IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.6.2021
COM(2021) 274 final
ANNESS
tal-
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE
ANNESS 2
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru […]
ta’ […]
li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,
Billi:
(1)Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (riformulazzjoni), kif korretta bil-ĠU L 334, 27.12.2019, p. 164 u bil-ĠU L 419, 11.12.2020, p. 36, għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.
(2)Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tħassar, b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2020, id-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li ġew inkorporati fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandhom jitħassru skont il-Ftehim ŻEE b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2020.
(3)Għalhekk, l-Anness XI tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness XI tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:
1.
Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 5czq (ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):
‘5czr. 32018 L 1972: Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (riformulazzjoni) (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36), kif korretta bil-ĠU L 334, 27.12.2019, p. 164 u ĠU L 419, 11.12.2020, p. 36.
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:
(a)
Ir-referenzi għal-liġi tal-Unjoni, inklużi r-referenzi għat-TFUE u d-dispożizzjonijiet tiegħu, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Ftehim ŻEE.
(b)
Fl-Artikolu 28, il-paragrafu li ġej għandu jiżdied wara l-paragrafu 4:
“Wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista’, filwaqt li tqis bis-sħiħ l-opinjoni tal-RSPG, tadotta deċiżjonijiet indirizzati lill-Istati tal-EFTA kkonċernati.
Jekk l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jew il-Kummissjoni jkollhom l-intenzjoni li jieħdu deċiżjoni dwar problema jew tilwima li taffettwa kemm Stat tal-EFTA kif ukoll Stat Membru tal-UE, dawn għandhom jikkooperaw bil-ħsieb li jaqblu dwar deċiżjonijiet biex isolvu l-interferenza dannuża transfruntiera. L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni għandhom b’hekk iqisu bis-sħiħ l-opinjoni tal-RSPG. L-Artikolu 109 tal-Ftehim ŻEE għandu japplika mutatis mutandis.”
(c)
Fl-Artikolu 31(2), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “tal-Artikolu 267 tat-TFUE” għandu jinqara “tal-Artikolu 34 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar l-Istabbiliment ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja”.
(d)
Is-subparagrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-Artikolu 65(1):
“Wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista’ tadotta deċiżjonijiet li jidentifikaw is-swieq transnazzjonali bejn żewġ Stati tal-EFTA jew aktar.
Jekk l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jew il-Kummissjoni jkollhom l-intenzjoni li jidentifikaw suq transnazzjonali li jaffettwa kemm Stat tal-EFTA kif ukoll Stat Membru tal-UE, dawn għandhom jikkooperaw bil-ħsieb li jaqblu dwar deċiżjonijiet identiċi li jidentifikaw dan is-suq transnazzjonali. L-Artikolu 109 tal-Ftehim ŻEE għandu japplika mutatis mutandis.”
(e)Fir-rigward tal-Istati tal-EFTA,
(i) fl-Artikolu 100(1), il-kliem “il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (‘il-Karta’) u “l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni” għandhom jinqraw “id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tal-Ftehim ŻEE”;
(ii)fl-Artikolu 100(2), il-kliem “tad-drittijiet u l-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta”, il-kliem “mal-Artikolu 52(1) tal-Karta” u l-kliem “il-Karta” għandhom jinqraw “id-drittijiet fundamentali”.’
2.
B’effett mill-21 ta’ Diċembru 2020, il-punt li ġej għandu jiżdied wara l-punt 5cla (id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):
‘, kif emendata bi:
-32018 L 1972: Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).’
3.
It-testi tal-punti 5cj, 5ck, 5cl u 5cm għandhom jitħassru b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2020.
Artikolu 2
It-testi tad-Direttiva (UE) 2018/1972, kif korretti bil-ĠU L 334, 27.12.2019, p. 164 u ĠU L 419, 11.12.2020, p. 36, bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell, […].
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
[…]
Is-Segretarji
Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
[…]