SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

21 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

Werrej

 

I. Il‑kuntest ġuridiku

 

A. Ir‑Regolamenti tal‑Persunal

 

B. Il‑Kondizzjonijiet tal‑impjieg

 

C. Il‑Ftehim Qafas

 

D. Id‑Direttiva 2002/14/KE

 

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

 

III. Il‑kawża quddiem il‑Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir‑rinviju u s‑sentenza appellata

 

IV. It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell

 

V. Fuq l‑appell

 

A. Fuq l‑ewwel aggravju

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

a) Fuq l‑ammissibbiltà

 

b) Fuq il‑mertu

 

B. Fuq it‑tieni aggravju

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

a) Fuq l‑ammissibbiltà

 

b) Fuq il‑mertu

 

C. Fuq it‑tielet aggravju

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

a) Fuq l‑ammissibbiltà

 

b) Fuq il‑mertu

 

1) Fuq l‑ewwel parti

 

2) Fuq it‑tieni parti

 

3) Fuq it‑tielet parti

 

4) Fuq ir‑raba’ parti

 

5) Fuq il‑ħames parti

 

D. Fuq ir‑raba’ aggravju

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

E. Fuq it‑talba għall‑kumpens għad‑dannu

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

Fuq l‑ispejjeż

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment tal-kuntratt – Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea – Inkompetenza professjonali – Kondotta fis-servizz u kapaċità għax-xogħol mhux kompatibbli mal-interess tas-servizz – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Dritt għal-leave parentali – Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑546/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid‑29 ta’ Awwissu 2023,

UG, irrappreżentata minn M. Richard, avocat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn I. Melo Sampaio u A. Sauka, bħala aġenti, sussegwentement minn A. Sauka, bħala aġent,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal‑Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tas‑Seba’ Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal‑Ħames Awla, u J. Passer, Imħallef,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, UG titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑21 ta’ Ġunju 2023, UG vs Il‑Kummissjoni (T‑571/17 RENV, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2023:351), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2016 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea xoljiet il-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni materjali u morali li UG allegatament ġarrbet minħabba din id-deċiżjoni.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A. Ir‑Regolamenti tal‑Persunal

2

L-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprevedi:

“L-uffiċjal għandu jkun intitolat għal sitt xhur ta’ leave tal-ġenituri mingħajr salarju bażiku għal kull tifel/tifla, li għandhom jittieħdu matul l-ewwel tnax‑il sena wara t-twelid jew l-adozzjoni tat-tifel/tifla. […]”

3

Skont l-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Is-servizz ġħandu jintemm b’:

[…]

(d) tkeċċija fuq inkompetenza;

[…]”

4

L-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni għandha tiddefinixxi l-proċeduri biex ikunu identifikati, jieħdu ħsieb u jirmedjaw każijiet ta’ inkompetenza b’mod fil-ħin u xieraq.

Meta tadotta dispożizzjonijiet interni, l-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni għandha tirrispetta r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

uffiċjal li, fuq il-bażi ta’ tliet rapporti konsekuttivi annwali insodisfaċenti kif msemmija fl-Artikolu 43, jibqa’ ma juri l-ebda progress fil-kompetenza professjonali tiegħu, dan għandu jitniżżel grad wieħed. Jekk, iż-żewġ rapporti annwali sussegwenti jibqgħu juru prestazzjoni insodisfaċenti, l-uffiċjal għandu jitkeċċa;

(b)

kwalunkwe proposta li uffiċjal jintniżżel grad jew li jitkeċċa għandha tippreżenta r-raġunijiet fuq xiex hija bbażata u għandha tkun ikkomunikata lill-uffiċjal ikkonċernat. Il-proposta mill-awtorità tal-ħatra għandha tkun riferuta lill-Kumitat Konġunt ta’ Konsulenza previst fl-Artikolu 9(6).

2.   L-uffiċjal għandu d-dritt jikseb il-fajl personali sħiħ tiegħu u jieħu kopja tad-dokumenti kollha dwar il-proċedura. Huwa għandu jkollu mill-anqas 15‑il ġurnata, iżda mhux aktar minn 30 ġurnata, mid-data li fiha jkun irċieva l-proposta biex iħejji difiża. Huwa jista’ jkun assistit minn persuna tal-għażla tiegħu. L-uffiċjal jista’ jressaq kummenti bil-miktub. Huwa għandu jinstema’ mill-Kumitat Konġunt ta’ Konsulenza. L-uffiċjal jista’ jtella’ xhieda.

[…]”

5

L-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li:

“Ħlief fil-każ ta’ mard jew inċident, uffiċjal ma jistax ikun assenti mingħajr permess minn qabel tas-superjur tiegħu dirett fuqu. Mingħajr preġudizzju għal xi miżuri dixxiplinari li jistgħu japplikaw, kull assenza mhux awtorizzata li hija stabbilita sew għandha titnaqqas mill-leaveta’ kull sena ta’ l-uffiċjal konċernat. Jekk uża l-leaveta’ xogħol tiegħu, għandu jitlef ir-remunerazzjoni tiegħu għal perjodu ekwivalenti.

[…]”

6

Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

“Id-dmirijiet li jieħdu l-membri tal-Kumitat tal-Persunal u l-uffiċjali maħtura mill-Kumitat ta’ organi stabbiliti taħt ir-Regolamenti tal-Persunal jew mill-istituzzjoni jitqiesu parti mi-servizz normali tagħhom fl-istituzzjoni tagħhom. Il-fatt li jitwettqu t-tali dmirijiet bl-ebda mod ikun ta’ preġudizzju għall-persuna kkonċernata.”

7

L-Artikolu 9(1)(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi:

“L-Awtorità tal-Ħatra tista’ timponi wieħed mill-pieni li ġejjin:

[…]

[(h)]

tneħħija minn posizzjoni u, fejn ikun il-każ, tnaqqis pro tempore ta’ pensjoni jew jinżamm, għal perjodu stabbilit, ammont mill-benefiċċju ta’ l-invalidità; l-effett ta’ din il-miżura m’għandux jestendi għad-dipendenti ta’ l-uffiċjal. Iżda, fil-każ tat-tali tnaqqis, id-dħul ta’ dak li qabel kien uffiċjal ma jistax ikun anqas mis-somma minima ta’ l-għajxien, imniżżla fl-Artikolu 6 ta’ l-Anness VIII, bl-addizzjoni ta’ xi benefiċċji pagabbli tal-familja.”

B. Il‑Kondizzjonijiet tal‑impjieg

8

L-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti tal-kawża (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), huwa fformulat kif ġej:

“Minbarra t-tmiem mal-mewt, l-impjieg tal-persunal temporanju għandu jieqaf:

[…]

(c)

meta l-kuntratt ikun għal perjodu indefinit:

(i)

fi tmiem il-perjodu ta’ notifika stipulat fil-kuntratt; it-tul tal-perjodu ta’ notifika ma jkunx anqas minn xahar għal kull sena kompluta ta’ servizz, soġġett għal minimu ta’ tliet xhur u massimu ta’ 10 xhur. Madankollu, il-perjodu ta’ notifika ma għandux jibda għaddej matul tqala kkonfermata permezz ta’ ċertifikat mediku, leave tal-maternità jew leave tal-mard, sakemm it-tali leave tal-mard ma jaqbiżx tliet xhur. Barra minn hekk, għandu jkun sospiż matul tqala kkonfermata permezz ta’ ċertifikat mediku, maternità jew leave tal-mard soġġett għal-limiti msemmija qabel; jew

[…]”

C. Il‑Ftehim Qafas

9

Il-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas dwar il-Leave tal-Ġenituri (Rivedut), konkluż fit-18 ta’ Ġunju 2009, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat‑8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU 2010, L 68, p. 13) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), jipprevedi:

“Biex jiżguraw li l-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave tal-ġenituri, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu lill-ħaddiem kontra trattament anqas favorevoli jew tkeċċija abbażi ta’ applikazzjoni għal, jew teħid ta’, leave tal-ġenituri skont il-liġi, ftehim kollettiv u/jew il-prattiki nazzjonali.”

