|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/2773 |
20.5.2025 |
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-4 ta’ April 2025
dwar l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni, ir-Regoli ta’ Proċedura, inklużi r-Regoli ta’ Proċedura dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-lista tal-membri tan-Network Ewropew tal-Operaturi ta’ Network għall-Idroġenu
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(C/2025/2773)
I. ĠENERALI
Ir-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedi fl-Artikolu 57(10) li l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi opinjoni lin-Networks Ewropej tal-Operaturi ta’ Networks għall-Idroġenu dwar l-abbozzi tal-istatuti, ir-regoli ta’ proċedura u l-lista tal-membri tagħhom.
Fit-30 ta’ Awwissu 2024, in-Network Ewropew tal-Operaturi ta’ Networks għall-Idroġenu (minn hawn ’il quddiem “ENNOH” (European Network of Network Operators for Hydrogen) ippreżenta l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni, ir-Regoli ta’ Proċedura, inklużi r-Regoli ta’ Proċedura dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-lista ta’ Membri tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (minn hawn ’il quddiem “ACER” (Agency for the Cooperation of Energy Regulators)).
Fit-18 ta’ Diċembru 2024, l-ACER adottat opinjoni dwar l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni (AoA, Articles of Association), ir-Regoli ta’ Proċedura (RoP, Rules of Procedure), inklużi r-Regoli ta’ Proċedura dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati (RoP CS, Rules of Procedure on consulting stakeholders) u l-lista ta’ membri, filwaqt li qieset l-eżitu ta’ konsultazzjoni pubblika u ppreżentat dik l-opinjoni lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru (minn hawn ’il quddiem “l-Opinjoni tal-ACER” (2)).
Filwaqt li tqis l-opinjoni tal-ACER tat-18 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni b’dan tipprovdi l-opinjoni li ġejja dwar il-lista tal-membri, l-istatuti u r-regoli proċedurali tal-ENNOH.
II. VALUTAZZJONI
II.1. Għan u Attivitajiet – l-Artikolu 4 tal-AoA
II. 1.1 Kontenut
L-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1789 jiddefinixxi l-objettivi tal-ENNOH, inklużi l-objettivi relatati mal-klima (l-Artikolu 57(6)). Fl-istess ħin, l-Artikolu 4(1) tal-AoA jiddefinixxi l-iskop tal-ENNOH u jirrifletti l-formulazzjoni tal-Artikolu 57(1) tar-Regolament (UE) 2024/1789 iżda jħalli barra l-obbligu li jiġu appoġġjati l-objettivi klimatiċi.
II. 1.2 Opinjoni tal-ACER
L-ACER tinnota li l-ommissjoni tal-objettivi relatati mal-klima mill-AoA hija inkonsistenza mar-Regolament (UE) 2024/1789 u tista’ tillimita b’mod mhux intenzjonat l-ambitu tal-attività tal-ENNOH. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati fil-konsultazzjoni pubblika tal-ACER enfasizzaw il-ħtieġa li l-għan u l-attivitajiet tal-ENNOH jiġu allinjati mal-għanijiet fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni u tas-sostenibbiltà tal-UE, inkluż li tiġi enfasizzata l-prijorità tal-idroġenu rinnovabbli u l-użu tiegħu f’setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati. Għalhekk, l-ACER tirrakkomanda li dawn l-objettivi jiżdiedu b’mod espliċitu mal-iskop tal-ENNOH definit fl-Artikolu 4(1) tal-AoA.
II.1.3 Opinjoni tal-Kummissjoni
L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2024/1789 jistabbilixxi prinċipji ċari għall-organizzazzjoni tas-swieq tal-idroġenu, inkluż l-objettivi relatati mal-klima (l-operazzjoni tas-suq u l-ippjanar tan-network għandhom, pereżempju, jipprijoritizzaw l-użu tal-idroġenu f’setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati u jiffaċilitaw l-ilħuq tal-miri tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija).
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 4 tal-AoA għandu jiġi modifikat biex ikun jinkludi objettivi relatati mal-klima.
II.2. Membri tal-Assoċjazzjoni – l-Artikoli 6 u 7 tal-AoA u l-Artikolu 2 tal-RoP
II. 2.1 Kontenut
L-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1789 jiddefinixxi li l-ENNOH għandu jikkonsisti minn operaturi tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu (minn hawn ’il quddiem “HTNO” (hydrogen transmission network operators)) iċċertifikati skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva (UE) 2024/1788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Il-leġiżlazzjoni tintroduċi wkoll dispożizzjonijiet tranżizzjonali li jqisu l-fatt li s-suq tal-idroġenu għadu fil-bidu tiegħu u għadu wkoll qed jiżviluppa. B’mod aktar preċiż, hija tistabbilixxi perjodu tranżitorju billi tiddikjara fl-Artikolu 57(3) li l-HTNOs huma eliġibbli biex isiru membri tal-ENNOH diġà fil-bidu tal-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni tagħhom imwettqa mill-awtorità regolatorja. Din is-sħubija hija soġġetta għal:
|
|
ċertifikazzjoni pożittiva sussegwenti f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1789 u mal-Artikolu 71 tad-Direttiva (UE) 2024/1788 imwettqa fi żmien 24 xahar minn meta ssir membru tal-ENNOH; u |
|
|
mill-anqas l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ infrastruttura tal-idroġenu b’deċiżjoni finali ta’ investiment fi żmien 4 snin minn meta ssir membru tal-ENNOH. |
Madankollu, l-Artikolu 7 tal-abbozz tal-AoA jestendi l-kriterji ta’ eliġibbiltà lil hinn minn dak li huwa stabbilit fil-leġiżlazzjoni, billi joħloq kategorija addizzjonali ta’ “membri fundaturi” u jiddikjara li l-“assoċjazzjoni ġiet stabbilita mill-membri fundaturi”. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(3) tal-abbozz tal-RoP jiddikjara li għall-membri fundaturi l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għandha titqies li nbdiet ladarba membru fundatur jippreżenta kopja ta’ talba li fiha jitlob lill-awtorità regolatorja biex tibda l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.
L-Istati Membri huma meħtieġa jittrasponu d-Direttiva (UE) 2024/1788, inkluż l-Artikolu 71 dwar iċ-ċertifikazzjoni, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fi żmien perjodu ta’ traspożizzjoni ta’ sentejn, li jintemm fil-5 ta’ Awwissu 2026. F’dan l-ambitu jidħol ukoll l-istabbiliment ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti s-setgħat meħtieġa lill-awtoritajiet regolatorji biex iwettqu l-proċess ta’ ċertifikazzjoni.
II. 2.2 Opinjoni tal-ACER
L-ACER tqajjem tliet kwistjonijiet ewlenin rigward is-sħubija fl-ENNOH.
