26.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Ġunju 2010

dwar li ma għandux jiġi inkluż trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 4199)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/355/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/629/KE (2) ġie deċiż li s-sustanza attiva trifluralin ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik id-Deċiżjoni ttieħdet fil-qafas tat-tieni stadju tal-programm ta’ ħidma previst fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (3) u (KE) Nru 703/2001 (4) li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni stadju tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan tal-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(2)

In-notifikant oriġinali ressaq applikazzjoni ġdida skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (5). Huwa talab l-applikazzjoni tal-proċedura aċċellerata skont l-Artikoli 13 sa 19 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 u ressaq dossier aġġornat. L-applikazzjoni tressqet lill-Greċja, li kienet inħatret bħala l-Istat Membru relatur permezz tar-Regolament (KE) Nru 451/2000.

(3)

Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 u tressqet fl-istess perjodu ta’ żmien stipulat fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Il-Greċja vvalutat l-informazzjoni l-ġdida u d-dejta mressqa min-notifikant u ħejjiet rapport addizzjonali fis-7 ta’ Jannar 2009.

(5)

Ir-rapport addizzjonali saritlu analiżi inter pares mill-Istati Membri u mill-Awtorità tas-Sikurezza tal-Ikel, minn hawn ‘il quddiem l-EFSA, u tressaq quddiem il-Kummissjoni fl-14 ta’ Lulju 2009 fil-format tar-Rapport Xjentifiku tal-EFSA għal trifluralin (6). Dan ir-rapport ġie analizzat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fil-11 ta’ Mejju 2010 fil-format tar-rapport ta’ analiżi tal-Kummissjoni għat-trifluralin.

(6)

Il-valutazzjoni ġdida mill-Istat Membru relatur u l-konklużjoni l-ġdida mill-EFSA kkonċentraw fuq it-tħassib li jwassal għan-noninklużjoni, li kien dovut għar-riskju għoli għall-organiżmi akkwatiċi, speċjalment ħut, it-tossiċità tal-metaboliti għal organiżmi li jgħixu fis-sediment, l-espożizzjoni tal-konsumatur għal applikazzjonijiet li mhumiex ċereali, il-persistenza għolja fil-ħamrija, il-potenzjal kbir ta’ bijoakkumulazzjoni, u l-potenzjal għal trasport ta’ firxa kbira permezz tal-ajru.

(7)

Tressqu dejta u informazzjoni ġodda min-notifikant fid-dossier aġġornat, b’mod partikolari fir-rigward tal-istima tal-impatt akkwatika, speċjalment il-ħut, it-tossiċità tal-metaboliti għal organiżmi li jgħixu fis-sediment, il-persistenza għolja fil-ħamrija u l-potenzjal kbir ta’ bijoakkumulazzjoni. Biex inaqqas ir-riskju lill-konsumaturi, in-notifikant, fil-kuntest tal-preżentazzjoni mill-ġdid, appoġġja biss applikazzjonijiet fuq ir-rapa taż-żrieragħ taż-żejt. F’dak li għandu x’jaqsam mal-potenzjal għal trasport ta’ firxa kbira permezz tal-ajru, id-dejta li tressqet sempliċiment irriproduċiet rapport ta’ monitoraġġ li kien diġà deher fid-dossier oriġinali. Saret stima ġdida, kif inkluż fir-rapport addizzjonali u fir-Rapport Xjentifiku tal-EFSA għat-trifluralin.

(8)

Minkejja dan, id-dejta u l-informazzjoni addizzjonali mogħtija min-notifikant ma wasslux biex jeliminaw il-punti speċifiċi ta’ tħassib li wasslu għan-noninklużjoni.

(9)

B’mod partikolari, it-tħassib dwar ir-riskju għoli għall-organiżmi akkwatiċi, speċjalment il-ħut, ma setgħux jiġu solvuti minħabba nuqqasijiet fl-istudji li tressqu l-aħħar. B’konsegwenza ta’ dan, l-istima tal-impatt tal-ilma tal-wiċċ ma setgħatx tiġi finalizzata. Barra minn hekk, il-potenzjal għal trasport ta’ medda kbira permezz tal-ajru ma ġiex iċċarat kif xieraq mill-informazzjoni li ngħatat li kienet ta’ natura skaduta.

(10)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tal-analiżi inter pares. Barra minn dan, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008, il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq kummenti dwar l-abbozz tar-rapport tal-analiżi u b’mod partikolari dwar il-punti ta’ tħassib li fadal għar-riskju akkwatiku u l-potenzjal għat-trasport ta’ medda twila. In-notifikant ippreżenta l-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(11)

Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa, il-punti tat-tħassib imsemmija hawn fuq baqgħu ma ssolvewx, u l-valutazzjonijiet li saru abbażi tal-informazzjoni ppreżentata u vvalutata matul il-laqgħat tal-esperti tal-EFSA ma wrewx li wieħed jista’ jistenna li, fil-kundizzjonijiet proposti ta’ użu, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-trifluralin jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(12)

Għalhekk, it-trifluralin ma għandux jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(13)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2007/629/KE għandha tiġi revokata.

(14)

Din id-Deċiżjoni hija bla preġudizzju għat-tressiq ta’ applikazzjoni ulterjuri għat-trifluralin skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(15)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-trifluralin ma għandux jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2007/629/KE hija rrevokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)   ĠU L 255, 29.9.2007, p. 42.

(3)   ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(4)   ĠU L 98, 7.4.2001, p. 6.

(5)   ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.

(6)  Ir-Rapport Xjentifiku tal-EFSA (2009) 327, - Konklużjoni dwar l-analiżi inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju tas-sustanza attiva trifluralin (maħruġ mill-ġdid fl-14 ta’ Lulju 2009).