D. Id‑Direttiva 2002/14/KE

10

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219), jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li r-rappreżentanti ta’ l-impjegati, meta jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, igawdu protezzjoni u garanziji adekwati biex ikunu jistgħu jwettqu d-doveri li jkunu ġew assenjati lilhom.”

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

11

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti, parzjalment, fil-punti 2 sa 19 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

12

Fl‑20 ta’ Marzu 2007, UG ġiet irreklutata mill-Uffiċċju “Infrastruttura u Loġistika fil-Lussemburgu” (OIL) tal-Kummissjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, konformement mal-Artikolu 3a(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, sabiex teżerċita funzjonijiet ta’ edukatriċi fiċ-ċentru polivalenti tat-tfal, għal żmien determinat mill‑1 ta’ April 2007 sal‑31 ta’ Marzu 2009.

13

Fil‑25 ta’ Frar 2009, il-kuntratt ta’ UG ġie estiż sal‑31 ta’ Marzu 2010.

14

Fil‑5 ta’ Frar 2010, dan il-kuntratt ġie estiż għal żmien indeterminat, b’effett mill‑1 ta’ April 2010.

15

Mis‑16 ta’ Novembru 2011 sal‑1 ta’ April 2014, UG ġiet eżentata mill-funzjonijiet tagħha ta’ għalliema sa 50 % tal-ħin tax-xogħol, fid-dawl tal-eżerċizzju ta’ mandat sindakali part-time f’organizzazzjoni sindakali.

16

Fit‑13 ta’ Mejju 2014, UG ġiet eletta fil-Kumitat Lokali tal-Persunal tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu) u nħatret bħala membru tal-Kumitat Ċentrali tal-Persunal fi Brussell (il-Belġju) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“Kumitati tal-Persunal”).

17

Fit‑8 ta’ April 2016, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ stabbilixxiet ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ UG għas-sena 2015 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni 2015”), skont liema l-livell globali ta’ prestazzjoni tagħha ma tqiesx sodisfaċenti għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2015.

18

Fil‑15 ta’ Lulju 2016, UG tqiegħdet fuq leave parentali, fuq talba tagħha, sal‑14 ta’ Novembru 2016.

19

Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016”), l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ informat lil UG bl-intenzjoni tagħha li xxolji l-kuntratt tagħha abbażi tal-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, minħabba n-natura mhux sodisfaċenti tal-livell ta’ prestazzjonijiet tagħha u tal-aġir tagħha fis-servizz sa mis-sena 2013.

20

Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Settembru 2016, l-appellanti kkontestat il-motivi invokati mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ fl-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016.

21

Fis‑17 ta’ Ottubru 2016, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha xoljiet il-kuntratt ta’ UG abbażi tal-Artikolu 47(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’effett mill‑31 ta’ Lulju 2017, fid-dawl ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ disa’ xhur li beda jiddekorri mill‑1 ta’ Novembru 2016.

22

Fid‑29 ta’ Novembru 2016, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ finalment iffissat il-bidu ta’ dan l-avviż tat-temm ta’ impjieg għall‑21 ta’ Novembru 2016 u t-tmiem tal-imsemmi kuntratt għall‑20 ta’ Awwissu 2017.

23

Fuq talba ta’ UG, datata s‑16 ta’ Diċembru 2016, il-leave parentali tagħha ġie estiż sal‑20 ta’ Awwissu 2017.

24

Fis‑17 ta’ Jannar 2017, UG ressqet, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ilment kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

25

Fit‑18 ta’ Mejju 2017, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ċaħdet l-imsemmi lment.

26

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Awwissu 2017, l-appellanti ppreżentat rikors intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u għall-kumpens tad-danni materjali u morali li hija allegatament ġarrbet minħabba din id-deċiżjoni.

27

Permezz tas-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, UG vs Il‑Kummissjoni (T‑571/17, iktar ’il quddiem is-sentenza inizjali, EU:T:2020:141), il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, it-tieni nett, stiednet lill-partijiet jittrażmettulha, f’terminu ta’ tliet xhur, jew l-ammont iffissat bi ftehim komuni tal-kumpens pekunjarju marbut mal-illegalità ta’ din id-deċiżjoni, jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, it-talbiet tagħhom f’ċifri fir-rigward ta’ dan l-ammont, it-tielet nett, ċaħdet il-kumplament tat-talbiet u, ir-raba’ nett, irriżervat l-ispejjeż.

28

Permezz tad-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2020, UG vs Il‑Kummissjoni (T‑571/17, EU:T:2020:553), il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ikkonstatat li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kumpens pekunjarju marbut mad-deċiżjoni kontenzjuża u, it-tieni nett, ikkundannat lill-Kummissjoni tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż ta’ UG u kkundannat lil din tal-aħħar tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

29

Permezz tas-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Il‑Kummissjoni vs UG (C‑249/20 P, iktar ’il quddiem is-sentenza fl-appell, EU:C:2021:964), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali, sa fejn, l-ewwel nett, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, it-tieni nett, ikkonstatat l-eżistenza ta’ illegalità li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni u, it-tielet nett, ċaħdet bħala inammissibbli t-talba ta’ UG intiża għall-kumpens għad-dannu morali tagħha.

30

Fil-punt 27 tas-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kienet manifestament żnaturat il-kontenut tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 billi ddeċidiet, fil-punti 64, 70 u 71 tas-sentenza inizjali, li, f’din l-ittra, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ kienet ikkritikat lil UG talli ma ssodisfatx, f’terminu ta’ tliet xhur, l-għanijiet li kienu ġew assenjati lilha fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2015.

31

Barra minn hekk, fil-punt 38 tas-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm, kif jirriżulta mill-punti 70 u 71 tas-sentenza inizjali, il-kompiti mitluba minn UG kienu ġew maħsuba u deskritti bħala li jaqgħu f’ċertu tul, il-Qorti Ġenerali ma kinitx tesponi r-raġuni li għaliha hija qieset li ma kienx raġonevoli li jiġi rikjest min-naħa ta’ UG li hija tistabbilixxi tabella ta’ azzjonijiet edukattivi f’terminu ta’ tliet xhur.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 39 tas-sentenza fl-appell, li l-Qorti Ġenerali kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, peress li l-motivi tas-sentenza inizjali ma kinux jippermettu li wieħed jifhem, anki jekk impliċitament, ir-raġuni għalfejn hija kienet qieset li t-terminu ta’ tliet xhur, mogħti lil UG sabiex tiġi stabbilita t-tabella ta’ azzjonijiet edukattivi, kien qasir wisq.

33

Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

III. Il‑kawża quddiem il‑Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir‑rinviju u s‑sentenza appellata

34

Insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, esposti fil-kuntest tal-Kawża T‑571/17 RENV, UG invokat, essenzjalment, seba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dritt għal smigħ, it-tielet, fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tad-dritt għal-leave parentali u tad-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema, ir-raba’, fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ fatt, il-ħames, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sitt, fuq ksur tal-proċedura dixxiplinari prevista fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u s-seba’, fuq użu ħażin ta’ poter.

