proċeduri nazzjonali biex jiġi żgurat li l-applikazzjoni tas-sjieda benefiċjarja fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Faċilità tkun allinjata bis-sħiħ mad-definizzjoni ta’ “sidien benefiċjarji” kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 6 tad-Direttiva 2015/849, kif emendata bid-Direttiva 2018/843, (ii) il-korp ta’ koordinazzjoni joħroġ gwida dwar l-evitar u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi skont ir-Regolament Finanzjarju u l-liġi nazzjonali applikabbli għas-sidien tal-komponenti u entitajiet oħra li jimplimentaw riformi u investimenti skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Dan għandu jsaħħaħ aktar il-miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE kontra l-frodi u l-irregolaritajiet, (iii) il-korp tal-awditjar biex jadotta strateġija tal-awditjar li tiżgura l-awditjar indipendenti u effettiv tal-implimentazzjoni tal-RRF, u (iv) il-pjan ta’ Ġestjoni tal-irkupru u r-reżiljenza nazzjonali biex japprova u jimplimenta proċeduri għas-sistema biex tinġabar, tinħażen u tiġi pproċessata data b’rabta mar-riċevituri finali kollha, inklużi s-sidien benefiċjarji kollha kif stabbilit mill-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/849. Dawn l-istadji importanti kollha għandhom jiġu ssodisfati qabel ma titressaq l-ewwel talba għall-ħlas lill-Kummissjoni.
(37)Għalkemm id-deskrizzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern u arranġamenti oħra għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ kunflitti ta’ interessi hija aċċettabbli, b’kont meħud tan-nuqqasijiet serji fis-sistema Ċeka ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi evitat kunflitt ta’ interess, kif ivverifikat minn awditu reċenti fuq programmi oħra tal-UE, il-korp tal-awditjar għandu jwettaq awditu ddedikat dwar l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern. Ir-rapport għandu jipprovdi opinjoni tal-awditjar mhux kwalifikata dwar l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern biex jiġi evitat kunflitt ta’ interessi fil-livell tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, b’mod partikolari li (i) il-ġbir, il-ħżin u l-ipproċessar tad-data fir-rigward tar-riċevituri finali kollha, inklużi s-sidien benefiċjarji kollha kif stabbilit mill-Artikolu 3(6) tad-Direttiva (UE) 2015/849, (ii) is-sistema ta’ kontroll intern għall-prevenzjoni, l-iskoperta u l-korrezzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi tkun f’konformità mal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju, u (iii) il-proċeduri ta’ kontroll nazzjonali biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi għas-sidien benefiċjarji kollha jkunu effettivi. Skont l-Artikolu 20(5)(e) tar-Regolament (UE) 2021/241, jenħtieġ li ċ-Ċekja timplimenta dawn il-miżuri sabiex tikkonforma mal-Artikolu 22 ta’ dak ir-Regolament, billi tikkonferma l-implimentazzjoni tagħhom mal-ewwel talba għall-pagament. Ir-rapport għandu jiddeskrivi d-dgħufijiet u n-nuqqasijiet identifikati u l-azzjonijiet korrettivi meħuda.
(38)Iċ-Ċekja indikat li qed tiġi diskussa sistema ta’ informazzjoni għall-ġestjoni u r-rappurtar tal-istadji importanti u l-miri sabiex jiġu ssodisfati rekwiżiti speċifiċi ta’ ġestjoni u rappurtar deskritti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Stadju importanti jenħtieġ li jiggarantixxi li għandha tiġi stabbilita sistema repożitorja għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Faċilità u li tkun operattiva sa meta ssir l-ewwel talba għall-ħlas. Is-sistema jenħtieġ li tkun tinkludi, bħala minimu, il-funzjonalitajiet li ġejjin: (a) tiggarantixxi l-ġbir tad-data u l-monitoraġġ tal-kisba tal-istadji importanti u l-miri; u (b) tiġbor, taħżen u tiggarantixxi aċċess għad-data meħtieġa mill-Artikolu 22(2) punt (d) (i) sa (iii) tar-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 22(2)(e) tiegħu.
(39)Qafas robust kontra l-korruzzjoni huwa indispensabbli fil-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet bħall-frodi, il-korruzzjoni, jew il-kunflitt ta’ interessi meta jintużaw il-fondi skont it-Regolament (UE) 2021/241. Għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess, it-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv għall-prevenzjoni aħjar tal-korruzzjoni huwa meħtieġ fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pjan.
Koerenza tal-pjan
(40)Skont l-Artikolu 19(3) punt (k) u t-taqsima 2.11 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan jinkludi, sa livell medju (Klassifikazzjoni B), miżuri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment pubbliku li jirrappreżentaw azzjonijiet koerenti.