L-ewwel nett, l-ACER tinnota li l-Artikolu 57(3) tar-Regolament (UE) 2024/1789 jeżiġi b’mod ċar li l-ENNOH irid ikun magħmul minn HTNOs iċċertifikati skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva (UE) 2024/1788. Dan ir-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni huwa implikat fl-abbozz tad-dokumenti statutorji. Madankollu, biex tiġi evitata kwalunkwe ambigwità, l-ACER tirrakkomanda l-użu ta’ lingwaġġ aktar ċar billi tiddikjara b’mod espliċitu fl-Artikolu 6(1) tal-AoA li l-membri tal-ENNOH iridu jiġu ċċertifikati skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva (UE) 2024/1788. L-ACER tirrakkomanda wkoll li fid-dokumenti statutorji jiġi ċċarat li, b’deroga mill-Artikolu 57(3) tar-Regolament (UE) 2024/1789, HTNO derogat mill-Artikolu 68 tad-Direttiva (UE) 2024/1788 dwar ir-rekwiżit ta’ separazzjoni huwa eliġibbli wkoll biex isir membru tal-ENNOH, skont il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 57(4) tar-Regolament.
It-tieni nett, l-ACER tinnota li l-ammissjoni tal-membri fundaturi fl-ENNOH bħala membri mingħajr il-bidu formali tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1789, iżda abbażi ta’ talba tal-kumpanija li tiġi ċċertifikata indirizzata lill-awtorità regolatorja nazzjonali skont il-liġi nazzjonali, timmina l-bażi legali għall-istabbiliment tal-ENNOH u tixħet dubju fuq il-leġittimità tar-riżultati tagħha. Dan jista’ jirriżulta fi sfidi fir-rigward tal-kredibbiltà u l-aċċettazzjoni tal-ħidma tal-ENNOH, peress li l-partijiet ikkonċernati jistgħu jistaqsu jekk l-istabbiliment tal-assoċjazzjoni kienx legali fl-ewwel lok.
L-ACER tinnota wkoll li l-proċess propost fl-AoA u fl-RoP jiddependi ħafna fuq kif l-awtorità regolatorja twieġeb għat-talba biex tinbeda l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Peress li l-awtorità regolatorja jaf għad ma għandhiex il-kompetenza legali li tipproċessa talbiet bħal dawn qabel ma d-Direttiva tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali, x’aktarx dawn it-talbiet jitqiesu inammissibbli.
L-ACER tindika wkoll ir-riskju li l-membri fundaturi jistgħu jitilfu s-sħubija tagħhom jekk ikunu għadhom ma ġewx iċċertifikati fi żmien sentejn wara li jingħaqdu mal-ENNOH bħala membri. Fil-fehma tal-ACER, dan ir-riskju mhuwiex insinifikanti, minħabba li l-Istati Membri għandhom sal-5 ta’ Awwissu 2026 biex jittrasponu d-Direttiva. Dan l-approċċ jirriskja wkoll li jipposponi biss it-tħassib dwar il-bidu ta’ funzjonament effettiv u bla xkiel tal-ENNOH għal Awwissu 2026.
Għalhekk, l-ACER tippreżenta approċċ alternattiv u prammatiku, li jikkonsisti minn traspożizzjoni parzjali iżda espedjenti tad-Direttiva fl-Istati Membri, iffukata fuq ir-regoli nazzjonali neqsin dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-HTNO. Filwaqt li tneħħi t-tħassib legali msemmi hawn fuq, l-ACER tifhem, madankollu, li l-inizjattiva għal soluzzjoni bħal din mhijiex f’idejn l-ENNOH u l-membri tiegħu.
L-ACER tirrikonoxxi li d-differenza fiż-żmien bejn ir-rekwiżiti għall-istabbiliment tal-ENNOH u t-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2024/1788 fil-livell nazzjonali ħolqot sfida sinifikanti għall-funzjonament effettiv tal-ENNOH matul dan il-perjodu inizjali. Fil-fehma tal-ACER, l-abbozz tad-dokumenti statutorji jindirizza din il-problema billi jimmira li joffri soluzzjoni prattika biex jappoġġja l-istabbiliment f’waqtu tal-ENNOH, mingħajr ma jkun ristrett mill-perjodu ta’ sentejn ipprovdut lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet marbuta maċ-ċertifikazzjoni tad-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.
It-tielet nett, l-ACER tidentifika wkoll ir-riskju li t-traspożizzjoni tad-Direttiva tista’ tipproċedi b’veloċitajiet differenti minn Stat Membru għal ieħor, u dan jista’ jwassal għal rappreżentanza reġjonali mhux uniformi tal-operaturi fi ħdan l-ENNOH fil-fażi inizjali, li potenzjalment tikkomprometti n-natura rappreżentattiva tal-metodi ta’ ħidma tal-ENNOH, kif maħsub mil-leġiżlatur tal-UE (4).
Għalhekk, l-ACER tirrakkomanda li l-membri tal-ENNOH itaffu tali riskju jekk dan jimmaterjalizza billi jikkollaboraw, kemm jista’ jkun, ma’ membri prospettivi li għadhom ma jistgħux jingħaqdu iżda li huma mistennija jagħmlu dan fil-futur. Fil-fehma tal-ACER, dan jinkiseb l-aħjar billi l-membri prospettivi jiġu involuti b’mod proattiv fit-tħejjija tar-riżultati inizjali tal-ENNOH u filwaqt li jitqiesu l-interessi rilevanti kollha tal-idroġenu. L-ACER iżżid li tali kollaborazzjoni sseħħ barra mid-dispożizzjonijiet tad-dokumenti statutorji.
II.2.3 Opinjoni tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għandha diversi osservazzjonijiet fir-rigward tal-Artikoli 6 u 7 tal-abbozz tal-AoA u l-Artikolu 2 tal-abbozz tal-RoP.
L-ewwel nett, l-Artikolu 57(3) tar-Regolament (UE) 2024/1789 jeżiġi b’mod ċar li l-ENNOH irid ikun magħmul minn HTNOs iċċertifikati skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva (UE) 2024/1788. Il-Kummissjoni taqbel mal-ACER li fid-dokumenti statutorji hemm nieqsa referenza ċara għaċ-ċertifikazzjoni tal-HTNOs.
Biex tindirizza dan it-tħassib, il-Kummissjoni tirrakkomanda:
|
— |
l-użu ta’ lingwaġġ aktar ċar billi fl-Artikolu 6(1) tal-AoA jiġi ddikjarat b’mod espliċitu li l-membri tal-ENNOH iridu jiġu ċċertifikati skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva (UE) 2024/1788; u |
|
— |
kjarifika fid-dokumenti statutorji li, b’deroga mill-Artikolu 57(3) tar-Regolament (UE) 2024/1789, HTNO derogat mill-Artikolu 68 tad-Direttiva (UE) 2024/1788 dwar ir-rekwiżit ta’ separazzjoni huwa eliġibbli wkoll biex isir membru tal-ENNOH, skont il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 57(4) tar-Regolament. |
It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isfida għall-funzjonament effettiv tal-ENNOH fil-fażi inizjali, maħluqa mid-differenza fiż-żmien bejn ir-rekwiżiti għall-istabbiliment tal-ENNOH u t-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2024/1788 fil-livell nazzjonali. It-traspożizzjoni hija prerekwiżit għall-bidu u t-tkomplija taċ-ċertifikazzjoni tal-HTNOs mill-awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri.
