SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

21 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tnaqqis tal-VAT – Prinċipju ta’ newtralità tal-VAT – Preżentata tardiva ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Ħruġ u kontenut tal-fatturi – Fattura li ma ssemmix il-VAT tal-input – Taxxa kkalkolata abbażi ta’ rapport – Assenza ta’ fattura ta’ rettifika – Dritt għal tnaqqis – Esklużjoni”

Fil-Kawża C‑624/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Settembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura

“SEM Remont” EOOD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Ħames Awla, u J. Passer, Imħallef,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal “SEM Remont” EOOD, minn A. Bochu, M. Gouraud u B. Le Bret, avukati,

–

għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite, minn D. Zhelyazkov,

–

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u T. Tsingileva, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Drambozova u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat‑13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “SEM Remont” EOOD u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite (id-Direttur tad-Direttorat “Appelli u Prattiki fil-Qasam Fiskali u tas-Sigurtà Soċjali” ta’ Varna fi ħdan l-Aġenzija Nazzjonali għad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija) dwar ir-rifjut li din il-kumpannija tingħata d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 63 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“Għandu jkun hemm avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija jew is–servizzi huma pprovduti.”

4

L-Artikolu 167 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

5

L-Artikolu 168 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)

il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[…]”

6

L-Artikolu 176 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni [Ewropea], għandu jistabbilixxi n-nefqa li fir-rispett tagħha l-VAT m’għandhiex tkun tista’ titnaqqas. […]

Sa kemm id-disposizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu jidħlu fis–seħħ, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti skond il-liġijiet nazzjonali fl-1 ta’ Jannar 1979 jew, fil-każ ta’ l-Istati Membri li aderew għall-Komunità [Ewropea] wara dik id-data, fid-data ta’ l-adeżjoni tagħhom.”

7

L-Artikolu 178 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għall-finijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, dan irid ikollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI;

[…]”

8

L-Artikolu 179 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-persuna taxxabbli għandha teffettwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tal-VAT dovuta għal perijodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali ta’ VAT li fir-rigward tagħha, matul l-istess perijodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u hu eżerċitat skond l-Artikolu 178.

Madanakollu, l-Istati Membi jistgħu jeħtieġu li persuni taxxabbli li jwettqu transazzjonijiet okkażjonali, kif definiti fl-Artikolu 12, jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ tnaqqis fil-ħin tal-provvista biss.”

9

L-Artikolu 203 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna li tniżżel il-VAT fuq fattura.”

10

Skont l-Artikolu 218 tal-istess direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw dokumenti jew messaġġi fuq karta jew f’forma elettronika bħala fatturi jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.”

11

L-Artikolu 219 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“Kwalunkwe dokument jew messaġġ li jemenda u jirreferi speċifikament u mingħajr ambigwità għall-fattura inizzjali għandu jitqies bħala fattura.”

12

L-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva, li jinsab fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI tagħha, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221:

[…]

(3)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT msemmi fl-Artikolu 214 li taħtu l-persuna taxxabbli pprovdiet il-merkanzija jew servizzi;

[…]

(6)

il-kwantità u n-natura tal-merkanzija pprovduta jew il-limitu u n-natura tas-servizzi mogħtija;

(7)

id-data li fiha l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi kienet saret jew tlestiet jew id-data li fiha l-ħlas akkont imsemmi fil-punti (4) u (5) ta’ l-Artikolu 220 kien sar, sakemm dik id-data tkun tista’ tkun iddeterminata u tkun differenti mid-data tal-ħruġ tal-fattura;

[…]

(8)

l-ammont taxxabbli għal kull rata jew eżenzjoni, il-prezz ta’ l-unità mingħajr VAT u kwalunkwe roħs jew tnaqqis jekk ma jkunux inklużi fil-prezz ta’ l-unità;

(9)

ir-rata ta’ VAT applikata;

(10)

l-ammont ta’ VAT li għandu jitħallas, għajr fejn ikun applikat arranġament speċjali li taħtu, b’konformità ma’ din id-Direttiva, tali dettall hu eskluż;

[…]”

Id‑dritt Bulgaru

13

L-Artikolu 25 taż-zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) (DV Nru 63 tal‑4 ta’ Awwissu 2006), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZDDS”) jipprovdi:

“1.   Kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi mwettqa minn persuni suġġetti għat-taxxa skont din il-liġi, l-akkwisti intra-Komunitarji kif ukoll l-importazzjonijiet ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 16 jikkostitwixxu avveniment li jagħti lok għal ħlas fis-sens tal-Artikolu 16.

