SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)
20 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti bijoċidali – Regolament (UE) Nru 528/2012 – Artikolu 72 – Diżinfettant li fih il-prodotti bijoċidali – Restrizzjonijiet għar-reklamar – Kunċett ta’ ‘kwalunkwe indikazzjoni simili [oħra]’ – Għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent”
Fil-Kawża C‑296/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura
Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV
vs
dm-drogerie markt GmbH & Co. KG,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għaż-Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV, minn C. Rohnke, Rechtsanwalt, |
|
– |
għal dm-drogerie markt GmbH & Co. KG, minn O. Bludovsky u D. Braunwarth, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Gvern Estonjan, minn M. Kriisa, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou u A.‑E. Vasilopoulou, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Litwan, minn V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lindenthal u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012, L 167, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2017, L 280, p. 57 u fil-ĠU 2023, L 71, p. 43). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV (l-Assoċjazzjoni għall-Ġlieda Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem iż-“ZBUW”) u dm-drogerie markt GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “dm”), katina ta’ spiżeriji li topera fit-territorju Ġermaniż kollu, dwar id-deskrizzjoni ta’ prodott bijoċidali fir-reklamar tagħha. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Skont il-premessi 1, 3, 53 u 61 tar-Regolament Nru 528/2012:
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan u suġġett”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi: “L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li l-għan tiegħu hu li jkunu salvagwardjati s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħarsien ta’ gruppi vulnerabbli”. |
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa redatt kif ġej: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: (a) ‘prodott bijoċidali’ tfisser
Oġġett ittrattat li għandu funzjoni bijoċidali primarja għandu jitqies bħala prodott bijoċidali. […]
[…]”. |
|
6 |
L-Artikolu 17 tal-istess regolament, intitolat “It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti bijoċidali”, jipprovdi: “1. Il-prodotti bijoċidali ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw sakemm ma jkunux awtorizzati skont dan ir-Regolament. […] 5. Prodotti bijoċidali għandhom jintużaw skont it-termini u l-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 22(1) u r-rekwiżiti ta’ ttikkettar u imballaġġ stipulati fl-Artikolu 69. L-użu korrett għandu jinvolvi l-applikazzjoni razzjonali ta’ għaqda fiżika, bijoloġika, kimika jew ta’ miżuri oħra skont il-każ, li bihom l-użu tal-prodotti bijoċidali jiġi limitat għall-minimu meħtieġ u jittieħdu l-passi ta’ prekawzjoni adatti. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħtu lill-pubbliku l-infomazzjoni adatta dwar il-benefiċċji u r-riskji assoċjati mal-prodotti bijoċidali u l-modi ta’ kif għandu jitnaqqas l-użu tagħhom. […]”. |
|
7 |
Il-Kapitolu XV tar-Regolament Nru 528/2012, intitolat “Informazzjoni u Komunikazzjoni”, jinkludi fit-Taqsima 2 tiegħu, intitolata “Informazzjoni dwar il-prodotti bijoċidali”, l-Artikoli 69 sa 73. |
|
8 |