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tqis li r-regoli fl-Artikoli 6 u 7 tal-abbozz tal-AoA u l-Artikolu 2 tal-abbozz tal-RoP huma differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1789, li jiddeskrivu b’mod ċar ir-rekwiżiti li l-operaturi tan-networks tal-idroġenu jridu jissodisfaw biex ikunu eliġibbli għas-sħubija fl-ENNOH. L-abbozzi tad-dokumenti statutorji jippruvaw jippermettu li l-membri fundaturi, jiġifieri l-kumpaniji li bħalissa qed joperaw bħala operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass fl-Istati Membri, ikunu jistgħu jsiru membri tal-ENNOH mingħajr ma jissodisfaw ir-rekwiżiti fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1789.
Il-Kummissjoni taqbel mal-ACER li traspożizzjoni parzjali u espedjenti tad-Direttiva li tiffoka fuq id-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-HTNOs toffri soluzzjoni alternattiva. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-inizjattiva għal soluzzjoni bħal din mhijiex tal-kumpaniji li jistabbilixxu l-ENNOH iżda tal-Istati Membri.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-abbozz tal-AoA, l-abbozz tal-RoP u l-abbozz tal-lista tal-membri jridu jiġu mmodifikati biex jiġi żgurat li l-membri kollha tal-ENNOH jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà, jiġifieri jkunu ċċertifikati jew ikunu bdew il-proċess ta’ ċertifikazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1789.
It-tielet nett, il-Kummissjoni taqbel mal-ACER li t-traspożizzjoni tad-Direttiva tista’ tipproċedi b’veloċitajiet differenti minn Stat Membru għal ieħor, u dan jista’ jwassal għal rappreżentanza reġjonali mhux uniformi tal-operaturi fl-ENNOH fil-fażi inizjali, li potenzjalment tikkomprometti n-natura rappreżentattiva tal-metodi ta’ ħidma tal-ENNOH, kif ifformulat fil-Premessa (78) tar-Regolament (UE) 2024/1789.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-ENNOH biex jikkollabora, kemm jista’ jkun, ma’ dawk l-HTNOs li huma membri prospettivi u li mistennija jingħaqdu mal-ENNOH fil-futur qrib. Peress li tali kollaborazzjoni sseħħ barra mid-dispożizzjonijiet tad-dokumenti statutorji, din ma teħtieġx bidliet fl-abbozz tal-AoA jew tal-RoP. Fl-istess ħin, l-ENNOH għandu jaġixxi b’mod indipendenti u li jipprovdi t-trasparenza meħtieġa biex jippermetti żvilupp u tħaddim kosteffiċjenti tan-network futur tal-pipelines tal-idroġenu tal-UE.
Il-Kummissjoni tinnota li skont l-Artikolu 57(5) tar-Regolament (UE) 2024/1789, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jinnominaw entità bħala sieħeb assoċjat fi ħdan l-ENNOH. Dan jiffaċilita l-inklużjoni formali tal-membri prospettivi fl-iżvilupp tar-riżultati inizjali tal-ENNOH, billi jipprovdilhom rwol definit sew u strutturat sakemm titlesta ċ-ċertifikazzjoni HTNO tagħhom.
II.3. Żieda ta’ membri ġodda u trasferiment ta’ sħubija – l-Artikoli 7 u 8 tal-AoA
II. 3.1 Kontenut
L-Artikolu 7 tal-abbozz tal-AoA jiddikjara li l-Assemblea Ġenerali tal-ENNOH tiddeċiedi dwar l-ammissjoni ta’ membri ġodda. Barra minn hekk, l-Assemblea Ġenerali għandha d-diskrezzjoni li tirrifjuta applikazzjoni għas-sħubija, dment li d-deċiżjoni tagħha tkun iġġustifikata, madankollu mingħajr ma tiddeskrivi l-kriterji għar-rifjut tal-applikazzjoni.
Bl-istess mod, l-Artikolu 8 tal-abbozz tal-AoA jawtorizza lill-Assemblea Ġenerali tiddeċiedi dwar talba għal trasferiment tas-sħubija lil entità li tissodisfa l-kriterji tas-sħubija tal-ENNOH. L-Assemblea Ġenerali għandha tieħu tali deċiżjoni abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Bord tal-ENNOH. Madankollu, l-AoA ma jistabbilix kriterji bħala bażi għal tali deċiżjoni.
II. 3.2 Opinjoni tal-ACER
L-ACER tesprimi tħassib dwar is-setgħat diskrezzjonali mogħtija lill-Assemblea Ġenerali tal-ENNOH fl-ammissjoni ta’ membri ġodda jew fid-deċiżjoni dwar it-trasferimenti tas-sħubija, b’mod partikolari l-possibbiltà li jiġi rrifjutat HTNO tal-UE għal raġunijiet għajr in-nuqqas li jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà tas-sħubija deskritti fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1789.
Fil-fehma tal-ACER dan jista’ jikkontradixxi l-Artikolu 57(1) tar-Regolament, li jeżiġi li l-HTNOs kollha jikkooperaw fil-livell tal-Unjoni permezz tal-ENNOH u jqiegħed membri ġodda fi żvantaġġ meta mqabbla mal-membri fundaturi.
Għalhekk, l-ACER tirrakkomanda li d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali dwar l-ammissjoni ta’ membri ġodda u trasferimenti ta’ sħubija tkun limitata għall-verifika li l-membri kandidati jkunu HTNOs tal-UE skont it-tifsira tad-Direttiva u jkunu bdew il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni f’wieħed mill-Istati Membri. Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, l-Assemblea Ġenerali għandha taċċetta l-membri l-ġodda jew tippermetti trasferimenti mingħajr aktar diskrezzjoni.
II.3.3 Opinjoni tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni taqbel mal-ACER li jekk l-Assemblea Ġenerali tal-ENNOH tingħata d-diskrezzjoni li tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għas-sħubija u t-trasferimenti tas-sħubija, l-HTNOs tal-UE jaf isibuha diffiċli jissodisfaw l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 57(1) tar-Regolament (UE) 2024/1789 li jikkooperaw fil-livell tal-Unjoni permezz tal-ENNOH.
Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Artikoli 7 u 8 tal-abbozz tal-AoA jinbidlu biex jiġi limitat ir-rwol tal-Assemblea Ġenerali tal-ENNOH dwar l-ammissjoni ta’ membri ġodda u t-trasferimenti ta’ sħubija biex jiġi vverifikat jekk il-kriterji tas-sħubija tal-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1789 humiex issodisfati.
II.4. Osservaturi – l-Artikolu 14 tal-AoA
II. 4.1 Kontenut
L-Artikolu 14 tal-abbozz ta’ AoA jiddikjara li l-ENNOH jista’ jkollu l-osservaturi. L-istatus ta’ osservatur jista’ jingħata lil HTNO tal-UE li jkun ġie derogat minn ċerti rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2024/1788 mill-Istat Membru tiegħu, lil entitajiet li jiffunzjonaw bħala HTNOs f’pajjiżi mhux tal-UE li huma jew partijiet għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija jew għall-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA, European Free Trade Association).