35

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv għaliex infondat.

36

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar it-talbiet għal kumpens tal-appellanti intiżi sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallasha, minn naħa, kumpens li jikkorrispondi għas-salarji li hija ġiet imċaħħda minnhom sa mid-data tat-tkeċċija tagħha u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-dannu morali minħabba trattament degradanti u diskriminatorji li ġew imposti fuqha minħabba l-attività sindakali tagħha u t-teħid ta’ leave parentali.

37

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti ma invokatx, insostenn tat-talbiet tagħha għal kumpens, kapijiet ta’ illegalità li huma differenti minn dawk li hija kienet esponiet insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’dawn iċ-ċirkustanzi u peress li t-talbiet għal annullament kienu ġew miċħuda bħala infondati, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-talbiet għal kumpens kellhom jiġu miċħuda wkoll, mingħajr ma kien hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom.

38

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn UG fl-intier tiegħu.

IV. It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell

39

Bl-appell tagħha, UG titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala fondata t-tkeċċija tagħha u kkundannatha tħallas terz tal-ispejjeż tal-Kummissjoni;

–

b’evokazzjoni, li tallokalha s-somma ta’ EUR 68000 għad-dannu materjali tagħha;

–

b’evokazzjoni, li tagħtiha is-somma ta’ EUR 40000 għad-dannu morali tagħha;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rimbors tal-ispejjeż kollha, kif ukoll għall-ispejjeż tal-avukati tagħha fil-kuntest ta’ dan l-appell, evalwati provviżorjament għal EUR 10000 bla ħsara għal żieda; u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rimbors tal-ispejjeż kollha, kif ukoll għall-ispejjeż tal-avukati kollha relatati ma’ dan l-appell li jammontaw għal EUR 30000.

40

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell u

–

tikkundanna lil UG għall-ispejjeż.

V. Fuq l‑appell

41

Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tas-sentenza appellata, UG tinvoka, essenzjalment, erba’ aggravji, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-protezzjoni dwar il-leave parentali, it-tieni, fuq ksur tal-protezzjoni tar-rappreżentanti tal-persunal, it-tielet, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

A. Fuq l‑ewwel aggravju

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

42

UG issostni li, fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet b’mod inġustifikat distinzjoni bejn, minn naħa, l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija matul il-leave parentali u, min-naħa l-oħra, id-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fil-mument meta l-persuna kkonċernata tinsab fuq leave parentali, sabiex minn dan tiddeduċi b’mod żbaljat li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-mument meta hija kienet bil-leave parentali ma kinitx tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tar-rekwiżiti minimi li jinsabu fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas.

43

Issa, fl-opinjoni ta’ UG, id-deċiżjoni kontenzjuża wasslet sabiex hija ma terġax tieħu xogħolha fit-tmiem tal-leave parentali tagħha, li juri li t-tkeċċija ta’ persuna matul il-leave parentali tikkostitwixxi ksur tal-protezzjoni prevista fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas u tal-obbligu tal-persuna li timpjega li żżomm l-impjieg tal-membru tal-persunal li jieħu dan il-leave.

44

UG issostni li l-Artikoli 47 u 51 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 9(1)(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas kif ukoll mal-Artikolu 33(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jiġifieri fis-sens li jipprekludu t-tkeċċija matul it-tul kollu tal-leave parentali.

45

Barra minn hekk, ikun kuntrarju għar-rekwiżiti tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija marbuta mal-leave parentali li wieħed jassimila, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 109 tas-sentenza appellata, l-inkompetenza professjonali man-nuqqas dixxiplinari gravi.

46

Fir-rigward tal-punt 112 tas-sentenza appellata, UG issostni li huwa rari ħafna li l-persuna li timpjega ssemmi, fl-ittra ta’ tkeċċija ta’ impjegat, ir-rabta bejn din it-tkeċċija u l-leave parentali ta’ dan tal-aħħar.

47

Sa fejn minn diversi elementi tal-proċess f’din il-kawża jirriżulta li t-teħid minn UG tal-leave parentali kien ir-raġuni reali għat-tkeċċija tagħha, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, li l-illegalità kkonstatata fil-punt 142 ta’ din is-sentenza ma setgħetx twassal, waħedha, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

48

F’dan il-każ, it-tkeċċija ta’ UG tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter mill-Kummissjoni, peress li, taħt il-pretest ta’ tkeċċija marbuta mal-inkompetenza professjonali, din l-istituzzjoni fir-realtà ssanzjonat lil UG għat-teħid tal-leave parentali tagħha f’perijodu li ma kienx xieraq għall-Kummissjoni.

49

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi diskriminazzjoni b’rabta mat-teħid tal-leave parentali, magħmula bi ksur tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni u mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 tagħha, iffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 2000.

50

Il-Kummissjoni tirribatti li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż sabiex tinkiseb evalwazzjoni globali ġdida tal-kawża u li huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)   Fuq l‑ammissibbiltà

51

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza jew tad-digriet li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell li sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, u dan imur lil hinn mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Thunus et vs BEI,C‑561/23 P, EU:C:2024:603, punti 22 u 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel aggravju, UG tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, li wettqet żbalji ta’ liġi. F’dan ir-rigward, UG tindika diversi drabi l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku t-talba għall-annullament ta’ din is-sentenza.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli.

b)   Fuq il‑mertu

54

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 90 sa 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-fondatezza tal-ilment ta’ UG, ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li, billi pproċediet għat-tkeċċija tagħha matul il-perijodu tal-leave parentali tagħha, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tar-rekwiżiti minimi li jinsabu fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas.

55

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 97 sa 112 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprojbixxix lill-awtorità kompetenti milli tadotta deċiżjoni dwar it-tkeċċija ta’ uffiċjal jew ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt jew ta’ membru tal-persunal temporanju, minkejja li dan il-membru tal-persunal jinsab, fid-data ta’ din id-deċiżjoni, fuq leave parentali u li bħala prinċipju, kellu jirritorna għal dan l-impjieg jew għal dawn il-funzjonijiet fl-aħħar ta’ dan il-leave.

56

F’dak li jirrigwarda l-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas, li għaliha tagħmel riferiment UG, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li, sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu jistgħu effettivament jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave parentali, din il-klawżola timponi li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-ħaddiema jiġu protetti minn trattament inqas favorevoli jew tkeċċija abbażi tal-applikazzjoni jew tat-teħid ta’ leave parentali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Lyreco Belgium (C‑588/12, EU:C:2014:99, punt 34).

57

Għaldaqstant, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-imsemmija klawżola la għandha l-għan u lanqas l-effett li tipprojbixxi lil persuna li timpjega milli tiddeċiedi dwar it-tkeċċija ta’ ħaddiem, minkejja li fid-data ta’ din id-deċiżjoni, dan kien qed jibbenefika minn leave parentali, sakemm din it-tkeċċija ma tkunx immotivata mill-applikazzjoni għal jew mit-teħid tal-imsemmi leave u tosserva l-kundizzjonijiet l-oħra previsti mil-liġi jew mir-regoli applikabbli.

58

Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kif jirriżulta mill-punt 101 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu ma jipprevedix riżerva jew deroga li huma marbuta mat-tqegħid tal-membru tal-persunal ikkonċernat fuq leave parentali.

59

Fil-punti 115 sa 146 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilment imressaq minn UG, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża kisret l-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tar-rekwiżiti minimi li jinsabu fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas, minħabba l-applikazzjoni tagħha għal leave parentali.