L-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament intitolat “Klassifikazzjoni, imballaġġ u tikkettar tal-prodotti bijoċidali”, jipprovdi: “1. Id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw li prodotti bijoċidali huma kklassifikati, imballati u ttikkettjati skont is-sommarju approvat tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet dwar periklu u d-dikjarazzjonijiet dwar prekawzjoni, kif imsemmi fil-punt (i) tal-Artikolu 22(2), u d-Direttiva 1999/45/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 24, p. 109),] u, fejn applikabbli, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8)]. Barra minn hekk, il-prodotti li wieħed jista’ jaħsibhom ikel, inkluż xorb, jew għalf għandhom jiġu mballati b’tali mod li titnaqqas il-possibbiltà li jsir tali żball. Jekk ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali, għandhom jinkludu komponenti li jiskoraġġixu l-konsum tagħhom u, b’mod partikolari, ma għandhomx ikunu attraenti għat-tfal. 2. Barra mill-konformità mal-paragrafu 1, id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw li t-tikketti ma għandhomx iqarrqu fir-rigward tar-riskji tal-prodott għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew tal-effikaċja tiegħu u, fi kwalunkwe każ, ma għandhomx isemmu l-indikazzjonijiet ‘prodott bijoċidali ta’ riskju baxx’, ‘mhux tossiku’, ‘ma jagħmilx ħsara’, ‘naturali’, ‘favur l-ambjent’, ‘favur l-annimali’ jew indikazzjonijiet simili. […] […]”. |
|
9 |
Skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 528/2012, intitolat “Reklamar”: “1. Kwalunkwe reklam għal prodotti bijoċidali għandu, barra milli jkun konformi mar-Regolament [Nru 1272/2008], jinkludi s-sentenzi ‘Uża s-sustanzi bijoċidali b’mod sikur. Għandek dejjem taqra t-tikketta u l-informazzjoni tal-prodott qabel ma tużah.’. Is-sentenzi għandhom ikunu jingħarfu b’mod ċar u li jinqraw b’relazzjoni għar-reklam kollu. 2. Dawk li jirreklamaw jistgħu jissostitwixxu l-kliem ‘sustanzi bijoċidali’ fis-sentenzi preskritti b’referenza ċara għat-tip ta’ prodott li jkun qiegħed jiġi rreklamat. 3. Ir-reklami għall-prodotti bijoċidali ma għandhomx jirriferu għall-prodott b’manjiera li tqarraq fir-rigward tar-riskji mill-prodott għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew tal-effikaċja tiegħu. Fi kwalunkwe każ, irreklamar ta’ prodott bijoċidali ma għandux isemmi ‘prodott bijoċidali ta’ riskju baxx’, ‘mhux tossiku’, ‘mhux ta’ ħsara’, ‘naturali’, ‘favur l-ambjent’, ‘favur l-annimali’ jew kwalunkwe indikazzjoni simili”. |
Id‑dritt Ġermaniż
|
10 |
L-Artikolu 3 tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali), tat‑3 ta’ Lulju 2004 (BGB1. 2004 I, p. 1414), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi projibizzjoni ta’ aġir kummerċjali żleali. |
|
11 |
Skont l-Artikolu 3a ta’ din il-liġi, intitolat “Ksur tad-dritt”: “Kull min jikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, sabiex tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-atturi tiegħu, iwettaq aġir żleali, peress li dan il-ksur jista’ jaffettwa sostanzjalment l-interessi tal-konsumaturi, tal-atturi l-oħra tas-suq u tal-kompetituri”. |
|
12 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi, intitolat “Eliminazzjoni u ommissjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull prattika kummerċjali illeċita skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 7 tista’ twassal għal ordni ta’ waqfien u, f’każ ta’ riskju ta’ reċidiva, għal ordni ta’ astinenza jew projbizzjoni. […]”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
13 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dm kienet tipproponi għall-bejgħ, inkluż fuq l-internet, diżinfettant imsejjaħ “BioLYTHE” (iktar ’il quddiem il-“prodott inkwistjoni”). It-tikketta mwaħħla fuq dan il-prodott kienet tinkludi, taħt l-isem tiegħu, l-indikazzjonijiet “Diżinfettant ekoloġiku universali b’firxa wiesgħa”, “Diżinfettar tal-ġilda, tal-idejn u tas-superfiċji”, “Effikaċi kontra s-SRAS-Corona” kif ukoll “Jirrispetta l-ġilda • Bio • mingħajr alkoħol”. |
|
14 |
Peress li qieset li dan kien reklamar żleali minħabba allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn naħa ta’ dm, skont ir-regoli ta’ aġir fis-suq ikkonċernat previsti mir-Regolament Nru 528/2012, u wara li bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dm iżda mingħajr suċċess, iż-ZBUW ippreżentat rikors quddiem il-Landgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja) intiż, essenzjalment, sabiex dm tiġi ordnata, taħt piena ta’ ċerti miżuri ta’ pagamenti ta’ penalità, li tieqaf tindika jew tikkummerċjalizzaw il-prodott inkwistjoni bħala “Diżinfettant ekoloġiku universali b’firxa wiesgħa” u/jew “jirrispetta il-ġilda” u/jew “bio” fir-reklamar jew fuq it-tikketta ta’ dan il-prodott. |
