|
29.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
193 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/889/PESK
tat-12 ta' Diċembru 2005
dwar l-istabbiliment ta' Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EU BAM Rafah)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni Ewropea, bħala parti mill-Kwartett, hija impenjata li tassisti u tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-Roadmap, li tistabbilixxi l-passi reċiproċi mill-Gvern Iżraeljan u l-Awtorità Palestinjana fil-qasam politiku, ta' sigurtà, ekonomiku, umanitarju u ta' bini ta' istituzzjonijiet, li sejrin jirriżultaw fil-ħolqien ta' stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, u vijabbli li jgħix ma' ġemb l-Iżrael u l-ġirien l-oħra tiegħu fil-paċi u s-sigurtà. |
|
(2) |
Wara d-disimpenn unilaterali ta' l-Iżrael minn Gaza, il-Gvern ta' Iżrael ma għadux preżenti fil-Punt ta' Qsim ta' Rafah u t-terminal huwa magħluq għajr għal xi każijiet eċċezzjonali. |
|
(3) |
Il-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ġunju 2004 afferma mill-ġdid ir-rieda ta' l-UE li tappoġġja lill-Awtorità Palestinjana f'li tieħu responsabbiltà għal-liġi u l-ordni, u b'mod partikolari, li ttejjeb il-pulizija ċivili u l-kapaċità ta' infurzar tal-liġi tagħha. |
|
(4) |
Il-Kunsill tas-7 ta' Novembru 2005 tenna l-appoġġ ta' l-UE għal-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tal-Kwartett għad-Disimpenn, u laqa' r-rapport reċenti tiegħu lill-membri tal-Kwartett. Il-Kunsill innota wkoll l-ittra tiegħu tat-2 ta' Novembru 2005 li fiha talab f'isem il-partijiet li l-UE tikkonsidra li tiżvolġi rwol ta' parti terza ta' monitoraġġ fil-punt ta' qsim ta' Rafah fil-fruntiera Gaza-Eġittu. Il-Kunsill innota r-rieda fil-prinċipju ta' l-UE li tipprovdi assistenza fl-operazzjoni tal-qsim fil-fruntiera ta' Gaza abbażi ta' ftehim bejn il-partijiet. |
|
(5) |
Il-ftuħ tal-punt ta' qsim ta' Rafah għandu implikazzjonijiet ekonomiċi, ta' sigurtà u umanitarji. |
|
(6) |
L-EU identifikat bħala prijorità l-bini ta' amministrazzjoni tad-dwana Palestinjana f'kooperazzjoni KE-Palestinjana Il-Komunità pprovdiet assistenza għall-amministrazzjoni tal-fruntiera Palestinjana u għandha djalogu tripartitiku stabbilit dwar kwistjonijiet tad-dwana mal-Gvern ta' Iżrael u l-Awtorità Palestinjana. L-Awtorità Palestinjana hija involuta fi żvilupp ta' pjanijiet dettaljati għal proċeduri ta' sigurtà fil-fruntiera bl-appoġġ ta' l-Istati Uniti u l-Iżrael. |
|
(7) |
Fl-24 ta' Ottubru 2005 il-Prim Ministru Palestinjan bagħat ittra lill-Kummissarju Ewropew għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Politika tal-Viċinat Ewropea li fiha talab l-assistenza ta' l-UE f'oqsma bħall-bini ta' kapaċità ta' persunal Palestinjan fil-punt ta' qsim ta' Rafah, l-iżvilupp u l-istallazzjoni ta' sistemi u tagħmir meħtieġa, u li tipprovdi pariri u appoġġ lill-uffiċjali Palestinjani li jkunu xogħol fil-punt ta' qsim ta' Rafah. |
|
(8) |
Fil-15 ta' Novembru 2005 il-Gvern ta' Iżrael u l-Awtorità Palestinjana kkonkludew Ftehim dwar Moviment u Aċċess f'punti ta' qsim ta' fruntieri ma' Gaza, li inter alia indikaw ir-rwol ta' l-UE bħala parti terza rigward l-operazzjoni tal-punti ta' qsim rilevanti. |
|
(9) |
F'ittri ta' stedina, fl-20 ta' Novembru 2005 u fit-23 ta' Novembru 2005 rispettivament, l-Awtorità Palestinjana u l-Gvern ta' Iżrael stiednu lill-EU biex tistabbilixxi Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EU BAM Rafah). |
|
(10) |
Il-missjoni ta' l-Unjoni Ewropea ser tkun kumplimentari u ser iġġib valur miżjud għall-isforzi internazzjonali attwali, kif ukoll tiżviluppa sinerġiji ma' l-isforzi li għaddejjin tal-Komunità Ewropea u ta' l-Istati Membri. Il-missjoni ser tfittex koerenza u koordinazzjoni ma' l-azzjonijiet ta' bini ta' kapaċitajiet tal-Komunità, notevolment fil-qasam ta' l-amministrazzjoni tad-dwana. |
|
(11) |