60

Hekk kif jirriżulta mill-punt 122 tal-imsemmija sentenza, l-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tar-rekwiżiti minimi li jinsabu f’din il-klawżola 5(4) , jipprojbixxu li l-awtorità kompetenti tkeċċi minħabba inkompetenza professjonali uffiċjal jew membru tal-persunal minħabba l-applikazzjoni għal leave parentali, b’mod partikolari għal raġunijiet li jirrigwardaw id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-perijodu ta’ dan il-leave jew tat-tul ta’ dan il-leave mitlub f’din l-applikazzjoni.

61

Fil-punt 142 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, għalkemm l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tista’ tiċħad l-applikazzjoni għal leave parentali ppreżentata minn UG minħabba li d-dati previsti għat-tul ta’ dan il-leave kienu inkompatibbli mal-ħtiġijiet tas-servizz, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ma setgħetx tinvoka d-dati tal-leave parentali mitluba bħala li jikkostitwixxu waħda mir-raġunijiet ta’ tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali, mingħajr ma tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tar-rekwiżiti minimi li jinsabu fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas.

62

Wara li kkonstatat, għar-raġuni msemmija fil-punt preċedenti, l-illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 144 sa 146 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, il-konstatazzjoni globali tal-inkompetenza professjonali ta’ UG kienet ibbażata fuq diversi raġunijiet, li kienu distinti mir-raġuni dwar id-dati li hija kienet għażlet fl-applikazzjoni tagħha għal leave parentali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-imsemmija illegalità ma tistax, waħedha, twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

63

Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel aggravju, UG ma werietx li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 53 sa 61 ta’ din is-sentenza huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

64

Fir-rigward tas-sentenza tas 27 ta’ Frar 2014, Lyreco Belgium (C‑588/12, EU:C:2014:99), li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprojbixxi, b’mod assolut, it-tkeċċija ta’ ħaddiem li jibbenefika minn leave parentali, iżda din għandha tinftiehem fis-sens li tipprevedi projbizzjoni li ssir tali tkeċċija mingħajr raġuni serja jew suffiċjenti. Din is-sentenza tipprojbixxi għalhekk it-tkeċċija minħabba l-applikazzjoni għal jew it-teħid ta’ leave parentali.

65

Barra minn hekk, fis-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Riežniece (C‑7/12, EU:C:2013:410, punti 34 u 35), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, kif stabbilixxiet il-klawżola 2(4) tal-Ftehim Qafas dwar il-Leave tal-Ġenituri, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat‑3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 263), il-ħaddiema kellhom jiġu protetti kontra t-tkeċċija “minħabba” l-applikazzjoni jew it-teħid ta’ leave parentali u li din il-klawżola ma kinitx tipprojbixxi lill-persuna li timpjega milli tkeċċi ħaddiem li ħa leave parentali meta din it-tkeċċija ma jkollhiex bħala raġuni l-applikazzjoni jew it-teħid ta’ leave parentali.

66

Issa, f’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, il-konstatazzjoni globali tal-inkompetenza professjonali ta’ UG kienet ibbażata fuq diversi raġunijiet, li kienu distinti mir-raġuni dwar id-dati li hija kienet għażlet għat-teħid tal-leave parentali tagħha.

67

Fir-rigward tal-argument ta’ UG, li jgħid li minn diversi elementi tal-proċess f’din il-kawża jirriżulta li l-leave parentali tagħha kien ir-raġuni reali għat-tkeċċija tagħha, fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument, UG titlob fir-realtà l-eżami mill-ġdid ta’ argument ta’ natura fattwali diġà mqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza.

68

Isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

B. Fuq it‑tieni aggravju

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

69

Permezz tat-tieni aggravju, UG tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punti 165 u 168 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ibbażata biss fuq il-kwalità ta’ UG bħala membru tal-Kumitat Ċentrali tal-Persunal fi Brussell u fil-Kumitat Lokali tal-Persunal tal-Lussemburgu, filwaqt li ammettiet li, fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ kienet tikkritika lil UG għan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz waqt l-ippjanar tal-attivitajiet tagħha marbuta mal-mandat tagħha ta’ rappreżentant tal-persunal matul is-snin 2014 u 2016.

70

F’dan ir-rigward, il-fatt li tiġi kkontestata tkeċċija biss fil-każ li tkun espressament ibbażata fuq il-kwalità ta’ rappreżentant tal-persunal iwassal sabiex iċaħħad, minn naħa, mill-effettività tad-dispożizzjonijiet minimi previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14 u, min-naħa l-oħra, mill-effettività tal-protezzjoni tar-rappreżentanti tal-persunal kontra t-tkeċċija minħabba l-funzjonijiet sindakali tagħhom. Fil-fatt, huwa rari li l-persuna li timpjega, li tixtieq teħles minn rappreżentant tal-persunal, tammetti dan expressis verbis fil-motivi tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tagħha.

71

Madankollu, f’dan il-każ, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ semmiet espressament, diversi drabi, l-eżerċizzju minn UG ta’ attivitajiet sindakali, peress li l-eżempji mogħtija f’dan ir-rigward minn UG jixhdu diskriminazzjoni kostanti li din kienet ġarrbet min-naħa tas-superjur ġerarkiku tagħha.

72

L-interpretazzjoni, adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 173 et seq tas-sentenza appellata, li uffiċjal jew membru tal-persunal li jibbenefika minn kollokament sindakali sa 50 % tal-ħin tax-xogħol għandu, konformement mal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, jikseb awtorizzazzjoni minn qabel tas-superjur ġerarkiku tiegħu sabiex ikun assenti mis-servizz u jipparteċipa fil-laqgħat li għalihom huwa msejjaħ abbażi tal-mandat sindakali tiegħu jew tal-mandat tiegħu bħala rappreżentant tal-persunal, tmur kontra l-prinċipju ta’ indipendenza sindakali kif ukoll kontra l-prinċipju tal-ekwivalenza tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet sindakali mal-impjieg. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet sindakali, ipprojbita mill-Artikolu 14 tal-KEDB, moqri flimkien mal-Artikolu 11 tagħha.

73

Fil-fatt, dan iwassal sabiex l-eżerċizzju tal-funzjonijiet sindakali tar-rappreżentant tal-persunal ikun suġġett għall-interess tas-servizz kif evalwat mis-superjur ġerarkiku. Madankollu, huwa dan tal-aħħar li għandu jorganizza x-xogħol fi ħdan id-dipartiment tiegħu billi jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li membru tat-tim tiegħu jokkupa funzjonijiet sindakali u għandu neċessarjament ikollu ż-żmien neċessarju għal dan l-għan.

74

UG iżżid li, sa fejn l-assenzi tagħha b’rabta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet sindakali tagħha kienu jinsabu fil-“calendar planning” tagħha, li kellu aċċess għalih is-superjur ġerarkiku tagħha, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 175 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża setgħet, mingħajr ma tikser ir-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, tibbaża ruħha fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza minn UG tal-obbligu li tinforma lis-superjuri tagħha fi żmien xieraq, qabel il-laqgħat sindakali, bil-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat, peress li tali motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza minn UG tal-kundizzjonijiet ta’ organizzazzjoni tas-servizz neċessarji għall-eżerċizzju tal-mandat li hija kienet inkarigata bih.

75

Din l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tmur kontra, minn naħa, ir-rekwiżiti minimi previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12 tal-Karta.