|
15 |
Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, dik il-qorti laqgħet dan ir-rikors. |
|
16 |
Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ appell ippreżentat minn dm quddiem l-Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja), li rriformatha parzjalment. Dik il-qorti kkonstatat qabelxejn li l-prodott inkwistjoni kien jikkostitwixxi prodott bijoċidali, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, u li l-indikazzjonijiet ikkontestati li jinsabu fuq it-tikketta ta’ dan il-prodott, b’mod partikolari l-indikazzjoni “jirrispetta l-ġilda”, kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “reklamar”, kif iddefinit fl-Artikolu 3(1)(y) ta’ dan ir-Regolament Nru 528/2012 u rregolat mill-Artikolu 72 tal-imsemmi regolament. |
|
17 |
L-imsemmija qorti qieset li l-indikazzjonijiet elenkati fit-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012 għandhom inkomuni l-fatt li jnaqqsu s-sinjifikat, fil-forma ta’ affermazzjoni ġenerali, tar-riskji li l-prodott bijoċidali jista’ jkollu għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tiegħu. Għalhekk, huma koperti mill-kunċett ta’ “indikazzjoni simili”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-indikazzjonijiet dwar ir-riskji tal-prodott bijoċidali li, sa fejn jnaqqsu s-sinjifikat tal-imsemmija riskji b’mod ġenerali, huma komparabbli mal-indikazzjonijiet iċċitati bħala eżempju fl-imsemmija dispożizzjoni. |
|
18 |
F’dan il-kuntest, l-istess qorti kkonkludiet li l-indikazzjoni “jirrispetta l-ġilda”, użata minn dm għall-prodott ikkonċernat, ma kinitx tikkostitwixxi “indikazzjoni simili”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012. Fil-fatt, din l-indikazzjoni ma tnaqqasx s-sinjifikat tar-riskju tal-prodott inkwistjoni, l-effetti tiegħu jew il-kapaċità ta’ ħsara ta’ dawn tal-aħħar (bħall-indikazzjonijiet “prodott bijoċidali ta’ riskju baxx”, “mhux tossiku”, “mhux ta’ ħsara”) la b’mod ġenerali u lanqas, tal-inqas, speċifikament f’dak li jirrigwarda, b’mod globali, is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent. Skont l-Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe), l-indikazzjoni “jirrispetta l-ġilda” tiddeskrivi, għalkemm b’mod ġenerali ħafna, l-effett tal-prodott inkwistjoni fuq organu speċifiku, jiġifieri fuq l-ġilda tal-bniedem. |
|
19 |
Iż-ZBUW ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza tal-Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe) quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
20 |
Din il-qorti tqis, qabelxejn, li l-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012 ma tippermettix, waħedha, li tingħata risposta għad-domanda dwar x’għandu jinftiehem b’“indikazzjoni simili”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, hija tqis li l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll l-interazzjoni tagħha mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 72(3) ta’ dan ir-regolament jimmilitaw favur l-approċċ adottat mill-Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe). |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-indikazzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012 huma pprojbiti fir-reklamar tal-prodotti bijoċidali, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn jistgħux iqarrqu lill-utent fir-rigward tar-riskji li dawn il-prodotti jista’ jkollhom għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tagħhom. F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis, bħall-Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe), li dan ir-regolament ma huwiex intiż li jipprojbixxi purament u sempliċement, fir-reklamar tal-prodotti bijoċidali, l-indikazzjonijiet li jirrigwardaw il-preżenza u, jekk ikun il-każ, l-importanza jew l-assenza ta’ wħud minn dawn ir-riskji, u dan indipendentement mill-veraċità ta’ dawn l-indikazzjonijiet, li għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ qerq tal-utent, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 72(3) tal-imsemmi regolament. |