2.   […] L-avveniment li jagħti lok għal-ħlas iseħħ fid-data tat-trasferiment tal-proprjetà tal-oġġett jew ta’ kull dritt in rem ieħor, kif ukoll ta’ kull dritt ieħor li wieħed jiddisponi mill-oġġett bħala proprjetarju, jew fid-data tal-eżekuzzjoni tal-provvista ta’ servizzi.”

14

L-Artikolu 71 taż-ZDDS jipprevedi:

“Il-persuna kkonċernata għandha teżerċita d-dritt tagħha li tnaqqas il-kreditu tat-taxxa meta tkun issodisfat għallinqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.   ikollha dokument fiskali, stabbilit skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 114 u 115, li fih il-VAT tkun indikata separatament għall-oġġetti jew għas-servizzi pprovduti lilha;

[…]”

15

Skont l-Artikolu 96(1) taż-ZDDS:

“Kull persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju Bulgaru li tkun għamlet dħul mill-bejgħ taxxabbli ekwivalenti għal jew iktar minn 50000 [lev Bulgaru (BGN)) (madwar EUR 25600)] matul perijodu li ma jeċċedix tnax-il xahar konsekuttiv qabel ix-xahar kurrenti għandha tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi ta’ din il-liġi fi żmien sebat ijiem li jidbew jiddekorru mill-iskadenza tal-perijodu fiskali li matulu jkun inkiseb dan id-dħul mill-bejgħ. Meta d-dħul mill-bejgħ ikun intlaħaq għal perjodu ta’ mhux iktar minn xahrejn konsekuttivi, inkluż ix-xahar kurrenti, il-persuna għandha tippreżenta l-applikazzjoni fi żmien sebat ijiem mid-data li fiha jkun intlaħaq id-dħul mill-bejgħ.”

16

L-Artikolu 102 taż-ZDDS jipprovdi:

“1.   Meta l-korp responsabbli għad-dħul jikkonstata li persuna ma ssodisfatx, fit-terminu previst l-obbligu tagħha li tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni, huwa għandu jirreġistraha billi joħroġ avviż ta’ reġistrazzjoni jekk il-kundizzjonijiet għal reġistrazzjoni jkunu ssodisfatti.

2.   L-avviż imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jindika l-bażi u d-data li fiha jkun tnissel l-obbligu ta’ reġistrazzjoni.

3.   […] Għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dejn fiskali tal-persuna li ma ppreżentatx l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fit-terminu previst, minkejja li kienet obbligata tagħmel dan, din titqies li hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-kunsinni taxxabbli u l-akkwisti intra-Komunitarji li hija wettqet, kif ukoll fuq il-provvisti ta’ servizzi taxxabbli li hija bbenefikat minnhom, li għalihom hija dovuta t-taxxa mid-destinatarju:

1)

[…] għall-perijodu li jibda jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu li fih l-avviż ta’ reġistrazzjoni kellu jiġi adottat, li kieku l-persuna kienet ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni fit-terminu previst sad-data li fiha hija ġiet irreġistrata mill-korp responsabbli għad-dħul;

2)

[…] għall-perijodu li jibda jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu li fih l-avviż ta’ reġistrazzjoni kellu jiġi adottat, li kieku l-persuna kienet ippreżentat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fit-terminu previst sad-data li fiha ma kienx għad hemm raġunijiet għal reġistrazzjoni.

4.   […] Fil-każijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 96(1), għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-djun fiskali tal-persuna li ma ppreżentatx applikazzjoni għal reġistrazzjoni fit-terminu previst, filwaqt li hija kienet obbligata tagħmel dan, din għandha titqies bħala responsabbli għall-ħlas ta’ taxxa fuq il-kunsinni taxxabbli li jkunu wasslu sabiex id-dħul mill-bejgħ taxxabbli ta’ BGN 50000 [madwar EUR 25600] jinqabeż mid-data li fiha jkun inqabeż id-dħul mill-bejgħ sad-data li fiha hija tkun ġiet irreġistrata mill-korp responsabbli għad-dħul jew sad-data li fiha ma jkunx għad hemm raġunijiet għal reġistrazzjoni. It-taxxa hija dovuta għall-kunsinna taxxabbli li tkun wasslet sabiex id-dħul mill-bejgħ jinqabeż. Il-persuna hija wkoll responsabbli għall-ħlas ta’ taxxa fuq il-provvista ta’ servizzi taxxabbli li hija tkun ibbenefikat minnha li fir-rigward tagħhom it-taxxa hija dovuta mid-destinatarju u fuq l-akkwisti intra-Komunitarji taxxabbli mwettqa matul dan il-perijodu.