76

Il-Kummissjoni tirribatti li, permezz tat-tieni aggravju tagħha, UG tikkontesta l-fatti kif stabbiliti mill-Qorti Ġenerali mingħajr madankollu ma tallega u lanqas ma turi żnaturament tal-fatti. Dan l-aggravju huwa għalhekk inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)   Fuq l‑ammissibbiltà

77

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni aggravju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-aggravju, UG tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żbalji ta’ liġi. F’dan ir-rigward, UG tindika diversi drabi l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku t-talba għall-annullament ta’ din is-sentenza.

78

F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li t-tieni aggravju huwa inammissibbli.

b)   Fuq il‑mertu

79

Fil-punt 164 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li la mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas mill-atti tal-proċess ma jirriżulta li din id-deċiżjoni hija bbażata biss fuq il-kwalità ta’ membru tal-Kumitati tal-Persunal ta’ UG, indipendentement mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ rappreżentanza tal-persunal jew, b’mod iktar wiesa’, mill-attivitajiet sindakali tiegħu. Fil-punt 165 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali żiedet li mill-imsemmija deċiżjoni ma jirriżultax li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ikkunsidrat li l-mod kif l-appellanti eżerċitat, fid-data tal-adozzjoni tal-istess deċiżjoni, il-funzjonijiet tagħha ta’ rappreżentanta tal-persunal, jew b’mod iktar wiesa’, l-attivitajiet sindakali tagħha kienu jikkaratterizzaw aġir ta’ natura li jiġġustifika x-xoljiment tal-kuntratt tagħha minħabba inkompetenza professjonali.

80

Fir-rigward ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li jibbenefika minn kollokament għal skopijiet sindakali sa’ 50 % tal-ħin tax-xogħol, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal jobbliga lil tali uffiċjal jew membru tal-persunal jikseb awtorizzazzjoni minn qabel tas-superjur ġerarkiku tiegħu sabiex ikun assenti mis-servizz u jipparteċipa fil-laqgħat li għalihom huwa jissejjaħ skont il-mandat sindakali tiegħu jew skont il-mandat tiegħu ta’ rappreżentant tal-persunal. Fil-fatt, dan l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma huwiex suġġett għal deroga ħlief fil-każ ta’ mard jew ta’ inċident, u mhux fil-każ ta’ parteċipazzjoni fir-rappreżentanza sindakali tal-persunal jew fil-laqgħat ta’ korp rappreżentattiv.

81

Fil-punt 175 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża setgħet, mingħajr ma tikser ir-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, tibbaża ruħha fuq il-motiv li jirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza minn UG tal-obbligu li tinforma lis-superjuri tagħha fi żmien xieraq, qabel il-laqgħat tal-Kumitati tal-Persunal li tagħhom hija kienet membru, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat, peress li tali motiv ma huwiex ibbażat fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha ta’ rappreżentant tal-persunal, iżda fuq in-nuqqas ta’ osservanza minn UG tal-kundizzjonijiet ta’ organizzazzjoni tad-dipartiment neċessarji għall-eżerċizzju tal-mandat mogħti lilha.

82

Sa fejn, permezz tat-tieni aggravju tagħha, UG tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal adottata mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu, ħlief fil-każ ta’ mard jew ta’ inċident, l-uffiċjal ma jistax ikun assenti mingħajr ma jkun ġie awtorizzat minn qabel mis-superjur ġerarkiku tiegħu.

83

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali tirreferi, fir-raġunament tagħha, għal dan l-artikolu, li jikkonċerna r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni tas-superjur ġerarkiku u mhux id-dmir ta’ informazzjoni ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-attivitajiet li għandhom bħala konsegwenza l-assenza tal-uffiċjal. Min-naħa l-oħra, fil-punt 174 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 3588 final tas‑27 ta’ Mejju 2011 dwar ir-riżorsi umani u finanzjarji allokati lill-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jipprovdi li kull assenza sabiex jitwettqu attivitajiet sindakali għandha tiġi kkomunikata minn qabel bil-miktub mill-persuna kkonċernata lis-superjuri tagħha fi żmien xieraq.

84

Sabiex jiġi eżaminat jekk is-soluzzjoni adottata fis-sentenza appellata hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali jgawdu mid-dritt ta’ assoċjazzjoni u jistgħu b’mod partikolari jkunu membri ta’ organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali ta’ uffiċjali Ewropej.

85

Barra minn hekk, kif jirriżulta mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa, il-funzjonijiet imwettqa mill-membri tal-Kumitat tal-Persunal u mill-uffiċjali maħtura minn dan il-kumitat f’korp stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal jew mill-istituzzjoni huma kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mis-servizzi li huma obbligati jiżguraw fl-istituzzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-persuna kkonċernata ma tistax issostni dannu minħabba l-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet.

86

F’dan il-każ, il-motiv tat-tkeċċija ta’ UG adottata fid-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ibbażata fuq il-projbizzjoni, għal din tal-aħħar, li tipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitati tal-Persunal, li tagħhom hija kienet membru, li seta’ jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tagħha previsti mir-Regolamenti tal-Persunal. Dan il-motiv, kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, kien jikkonċerna l-obbligu, miksur minn UG, li tinforma lis-superjuri tagħha fi żmien xieraq, qabel l-imsemmija laqgħat, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fihom.

87

Issa, dan l-obbligu ma jqiegħedx inkwistjoni l-parti essenzjali tad-drittijiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal previsti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.

88

Peress li l-argumenti ta’ UG imqajma fil-kuntest tat-tieni aggravju ma humiex iġġustifikati, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C. Fuq it‑tielet aggravju

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

89

It-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, jinqasam, essenzjalment, f’ħames partijiet.

90

Permezz tal-ewwel parti, UG tallega, minn naħa, li, billi ddeċidiet, fil-punti 187 sa 190 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward tax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt għal żmien indeterminat, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u li żball jista’ jiġi kklassifikat bħala “manifest” biss meta dan jista’ jiġi identifikat b’mod evidenti, il-Qorti Ġenerali ppreġudikat l-effettività tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja.

91

Minn din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-preżunzjoni ta’ legalità marbuta mal-atti tal-Kummissjoni hija inkonfutabbli, minkejja r-rekwiżit ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

92

UG tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali li ma laqgħatx it-talba tagħha li tadotta l-miżuri istruttorji neċessarji.

93

Hija tippreżenta, f’dan ir-rigward, elementi fattwali li jsostnu, fil-fehma tagħha, il-konklużjoni li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet immotivata mit-teħid tal-leave parentali tagħha u mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet sindakali tagħha.

94

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tul tat-trattament mill-Qorti Ġenerali ta’ din il-kawża, UG tosserva li għaddiet sena bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub jew tal-fażi orali tal-proċedura u l-għoti tas-sentenza appellata, mingħajr ma ġiet adottata ebda miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura matul din il-proċedura. It-tul totali tal-proċeduri kollha inkwistjoni huwa ta’ iktar minn sitt snin, li jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ minn qorti f’terminu raġonevoli, stabbilit mill-KEDB u mill-Karta, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża.

95

Għaldaqstant, UG tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tislet il-konsegwenzi ta’ dan il-ksur, b’mod partikolari billi taqleb l-oneru tal-prova tan-natura illegali tad-deċiżjoni kontenzjuża.

96

Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet aggravju, UG issostni li d-dritt għal smigħ tagħha, previst fl-Artikolu 51(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ġie miksur.

97

F’dan il-każ, UG kellha biss tmint ijiem sabiex tibgħat l-osservazzjonijiet tagħha lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni kontenzjuża, u dan ma ppermettix li jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża tagħha.

98

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali adottat, fil-punti 68 sa 70 tas-sentenza appellata, approċċ purament formali tad-dritt għal smigħ billi ma teħtieġx li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tinvestiga l-fajl b’mod serju.