|
22 |
Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, it-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012 ma teskludix indikazzjonijiet awtorizzati, li b’mod partikolari ma humiex qarrieqa, fir-reklamar tal-prodotti bijoċidali indikazzjonijiet speċifiċi, inklużi dawk issostanzjati, li jirreferu għall-assenza ta’ riskji jew għal riskju baxx ta’ tali prodotti, jew għall-effetti pożittivi tagħhom f’ċerti aspetti. Dik il-qorti tippreċiża f’dan ir-rigward li l-indikazzjonijiet ġenerali għandhom, l-iktar l-iktar, valur informattiv dgħajjef għall-konsumaturi jew ma għandhom l-ebda valur informattiv. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija indikazzjonijiet speċifiċi sostnuti jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni importanti u utli. Issa, ikun xieraq li dan l-interess tal-konsumaturi jiġi integrat fl-informazzjoni dwar il-bilanċ speċifiku bejn il-moviment liberu tal-prodotti bijoċidali u r-riċerka ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent li dan ir-regolament ifittex li jistabbilixxi. |
|
23 |
Il-qorti tar-rinviju hija għalhekk tal-fehma li l-kunċett ta’ “indikazzjoni simili”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-karatteristiċi komuni kollha għat-termini ċċitati bħala eżempju f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri mhux biss in-natura tagħhom li tnaqqas is-sinjifikat tar-riskju, iżda wkoll in-natura ġenerali tagħhom, huma determinanti. Għalhekk, ma hijiex “indikazzjoni simili”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, dik li tirreferi biss għal aspetti speċifiċi tal-prodott bijoċidali mingħajr ma tiċħad l-eżistenza ta’ eventwali effetti sekondarji dannużi. |
|
24 |
Fir-rigward ta’ diżinfettant bħal fil-każ tal-prodott inkwistjoni, dik il-qorti tosserva li l-konsumatur medju raġonevolment informat u avżat jinterpreta l-indikazzjoni “jirrispetta l-ġilda” biss bħala relativizzazzjoni tal-effetti sekondarji dannużi tiegħu. Għalhekk, din l-indikazzjoni ma tagħmilx lill-konsumaturi inqas kritiċi fir-rigward tal-użu tal-prodott inkwistjoni. Dan il-fehim tal-pubbliku huwa msaħħaħ mill-obbligu ta’ ttikkettjar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 528/2012. |
|
25 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li, peress li ż-ZBUW ma tistax tressaq l-azzjoni tagħha għal inibizzjoni tar-reklamar li jindika l-prodott inkwistjoni bħala li “jirrispetta l-ġilda” abbażi ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ qerq tal-utent prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012, l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) ta’ dan ir-regolament hija, f’dan il-każ, rilevanti. |
|
26 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-kunċett ta’ ‘[kwalunkwe] indikazzjoni simili [oħra]’, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament [Nru 528/2012] ikopri biss indikazzjonijiet inklużi f’reklam li, bħat-termini elenkati b’mod espliċitu [fl-imsemmija dispożizzjoni], jiddeskrivu l-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali fir-rigward tar-riskji tiegħu għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tiegħu b’termini ġenerali li jnaqqsu s-sinjifikat tagħhom, jew ‘[kwalunkwe] indikazzjoni simili [oħra]’ tkopri l-indikazzjonijiet kollha li, fir-rigward tar-riskji tal-prodott għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tiegħu, jużaw termini li jnaqqsu s-sinjifikat tagħhom b’mod komparabbli għat-termini elenkati b’mod espliċitu iżda mingħajr ma jkollhom neċessarjament kontenut [ġenerali] bħal dawn tal-aħħar?”. |
Fuq id‑domanda preliminari
|