L-osservaturi jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-ENNOH, b’ċerti restrizzjonijiet. Skont l-Artikolu 14(3) tal-abbozz tal-AoA, huma jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali, madankollu mingħajr drittijiet tal-vot, u jistgħu jipparteċipaw ukoll fil-gruppi ta’ ħidma tal-ENNOH, sal-punt permess mill-Bord.
II. 4.2 Opinjoni tal-ACER
L-ACER tirrikonoxxi l-valur tal-għoti ta’ status ta’ osservatur lil entitajiet minn pajjiżi bi ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-UE, b’mod partikolari minn dawk il-pajjiżi li diġà ttrasponew jew jinsabu fil-proċess li jittrasponu t-tielet pakkett dwar l-enerġija, peress li dawn il-pajjiżi x’aktarx jittrasponu wkoll il-qafas legali l-ġdid tal-UE għall-idroġenu fil-futur. Madankollu, għall-istess raġuni, l-ACER temmen li l-pajjiżi li la japplikaw u lanqas ma jippjanaw li jadottaw u japplikaw l-acquis rilevanti tal-UE dwar l-enerġija ma għandhomx jitħallew jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tal-ENNOH jew jikkontribwixxu għar-riżultati tiegħu permezz ta’ osservaturi. L-ACER iżżid li biex tikkoopera mal-operaturi tan-network minn pajjiżi terzi, l-ENNOH jista’ jikkonkludi ftehimiet bilaterali, kif deskritt fl-Artikolu 26 tal-abbozz tal-RoP. Dawn il-ftehimiet jippermettu l-iskambju tal-informazzjoni meħtieġa u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet, mingħajr ma jagħtu aċċess għall-istrutturi interni tal-ENNOH.
L-ACER tirrakkomanda li l-istatus ta’ osservatur jiġi limitat għall-impriżi li jaġixxu bħala HTNOs minn pajjiżi terzi li huma jew partijiet għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija jew għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).
II.4.3 Opinjoni tal-Kummissjoni
L-ENNOH se jkollu kompiti speċifiċi skont ir-Regolament (UE) 2024/1789. Għaldaqstant, il-partijiet ikkonċernati biss, inklużi l-operaturi tan-networks tal-idroġenu, minn pajjiżi terzi li japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE għandhom ikunu eliġibbli jipparteċipaw fit-twettiq ta’ dawk il-kompiti, anke bħala osservaturi. Il-Kummissjoni taqbel mal-ACER u tħeġġeġ l-emendar tal-abbozz tal-AoA biex jiġi limitat l-istatus ta’ osservatur għall-impriżi li jaġixxu bħala HTNOs minn pajjiżi terzi li huma jew partijiet għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija jew għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).
Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll li fid-dokumenti statutorji jiġu ċċarati r-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-osservaturi fl-Assemblea Ġenerali, fil-Bord u fl-istrutturi ta’ ħidma tal-ENNOH (eż. gruppi ta’ ħidma). Tali regoli għandhom jevitaw li l-osservaturi jkollhom influwenza mhux mixtieqa fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ENNOH, filwaqt li jitqies li r-rwol primarju tal-ENNOH huwa li jwettaq il-mandati tal-UE u jippromwovi l-objettivi tal-UE. Dan għandu jinkludi t-tisħiħ tal-qafas ta’ kunfidenzjalità għall-osservaturi u r-regoli dwar il-ġestjoni tal-aċċess tal-osservaturi għall-informazzjoni (tipi ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-osservaturi) biex jiġi evitat li tiġi żvelata informazzjoni li tista’ tikkomprometti l-interessi tal-UE.
II.5. Kompożizzjoni tal-Bord
II. 5.1 Kontenut
L-Artikolu 29 tal-abbozz tal-AoA jippermetti li jiġu eletti massimu ta’ 17-il membru tal-Bord. L-elezzjoni tal-Bord tikkonsisti fi proċess fi tliet stadji, li jinkorpora siġġijiet assenjati minn qabel biex jiġu ppremjati l-Istati Membri li jinvestu fl-idroġenu. Madankollu, bl-elezzjoni tal-Bord, l-Assemblea Ġenerali hija meħtieġa tikkunsidra r-rappreżentanza bbilanċjata tal-HTNOs. Il-kriterju fl-abbozz tal-AoA, imtenni fl-abbozz tal-RoP, jobbliga lill-Assemblea Ġenerali tagħmel enfasi qawwija fuq il-kisba ta’ bilanċ reġjonali ekwu u raġonevoli fost il-membri meta jiġu magħżula l-President, il-Viċi Presidenti u l-membri tal-Bord, kif ukoll tiżgura rappreżentanza ġusta u raġonevoli tal-HTNOs minn Stati Membri iżgħar.
Barra minn hekk, l-Artikolu 16(2) tal-abbozz tal-RoP jiddikjara li l-kandidati għall-membri tal-Bord, il-Viċi Presidenti u l-President, għandhom jintgħażlu minn fost l-impjegati tal-HTNOs membri, jew tal-kumpaniji omm intitolati li jirrappreżentaw legalment lill-HTNO membru.
II. 5.2 Opinjoni tal-ACER
L-ewwel nett, l-ACER tinnota li l-prinċipju tal-bilanċ reġjonali għandu l-għan li jimponi restrizzjoni fuq is-sistema fi tliet stadji, billi jeżiġi li l-allokazzjoni tas-siġġijiet assenjati minn qabel ma twassalx biex ir-reġjuni jiksbu aktar siġġijiet mill-ammont ġustifikat minn distribuzzjoni reġjonali ekwa u raġonevoli. L-ACER iżżid li filwaqt li l-proċess elettorali fi tliet stadji mfassal biex jippremja lil dawk li jidħlu l-ewwel huwa deskritt b’mod ċar fid-dokumenti statutorji, l-impatt speċifiku tal-prinċipju tal-bilanċ reġjonali fuq il-mekkaniżmu elettorali u tal-votazzjoni għadu mhux ċar.
Biex tissaħħaħ it-trasparenza, l-ACER tirrakkomanda l-elaborazzjoni dwar dan l-aspett jew fid-dokumenti statutorji nfushom jew, mill-inqas, f’dokument ta’ gwida aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati kif meħtieġ. Jekk jittieħed l-approċċ tal-aħħar, id-dokument ta’ gwida u kwalunkwe reviżjoni sussegwenti għandhom jiġu rrapportati lill-ACER u lill-Kummissjoni kif jiġu adottati.