[…]”

17

L-Artikolu 114(1) taż-ZDDS huwa fformulat kif ġej:

“Il-fattura għandha tinkludi d-dettalji li ġejjin:

[…]

11)

il-prezz tal-unità mingħajr taxxa u l-ammont taxxabbli tal-provvista, kif ukoll l-iskontijiet u r-ribassi kummerċjali mogħtija, jekk dawn ma jkunux inklużi fil-prezz tal-unità;

12)

ir-rata tat-taxxa u, meta r-rata tkun żero, ir-raġunijiet għall-applikazzjoni tagħha u r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa;

13)

l-ammont tat-taxxa;

14)

l-ammont li għandu jitħallas jekk ikun differenti mill-ammont taxxabbli u t-taxxa;

[…]”

18

L-Artikolu 116 taż-ZDDS jipprovdi:

“1.   Ma jistgħux isiru rettifiki jew żidiet għall-fatturi u għall-avviżi relatati magħhom. Id-dokumenti mħejjija b’mod żbaljat jew irrettifikati għandhom jiġu annullati u għandhom jinħarġu dokumenti ġodda.

2.   Huma meqjusa wkoll bħala dokumenti mħejjija b’mod żbaljat il-fatturi u l-avviżi relatati magħhom li ma jindikawx il-VAT minkejja li għandhom jindikawha.

[…]

(4)   Għall-finijiet tal-annullament tad-dokumenti żbaljati jew irrettifikati li jinsabu fir-reġistri tal-kontabbiltà tal-fornitur jew tax-xerrej, għandu jiġi stabbilit, għal kull waħda mill-partijiet, rapport li jinkludi l-elementi li ġejjin:

1)

ir-raġuni għall-annullament;

2)

in-numru u d-data tad-dokument annullat;

3)

in-numru u d-data ta’ ħruġ tad-dokument il-ġdid;

4)

il-firma tal-persuni li jkunu ħejjew ir-rapport għal kull waħda mill-partijiet.

5.   Il-kopji kollha tad-dokumenti annullati għandhom jinżammu mill-persuna li tkun ħarġithom u għandhom jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà tal-fornitur u tad-destinatarju skont ir-regolament ta’ implimentazzjoni tal-liġi.”

[…]

7)   […] Ir-rettifika ta’ fatturi u ta’ avviżi fil-każ ta’ att definittiv maħruġ mill-awawtorità tat-taxxa ssir skont il-paragrafi 1 sa 6 meta l-obbligu kkonstatat f’dan l-att ikun tħallas lit-Teżor Pubbliku f’kont tad-direttorat territorjali kompetenti tan-Natsionalna agentsia za prihodite [(l-Aġenzija Nazzjonali għad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija)] jew ikun hemm tpaċija mill-awtorita tat-taxxa.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

19

SEM Remont hija kumpannija rregolata mid-dritt Bulgaru li teżerċita attività ta’ kostruzzjoni ta’ linji ferrovjarji taħt l-art u anki elevati ’l fuq mil-livell tat-triq. SEM Remont hija suġġetta għall-VAT.

20

Fl‑4 ta’ Awwissu 2020, din il-kumpannija kkonkludiet ma’ Gidrostroy – Russia OOD, kumpannija rregolata mid-dritt Russu li tispeċjalizza fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ bastimenti għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ tħammil, kuntratt sabiex din twettaq xogħlijiet ta’ tħammil fiż-żona akwatika tal-port ta’ Varna (il-Bulgarija). Skont dan il-kuntratt, Gidrostroy ‑ Russia kienet il-fornitur u SEM Remont id-destinatarju.

21

Fil‑31 ta’ Ottubru u fil‑15 ta’ Novembru 2020, Gidrostroy – Russia ħarġet żewġ fatturi għall-attenzjoni ta’ SEM Remont li kienu jikkonċernaw ix-xogħlijiet imwettqa b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, għall-ammonti ta’ BGN 1320 542.97 (madwar EUR 675200) u ta’ BGN 2440 972.26 (madwar EUR 1248100) rispettivi. Fid-dati tal-ħruġ ta’ dawn il-fatturi, Gidrostroy ‑ Russia ma kinitx irreġistrata għall-VAT fil-Bulgarija, skont iż-ZDDS, u għalhekk ma indikatx il-VAT fuq l-imsemmija fatturi. Ix-xogħlijiet inkwistjoni twettqu sussegwentement u kellhom bħala destinatarju ES BILD, kumpannija kkostitwita bejn SEM Remont u EIS ‑ Stroitelna kompania AD, rappreżentant ta’ Gidrostroy – Russia fil-Bulgarija.

22

Gidrostroy – Russia ppreżentat l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha għall-finijiet tal-VAT fis‑26 ta’ Novembru 2020. Fl‑10 ta’ Diċembru 2020 inħarġilha avviż ta’ reġistrazzjoni u ġie nnotifikat lilha fil‑11 ta’ Diċembru 2020.