99

Barra minn hekk, UG tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli “qalbet” l-oneru tal-prova meta ddeċidiet li hija UG li kellha tipproduċi provi supplimentari, mingħajr ma ġiet mistiedna tagħmel dan mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ. Issa, fid-dawl tan-natura ddettaljata tal-ittra tat‑30 ta’ Settembru 2016, imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, UG tikkunsidra li hija l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ li għandha tfittex id-dokumenti ta’ sostenn rilevanti.

100

Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju, UG issostni li, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni restrittiva wisq tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta ddeċidiet li ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

101

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dawn l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati jispeċifikaw il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi rilevanti fil-motivazzjoni tal-atti tagħhom, iżda biss li r-rekwiżit ta’ preċiżjoni għandu jiġi fformulat skont in-natura tal-att ikkontestat.

102

Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddeterminatx il-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, fid-dawl tan-natura ta’ dan l-att, tal-impatt tiegħu fuq is-sitwazzjoni professjonali tad-destinatarju kif ukoll tal-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jikkontesta l-motivi tat-tkeċċija.

103

Il-Kummissjoni ma tistax tippreżenta raġunijiet vagi u mhux iddettaljati insostenn tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tagħha, fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv kif ukoll tal-protezzjoni kontra t-tkeċċijiet mhux iġġustifikati prevista fl-Artikolu 30 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tagħha.

104

F’dan ir-rigward, UG issostni li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ kienet ikkuntentat ruħha li ssemmi numru kbir ħafna ta’ akkużi fformulati b’mod vag, li ma kinux sostnuti minn elementi fattwali preċiżi u konkreti.

105

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ kienet irreferiet għal madwar għoxrin ċirkustanza ddettaljata fl-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, li kienu relatati mal-aġir ta’ UG matul is-snin 2013 sa 2016.

106

Fil-fatt, minn din l-ittra ma jirriżulta ebda eżempju konkret tal-aġir ta’ UG u l-ebda data ta’ tali aġir.

107

Fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, UG jirreferi għall-punt 241 tas-sentenza appellata, li minnu jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn dan kien jikkonċerna t-trażmissjoni tardiva ta’ ċertifikati mediċi għall-assenzi tas‑7 ta’ Mejju u tas‑16 ta’ Ġunju 2014 kif ukoll allegata assenza mhux iġġustifikata tat‑18 ta’ Ġunju 2014.

108

Issa, skont UG, sabiex jiġi vverifikat jekk id-drittijiet tad-difiża tagħha kinux ġew irrispettati, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tinvoka t-trażmissjoni tardiva ta’ ċertifikati mediċi kif ukoll assenzi mhux iġġustifikati iktar minn sentejn wara li seħħew, u dan iktar u iktar peress li dawn l-avvenimenti ma kinux imsemmija fir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ UG stabbilit għas-sena 2014.

109

Fir-rigward tat-tardività tat-trażmissjoni minn UG taċ-ċertifikati mediċi, UG issostni li kienet il-Kummissjoni li kellha tippreċiża dan il-motiv. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qalbet, fil-punti 246 u 253 tas-sentenza appellata, l-oneru tal-prova billi qiegħdet lil UG f’sitwazzjoni fejn il-prova mitluba tkun kważi impossibbli jew estremament diffiċli li tiġi prodotta.

110

Permezz tal-ħames parti tat-tielet aggravju, UG tallega li, billi ddikjaratha, fil-punt 265 tas-sentenza appellata, prekluża milli tikkontesta r-rapport ta’ evalwazzjoni 2015, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħha għal smigħ xieraq.

111

Sa fejn ir-rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit għas-sena 2014 u r-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 ikkonkludew li r-rendiment professjonali ta’ UG huwa sodisfaċenti, hija ma setgħetx tistenna li dawn ir-rapporti jiġu invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika t-tkeċċija tagħha.

112

Fir-rigward tar-rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit għas-sena 2016, UG tirrileva li l-proċedura ta’ tkeċċija inkwistjoni nbdiet saħansitra qabel ma skada t-terminu għall-preżentata ta’ rikors fir-rigward ta’ dan ir-rapport.

113

UG tikkontesta wkoll il-punt 273 tas-sentenza appellata li jsemmi n-nuqqas ta’ involviment tagħha fil-gruppi ta’ ħidma li hija kienet membru tagħhom.

114

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt ta’ UG għal smigħ xieraq billi pproċediet, fil-punti 278 sa 286 tas-sentenza appellata, sabiex taqleb b’mod inkonfutabbli l-oneru tal-prova fir-rigward tal-preparazzjoni tal-ġurnal taċ-ċentru polivalenti tat-tfal.

115

F’dan ir-rigward, UG kienet f’pożizzjoni li tipproduċi l-prova li l-imsemmi ġurnal intbagħat fit‑22 ta’ Jannar 2016, peress li l-posta elettronika li tikkonċernah waslet għand id-destinatarju biss fit‑18 ta’ Lulju 2016 minħabba problema informatika.

116

Fir-rigward tal-motiv ta’ tkeċċija bbażat fuq in-nuqqas ta’ trażmissjoni minn UG tat-tabella ta’ azzjonijiet edukattivi, hija ssostni li, fil-mument tat-talba għat-trażmissjoni tal-imsemmija tabella, is-superjur ġerarkiku tagħha kien jaf bl-intenzjoni ta’ UG li tieħu leave parentali għall-perijodu mix-xahar ta’ Lulju sax-xahar ta’ Settembru 2016. Għaldaqstant, din it-talba saret biss sabiex tagħmel ħsara lil UG.

117

Il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)   Fuq l‑ammissibbiltà

118

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tielet aggravju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-aggravju, UG tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, b’mod partikolari li wettqet żbalji ta’ liġi. F’dan ir-rigward, UG tindika diversi drabi l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku t-talba għall-annullament ta’ din is-sentenza.

119

F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li t-tielet aggravju huwa ammissibbli.

b)   Fuq il‑mertu

1) Fuq l‑ewwel parti

120

Għandu jitfakkar li, fil-punt 187 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fir-rigward tax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju jew ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ għandha, konformement mal-Artikolu 47(c)(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u fl-osservanza tal-avviż tat-temm ta’ impjieg previst fil-kuntratt, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu, għalhekk, ikun limitat għall-verifikazzjoni tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin ta’ poter.

121

Fil-fatt, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 1955, Kergall vs L‑Assemblea Komuni (1/55, EU:C:1955:9, p. 23), il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-kompetenza professjonali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni taqa’ primarjament taħt ir-responsabbiltà tal-imsemmija istituzzjonijiet.

122

Fil-punt 189 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, f’dan il-kuntest, żball jista’ biss jiġi kklassifikat bħala “manifest” meta dan ikun jista’ jintwera b’mod evidenti, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur ried jissuġġetta l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi ppreżentati mill-appellanti, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ xorta tiġi ammessa bħala ġustifikata u koerenti

123

Fil-punt 190 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali żiedet, billi għamlet riferiment għas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata), li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu, għalhekk, effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità.