27 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “kwalunkwe indikazzjoni simili [oħra]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tinkludi kull indikazzjoni fir-reklamar li tirrigwarda prodotti bijoċidali li, bħall-indikazzjonijiet msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, tnaqqas s-sinjifikat tar-riskji li prodott bijoċidali jista’ jkollu għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tiegħu, mingħajr madankollu ma tkun ta’ natura ġenerali. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest li minnu tifforma parti u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2024, Défense Active des Amateurs d’Armes et, C‑234/21, EU:C:2024:200, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
F’dak li jikkonċerna l-kliem tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 528/2012, dan il-paragrafu jipprevedi, fl-ewwel sentenza tiegħu, li r-reklamar għall-prodotti bijoċidali ma għandux jagħmel referenza għall-prodott b’mod li jista’ jqarraq lill-utent fir-rigward tar-riskji li tali prodott jista’ jippreżenta għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tiegħu. It-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu tippreċiża li, fi kwalunkwe każ, ir-reklamar ta’ prodott bijoċidali ma għandux jinkludi l-indikazzjonijiet “prodott bijoċidali b’riskju baxx”, “mhux tossiku”, “mhux ta’ ħsara”, “naturali”, “favur l-ambjent”, “favur l-annimali” jew kwalunkwe indikazzjoni simili oħra. |
|
30 |
Fir-rigward b’mod partikolari tal-kunċett ta’ “kwalunkwe indikazzjoni simili [oħra]”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem “kwalunkwe indikazzjoni” u “simili [oħra]” jintużaw b’referenza għall-indikazzjonijiet elenkati f’din is-sentenza, jiġifieri “prodott bijoċidali ta’ riskju baxx”, “mhux tossiku”, “mhux ta’ ħsara”, “naturali”, “favur l-ambjent” u “favur l-annimali”. |
|
31 |
Minn naħa, mill-formulazzjoni ta’ dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li dawn jikkontradixxu, mill-kliem tagħhom stess, l-eżistenza tar-riskji differenti fuq il-bnedmin, l-annimali u l-ambjent li jinkludu l-prodotti bijoċidali, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-premessa 1 tiegħu, minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom u l-użu assoċjat magħhom. |
|
32 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012 ma fih ebda indikazzjoni li l-projbizzjoni tal-użu fir-reklamar tal-prodotti bijoċidali hija limitata biss għall-indikazzjonijiet ġenerali. |
|
33 |
Għaldaqstant, mill-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012 jirriżulta li n-natura komuni tal-indikazzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni tinsab fil-fatt li dawn jnaqqsu s-sinjifikat tar-riskji li l-prodotti bijoċidali jista’ jkollhom għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tagħhom, jew saħansitra jiċħdu l-eżistenza ta’ dawn ir-riskji, mingħajr madankollu ma jkunu neċessarjament ta’ natura ġenerali. |
|
34 |
Fir-rigward tal-kuntest tat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, kif jirriżulta mill-premessa 61 ta’ dan ir-regolament, element essenzjali tas-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament huwa, b’mod partikolari, l-komunikazzjoni effettiva tal-informazzjoni dwar ir-riskji li jirriżultaw mill-prodotti bijoċidali. Għalhekk, ir-reklamar tal-prodotti bijoċidali għandu jippermetti lill-konsumaturi jiksbu livell ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar ir-riskji assoċjati mal-użu ta’ dawn il-prodotti sabiex ma jissottovalutawx dawn ir-riskji u jagħmlu għażla informata meta jixtru tali prodotti. |
|
35 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jinqara flimkien mar-regoli dwar l-ittikkettjar tal-prodotti bijoċidali previsti fl-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, moqri fid-dawl tal-premessa 53 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li l-ittikkettjar ta’ tali prodotti jipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni dwar dawn li jippermettulhom jagħmlu għażla informata u jinkludi b’mod partikolari l-indikazzjonijiet ta’ perikolu u l-pariri ta’ prudenza msemmija fid-Direttiva 1999/45 u fir-Regolament Nru 1272/2008. |