23

Gidrostroy – Russia kienet is-suġġett ta’ verifika fiskali li ppermetta li jiġi stabbilit li din il-kumpannija kienet qabżet, sa mid‑9 ta’ Diċembru 2019, il-limitu ta’ dħul mill-bejgħ taxxabbli previst fl-Artikolu 96(1) taż-ZDDS, li kien jiġġustifika r-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT, u li għalhekk hija kellha tippreżenta, skont din id-dispożizzjoni, applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi ta’ din il-liġi sa mhux iktar tard mis‑16 ta’ Diċembru 2019. Peress li ma ssodisfatx dan l-obbligu, l-imsemmija kumpannija kienet għalhekk meqjusa bħala responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq il-kunsinni li kienu jwasslu għal qbiż ta’ dan il-limitu għall-perijodu mid‑9 ta’ Diċembru 2019 sad-data tar-reġistrazzjoni effettiva tagħha skont l-Artikolu 96(1) taż-ZDDS, jiġifieri l-11 ta’ Diċembru 2020.

24

Fil‑11 ta’ Diċembru 2020, l-awtorità tat-taxxa stiednet lil Gidrostroy – Russia tħallas il-VAT fuq it-tranżazzjonijiet taxxabbli għal dan il-perijodu u tipprovdi rapport, skont il-punt 1 tal-Artikolu 117(1) taż-ZDDS. Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Lulju 2021, din il-kumpannija kkomunikatilha dan il-rapport, bid-data tad‑29 ta’ Ġunju 2021, li jikkalkola din il-VAT, fejn hija kienet tidher bħala fornitur u benefiċjarju ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. L-imsemmi rapport kien isemmi, b’mod partikolari, iż-żewġ fatturi tal‑31 ta’ Ottubru u tal‑15 ta’ Novembru 2020, għal ammont totali ta’ VAT ta’ BGN 752 303.05 (madwar EUR 384650).

25

EIS ‑ Stroitelna kompania, rappreżentant ta’ Gidrostroy – Russia fil-Bulgarija, li l-kont bankarju tagħha kien użat għall-ħlas tal-obbligi fiskali ta’ din il-kumpannija f’dan l-Istat Membru, ikkonkludiet ma’ SEM Remont, fit‑13 ta’ Lulju 2021, kuntratt li permezz tiegħu din approvatilha self għall-ammont ta’ BGN 752 303.05, identiku għall-ammont ta’ VAT imsemmi fir-rapporti fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ fatturi. L-ammont ta’ dan is-self effettivament intuża minn EIS ‑ Stroitelna kompania sabiex tħallas, lit-Teżor Bulgaru, din il-VAT.

26

SEM Remont irreġistrat fir-reġistru tax-xiri tagħha u fid-dikjarazzjoni tal-VAT, għall-perijodu fiskali tax-xahar ta’ Diċembru 2021, dritt għal tnaqqis tal-VAT fl-ammont ta’ BGN 753 390.12 (madwar EUR 385200), abbażi tar-rapport.

27

Madankollu, l-awtorità tat-taxxa kkonstatat li, fid-data tal-ħruġ ta’ dan ir-rapport, l-avveniment li ta lok għall-ħlas tal-obbligu fiskali ma kienx seħħ u li, konsegwentement, il-VAT ma kinitx dovuta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-awtorità kkonkludiet li SEM Remont ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-tnaqqis tal-VAT imsemmija fl-Artikolu 71 taż-ZDDS, peress li ma kellhiex fatturi li jsemmu l-VAT. Hija qieset, f’dan ir-rigward, li l-imsemmi rapport ma kienx dokument validu li jikkonferma l-eżistenza ta’ dritt għal tnaqqis.

28

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 25(1) u (4) taż-ZDDS, moqri flimkien mal-Artikolu 71(1) ta’ din il-liġi, l-awtorità tat-taxxa rrifjutat lil SEM Remont id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT inkwistjoni.

29

Dan ir-rifjut tal-awtorità tat-taxxa kien, barra minn hekk, immotivat mill-fatt li l-VAT marbuta mal-kunsinni rċevuti minn Gidrostroy – Russia kienet ġiet ikkalkolata wara l-proċedura ta’ verifika ta’ din il-kumpannija, skont l-Artikolu 102(4) taż-ZDDS. F’dan ir-rigward, din l-awtorità adottat l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Bulgarija), li tgħid li l-fornitur ta’ tranżazzjoni taxxabbli li ma ppreżentax applikazzjoni għal reġistrazzjoni fit-terminu meħtieġ huwa obbligat iħallas il-VAT fuq din it-tranżazzjoni, iżda ma għandux id-dritt li jirrettifika l-fatturi maħruġa matul il-perijodu bejn id-data li fiha huwa laħaq il-limitu ta’ dħul mill-bejgħ taxxabbli li wara li jintlaħaq ir-reġistrazzjoni għall-VAT tkun obbligatorja u d-data li fiha huwa effettivament ġie rreġistrat għall-VAT.