It-tieni nett, l-ACER tqis ukoll li huwa raġonevoli li l-erba’ siġġijiet allokati lill-Istati Membri minn ta’ quddiem ikunu limitati fiż-żmien u se jiskadu hekk kif tiġi introdotta sistema alternattiva li mbagħad tippremja lil dawn l-Istati permezz tar-riallokazzjoni tal-voti fl-Assemblea Ġenerali (l-hekk imsejjaħ fattur tas-sinifikat tal-grilja stabbilit fl-Artikolu 24(5) u (6) tal-abbozz tal-AoA u l-Artikolu 13 tal-abbozz tal-RoP). Filwaqt li l-ACER tirrikonoxxi li d-daqs tal-kostijiet tal-investiment u l-inċertezza dwar l-evoluzzjoni futura tas-suq tal-idroġenu jistgħu jitqiesu biex tiġi permessa durata itwal tas-siġġu garantit abbażi ta’ dawn il-fatturi, għad għandha d-dubji tagħha jekk tali siġġu għandux jiġi ggarantit fuq bażi permanenti. Għalhekk, l-ACER tirrakkomanda li tipprevedi b’mod espliċitu reviżjoni futura ta’ din ir-regola.
II.5.3 Opinjoni tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isfida li tiġi bbilanċjata l-ħtieġa għal bilanċ reġjonali ekwu u raġonevoli fost il-membri meta jiġu biex jintgħażlu l-President, il-Viċi Presidenti u l-membri tal-Bord kif ukoll li tiġi żgurata rappreżentanza ġusta u raġonevoli tal-HTNOs minn Stati Membri iżgħar minn naħa waħda, filwaqt li jiġu ppremjati l-Istati Membri minn ta’ quddiem fid-dawl tal-inċertezza tal-iżvilupp tas-suq futur tal-idroġenu min-naħa l-oħra. Il-proċess tal-elezzjoni tal-Bord huwa taqsima ewlenija tad-dokumenti statutorji tal-ENNOH fejn dan l-isforz isir evidenti.
Filwaqt li tqis l-opinjoni tal-ACER, il-Kummissjoni tirrakkomanda li d-dokumenti statutorji jiġu emendati biex:
|
— |
jipprovdu aktar trasparenza, billi jelaboraw dwar l-impatt speċifiku tal-prinċipju tal-bilanċ reġjonali fuq il-mekkaniżmu tal-elezzjoni u tal-votazzjoni fid-dokumenti statutorji jew f’dokumenti oħra aċċessibbli għall-pubbliku; kull dokument ta’ dan it-tip u l-emendi tiegħu għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni u lill-ACER; u |
|
— |
jipprevedu reviżjoni futura tar-regoli dwar is-siġġijiet tal-Bord allokati minn qabel bl-għan li dawn jiġu eliminati gradwalment ladarba jiġi introdott il-fattur tas-sinifikat tal-grilja. |
II.6. Emendi tad-dokumenti statutorji – l-Artikoli 47 u 50 tal-AoA
II. 6.1 Kontenut
L-Artikolu 57(8) tar-Regolament (UE) 2024/1789 jistabbilixxi li l-HTNOs għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-ACER kwalunkwe abbozz ta’ emenda tal-istatuti, il-lista tal-membri jew ir-regoli ta’ proċedura, inkluż ir-regoli ta’ proċedura dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proċess tal-għoti ta’ dawn l-opinjonijiet huwa dettaljat fl-Artikolu 57(9)–(12) tar-Regolament (UE) 2024/1789 u huwa l-istess bħal dak għall-adozzjoni tad-dokumenti statutorji tal-ENNOH.
L-Artikolu 47 tal-AoA li japplika għall-emenda tal-AoA u l-Artikolu 50 tal-abbozz tal-AoA li japplika għall-emenda tal-RoP jipprevedu li jekk l-ENNOH ma jirċevix l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi proposti fi żmien 7 xhur minn meta jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni u lill-ACER, l-ENNOH jassumi li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda oġġezzjoni u jipproċedi bl-approvazzjoni tal-emendi.
II. 6.2 Opinjoni tal-ACER
L-ACER tinnota li l-preżunzjoni tal-opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni mhijiex konformi mal-Artikolu 57(11) tar-Regolament (UE) 2024/1789. Ir-Regolament jeżiġi b’mod ċar li l-opinjoni favorevoli espliċita tal-Kummissjoni hija prerekwiżit għall-adozzjoni tal-emendi. Għalhekk, l-ACER tirrakkomanda li din il-preżunzjoni tiġi sostitwita b’rekwiżit li tinkiseb opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni.
II.6.3 Opinjoni tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni taqbel mal-ACER li l-Artikoli 47 u 50 tal-AoA mhumiex konformi mal-Artikolu 57(11) tar-Regolament (UE) 2024/1789. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li dawn l-Artikoli tal-abbozz tal-AoA jiġu emendati biex jiġi ċċarat li l-emenda tad-dokumenti statutorji kollha (b’mod partikolari l-istatut ta’ assoċjazzjoni, il-lista tal-membri u r-regoli ta’ proċedura, inklużi r-regoli ta’ proċedura dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati) trid tikseb l-opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni qabel ma l-emendi jkunu jistgħu jiġu adottati u d-dokumenti jkunu jistgħu jiġu ffinalizzati.
II.7. Tibdil fil-lista tal-membri
II. 7.1 Kontenut
L-Artikolu 57(8) tar-Regolament (UE) 2024/1789 jelenka l-lista tal-membri tal-ENNOH fost id-dokumenti statutorji li l-ENNOH għandha tissottometti għall-opinjoni tal-Kummissjoni u tal-ACER f’każ ta’ emenda.
L-abbozz tal-AoA jew tal-RoP ma jiddefinix b’mod ċar il-proċess għall-emendar tal-lista tal-membri u ma jindirizzax ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-ACER f’dan il-proċess. L-istatut ta’ assoċjazzjoni jiddikjara biss li l-Assemblea Ġenerali għandha d-diskrezzjoni li tieħu deċiżjonijiet jew azzjonijiet li jirriżultaw f’bidliet fil-lista tal-membri (l-ammissjoni ta’ membri ġodda fl-Artikolu 7(1) tal-AoA u l-Artikolu 2(2) tal-RoP, it-trasferiment tas-sħubija fl-Artikolu 8(1) tal-AoA, l-esklużjoni tal-membri fl-Artikolu 10(1) tal-AoA u l-Artikolu 4(1) tal-RoP, jew il-ġestjoni tar-riżenji fl-Artikolu 9 tal-AoA u l-Artikolu 3(3) tal-RoP).
II. 7.2 Opinjoni tal-ACER
L-ACER hija tal-fehma li l-ommissjoni tal-proċess għall-emendar tal-lista tal-membri mid-dokumenti statutorji tħalli dawn il-proċessi barra mill-qafas statutorju u dan joħloq inċertezza. Fil-fehma tal-ACER, dan huwa partikolarment ta’ tħassib minħabba l-fatt li l-istatuti jiddettaljaw b’mod espliċitu l-proċedura għall-emendar tal-AoA u tal-RoP (l-Artikoli 47 u 50 tal-abbozz tal-AoA), iżda ma jgħidu assolutament xejn dwar kif għandha tiġi aġġornata l-lista tal-membri. Għalhekk, l-ACER tirrakkomanda li fid-dokumenti statutorji jiġi ċċarat li l-bidliet fil-lista tal-membri, bħall-ammissjoni, it-trasferiment, ir-riżenja u l-esklużjoni, iridu jiġu ppreżentati kemm lill-ACER kif ukoll lill-Kummissjoni.