|
36 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 528/2012 jistabbilixxi, f’sentenza waħda, il-projbizzjoni li l-ittikkettjar tal-prodotti bijoċidali ma jistax jiżgwida fir-rigward tar-riskju li dawn il-prodotti jippreżentaw għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tagħhom, u jipprovdi li, fi kwalunkwe każ, dan l-ittikkettjar ma għandux jinkludi l-indikazzjonijiet elenkati fih u li huma identiċi għal dawk previsti fl-Artikolu 72(3) ta’ dan ir-regolament, li huma manifestament qarrieqa. |
|
37 |
F’dan il-kuntest, għandu jitqies li l-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012 jistabbilixxi leġiżlazzjoni ġenerali tar-reklamar tal-prodotti bijoċidali li hija bbażata fuq ir-reazzjoni tal-konsumaturi f’dak li jirrigwarda l-perċezzjoni tar-riskji li dawn il-prodotti jista’ jkollhom għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent u li tapplika indipendentement mir-riskji u mill-karatteristiċi effettivi tal-imsemmija prodotti. |
|
38 |
L-indikazzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012, inkluża l-indikazzjoni “kull indikazzjoni simili [oħra]”, jikkostitwixxu eżempji ta’ indikazzjonijiet li huma manifestament qarrieqa fir-rigward tal-imsemmija riskji u għalhekk huma s-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ użu fir-reklamar tal-prodotti bijoċidali prevista fl-Artikolu 72(3) ta’ dan ir-regolament. |
|
39 |
Minn dan isegwi li, fir-rigward tar-rilevanza tal-allegata natura ġenerali tal-indikazzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) ta’ dan ir-regolament, indikazzjoni kemm ġenerali kif ukoll speċifika tista’ manifestament tqarraq lill-utent fir-rigward tar-riskji assoċjati mal-użu tal-prodotti bijoċidali billi tnaqqas is-sinjifikat tar-riskji li dawn il-prodotti bijoċidali jista’ jkollhom għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tagħhom, jew anki billi tiċħad l-eżistenza ta’ dawn ir-riskji, b’tali mod li tali natura ġenerali ma tistax tkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk indikazzjoni li tirrigwarda prodott bijoċidali taqax taħt il-kunċett ta’ “kwalunkwe indikazzjoni simili [oħra]”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tal-istess regolament. |
|
40 |
Fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 528/2012, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 3 tiegħu, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli għat-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni li l-għan tiegħu huwa li jiġu ppreservati s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Biofa,C‑29/20, EU:C:2021:843, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tal-imsemmi regolament, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jagħtu lill-pubbliku ġenerali l-informazzjoni adegwata dwar il-benefiċċji u r-riskji assoċjati mal-prodotti bijoċidali kif ukoll dwar il-modi ta’ kif għandu jitnaqqas l-użu tagħhom. |
|
42 |
Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ifittex bilanċ speċifiku bejn il-moviment liberu tal-prodotti bijoċidali u livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, CIHEF et, C‑147/21, EU:C:2023:31, punt 64). |
|
43 |
Għal dan l-għan, permezz tat-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jfassal, b’mod iddettaljat u komplet, il-formulazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar ir-riskji assoċjati mal-użu tal-prodotti bijoċidali li jistgħu jidhru fir-reklamar li jirrigwarda dawn il-prodotti, sa fejn dan l-artikolu jipprevedi l-eżistenza ta’ indikazzjoni obbligatorja, li jipprojbixxi espressament ċerti indikazzjonijiet u li huwa intiż, b’mod iktar ġenerali, sabiex jipprojbixxi kull indikazzjoni ta’ reklamar li jista’ jqarraq lill-utent fir-rigward tar-riskji li tali prodotti jistgħu jippreżentaw (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, CIHEF et, C‑147/21, EU:C:2023:31, punt 63). |