30

SEM Remont ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa li rrifjutatilha d-dritt għal tnaqqis tal-VAT quddiem l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. Din il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva dwar il-VAT u mal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u tal-prattika tal-awtorità nazzjonali li skonthom, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, id-destinatarju ta’ kunsinna jiġi rrifjutat id-dritt għal tnaqqis tal-VAT meta l-fornitur, li ma kienx irreġistrat għall-VAT, ikun ħareġ fattura mingħajr indikazzjoni tal-VAT, iżda jkun ġie rreġistrat għall-VAT fuq talba tal-awtorità tat-taxxa wara li tkun seħħet il-kunsinna, u ħareġ, wara verifika, mhux fattura ta’ rettifika, iżda rapport, fejn dan jidher bħala fornitur u destinatarju ta’ din it-tranżazzjoni, li ssemmi l-fattura inkwistjoni, l-ammont taxxabbli u l-VAT applikata għaliha.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikoli 63 u 167, l-Artikolu 168(a), l-Artikolu 178(a), l-Artikoli 218 sa 220 u l-Artikoli 226 u 228 tad-[Direttiva dwar il-VAT] jippermettu prassi ta’ korp responsabbli għad-dħul pubbliku li, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u b’mod partikolari tal-Artikolu 71(1) taż-[ZDDS], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 25(1) taż-ZDDS, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 102(4) u mal-Artikoli 114, 116 u 117 taż-ZDDS, ikkunsidrati flimkien mal-Artikoli 125 u 126 taż-ZDDS, iċċaħħad lid-destinatarju ta’ provvista suġġetta għall-VAT mid-dritt li juża [jnaqqas i]l-VAT, kemm fir-rigward tal-perijodu tat-twettiq tal-provvista kif ukoll fir-rigward tal-perijodu tad-dikjarazzjoni tagħha, għar-raġuni li l-fattura mogħtija lilu mill-fornitur ma tinkludix il-VAT u għar-raġuni li, fi stadju ulterjuri (fil-kuntest ta’ verifika tal-fornitur) ikun inħareġ dokument li ma jissodisfax ir-rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ fattura (f’dan il-każ inħareġ protokoll [rapport] fejn il-persuna li ħarġitu hija indikata bħala l-fornitur u d-destinatarju) sa fejn dan id-dokument isemmi l-fattura maħruġa lid-destinatarju u l-VAT imposta abbażi tal-ammont taxxabbli indikat fiha, liema VAT tħallset, f’sitwazzjoni fejn kien biss sussegwentement għal dan li d-destinatarju tal-provvista ddikjara li għandu dritt għat-tnaqqis tal-VAT (“dritt għall-użu tal-kreditu fiskali” fis-sens taż-ZDDS) abbażi tal-protokoll maħruġ mill-fornitur, u din il-prassi tagħmel l-eżerċizzju, mill-persuna taxxabbli, tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli?

(2)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, f’liema mument għandu jiġi eżerċitat id-dritt għall-kreditu fiskali: fil-mument tal-ħruġ tal-fattura li ma tinkludix il-VAT jew fil-mument tal-ħruġ tal-protokoll mill-fornitur?

(3)

L-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 178(a) u mal-Artikolu 176 tagħha, u l-prinċipju ta’ newtralità, jippermettu dispożizzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 102(4) taż-ZDDS u prassi tal-korp nazzjonali responsabbli għad-dħul pubbliku, li permezz tagħhom il-fornitur ta’ provvista suġġetta għall-VAT li ma jkunx ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni taħt iż-ZDDS fit-terminu previst fil-liġi, li jiddekorri mid-data li fiha jitnissel l-obbligu tiegħu ta’ reġistrazzjoni taħt iż-ZDDS, ikun l-unika persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq il-kunsinni mwettqa minnu fil-perijodu bejn id-data li fiha jkun tnissel l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tiegħu u d-data li fiha jiġi rreġistrat mill-korp responsabbli għad-dħul pubbliku, f’sitwazzjoni fejn ma tkunx prevista l-possibbiltà għall-fornitur, li jkun obbligat jirreġistra għall-finijiet tal-VAT taħt l-Artikolu 102(4) taż-ZDDS, li joħroġ fatturi ta’ rettifika (jew dokumenti oħra) lid-destinatarji tal-provvisti bil-għan li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jużaw id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva dwar il-VAT għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-destinatarju ta’ kunsinna suġġetta għall-VAT jiġi mċaħħad mid-dritt għal tnaqqis ta’ din it-taxxa, previst minn din id-direttiva, fil-każ fejn il-fornitur, minn naħa, ikun naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-finijiet tal-VAT u jkun ħareġ għall-attenzjoni tad-destinatarju tal-fatturi li ma jindikawx il-VAT u, min-naħa l-oħra, ikun stabbilixxa, matul verifika fiskali, rapport li jindika din il-VAT u li fih dan il-fornitur ikun ġie ppreżentat bħala li huwa wkoll id-destinatarju ta’ din il-kunsinna.