124

F’dan ir-rigward, minn naħa, kif tfakkar fil-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fis-sentenza appellata, l-illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ma setgħetx tinvoka d-dati tal-leave parentali mitluba bħala li jikkostitwixxu waħda mir-raġunijiet ta’ tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali, filwaqt li kkunsidrat li l-konstatazzjoni globali tal-inkompetenza professjonali tagħha kienet ibbażata fuq diversi motivi, li kienu distinti mill-imsemmi motiv. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-imsemmija illegalità ma tistax, waħedha, twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

125

Min-naħa l-oħra, għalkemm, fil-punti 218, 340 u 350 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata b’diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, hija madankollu qieset, fil-punti 360 u 361 tal-imsemmija sentenza, li din id-deċiżjoni tinkludi diversi motivi li l-illegalità tagħhom ma hijiex ipprovata u li huma suffiċjentement importanti sabiex isostnu l-konstatazzjoni globali tal-inkompetenza professjonali mwettqa mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ.

126

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-argument ta’ UG ibbażat fuq il-fatt li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ kellha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, minn naħa, huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, ma jistax jikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali sa fejn UG ma turix l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni oħra li bihom hija vvizzjata din id-deċiżjoni u li kellhom iwasslu għall-annullament tagħha.

127

Fir-rigward tal-fatt li UG tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma laqgħatx it-talba tagħha li tadotta l-miżuri istruttorji neċessarji, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-evalwazzjoni, mill-qorti tal-ewwel istanza, ta’ talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji mressqa minn parti f’tilwima, il-Qorti Ġenerali biss tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa r-rilevanza ta’ talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima u tan-neċessità li din issir (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Fleig vs SEAE,C‑446/19 P, EU:C:2020:918, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128

Fil-fatt, in-natura probatorja jew le tal-atti proċedurali taqa’ taħt l-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li ma hijiex suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar tirriżulta mid-dokumenti inklużi fil-proċess (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Fleig vs SEAE,C‑446/19 P, EU:C:2020:918, punt 54).

129

F’dan il-każ, sa fejn il-Qorti Ġenerali rreferiet, fis-sentenza appellata, għal diversi elementi tal-proċess li kellha quddiemha, u sa fejn UG ma tippreċiżax, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, kif il-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament fir-rigward ta’ dawn il-provi jew ir-raġunijiet li għalihom il-konstatazzjonijiet magħmula minnha huma materjalment ineżatti, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

130

Fir-rigward tat-tul tal-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, għalkemm in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni jista’ jagħti lok għal talba għad-danni permezz ta’ rikors ippreżentat mill-appellanti kontra l-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 268 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, dan ma jistax madankollu jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata fl-assenza ta’ indizju li t-tul tal-proċedura kien ikollu effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima (digriet tad‑29 ta’ Settembru 2022, CX vs Il‑Kummissjoni, C‑71/22 P, EU:C:2022:745, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131

Konsegwentement, fl-assenza ta’ kull indizju ta’ natura li jistabbilixxi li t-tul tal-proċedura kellu effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

132

Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala, parzjalment infondata, u parzjalment inammissibbli.

2) Fuq it‑tieni parti

133

Fil-punt 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, ċertament, it-terminu ta’ tmint ijiem ta’ xogħol mogħti lil UG sabiex tippreżenta osservazzjonijiet dwar l-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 seta’ jidher qasir fid-dawl tal-gravità tal-konsegwenzi li x-xoljiment tal-kuntratt tagħha kien jinvolvi fuq is-sitwazzjoni personali tagħha. Madankollu, il-Qorti Ġenerali rrilevat li UG kienet esprimiet ruħha dwar il-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża u li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħha, kif turi l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

134

Fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, għalkemm ir-rispett tad-dritt għal smigħ jeżiġi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippermettu lill-persuna kkonċernata minn att li jikkawżalha preġudizzju li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha, l-imsemmija istituzzjonijiet ma jistgħux madankollu jiġu obbligati jaderixxu magħha.

135

Fil-punt 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li UG tilmenta mill-fatt li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ma talbithiex, wara li rċeviet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tat‑30 ta’ Settembru 2016, tipproduċi dokumenti addizzjonali. Din il-qorti kkonstatat li, minn naħa, UG setgħet tipproduċi tali dokumenti bejn it‑30 ta’ Settembru u s‑17 ta’ Ottubru 2016, data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, u, min-naħa l-oħra, li UG la kienet tindika n-natura u lanqas is-suġġett ta’ dawn id-dokumenti addizzjonali li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ma kinitx taf bihom, b’tali mod li ma huwiex stabbilit li l-produzzjoni tal-imsemmija dokumenti setgħet teżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sens tad-deċiżjoni kontenzjuża.

136

Fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li UG kien tqiegħdet f’pożizzjoni li fiha tista’ ssostni b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ adottat l-imsemmija deċiżjoni.

137

Issa, minn naħa, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ma huwiex sostnut minn argument ta’ natura li juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u, min-naħa l-oħra, ma jidhirx li l-konklużjoni esposta mill-Qorti Ġenerali fil-punt 71 tas-sentenza appellata tikkostitwixxi żnaturament tal-elementi fattwali eżaminati minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022, KN vs KESE,C‑673/21 P, EU:C:2022:759, punt 103).

138

Konsegwentement, it‑tieni parti tat‑tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

3) Fuq it‑tielet parti

139

Fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meħtieġa wkoll mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta, għandha tiġi adattata skont in-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-aggravji invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punti 29 u 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

140

Wara li eżaminat, fil-punti 38 sa 47 tas-sentenza appellata, l-elementi fattwali differenti meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll ir-raġunament adottat fiha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 48 tal-imsemmija sentenza, li l-imsemmija deċiżjoni, li ttieħdet f’kuntest magħruf minn UG, esponiet kemm il-kunsiderazzjonijiet legali kif ukoll numru suffiċjenti ta’ fatti li kellhom importanza essenzjali fl-istruttura ta’ din id-deċiżjoni u li kienu jpoġġu lil UG f’pożizzjoni li tevalwa l-fondatezza u l-legalità tagħha.

141

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega UG, il-Qorti Ġenerali ppreżentat b’mod korrett ir-rekwiżiti, kif stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punt 139 ta’ din is-sentenza, dwar il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

142

Għaldaqstant, l-argument ta’ UG dwar il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

143

Fir-rigward tal-argumenti ta’ UG invokati fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet aggravju, li jirrigwardaw l-eżami tal-mertu tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz tagħhom, UG titlob, fir-realtà, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid l-evalwazzjoni fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali u għandhom, bħala tali, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

144

Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli.

4) Fuq ir‑raba’ parti

145

Ir-raba’ parti tat-tielet aggravju tirrigwarda l-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-assenzi allegatament irregolari ta’ UG.

146

Fil-punt 240 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, għalkemm UG issostni li hija dejjem ipprovdiet ċertifikat mediku fil-każ ta’ assenza minħabba raġunijiet ta’ saħħa, hija ma tindikax il-kawża tal-assenza tagħha mis-servizz fit‑18 ta’ Ġunju 2014 u ma tirreferi għal ebda dokument ippreżentat fil-proċedura li jista’ jiġġustifika din l-assenza.

147

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 241 tal-imsemmija sentenza, li l-argument ta’ UG ma jistax jikkontesta d-deċiżjoni li tikkonstata l-assenza irregolari tagħha tat‑18 ta’ Ġunju 2014, b’tali mod li l-ilment espost fir-rikors, sa fejn huwa dirett kontra l-motiv li jinsab fil-paġna 2(d) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

148

Fir-rigward tal-punti 246 u 253 tas-sentenza appellata, li għalihom UG tagħmel riferiment fl-appell tagħha, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-punt 244 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li UG ma kinitx ressqet ilment, konformement mal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2016 li permezz tagħha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ qieset li l-assenzi tagħha tat‑30 u tal‑31 ta’ Mejju 2016 ma kinux iġġustifikati.