II.7.3 Opinjoni tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni taqbel mal-ACER li l-ommissjoni tar-regoli dwar l-emenda tal-lista tal-membri toħloq inċertezza. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-abbozzi tal-AoA u tal-RoP jiġu emendati biex jiġi ċċarat li l-emendi tal-lista tal-membri għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni u lill-ACER għal opinjoni u għandhom jirċievu l-opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni.
II.8. Ix-xoljiment tal-ENNOH – l-Artikolu 48 tal-AoA
II. 8.1 Kontenut
L-Artikolu 48 tal-abbozz tal-AoA jiddeskrivi kif ix-xoljiment tal-ENNOH jista’ jseħħ biss permezz ta’ proposta tal-Bord u jrid jiġi approvat mill-Assemblea Ġenerali, permezz ta’ vot b’maġġoranza speċjali u kworum ta’ żewġ terzi, u kif l-Assemblea Ġenerali tiddetermina l-metodu tax-xoljiment u tal-likwidazzjoni tiegħu.
II. 8.2 Opinjoni tal-ACER
L-ACER tenfasizza li r-Regolament (UE) 2024/1789 jeżiġi l-istabbiliment u l-eżistenza tal-ENNOH biex tiġi żgurata ġestjoni ottimali tan-network tal-idroġenu tal-UE u biex ikun jista’ jsir il-kummerċ u l-forniment tal-idroġenu bejn il-fruntieri tal-UE. Sabiex tiġi żgurata sorveljanza regolatorja adegwata, kif meħtieġ mir-Regolament, l-ACER tirrakkomanda li d-dokumenti statutorji jiddikjaraw b’mod espliċitu li kwalunkwe deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-ENNOH li xxolji l-assoċjazzjoni l-ewwel trid tirċievi l-opinjoni tal-ACER u tal-Kummissjoni, u li tali deċiżjoni ma tistax tipproċedi sakemm l-opinjoni tal-Kummissjoni ma tkunx favorevoli.
II.8.3 Opinjoni tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għandha l-istess tħassib tal-ACER fir-rigward tar-regoli fl-Artikolu 48 tal-abbozz tal-AoA u tax-xoljiment tal-ENNOH.
Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-AoA jiġi emendat biex jiċċara li x-xoljiment tal-ENNOH għandu jitqies bħala emenda tad-dokumenti statutorji li jistabbilixxu l-ENNOH u għalhekk irid jiġi ppreżentat lill-ACER u lill-Kummissjoni għal opinjoni u jrid jirċievi l-opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni.
II.9. Ftehimiet bilaterali ma’ operaturi tan-networks tal-idroġenu ta’ pajjiżi terzi – l-Artikolu 26 tal-RoP
II. 9.1 Kontenut
L-Artikolu 26 tal-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura jippermetti lill-ENNOH tikkonkludi ftehimiet bilaterali biex tikkollabora mal-operaturi tan-networks tal-idroġenu minn pajjiżi terzi li ma jikkwalifikawx għal status ta’ osservatur. Dawn il-ftehimiet bilaterali jiġu konklużi mill-Bord, wara li jirċievi l-approvazzjoni unanima mill-membri kollha, inklużi s-sħab assoċjati affettwati direttament. Din id-dispożizzjoni tispeċifika wkoll li dawn il-ftehimiet huma maħsuba biex jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni u azzjonijiet koordinati.
II. 9.2 Opinjoni tal-ACER
L-ACER tinnota li filwaqt li d-dispożizzjoni tiżgura li din il-kollaborazzjoni ma tagħtix lill-operaturi ta’ pajjiżi terzi aċċess għall-istrutturi jew għall-informazzjoni tal-ENNOH esklużiva għall-membri tal-ENNOH, għadu mhux ċar għal liema informazzjoni speċifika qed issir referenza jew kif din l-informazzjoni hija relatata ma’ informazzjoni kklassifikata bħala kunfidenzjali jew mhux pubblika.
L-ACER iżżid ukoll li peress li s-sħab u l-osservaturi assoċjati għandhom aċċess għall-istrutturi kollha tal-ENNOH, jidher li ammont żgħir ta’ informazzjoni biss ikun verament ristrett għall-membri tal-ENNOH. Fil-fehma tal-ACER dan jimplika li l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni disponibbli fl-ENNOH tista’ potenzjalment tiġi kondiviża ma’ operaturi ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ dawn il-ftehimiet bilaterali, li jista’ jkollhom impatt materjali fuq l-operazzjonijiet tal-ENNOH.
L-ACER tirrakkomanda li dawn il-ftehimiet jiġu rikonoxxuti bħala parti mill-funzjonijiet essenzjali tal-ENNOH, jiġu rregolati fid-dokumenti statutorji u jkunu soġġetti għal rieżami minn qabel mill-ACER u mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni kondiviża ma’ operaturi ta’ pajjiżi terzi.
II.9.3 Opinjoni tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għandha l-istess tħassib tal-ACER u tistieden lill-ENNOH jemenda l-abbozz tal-RoP biex jinkludi regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ operaturi tan-networks tal-idroġenu ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ kooperazzjoni abbażi ta’ ftehimiet bilaterali, inkluż differenzjazzjoni ċara bejn l-informazzjoni disponibbli esklużivament għall-membri tal-ENNOH u l-informazzjoni li tista’ tiġi skambjata ma’ operaturi tan-networks tal-idroġenu ta’ pajjiżi terzi.
II.10. Kumitati tal-abbozzar – l-Artikolu 33 tal-RoP
II. 10.1 Kontenut
L-Artikolu 72(10) tar-Regolament (UE) 2024/1789 jirrikjedi li l-ENNOH ilaqqa’ kumitat tal-abbozzar biex jassisti fl-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-network. Dan il-kumitat irid jinkludi rappreżentanti mill-ACER, in-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass (ENTSOG, European Network of Transmission System Operators for Gas), in-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E, European Network of Transmission System Operators for Electricity), u, fejn xieraq, l-Entità Ewropea għall-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni (DSO, distribution system operator), flimkien ma’ għadd limitat ta’ partijiet ikkonċernati affettwati ewlenin.
L-Artikolu 33(5) tal-abbozz tal-RoP jispeċifika li kull kodiċi tan-network għandu jkollu l-kumitat tal-abbozzar tiegħu stess. Jiddikjara wkoll li l-kompożizzjoni ta’ dawn il-kumitati se tiġi ddeterminata permezz ta’ proċess trasparenti u oġġettiv bl-użu ta’ kriterji tal-għażla inklużivi, u li l-kandidati rrifjutati se jingħataw raġunijiet għar-rifjut tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu jipprevedi li l-ENNOH se jippubblika r-regoli li jirregolaw l-operat u l-formazzjoni tal-kumitati tal-abbozzar meta jitnieda kull proċess tal-iżvilupp tal-kodiċi tan-network.
II. 10.2 Opinjoni tal-ACER
L-ACER għandha għadd ta’ kummenti fir-rigward tal-kumitati tal-abbozzar.