33

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 167 et seq. tad-Direttiva dwar il-VAT jifforma parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u ma jistax, fil-prinċipju, jiġi ristrett. B’mod partikolari, dan id-dritt jiġi eżerċitat immedjatament għat-taxxi kollha li kienu suġġetti għalihom it-tranżazzjonijiet tal-input (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Zipvit, C‑156/20, EU:C:2022:2, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Madankollu, dan id-dritt għal tnaqqis huwa suġġett għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti u b’mod partikolari ta’ dak, previst fl-Artikolu 168(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jipprovdi li l-VAT li tagħha jintalab it-tnaqqis għandha tkun dovuta jew imħallsa (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Zipvit,C‑156/20, EU:C:2022:2, punt 22).

35

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-prezz ikun ġie stabbilit mill-partijiet mingħajr ebda indikazzjon għall-VAT u meta l-fornitur ikun il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT dovuta fuq it-tranżazzjoni taxxabbli, il-prezz miftiehem għandu jitqies, fil-każ fejn il-fornitur ma jkollux il-possibbiltà li jirkupra mingħand ix-xerrej il-VAT mitluba mill-awtorità tat-taxxa, bħala li jinkludi diġà l-VAT (sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2013, Tulică u Plavoşin, C‑249/12 u C‑250/12, EU:C:2013:722, punt 43, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, Zipvit,C‑156/20, EU:C:2022:2, punt 23; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2021, Tribunal Económico Administrativo Regional de Galicia,C‑521/19, EU:C:2021:527, punti 30 sa 34).

36

Madankollu, fil-każ ineżami, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-fatturi inkwistjoni kienu jsemmu biss l-ammont taxxabbli mingħajr il-VAT, peress li din it-taxxa ġiet indikata biss fir-rapport stabbilit mill-fornitur, jiġifieri Gidrostroy. – Russia, matul il-verifika fiskali.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżunzjoni, prevista mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 tas-sentenza preżenti, ma tapplikax fil-kawża prinċipali.

38

Fir-rigward ta’ dan ir-rapport, għandu jiġi osservat li, huwa minnu li, fis-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2022, Raiffeisen Leasing (C‑235/21, EU:C:2022:739, punt 46), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 203 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt, li l-konklużjoni tiegħu ma tkunx ġiet segwita mill-ħruġ ta’ fattura mill-partijiet, jista’ jitqies li huwa fattura, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ fejn dan il-kuntratt ikun jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru tkun tista’ tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet materjali tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT humiex issodisfatti f’dan il-każ.

39

Madankollu, minn naħa, ir-rapport inkwistjoni fil-kawża preżenti, stabbilit minn Gidrostroy – Russia, li kien jindika li din il-kumpannija kienet kemm fornitur kif ukoll destinatarja tat-tranżazzjoni kkonċernata u li ma ġiex ittrasferit lil SEM Remont iżda lill-awtorità tat-taxxa matul verifika mwettqa minnha, ma jistax jiġi assimilat ma’ kuntratt bejn il-partijiet, bħall-kuntratt li huwa s-suġġett tas-sentenza msemmija fil-punt preċedenti.

40

Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva dwar il-VAT u l-prinċipju fundamentali ta’ newtralità tal-VAT jeżiġu li t-tnaqqis ta’ din it-taxxa tal-input jingħata jekk il-kundizzjonijiet sostantivi jkunu ssodisfatti, anki jekk il-persuni taxxabbli jkunu naqsu milli jissodisfaw ċerti rekwiżiti proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2022, Raiffeisen Leasing,C‑235/21, EU:C:2022:739, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, il-VAT ma tħallsitx minn SEM Remont u ma kinitx dovuta minnha. Fil-fatt, l-awtorità tat-taxxa kkonstatat li l-fatturi inkwistjoni kienu nħarġu għal tranżazzjoni mwettqa sussegwentement minn Gidrostroy – Russia, peress li d-destinatarja ta’ din it-tranżazzjoni kienet il-kumpannija ES BILD, ikkostitwita minn SEM Remont u EIS ‑ Stroitelna kompania.