(41)Il-pjan Ċek għall-irkupru u r-reżiljenza jippreżenta pakkett komprensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku b’enfasi qawwija fuq l-investiment. Il-pjan huwa mibni fuq sitt prijoritajiet, jiġifieri t-trasformazzjoni diġitali, l-infrastruttura tat-trasport sostenibbli, l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, l-istituzzjonijiet u l-appoġġ għan-negozju, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u s-saħħa u r-reżiljenza tal-popolazzjoni. Dawn il-prijoritajiet huma implimentati permezz ta’ sitta u għoxrin komponent. Is-sinerġiji huma preżenti f’għadd ta’ komponenti. Il-pjan jiżgura bilanċ ġenerali bejn ir-riformi u l-investimenti. Madankollu, għal xi komponenti, l-investiment mhuwiex akkumpanjat minn riformi rilevanti. Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti komplementarjetajiet sistematiċi mal-finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni hija evidenti u xi eżempji huma ppreżentati fil-komponenti. Il-linji ta’ demarkazzjoni huma żviluppati biżżejjed iżda se jiddependu wkoll fuq il-finalizzazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni.
Ugwaljanza
(42)Il-pjan għal-irkupru u r-reżiljenza taċ-Ċekja fih sensiela ta’ miżuri li huma mistennija jindirizzaw l-isfidi tal-pajjiż fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-pjan huma mfassal b’mod li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa bi tfal żgħar permezz ta’ ħafna investiment f’faċilitajiet ta’ qabel l-iskola għal tfal taħt it-tliet snin. Il-pjan jinkludi wkoll riforma leġiżlattiva biex il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jiġu mmirati aħjar lejn il-gruppi l-aktar vulnerabbli. Il-parti tal-pjan li tindirizza l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni tinkludi appoġġ imsaħħaħ għall-iskejjel bi proporzjon għoli ta’ tfal minn sfond soċjoekonomiku żvantaġġat, taħriġ u mentoraġġ ta’ għalliema li jittrattaw gruppi eteroġeni ta’ studenti, u klassijiet addizzjonali għal tfal f’riskju ta’ falliment minħabba l-lockdown fit-tul tal-iskejjel. Il-pjan jipprevedi wkoll investiment f’tagħmir diġitali tal-iskejjel biex jiġi żgurat aċċess għat-tagħlim għal tfal tal-iskola u studenti żvantaġġati. Madankollu, il-pjan ma jsemmix b’mod espliċitu kif il-miżuri huma mistennija jindirizzaw l-isfidi li qed tiffaċċja l-komunità Rom. Is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità huma indirizzati f’diversi partijiet tal-pjan, inkluż fir-rigward tal-kodiċi l-ġdid tal-kostruzzjoni, ir-rinnovazzjoni tal-bini u l-aċċessibbiltà mtejba tagħhom, id-diġitalizzazzjoni, is-Saħħa elettronika u l-kura soċjali. L-isfidi li jiffaċċjaw l-anzjani huma indirizzati wkoll, b’mod partikolari permezz tat-titjib tal-kwalità tal-kura fit-tul, tal-kura soċjali u tas-saħħa, u l-aċċessibbiltà għalihom. Huwa ppjanat investiment speċifiku fl-effiċjenza enerġetika għal unitajiet domestiċi fi gruppi soċjali żvantaġġati.
Awtovalutazzjoni tas-sigurtà
(43)Il-pjan jinkludi awtovalutazzjoni tas-sigurtà għal investimenti fil-kapaċitajiet diġitali u l-konnettività f’konformità mal-Artikolu 18(4) punt (g) tar-Regolament (UE) 2021/241. Il-pjan jipprevedi investimenti fl-infrastruttura diġitali bħan-netwerks ta’ kapaċità għolja u tal-5G, l-infrastruttura tal-ICT, inkluża l-cloud, għall-Gvern elettroniku, l-iżviluppi fiċ-ċibersigurtà u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni kwantistika.
Proġetti transfruntiera u li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed
(44)Il-pjan jipproponi diversi proġetti b’dimensjoni transfruntiera, l-aktar fir-rigward tat-tranżizzjoni diġitali. Huwa jappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp fl-intrapriżi u l-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej u nazzjonali biex tiġi stimulata t-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs, kif ukoll l-istabbiliment ta’ faċilità Ewropea għall-ittestjar u l-esperimentazzjoni. Il-pjan jipprevedi diversi investimenti, li jiffurmaw parti minn inizjattivi jew netwerks transnazzjonali, inkluż ċentru Ewropew ġdid ta’ eċċellenza tal-IA, IPCEI potenzjali dwar il-Mikroelettronika u l-Konnettività b’enfasi partikolari fuq il-mikroproċessuri, il-ħolqien u l-bini tal-kapaċità tat-trasferiment tal-għarfien għat-teknoloġiji diġitali, u l-Infrastruttura Ewropea ta’ Servizzi ta’ Blockchain. Il-pjan jappoġġa wkoll il-kostruzzjoni tal-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni Quantum, il-parteċipazzjoni taċ-Ċekja fin-netwerks 5G u l-applikazzjoni tal-ekosistemi tal-5G fl-Istati Membri kollha.