L-ewwel nett, l-ACER tinnota li l-Artikolu 33 tal-abbozz tal-RoP ma jispjegax kif se jiġu stabbiliti l-kumitati tal-abbozzar jew kif se joperaw, u li r-rwol tagħhom fil-proċess tal-iżvilupp tal-kodiċi tan-network tal-ENNOH lanqas ma huwa ċar. L-Artikolu 26(6) tal-RoP jirreferi għal “parir”, li jimplika li l-kumitati tal-abbozzar iservu primarjament bħala korpi konsultattivi, filwaqt li l-gruppi ta’ ħidma jwettqu l-proprju abbozzar. Il-livell jew il-frekwenza tal-interazzjoni bejn il-gruppi ta’ ħidma u l-kumitati tal-abbozzar lanqas ma huma speċifikati.
Għalhekk, l-ACER tirrakkomanda li l-RoP għandhom jiċċaraw meta u kif jitlaqqgħu l-kumitati tal-abbozzar, id-dokumentazzjoni li se jaċċessaw, u l-involviment tagħhom fi stadji differenti tal-proċess tal-iżvilupp tal-kodiċi tan-network, sal-preżentazzjoni tal-kodiċi lill-ACER. Barra minn hekk, l-RoP għandhom jiddefinixxu b’mod espliċitu r-relazzjoni bejn il-kumitati tal-abbozzar u l-gruppi ta’ ħidma, li r-rwoli rispettivi tagħhom jeħtieġ li jiġu artikolati b’mod aktar ċar.
It-tieni net, l-ACER tirreferi għall-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika tagħha dwar l-abbozz tad-dokumenti statutorji tal-ENNOH (5) li jipproponu li fl-iżvilupp tal-kodiċi tan-network tal-ENNOH tiġi involuta firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati tas-suq, bħal spedituri, produtturi, fornituri, u operaturi kummerċjali. L-ACER taqbel mal-partijiet ikkonċernati li dan huwa essenzjali għall-promozzjoni tat-trasparenza u t-trawwim tal-innovazzjoni.
Għalhekk, l-ACER tirrakkomanda li l-ENNOH jinkorpora grupp divers ta’ partijiet ikkonċernati fil-kumitati tal-abbozzar biex jiġu allinjati bl-aħjar mod il-kodiċijiet tan-network mar-realtajiet attwali tas-suq u mal-iżviluppi teknoloġiċi. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-kumitati tal-abbozzar, l-ACER tirrakkomanda li l-ENNOH jinkludi korpi indipendenti ta’ esperti dwar il-klima, bħall-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima, fil-kumitati tal-abbozzar. L-involviment tagħhom jipprovdi pariri strateġiċi imparzjali lill-ENNOH matul il-proċess tal-iżvilupp tar-regoli, u dan jiżgura l-allinjament mal-għanijiet tal-UE dwar l-enerġija u l-klima kif ukoll l-interessi usa’ tas-soċjetà Ewropea.
II.10.3 Opinjoni tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni tinnota li regoli ċari dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tal-kumitati tal-abbozzar se jappoġġjaw ir-rwol tagħhom fil-proċess tal-iżvilupp tal-kodiċi tan-network.
Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-ENNOH jemenda l-RoP biex jintroduċi regoli dwar:
|
— |
meta u kif jitlaqqgħu l-kumitati tal-abbozzar, |
|
— |
id-dokumentazzjoni li se jkollhom aċċess għaliha, |
|
— |
l-involviment tagħhom fl-istadji differenti kollha tal-proċess tal-iżvilupp tal-kodiċi tan-network, u |
|
— |
ir-rwoli tal-kumitati tal-abbozzar u tal-gruppi ta’ ħidma u r-relazzjoni bejniethom. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni taqbel mal-ACER li l-involviment ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati tal-idroġenu, inklużi korpi esperti indipendenti dwar il-klima u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, jippromwovi t-trasparenza, irawwem l-innovazzjoni u jikkontribwixxi għall-objettivi tal-ENNOH relatati mal-klima fl-Artikolu 57(6) tar-Regolament (UE) 2024/1789. Dan jirrifletti wkoll l-obbligu legali li jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati affettwati ewlenin ikunu involuti fil-kumitati tal-abbozzar.
Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Artikolu 33 tal-RoP jiġi emendat biex jirrifletti dan is-suġġeriment.
II.11. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati u konsultazzjonijiet magħhom
II. 11.1 Kontenut
L-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2024/1789 jirrikjedi li l-ENNOH iwettaq proċess estensiv ta’ konsultazzjoni pubblika meta jħejji r-riżultati tiegħu. Il-proċess irid jibda kmieni, ikun miftuħ u trasparenti, u jinkludi l-parteċipanti rilevanti kollha fis-suq, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jakkomoda l-kummenti tal-partijiet ikkonċernati qabel l-adozzjoni finali tal-proposta, bl-għan li jidentifika l-fehmiet u l-proposti tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha waqt il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-konsultazzjoni għandha tinvolvi wkoll awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet nazzjonali oħra, produtturi, utenti tan-network, inklużi klijenti, korpi tekniċi, u pjattaformi tal-partijiet ikkonċernati.
II. 11.2 Opinjoni tal-ACER
L-ACER tinnota li l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Konsultazzjoni mal-Partijiet Ikkonċernati (RoP CS, Rules of Procedure for the Consultation of Stakeholders) jirrifletti b’mod wiesa’ l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2024/1789. Madankollu, kif ġie nnutat ukoll mill-partijiet ikkonċernati fil-konsultazzjoni tal-ACER, l-abbozz tal-RoP CS mhuwiex dettaljat u preċiż biżżejjed, u dan potenzjalment jikkomprometti t-trasparenza u jikkawża konfużjoni.
Għalhekk, l-ACER tirrakkomanda lill-ENNOH biex jelabora aktar dwar l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-proċessi ta’ konsultazzjoni magħhom, filwaqt li jipprovdi kjarifika kif meħtieġ.
Fir-rigward tal-perjodu minimu ta’ konsultazzjoni, l-ACER temmen li l-perjodu ta’ xahrejn deskritt fl-Artikolu 9(14) tal-abbozz tal-RoP CS jilħaq bilanċ effettiv bejn it-twassil f’waqtu tal-outputs tal-ENNOH u l-involviment sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati. Madankollu, l-ACER tqis li konsultazzjonijiet iqsar minn xahar għandhom ikunu eċċezzjonali. F’każijiet bħal dawn, il-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu avżati minn qabel sew, u r-raġunijiet għaliex tqassar il-perjodu ta’ konsultazzjoni għandhom jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-partijiet ikkonċernati kollha u lill-ACER. L-ACER tirrakkomanda li din id-dispożizzjoni tiġi inkluża b’mod espliċitu fl-Artikolu 9(14) tal-RoP CS.
