Brussell, 10.9.2026

COM(2026) 457 final

2026/0253(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1641 fir-rigward ta’ estensjoni tal-awtorizzazzjoni tar-Rumanija li tapplika miżuri speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”) 1 , il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva biex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Mejju 2026, ir-Rumanija talbet estensjoni tad-deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tkompli tillimita għal 50 % d-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imposta fuq in-nefqa relatata ma’ ċerti vetturi tat-triq bil-mutur li ma jintużawx biss għal finijiet ta’ negozju, u biex ma tittrattax bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas l-użu privat minn persuna taxxabbli jew mill-persunal tagħha jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet li ma jkunux dawk tan-negozju tagħha, meta dawk il-vetturi kienu soġġetti għar-restrizzjoni tad-dritt għal tnaqqis msemmija hawn fuq.

F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Rumanija permezz ta’ ittra bid-data tat-22 ta’ Mejju 2026. Permezz ta’ ittra bid-data tas-26 ta’ Mejju 2026, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li persuna taxxabbli hija intitolata tnaqqas il-VAT imposta fuq ix-xiri li jsir għall-fini ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli. L-Artikolu 26(1)(a) tal-istess Direttiva jirrikjedi li l-użu ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi ta’ negozju għal finijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra għajr dawk tan-negozju tagħha, jiġi ttrattat bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas jekk il-VAT fuq tali merkanzija setgħet titnaqqas kollha jew parzjalment. Din is-sistema tippermetti l-irkupru tal-VAT inizjalment imnaqqsa b’rabta mal-użu privat.

Fil-każ ta’ vetturi tat-triq bil-mutur li ma jintużawx biss għal finijiet kummerċjali, huwa diffiċli li ssir id-distinzjoni bejn l-użu privat u dak kummerċjali. Iż-żamma tar-rekords titfa’ piż amministrattiv u kostijiet addizzjonali kemm fuq in-negozju kif ukoll fuq l-amministrazzjoni li jridu jżommuhom u jiċċekkjawhom. Dan jista’ jwassal ukoll għal tilwim għali u li jieħu ħafna żmien. Fil-prattika, xi kultant ikun saħansitra impossibbli li jiġi verifikat l-użu reali tal-vetturi, li jista’ jagħti lok għal (tentattiv ta’) frodi tal-VAT (bħal żamma tar-rekords mhux affidabbli) u, b’konsegwenza ta’ dan, tnaqqis fid-dħul mill-VAT. Minħabba l-għadd ta’ vetturi użati għal finijiet differenti, l-evażjoni tat-taxxa tista’ tkun sostanzjali.

Skont ir-rapport imressaq mir-Rumanija kif meħtieġ mill-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1641 tal-24 ta’ Mejju 2024 2 , is-sehem ta’ intrapriżi żgħar b’inqas minn disa’ impjegati fir-Rumanija huwa għoli: 99,8 % tal-intrapriżi kollha li kienu attivi fis-settur industrijali, fis-settur tal-kostruzzjoni jew fis-settur tas-servizzi fl-2023 kienu intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju; u l-intrapriżi attivi b’mhux aktar minn disa’ impjegati kienu jammontaw għal 91,7 % tal-operaturi ekonomiċi u soċjali attivi kollha f’dawk is-setturi. Ta’ spiss dawn ikunu negozji tal-familja. F’intrapriżi żgħar bħal dawn, ħafna drabi ma jkunx hemm separazzjoni ċara tal-assi tal-kumpanija mill-assi privati tal-persuni li jwettqu attività ta’ negozju. F’każijiet bħal dawn, ikun diffiċli ħafna li ssir distinzjoni bejn l-użu privat tal-vetturi bil-mutur u l-użu tan-negozju u tkun teħtieġ infiq kbir u sproporzjonat, inkluż dak li jirriżulta mill-ħtieġa li tinżamm dokumentazzjoni dettaljata.

