IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.6.2021
COM(2021) 274 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101 tal-Ftehim ŻEE)
ANNESS 1
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru […]
ta’ […]
li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.
(2)Biex il-Ftehim ŻEE jiffunzjona sew, il-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi estiż biex jinkludi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 2018/1971.
(3)Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati tal-EFTA se jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC, tal-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC u tal-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-BEREC, ħlief għad-dritt tal-vot. Il-pożizzjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati tal-EFTA se jiġu rreġistrati separatament meta l-BEREC joħroġ opinjoni. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA se tqis bis-sħiħ l-opinjonijiet adottati mill-BEREC.
(4)Għalhekk, l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness XI tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:
1.
Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 5czp (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/784):
‘5czq. 32018 R 1971: Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1).
Il-modalitajiet għall-assoċjazzjoni tal-Istati tal-EFTA skont l-Artikolu 101 ta’ dan il-Ftehim:
L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati tal-EFTA bir-responsabbiltà primarja li jissorveljaw l-operat ta’ kuljum tas-swieq tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jieħdu sehem sħiħ fil-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC, il-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC u l-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-BEREC.
Dawn għandhom ikunu rrappreżentati f’livell xieraq skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament BEREC.
Għal dak il-għan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati tal-EFTA għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE, mingħajr id-dritt li jivvotaw. Membri mill-Istati tal-EFTA ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-Presidenza tal-Bord tar-Regolaturi u tal-Bord Maniġerjali.
Il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom, kif u meta jkun xieraq, jassistu lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati tal-EFTA, skont il-każ, fit-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw skont l-adattamenti li ġejjin:
(a) Fl-Artikolu 4:
(i) fil-paragrafu 1, il-punt (a), il-kliem “lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal qabel il-kliem “u lill-Kummissjoni”;
(ii) fil-paragrafu 1, il-punt (e), il-kliem “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal qabel il-kliem “il-Kummissjoni”;
(iii) għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
“1a. Il-pożizzjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati tal-EFTA għandhom jiġu rreġistrati separatament mill-BEREC meta joħorġu opinjonijiet skont il-paragrafu 1, il-punt (c)(i) u (ii).”;
(iv) fil-paragrafu 4, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “mal-liġi rilevanti tal-Unjoni” għandha tinqara “mal-Ftehim ŻEE”;
(v) fil-paragrafu 4, il-kliem “jew, skont il-każ, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” jiddaħħal wara l-kliem “u l-Kummissjoni”.
(b)Fl-Artikolu 7(4), il-kliem “u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “il-Kummissjoni”.
(c)Fl-Artikolu 13(3),
(i)il-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “BEREC”;
(ii)il-kliem “u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “mill-Kummissjoni”.
(d)Fl-Artikolu 15:
(i)fil-paragrafu 1, is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fl-aħħar tal-ewwel subparagrafu: “Rappreżentant tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jipparteċipa fil-Bord Maniġerjali mingħajr id-dritt tal-vot.”;
(ii)fil-paragrafu 2, il-kliem “u tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “tal-Kummissjoni”.
(e)Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 25:
“5.
L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fil-kontribuzzjoni mill-Unjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (a). Għal dan il-għan, il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim japplikaw mutatis mutandis.”
(f)Fl-Artikolu 30, għandhom jiġu miżjuda s-subparagrafi li ġejjin:
“B’deroga mill-Artikoli 12(2)(a) u 82(3)(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiġu impjegati b’kuntratt mill-awtorità ta’ reklutaġġ tal-Aġenzija.
B’deroga mill-Artikoli 12(2)(e), 82(3)(e) u 85(3) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-lingwi msemmija fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim ŻEE għandhom jitqiesu mill-Uffiċċju, fir-rigward tal-persunal tiegħu, bħala lingwi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”.
(g)Dan li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 34:
“L-Istati tal-EFTA għandhom jikkonċedu lill-Uffiċċju tal-BEREC privileġġi u immunitajiet ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.”
(h)Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 36:
“4.
Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għall-applikazzjoni tar-Regolament, japplika għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati tal-EFTA rigward id-dokumenti mħejjija mill-BEREC jew l-Uffiċċju tal-BEREC.”
(i)Fl-Artikolu 40(2),
(i) il-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandhom jiddaħħlu wara l-kelma “il-Kummissjoni”;
(ii) fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali” għandhom jinqraw “mal-Ftehim ŻEE u mal-liġi nazzjonali”.
(j)Fl-Artikolu 41(1)(a) u (b), il-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “il-Kummissjoni”.’
2.
Dan li ġej jiżdied mal-punt 5ob (ir-Regolament (UE) Nru 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):
‘, kif emendat bi:
-32018 R 1971: Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1).’
Artikolu 2
Il-punt li ġej huwa miżjud fil-Protokoll 37 tal-Ftehim taż-ŻEE:
‘41.Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) (ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).’
Artikolu 3
It-testi tar-Regolament (UE) 2018/1971 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell, […].
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
[…]
Is-Segretarji
Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
[…]