L-ACER tinnota wkoll diskrepanza bejn il-perjodu ta’ konsultazzjoni ġenerali minimu ta’ xahrejn fl-Artikolu 9(14) tal-RoP CS u l-perjodu ta’ xahar iddikjarat fl-Artikolu 32(3) tal-RoP għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar l-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali (AWP, Annual Work Programme). Meta jitqies is-sinifikat tal-AWP fl-għoti ta’ viżibbiltà lill-partijiet ikkonċernati fir-riżultati u l-proċessi ppjanati tal-ENNOH, l-ACER tirrakkomanda li l-perjodu ta’ konsultazzjoni tal-AWP jiġi estiż għal minimu ta’ xahrejn. L-ACER tirrakkomanda wkoll li fl-Artikolu 32(3) tal-RoP jiġi ċċarat li l-konsultazzjoni tal-AWP għandha sseħħ qabel il-preżentazzjoni għall-opinjoni tal-ACER, u dan jippermetti lill-ENNOH jinkorpora l-feedback tal-partijiet ikkonċernati fil-verżjoni ppreżentata lill-ACER.
II.11.3 Opinjoni tal-Kummissjoni
Mill-perspettiva tal-Kummissjoni, il-forma u t-tul ta’ żmien tal-konsultazzjonijiet pubbliċi jridu jkunu b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati affettwati kollha jrid ikollhom opportunità ġusta biex jagħtu l-kummenti tagħhom. F’dan il-kuntest, perjodu ta’ konsultazzjoni prestabbilit ta’ xahrejn jidher adegwat. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li fl-RoP CS jiġi speċifikat, mill-inqas permezz ta’ eżempji, f’liema sitwazzjonijiet l-ENNOH se jikkonsulta lill-pubbliku matul perjodi iqsar minn xahrejn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ENNOH biex jikkunsidra juża konsultazzjonijiet minn qabel meta l-perjodu ta’ konsultazzjoni formali jkun iqsar minn xahrejn.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni taqbel mal-ACER li konsultazzjonijiet iqsar minn xahar għandhom ikunu eċċezzjonali. Il-Kummissjoni tistieden lill-ENNOH jemenda l-Artikolu 9(14) tal-RoP CS biex jinkludi l-obbligi li l-ENNOH javża lill-partijiet ikkonċernati minn qabel, kif meħtieġ, u jikkomunikalhom ir-raġunijiet għaliex tqassar il-perjodu ta’ konsultazzjoni f’każijiet bħal dawn.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll l-allinjament tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 33 tal-abbozz tal-RoP dwar l-iżvilupp tal-kodiċi tan-network mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-RoP CS. B’mod partikolari, l-Artikolu 33(2) tal-abbozz tal-RoP dwar il-pjan tal-proġett għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-network għandu jinkludi referenza għall-RoP CS.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha l-istess tħassib tal-ACER u tal-partijiet ikkonċernati dwar il-fatt li l-abbozz tal-RoP CS mhuwiex dettaljat u preċiż biżżejjed u tistieden lill-ENNOH jelabora aktar dwar l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-proċessi ta’ konsultazzjoni tiegħu, biex jipprovdi ċarezza u jiżgura t-trasparenza.
II.12. Id-diversità u l-bilanċ bejn il-ġeneri
II. 12.1 Kontenut
L-abbozz tad-dokumenti statutorji fih biss kriterju għall-għażla tal-membri tal-Bord, jiġifieri, biex tiġi żgurata rappreżentanza ġeografika u ekonomika bbilanċjata fost il-membri tiegħu (fl-Artikolu 29(2) tal-AoA u l-Artikolu 17(1) tal-RoP). Ma ġie inkluż l-ebda kriterju speċifiku tal-għażla għall-ħatra ta’ rwoli ta’ livell għoli jew maniġerjali oħra fl-ENNOH, bħal diretturi, kapijiet tad-dipartimenti jew mexxejja ta’ timijiet.
II. 12.2 Opinjoni tal-ACER
L-ACER tilqa’ b’sodisfazzjoni l-inklużjoni tal-kriterji marbuta mad-diversità u mal-bilanċ bejn il-ġeneri kemm fl-elezzjoni tal-membri tal-Bord tal-ENNOH kif ukoll, fejn possibbli, fil-ħatra ta’ rwoli ta’ livell għoli. Dan jallinja mal-objettivi regolatorji stabbiliti kemm fil-leġiżlazzjoni Ewropea (6) kif ukoll f’dik Belġjana (7), il-liġi li skontha jiġi stabbilit l-ENNOH.
II.12.3 Opinjoni tal-Kummissjoni
L-ugwaljanza hija valur fundamentali tal-Unjoni, stabbilit skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE, Treaty on European Union), u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija obbligu tal-Unjoni (l-Artikolu 3(3) tat-TUE). Il-Kummissjoni stabbiliet il-mira tal-parità bejn il-ġeneri fil-livelli maniġerjali kollha sa tmiem il-mandat tal-2019–2024 u se tkompli żżomm dawk il-valuri fil-futur.
Għalhekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ENNOH jinkludi l-parità bejn il-ġeneri bħala kriterju għall-elezzjoni tal-membri tal-bord u għall-ħatra ta’ rwoli ta’ livell għoli.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ April 2025.
Għall-Kummissjoni
Dan JØRGENSEN
Membru tal-Kummissjoni
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar is-swieq interni tal-gass rinnovabbli, tal-gass naturali u tal-idroġenu, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1227/2011, (UE) 2017/1938, (UE) 2019/942 u (UE) 2022/869 u d-Deċiżjoni (UE) 2017/684 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 2024/1789, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1789/oj).
(2) L-Opinjoni Nru 10/2024 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija tad-19 ta’ Diċembru 2024, l-Opinjoni 10-2024 tal-ACER dwar id-dokumenti statutorji tal-ENNOH.
(3) Id-Direttiva (UE) 2024/1788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gass rinnovabbli, il-gass naturali u l-idroġenu, li temenda d-Direttiva (UE) 2023/1791 u li tħassar id-Direttiva 2009/73/KE (ĠU L, 2024/1788, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1788/oj).
(4) Ara l-Premessa (78) tar-Regolament (UE) 2024/1789.
(5) Fit-23 ta’ Settembru 2024, l-ACER nediet konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tad-dokumenti statutorji tal-ENNOH, fejn stiednet lill-partijiet interessati kollha jippreżentaw il-kummenti tagħhom sal-21 ta’ Ottubru 2024. L-ACER talbet fehmiet speċifikament minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari lill-utenti tas-sistema, inklużi l-klijenti. L-ACER irċeviet 13-il tweġiba li tqiesu fit-tħejjija tal-Opinjoni tagħha. Dawn it-tweġibiet huma ppubblikati fuq is-sit web tal-konsultazzjoni tal-ACER, u miġbura fil-qosor fir-rapport ta’ evalwazzjoni mehmuż mal-Opinjoni tal-ACER.
(6) Id-Direttiva (UE) 2022/2381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi ta’ kumpanniji elenkati u miżuri relatati (ĠU L 315, 7.12.2022, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2381/oj).
(7) L-Artikolu 2 tal-liġi federali Belġjana tat-28 ta’ Lulju 2011, Moniteur Belge, l-14 ta’ Settembru 2011.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2773/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)