Għal dawk ir-raġunijiet, ir-Rumanija ġiet awtorizzata li tidderoga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT billi tillimita għal 50 % d-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew il-lokazzjoni ta’ vetturi tat-triq bil-mutur, kif ukoll fuq in-nefqa marbuta magħhom, inkluż ix-xiri ta’ fjuwil, fejn tali vetturi ma jintużawx esklussivament għal finijiet ta’ negozju. Barra minn hekk, għall-vetturi tat-triq bil-mutur soġġetti għal dak il-limitu ta’ 50 %, biex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, ir-Rumanija ġiet awtorizzata teħles lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu ta’ tali vetturi għal finijiet oħra għajr dawk tan-negozju tagħhom bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas skont l-Artikolu 26(1), il-punt (a), tad-Direttiva tal-VAT. Il-miżuri speċjali ma japplikawx għall-vetturi tat-triq bil-mutur li jkollhom massa massima permissibbli, meta mgħobbija, ta’ aktar minn 3 500 kg jew li jkollhom aktar minn disa’ postijiet inkluż il-post tas-sewwieq. Barra minn hekk, xi kategoriji ta’ vetturi ġew esklużi speċifikament minn din ir-restrizzjoni tad-dritt għal tnaqqis, bħall-vetturi li jintużaw b’mod esklużiv għas-servizzi ta’ emerġenza, ta’ sigurtà, ta’ protezzjoni jew ta’ kurriera, il-vetturi li jintużaw mill-aġenti tal-bejgħ u tax-xiri, il-vetturi li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri u taxis, il-vetturi li jintużaw għat-tagħlim mill-iskejjel tas-sewqan, il-vetturi li jintużaw għall-kiri jew għal-lokazzjoni jew il-vetturi li jintużaw bħala komoditajiet għal finijiet kummerċjali.

L-awtorizzazzjoni għall-miżuri speċjali msemmija hawn fuq ingħatat l-ewwel darba mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2014 bid-Deċiżjoni 2012/232/UE tas-26 ta’ April 2012. Sussegwentement, il-miżuri speċjali ġew estiżi bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/156 tas-27 ta’ Jannar 2015 3 sal-31 ta’ Diċembru 2017, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2012 tas-7 ta’ Novembru 2017 4 sal-31 ta’ Diċembru 2020, u bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1262 tal-4 ta’ Settembru 2020 5 sal-31 ta’ Diċembru 2023. Permezz ta’ deroga ġdida iżda identika fir-rigward tal-kontenut, il-miżuri speċjali reġgħu ġew estiżi bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1641 tal-24 ta’ Mejju 2024, sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Din it-talba tar-Rumanija biex il-miżuri speċjali jerġgħu jiġu estiżi hija bbażata fuq l-istess raġunijiet ippreżentati fit-talbiet preċedenti. It-talba hija akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt għal tnaqqis, kif meħtieġ mill-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1641. Ir-Rumanija ssostni li l-miżuri speċjali ssodisfaw ir-rwol tagħhom: id-deroga hija simplifikazzjoni li tneħħi l-ħtieġa li l-persuna taxxabbli żżomm rekords tal-kilometraġġ relatat mal-użu kummerċjali u tal-kilometraġġ relatat mal-użu privat tal-vettura u toħloq il-kundizzjonijiet għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa li tista’ tiġi ġġenerata billi jiġi rreġistrat inqas mill-użu personali reali. Ir-Rumanija tqis li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżuri speċjali jkomplu japplikaw u li l-limitu għal tnaqqis tal-VAT tal-input ta’ 50 % applikat bħalissa għadu xieraq u jirrifletti ċ-ċirkostanzi ekonomiċi attwali.

Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżuri speċjali fuq il-piż amministrattiv tal-kontribwenti kif ukoll tal-awtoritajiet tat-taxxa, qed jiġi propost li tiġi awtorizzata l-estensjoni tal-miżuri speċjali attwali. L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għal perjodu limitat ieħor, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2029, sabiex ikun jista’ jsir rieżami tal-ħtieġa u tal-effettività tal-miżuri speċjali u sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-restrizzjoni ta’ 50 % għadhiex riflessjoni korretta tat-tqassim kumplessiv bejn l-użu kummerċjali u dak privat. Kull talba għal estensjoni oħra għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat u għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2029.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Derogi simili b’rabta mad-dritt għal tnaqqis ingħataw lil Stati Membri oħra (l-Italja 6 , il-Polonja 7 , l-Estonja 8 , l-Ungerija 9 , il-Kroazja 10 u l-Latvja 11 ).