42

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-eżistenza ta’ kuntratt ta’ self li jirrigwarda l-ammont li għalih it-tnaqqis tal-VAT ġie rrifjutat lil SEM Remont konkluż bejn din tal-aħħar u EIS ‑ Stroitelna kompania, bħala rappreżentant ta’ Gidrostroy – Russia, peress li tali kuntratt ma joħloqx obbligu għal SEM Remont li tħallas il-VAT lill-fornitur u ma jikkostitwixxix rettifika tal-fatturi maħruġa minn Gidrostroy – Russia għall-attenzjoni ta’ SEM Remont.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti, imsemmija fil-punt 34 tas-sentenza preżenti, li għalihom huwa suġġett id-dritt għal tnaqqis tal-VAT ma jistgħux jitqiesu li huma ssodisfatti.

44

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva dwar il-VAT għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha d-destinatarju ta’ kunsinna suġġetta għall-VAT jiġi mċaħħad mid-dritt għal tnaqqis ta’ din it-taxxa, previst minn din id-direttiva, fil-każ fejn il-fornitur, minn naħa, ikun naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-finijiet tal-VAT u jkun ħareġ għall-attenzjoni tad-destinatarju fatturi li ma jindikawx il-VAT u, min-naħa l-oħra, ikun stabbilixxa, matul verifika fiskali, rapport li jindika din il-VAT u li fih dan il-fornitur ikun ġie ppreżentat bħala li huwa wkoll id-destinatarju ta’ din il-kunsinna.

Fuq it‑tieni domanda

45

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ imsemmi fl-ewwel domanda, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT jitnissilx fil-mument tal-ħruġ tal-fattura li ma tindikax din it-taxxa jew fil-mument tal-ħruġ tar-rapport mill-fornitur.

46

Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, it-tieni domanda saret mingħajr skop u, għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi mwieġba.

Fuq it‑tielet domanda

47

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva dwar il-VAT u l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi l-possibbiltà li tiġi rrettifikata fattura fil-każ fejn, minn naħa, il-fattura li l-fornitur ħareġ lid-destinatarju ta’ kunsinna suġġetta għall-VAT ma kinitx tindika din it-taxxa u, min-naħa l-oħra, waqt verifika fiskali ta’ dan il-fornitur, dan ikun stabbilixxa rapport li jindika l-VAT u li jippreżenta lill-imsemmi fornitur anki bħala d-destinatarju ta’ din il-kunsinna.

48

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-prinċipju fundamentali ta’ newtralità tal-VAT jeżiġi li t-tnaqqis jew ir-rimbors tal-VAT tal-input jingħata minkejja li ċerti rekwiżiti formali jkunu tħallew barra mill-persuni taxxabbli, dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li r-rekwiżiti sostantivi jkunu barra minn hekk ġew issodisfatti (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Luxury Trust Automobil,C‑247/21, EU:C:2022:966, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fl-istess ħin, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-aġġustament retroattiv tal-fatturi tikkonċerna t-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa.

50

F’dan ir-rigward, fis-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Senatex (C‑518/14, EU:C:2016:691, punt 43), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 167, l-Artikolu 178(a), l-Artikolu 179 u l-punt 3 tal-Artikolu 226 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li permezz tagħha r-rettifika ta’ fattura li teħtieġ indikazzjoni obbligatorja, jiġifieri n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, ma tipproduċix effett retroattiv b’tali mod li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT eżerċitat fir-rigward tal-fattura rrettifikata jirrigwarda mhux is-sena li matulha din il-fattura kienet inizjalment stabbilita, iżda s-sena li fiha din tkun ġiet irrettifikata.

51

Madankollu, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-VAT tal-input kienet tħallset mill-kumpannija li fid-dikjarazzjonijiet fiskali tagħha kienet indikat tnaqqis ta’ din il-VAT.

52

Hekk kif jirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06–Investimentos Imobiliários e Turísticos (C‑516/14, EU:C:2016:690, punt 44), l-awtorità tat-taxxa ma tistax tillimita ruħha għall-eżami tal-fattura stess. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-informazzjoni kumplimentarja pprovduta mill-persuna taxxabbli. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 219 tad-Direttiva dwar il-VAT, li tindika li kwalunkwe dokument jew messaġġ li jemenda u jirreferi speċifikament u mingħajr ambigwità għall-fattura inizjali għandu jitqies bħala fattura.

53

Konsegwentement, f’din is-sentenza tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali jkunu jistgħu jirrifjutaw id-dritt għal tnaqqis tal-VAT għas-sempliċi raġuni li l-persuna taxxabbli għandha fattura li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet mitluba mill-punti 6 u 7 tal-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva, meta dawn l-awtoritajiet ikollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jivverifikaw jekk ir-rekwiżiti sostantivi dwar dan l-eżerċizzju ta’ dritt kinux issodisfatti.