|
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, indikazzjonijiet li la jnaqqsu s-sinjifikat tar-riskji u lanqas jeskludu r-riskji li dawn il-prodotti bijoċidali jistgħu jippreżentaw għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tagħhom ma jaqgħux, bħala prinċipju, taħt il-projbizzjoni tal-użu fir-reklamar tal-prodotti bijoċidali prevista fl-Artikolu 72(3) ta’ dan ir-regolament. |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi permess l-użu ta’ indikazzjonijiet ta’ reklamar għal prodotti bijoċidali li jirreferu għall-assenza ta’ riskji jew għal riskju baxx jew għal ċerti effetti pożittivi ta’ dawn il-prodotti sabiex jnaqqsu s-sinjifikat ta’ dawn ir-riskji, jew saħansitra jiċħdu l-eżistenza tagħhom. Kif irrilevat, essenzjalment, il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tali indikazzjonijiet jistgħu jiffavorixxu użu eċċessiv, negliġenti jew żbaljat tal-imsemmija prodotti, kuntrarjament għall-għan li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-użu tagħhom. |
|
46 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-indikazzjoni “jirrispetta l-ġilda” użata fir-reklamar tal-prodott bijoċidali kkonċernat, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali indikazzjoni li għandha, prima facie, konnotazzjoni pożittiva li tevita l-evokazzjoni ta’ kwalunkwe riskju, tista’ tirrelativizza l-effetti sekondarji dannużi ta’ dan il-prodott, jew, kif isostnu l-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, tagħti x’tifhem li l-imsemmi prodott jista’ saħansitra jkun ta’ benefiċċju għall-ġilda. Issa, tali indikazzjoni hija ta’ natura qarrieqa li tiġġustifika l-projbizzjoni tal-użu tagħha fir-reklamar tal-istess prodott, fis-sens tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012. |
|
47 |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, skont l-indikazzjoni obbligatorja prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 528/2012, ir-reklamar għandu jindika, b’mod ċar u li jinqara faċilment li l-prodotti bijoċidali għandhom jintużaw b’prekawzjoni u li wieħed għandu jaqra t-tikketta u l-informazzjoni li tikkonċernahom qabel kwalunkwe użu. Kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-qari tat-tikketta jista’ saħansitra jneħħi l-attenzjoni tal-konsumaturi minn informazzjoni oħra li tinsab fuqha. |
|
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “kwalunkwe indikazzjoni simili [oħra]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi kull indikazzjoni fir-reklamar li tirrigwarda prodotti bijoċidali li, bħall-indikazzjonijiet msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, tirreferi għal dawn il-prodotti b’mod li jista’ jqarraq lill-utent fir-rigward tar-riskji li dawn jistgħu jippreżentaw għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tagħhom, billi jitnaqqas s-sinjifikat ta’ dawn ir-riskji, jew anki billi tiġi miċħuda l-eżistenza tagħhom, mingħajr madankollu ma din l-indikazzjoni tkun neċessarjament ta’ natura ġenerali. |
Fuq l-ispejjeż
|
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni imqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
It-tieni sentenza tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, |
|
għandha tiġi interpretata fis-sens li: |
|
il-kunċett ta’ “kwalunkwe indikazzjoni simili [oħra]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi kull indikazzjoni fir-reklamar li tirrigwarda prodotti bijoċidali li, bħall-indikazzjonijiet msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, tirreferi għal dawn il-prodotti b’mod li jista’ jqarraq lill-utent fir-rigward tar-riskji li dawn jistgħu jippreżentaw għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tagħhom, billi jitnaqqas s-sinjifikat ta’ dawn ir-riskji, jew anki billi tiġi miċħuda l-eżistenza tagħhom, mingħajr madankollu ma din l-indikazzjoni tkun neċessarjament ta’ natura ġenerali. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.