L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma titnaqqasx il-VAT. Sakemm jagħmel hekk, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-esklużjonijiet li kienu fis-seħħ fil-liġijiet nazzjonali fl-1 ta’ Jannar 1979. Abbażi ta’ dan, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet standstill li jirrestrinġu d-dritt għal tnaqqis tal-VAT fir-rigward tal-vetturi tat-triq bil-mutur li ma jintużawx biss għal finijiet kummerċjali.

L-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti r-regoli dwar il-kategoriji tan-nefqa li jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjoni fuq id-dritt għal tnaqqis ma rnexxewx 12 . Sakemm dawk ir-regoli jkunu armonizzati fil-livell tal-UE, miżuri speċjali bħal dawn attwali jitqiesu xierqa.

Għalhekk, il-miżuri speċjali proposti huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-miżura hija konsistenti mal-Istrateġija tal-UE dwar l-Istartups u l-Iscaleups 13 għall-appoġġ ta’ kumpaniji ġodda u innovattivi u hija kompatibbli wkoll mal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2025 14 , li jenfasizza l-aġenda ta’ implimentazzjoni u ta’ simplifikazzjoni.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

•Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara li jkun talabha, u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżuri speċjali huma proporzjonati mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. B’mod partikolari, minħabba l-possibbiltà li n-negozji ma jiddikjarawx biżżejjed l-obbligazzjoni tagħhom u l-piż tal-verifika tad-data dwar il-kilometraġġ għall-awtoritajiet tat-taxxa, ir-restrizzjoni ta’ 50 % tissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT u tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa inter alia permezz taż-żamma skorretta tar-rekords.

•Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mid-dispożizzjonijiet komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fir-rigward ta’ proposta tal-Kummissjoni. L-aktar strument xieraq huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill billi tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Din il-proposta hija bbażata fuq talba tar-Rumanija u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn għarfien espert estern.

•Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u li tipprevjeni l-evażjoni tal-VAT. Għalhekk, il-miżuri speċjali proposti għandhom impatt potenzjali pożittiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa. Il-miżuri speċjali ġew identifikati mir-Rumanija bħala l-aktar soluzzjoni xierqa u huma komparabbli ma’ derogi oħra tal-passat u attwali li ngħataw lil Stati Membri oħra.

•Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni mill-VAT.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-proposta hija limitata fiż-żmien u tinkludi klawżola ta’ estinzjoni stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2029.

F’każ li r-Rumanija tikkunsidra estensjoni oħra tal-miżuri speċjali wara l-2029, din għandha tressaq lill-Kummissjoni talba għal estensjoni akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni perċentwali mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2029.

2026/0253 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1641 fir-rigward ta’ estensjoni tal-awtorizzazzjoni tar-Rumanija li tapplika miżuri speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 15 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1641 16 , ir-Rumanija ġiet awtorizzata tapplika miżuri speċjali b’deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tillimita għal 50 % d-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew il-lokazzjoni ta’ ċerti vetturi tat-triq bil-mutur kif ukoll tal-VAT imposta fuq in-nefqa relatata ma’ dawk il-vetturi, meta ma jintużawx biss għal finijiet ta’ negozju, u, b’deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE, biex teħles lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu ta’ tali vetturi għal finijiet oħra għajr dawk tan-negozju tagħhom bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas. Dawk il-miżuri speċjali se jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2026.

(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Mejju 2026, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 395(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE biex tkompli tapplika l-miżuri speċjali lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2026.