149

Fil-punt 245 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żżid li UG ma tinvokax fatt ġdid u sostanzjali li jiġġustifika eżami mill-ġdid tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

150

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 246 tas-sentenza appellata, li l-argument ta’ UG intiż sabiex jikkontesta b’mod inċidentali l-imsemmija deċiżjoni kien inammissibbli sa fejn kien intiż li jikkontesta att li sar definittiv.

151

Fir-rigward tal-punt 253 tas-sentenza appellata, li jirrigwarda l-motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża bbażat fuq l-assenzi allegatament mhux iġġustifikati tas‑7 ta’ Mejju u tas‑16 ta’ Ġunju 2014, għandu jitfakkar li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li UG la tistabbilixxi u lanqas tallega li pprovdiet ċ-ċertifikati neċessarji għar-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni amministrattiva tagħha fi żmien qasir fid-dawl tal-iskadenza mogħtija lilha.

152

Issa, permezz tal-argumenti tagħha mqajma fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, UG tfittex, fir-realtà, li tikseb l-eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-punti msemmija fil-punti 146 sa 151 ta’ din is-sentenza.

153

Minn dan isegwi li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

5) Fuq il‑ħames parti

154

Fil-kuntest tal-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 263 tas-sentenza appellata, li, permezz tal-argument tagħha żviluppat fil-kuntest tat-tieni sal-ħames ilment tat-tielet parti tar-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żbalji ta’ fatt li jivvizzjaw il-motiv dwar l-involviment tal-appellanti fix-xogħol tagħha, kif espost quddiem il-Qorti Ġenerali, UG kienet qed tfittex li tikkontesta l-kontenut tal-evalwazzjoni kwalitattiva dwar l-effikaċja tal-appellanti, li jikkorrispondi għall-punt 3.1 tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2015, u, għaldaqstant, tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2015.

155

Fil-punt 264 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali madankollu kkonstatat li UG kienet ġiet informata bir-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 u li hija ma kinitx ikkontestat dan ir-rapport fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li kemm l-imsemmi rapport kif ukoll l-evalwazzjonijiet li jinsabu fih saru definittivi.

156

Fil-punt 265 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li UG ma tinvokax l-eżistenza ta’ element ġdid u sostanzjali sabiex jiġi stabbilit li hija ma kinitx prekluża milli tikkontesta r-rapport ta’ evalwazzjoni 2015.

157

Fil-punt 266 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, UG ma setgħetx tikkontesta r-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 b’mod inċidentali fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, li fir-rigward tagħha dan ir-rapport kellu rwol preparatorju.

158

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li r-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 sar definittiv fin-nuqqas ta’ rikors ippreżentat fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u li għalhekk UG ma hijiex fondata li ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli proċedurali u żnaturat il-proċess tal-kawża billi kkonstatat li dan ir-rapport ma setax jiġi kkontestat b’mod inċidentali fl-okkażjoni tar-rikors li kienet adita bih (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, WD vs EFSA,C‑167/20 P, EU:C:2021:516, punti 39 u 40).

159

Fir-rigward tal-punti 278 sa 286 tas-sentenza appellata, li fir-rigward tagħhom UG tikkritika il-qlib b’mod inkonfutabbli tal-oneru tal-prova, huwa biżżejjed li jitfakkar li, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-punti ta’ fatt imressqa minn UG fir-rikors tagħha u li permezz tagħhom hija kkontestat l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

160

Fil-punti 286 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li UG ma pproduċietx provi li jistgħu jikkontestaw dawk prodotti mill-Kummissjoni, li kien biss fit‑18 ta’ Lulju 2016 li hija bagħtet lill-membri tal-grupp ta’ ħidma “Ġurnal taċ-CPE” l-abbozz tal-ġurnal tal-Milied 2015, għall-konferma tiegħu.

161

Issa, l-argument ta’ UG żviluppat f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-ħames parti tat-tielet aggravju jikkostitwixxi, fir-realtà, kontestazzjoni tal-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali u għandu, bħala tali, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

162

L-istess jgħodd fir-rigward tal-argumenti l-oħra mressqa minn UG fil-kuntest tal-imsemmija parti tat-tielet aggravju.

163

Għaldaqstant, il-ħames parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli u, konsegwentement, it-tielet aggravju fl-intier tiegħu.

D. Fuq ir‑raba’ aggravju

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

164

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, UG issostni, essenzjalment, li, għall-finijiet tal-eżami tan-natura proporzjonali tat-tkeċċija tagħha, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din it-tkeċċija kienet immotivata mil-leave parentali ta’ UG, li din kienet tokkupa funzjonijiet sindakali u li hija ma kienet suġġetta għal ebda sanzjoni, peress li n-nuqqasijiet professjonali invokati fid-deċiżjoni kontenzjuża kienu minuri.

165

Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat. Din l-istituzzjoni żżid li dan l-aggravju huwa wkoll inammissibbli sa fejn huwa intiż sabiex tinkiseb sempliċi evalwazzjoni mill-ġdid tal-argumenti diġà ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

166

Għandu jitfakkar li, fil-punti 351 sa 381 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-deċiżjoni kontenzjuża u kkonkludiet li, billi adottatha, il-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

167

B’dan ikkonstatat, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 385 u 386 tal-imsemmija sentenza, iddeċidiet li, sa fejn id-deċiżjoni kontenzjuża ma kienet ivvizzjata b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, din kellha d-dritt li xxolji l-kuntratt għal żmien indeterminat ta’ UG u li, għaldaqstant, ma kien seħħ ebda ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

168

Issa, fil-kuntest tar-raba’ aggravju tagħha, UG ma tressaq ebda argument ta’ natura li jikkontesta din l-evalwazzjoni ġuridika tal-Qorti Ġenerali.

169

F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

E. Fuq it‑talba għall‑kumpens għad‑dannu

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

170

UG issostni li hija kienet ikkonkludiet ftehim bonarju mal-Kummissjoni dwar il-kumpens għad-dannu materjali tagħha. Fil-każ li dan il-ftehim ma jibqax applikabbli minħabba s-sentenza fl-appell, UG titlob li s-somma ta’ EUR 68000 tingħatalha ex æquo et bono, bħala kumpens għal dan id-dannu.

171

Barra minn hekk, UG titlob li tingħatalha s-somma ta’ EUR 40000 bħala kumpens għad-dannu morali tagħha. Din is-somma hija xierqa fid-dawl tat-tbatija psikoloġika mġarrba minħabba t-tkeċċija tagħha, li hija illegali.

172

F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-prekarjetà u d-dejn eċċessiv ta’ UG bħala konsegwenza tat-tkeċċija tagħha.

173

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ UG.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

174

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, insostenn tat-talbiet tagħha dwar il-kumpens għad-dannu materjali u morali tagħha, UG ma invokatx kapijiet ta’ illegalità li huma differenti minn dawk li hija kienet esponiet insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’dawn iċ-ċirkustanzi u peress li t-talbiet għal annullament kienu ġew miċħuda bħala infondati, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-talbiet għal kumpens kellhom ukoll jiġu miċħuda.

175

F’dan ir-rigward, sa fejn l-aggravji kollha invokati insostenn tal-appell ġew miċħuda u fejn, konsegwentement, is-sentenza appellata ma ġietx annullata, l-argumenti ta’ UG li permezz tagħhom din titlob il-kumpens għad-dannu subit għandhom ukoll jiġu miċħuda.

176

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

177

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

178

Peress li l-Kummissjoni talbet li UG tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tal-aggravji kollha tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

UG hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.