54

Dejjem fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06–Investimentos Imobiliários e Turísticos (C‑516/14, EU:C:2016:690), il-VAT tal-input kienet tħallset mill-kumpannija destinatarja tas-servizzi suġġetti għall-VAT, li kienet talbet it-tnaqqis ta’ din it-taxxa.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-ewwel domanda f’din il-kawża, dwar l-assenza ta’ dritt ta’ SEM Remont għal tnaqqis tal-VAT, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tat-tnaqqis mhux dovut tal-VAT previst mid-Direttiva dwar il-VAT ma huwiex applikabbli meta t-tnaqqis ikun twettaq inizjalment fl-assenza ta’ kwalunkwe dritt għal tnaqqis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2018, SEB bankas,C‑532/16, EU:C:2018:228, punti 42 u 43).

56

Barra minn hekk, fis-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2013, Petroma Transports et (C‑271/12, EU:C:2013:297, punti 34 u 35), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm is-sistema komuni tal-VAT ma tipprojbixxix ir-rettifika ta’ fatturi żbaljati, xorta jibqa’ l-fatt li, fir-rigward tal-kawża prinċipali fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-informazzjoni neċessarja intiża sabiex tikkompleta u tirregolarizza dawn il-fatturi kienet ġiet ippreżentata wara li l-awtorità tat-taxxa kienet adottat id-deċiżjoni tagħha ta’ rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT. Għaldaqstant, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-fatturi pprovduti lil din l-awtorità kienu għadhom ma ġewx irrettifikati sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiżgura l-ġbir korrett tal-VAT kif ukoll il-verifika tagħha.

57

Fil-punt 36 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li s-sistema armonizzata tal-VAT ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT jista’ jiġi rrifjutat lil persuni taxxabbli, utenti ta’ servizzi, li jkollhom fatturi inkompleti, anki jekk dawn tal-aħħar ikunu kkompletati bil-produzzjoni ta’ informazzjoni intiża sabiex tipprova r-realtà, in-natura u l-ammont tat-tranżazzjonijiet iffatturati wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ rifjut.

58

Fis-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, GST–Sarviz Germania (C‑111/14, EU:C:2015:267, punt 39), dwar il-leġiżlazzjoni Bulgara, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-impossibbiltà li d-dokumenti fiskali jiġu rregolarizzati fil-każ fejn kull riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali jkun ġie definittivament eliminat, ma hijiex neċessarja sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT u tiġi evitata l-frodi.

59

Madankollu, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, kemm il-fornitur kif ukoll id-destinatarju tas-servizzi inkwistjoni kienu ħallsu l-VAT, u għalhekk il-ġbir ta’ din it-taxxa mill-awtorità tat-taxxa kien seħħ darbtejn. Għalhekk ma kien jeżisti l-ebda riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali.

60

Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 41 tas-sentenza preżenti, il-VAT tal-input ma tħallsitx minn SEM Remont u ma kinitx dovuta minnha.

61

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva dwar il-VAT u l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi l-possibbiltà li tiġi rrettifikata fattura fil-każ fejn, minn naħa, il-fattura li l-fornitur ikun ħareġ lid-destinatarju ta’ kunsinna suġġetta għall-VAT ma kinitx tindika din it-taxxa u, min-naħa l-oħra, waqt verifika fiskali ta’ dan il-fornitur, dan ikun stabbilixxa rapport li jindika l-VAT u li jippreżenta lill-imsemmi fornitur anki bħala d-destinatarju ta’ din il-kunsinna.

Fuq l‑ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat‑13 ta’ Lulju 2010,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha d-destinatarju ta’ kunsinna suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jiġi mċaħħad mid-dritt għal tnaqqis ta’ din it-taxxa, previst minn din id-direttiva, fil-każ fejn il-fornitur, minn naħa, ikun naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-finijiet tal-VAT u jkun ħareġ għall-attenzjoni tad-destinatarju fatturi li ma jindikawx il-VAT u, min-naħa l-oħra, ikun stabbilixxa, matul verifika fiskali, rapport li jindika din il-VAT u li fih dan il-fornitur ikun ġie ppreżentat bħala li huwa wkoll id-destinatarju ta’ din il-kunsinna.

 

2)

Id-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/45, u l-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT),

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi l-possibbiltà li tiġi rrettifikata fattura fil-każ fejn, minn naħa, il-fattura li l-fornitur ikun ħareġ lid-destinatarju ta’ kunsinna suġġetta għall-VAT ma kinitx tindika din it-taxxa u, min-naħa l-oħra, waqt verifika fiskali ta’ dan il-fornitur, dan ikun stabbilixxa rapport li jindika l-VAT u li jippreżenta lill-imsemmi fornitur anki bħala d-destinatarju ta’ din il-kunsinna.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.