(3)Permezz ta’ ittra bid-data tat-22 ta’ Mejju 2026, il-Kummissjoni bagħtet it-talba tar-Rumanija lill-Istati Membri l-oħra, f’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE. Permezz ta’ ittra datata s-26 ta’ Mejju 2026, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

(4)F’konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1641, ir-Rumanija ressqet, flimkien mat-talba, rapport li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni perċentwali applikata għad-dritt għal tnaqqis tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, ir-Rumanija tiddikjara li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikabbli u xieraq.

(5)Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżuri speċjali fuq il-piż amministrattiv tal-kontribwenti u tal-awtoritajiet tat-taxxa billi jissimplifikaw il-ġbir tal-VAT u jipprevjenu l-evażjoni tat-taxxa minħabba ż-żamma skorretta tar-rekords, il-Kummissjoni, għalhekk, tqis li jixraq li tawtorizza lir-Rumanija tkompli tapplika l-miżuri speċjali.

(6)Jixraq li l-estensjoni tal-miżuri speċjali tiġi limitata fiż-żmien biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività tagħha u tal-adegwatezza tar-restrizzjoni perċentwali applikata għad-dritt għal tnaqqis tal-VAT. Għalhekk, jenħtieġ li r-Rumanija tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżuri speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2029.

(7)Il-miżuri speċjali huma proporzjonati għall-objettivi li jridu jintlaħqu, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-proċedura għall-ġbir tal-VAT u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa, peress li huma limitati fiż-żmien u fl-ambitu. Barra minn hekk, il-miżuri speċjali ma jagħtux lok għal riskju li l-frodi timxi lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra.

(8)F’każ li r-Rumanija tikkunsidra li hija neċessarja estensjoni oħra tal-miżuri speċjali lil hinn mill-2029, jenħtieġ li tressaq talba ta’ estensjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2029, flimkien ma’ rapport li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni perċentwali applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT.

(9)L-applikazzjoni tal-miżuri speċjali wara l-31 ta’ Diċembru 2026 se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li r-Rumanija tiġbor fl-istadju tal-konsum finali u mhux se taffettwa b’mod negattiv ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT.

(10)Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1641 tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1641, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

2.Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2027 sal-31 ta’ Diċembru 2029.

3.Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżuri speċjali stabbiliti fl-Artikoli 1 u 3 għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2029 u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj .
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1641 tal-24 ta’ Mejju 2024 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżuri speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L, 2024/1641, 6.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1641/oj ).
(3)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/156 tas-27 ta’ Jannar 2015 li testendi l-perjodu ta’ validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 26, 31.1.2015, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/156/oj ).
(4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2012 tas-7 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 292, 10.11.2017, p. 57–58, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/2012/oj ).
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1262 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.9.2020, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1262/oj ).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2529 tat-8 ta’ Diċembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L, 2025/2529, 12.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2529/oj ).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1986 tat-22 ta’ Settembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L, 2025/1986, 30.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1986/oj ).
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/539 tat-18 ta’ Marzu 2025 li tawtorizza lill-Estonja tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 2025/539, 21.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/539/oj ).
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/3205 tal-10 ta’ Diċembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 2024/3205, 19.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3205/oj ).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2884 tal-5 ta’ Novembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L, 2024/2884, 13.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2884/oj ).
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/3206 tal-10 ta’ Diċembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L, 2024/3206, 19.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3206/oj ).
(12)    KUMM (2004) 728 finali – Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 24, 29.1.2005, p. 10) irtirata fil-21 ta’ Mejju 2014 (ĠU C 153, 21.05.2014, p.3).
(13)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-Istrateġija tal-UE dwar l-Istartups u l-Iscaleups Agħżel l-Ewropa biex tibda jew tespandi negozju (COM(2025) 270 final); ara EUR-Lex - 52025DC0270 - MT - EUR-Lex .
(14)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2025 – Nimxu ’l quddiem flimkien: Unjoni aktar kuraġġuża, sempliċi u rapida (COM(2025) 45 final); ara EUR-Lex - 52025DC0045 - EN - EUR-Lex .

(15)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj .
(16)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1641 tal-24 ta’ Mejju 2024 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżuri speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L, 2024/1641, 6.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1641/oj ).