Proċess ta’ Konsultazzjoni
(45)L-awtoritajiet Ċeki wettqu proċess ta’ konsultazzjoni qabel is-sottomissjoni tal-pjan, f’konformità mal-qafas legali nazzjonali, prinċipalment permezz ta’ forum tripartitiku mar-rappreżentanti tas-sħab soċjali. Il-pjan għadda wkoll minn konsultazzjoni interministerjali standard u dibattitu parlamentari. Sabiex tiġi żgurata s-sjieda mill-atturi rilevanti, huwa kruċjali li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati kollha kkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, matul l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi inklużi fil-pjan.
Valutazzjoni pożittiva
(46)Wara l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni dwar il-pjan Ċek għall-irkupru u r-reżiljenza bil-konstatazzjoni li l-pjan jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, skont l-Artikolu 20(2) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-pjan fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju li ma jitħallasx lura.
Kontribuzzjoni finanzjarja
(47)Il-kost totali stmat tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza taċ-Ċekja huwa ta’ CZK 179 142 931 000, li huwa ekwivalenti għal EUR 7 035 697 549 abbażi tar-rata ta’ referenza tal-BĊE għall-konverżjoni bejn l-EUR u ċ-CZK tal-1 ta’ Ġunju 2021. Billi l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jikkonforma b’mod soddisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE)2021/241 u, barra minn hekk, billi l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa aktar baxx mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima disponibbli għaċ-Ċekja, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja allokata għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza taċ-Ċekja tkun ugwali għall-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(48)F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għaċ-Ċekja irid jiġi aġġornat sat-30 ta’ Ġunju 2022. Bħala tali, f’konformità mal-Artikolu 23(1) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li issa jkun hemm ammont disponibbli għaċ-Ċekja għal impenn legali sal-31 ta’ Diċembru 2022. Fejn meħtieġ wara l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata, jenħtieġ li l-Kunsill, bi proposta mill-Kummissjoni, jemenda din id-Deċiżjoni biex jinkludi l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata mingħajr dewmien żejjed.
(49)L-appoġġ li għandu jingħata għandu jiġi ffinanzjat mit-teħid b’self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni abbażi tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom)2020/2053 5 . Jenħtieġ li l-appoġġ jitħallas bin-nifs ladarba ċ-Ċekja tkun wettqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti rilevanti u l-miri identifikati b'rabta mal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza;
(50)Iċ-Ċekja talbet prefinanzjament ta’ 13% tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Jenħtieġ li l-ammont isir disponibbli liċ-Ċekja soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(51)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura marbuta mal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni skont kull programm ieħor tal-Unjoni ħlief ir-Regolament (UE) 2021/241 jew għal proċeduri marbuta ma’ distorsjonijiet tal-operazzjoni tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza
Il-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza taċ-Ċekja fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż l-istadji importanti u l-miri rilevanti, l-indikaturi rilevanti marbuta mal-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tagħti aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Kontribuzzjoni finanzjarja
1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-Ċekja kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ appoġġ li ma jitħallasx lura li jammonta għal EUR 7 035 697 549. Ammont ta’ EUR 3 537 379 398 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment sal-31 ta’ Diċembru 2022 6 . Soġġett għall-aġġornament previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 li jikkalkola ammont għaċ-Ċekja li jkun ugwali għal dan l-ammont jew ogħla minnu, ammont ieħor ta’ EUR 3 498 318 151 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.
2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni disponibbli liċ-Ċekja fi ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Anness. Ammont ta’ EUR 914 640 681 għandu jkun disponibbli bħala pagament ta’ prefinanzjament, ugwali għal 13 fil-mija tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni tista’ tiżborża l-prefinanzjament u ħlasijiet parzjali f’segment wieħed jew f’diversi segmenti. Id-daqs tas-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.
3.Il-prefinanzjament għandu jkun rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Il-prefinanzjament għandu jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-pagament tal-ħlasijiet parzjali.
4.Ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament għandu jkun kondizzjonali għall-finanzjament disponibbli u deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241, li [MEMBER STATE] [ikun laħaq/tkun laħqet/ikunu laħqu] b’mod soddisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-impenji legali msemmija fil-paragrafu 1, sabiex wieħed ikun eliġibbli għal pagament, l-istadji importanti u l-miri għandhom jitlestew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026.
Artikolu 3
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President