Il-missjoni ser tiġi stabbilita fil-kuntest usa' ta' l-isforz ta' l-UE u tal-komunità internazzjonali biex jagħtu appoġġ lill-Awtorità Palestinjana biex tieħu responsabbiltà għal-liġi u l-ordni, u b'mod partikolari, li ttejjeb il-pulizija ċivili u l-kapaċità ta' infurzar tal-liġi tagħha. |
|
(12) |
Għandu jiġi żgurat kollegament xieraq mal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani, imsejħa l-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Pulizija Palestinjana (EUPOL COPPS) (1). |
|
(13) |
Il-missjoni ser timplimenta l-mandat tagħha fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li hi ta’ theddida għal-liġi u l-ordni, is-sigurtà u s-sigurezza ta’ l-individwu, u għall-istabbiltà taz-zona u li tista’ tagħmel ħsara lill-għanijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. |
|
(14) |
Is-sigurtà hija tħassib ewlieni u kontinwu u għandhom jiġu adottati arranġamenti xierqa biex tiġi żgurata s-sigurtà. |
|
(15) |
B'konformità mal-linji gwida tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Nizza mis-7 sad-9 ta’ Diċembru 2000, din l-Azzjoni Konġunta għandha tiddetermina r-rwol tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, skond l-Artikoli 18 u 26 tat-Trattat, |
|
(16) |
L-Artikolu 14(1)tat-Trattat isejjaħ għall-indikazzjoni ta’ ammont ta’ referenza finanzjarju għall-perijodu kollu ta’ implimentazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta. L-indikazzjoni ta’ l-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-budget Komunitarju turi r-rieda ta’ l-awtorità politika u hi soġġetta għad-disponibbiltà ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn matul is-sena tal-budget rispettiva, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
Missjoni
1. Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EU BAM Rafah) hija b'dan stabbilita, b'fażi operazzjonali li tibda fil-25 ta' Novembru 2005.
2. L-EU BAM Rafah għandha topera skond id-dikjarazzjoni tal-missjoni kif stabbilit fl-Artikolu 2.
Artikolu 2
Dikjarazzjoni tal-Missjoni
L-għan ta' l-EU BAM Rafah huwa li tipprovdi preżenza ta' Parti Terza fil-Punt ta' Qsim ta' Rafah sabiex tikkontribwixxi, f'kooperazzjoni ma' l-isforzi għall-bini ta' istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea, għall-ftuħ tal-Punt ta' Qsim ta' Rafah u għall-bini ta' kunfidenza bejn il-Gvern ta' Iżrael u l-Awtorità Palestinjana.
Għal dan l-għan l-EU BAM Rafah għandha:
|
(a) |
timmonitorja, tivverifika u tevalwa b'mod attiv il-prestazzjoni ta' l-Awtorità Palestinjana fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Qafas, Sigurtà u Dwana konklużi bejn il-partijiet dwar l-operazzjoni tat-terminal ta' Rafah; |
|
(b) |
tikkontribwixxi, permezz ta' iggwidar, għall-bini tal-kapaċità Palestinjana fl-aspetti kollha ta' l-immaniġġjar tal-konfini f'Rafah; |
|
(ċ) |
tikkontribwixxi għall-kollegament bejn l-awtoritajiet Palestinjani, Iżraeljani u Eġizzjani fl-aspetti kollha rigward l-immaniġġjar tal-Punt ta' Qsim ta' Rafah. |
L-EU BAM Rafah għandha timplimenta r-responsabbiltajiet fdati lilha fil-ftehim bejn il-Gvern ta' Iżrael u l-Awtorità Palestinjana rigward l-immaniġġjar tal-Punt ta' Qsim ta' Rafah. M'għandhiex tidħol għal kompiti ta' sostituzzjoni.
Artikolu 3
Tul ta’ żmien
Il-missjoni ser iddum 12-il xahar.
Artikolu 4
Struttura tal-Missjoni
L-EU BAM Rafah għandha tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:
|
(a) |
Kap tal-Missjoni, assistit minn persunal konsultattiv; |
|
(b) |
Dipartiment tal-Monitoraġġ u l-Operazzjonijiet; |
|
(ċ) |
Dipartiment tas-Servizzi ta' Amministrazzjoni. |
Dawn l-elementi għandhom ikunu żviluppati fil-Kunċett ta’ Operazzjonijiet (CONOPS) u l-Pjan ta’ Operazzjoni (OPLAN). Il-Kunsill għandu japprova l-CONOPS u l-OPLAN.
Artikolu 5
Kap tal-Missjoni
1. Il-Ġeneral Maġġur Pietro Pistolese Hu b'dan maħtur Kap tal-Missjoni ta' l-EU BAM Rafah.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita Kontroll Operattiv fuq l-EU BAM Rafah u jassumi l-ġestjoni ta' kuljum ta' l-EU BAM Rafah u l-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-EU BAM RAFAH inkluż il-ġestjoni tas-sigurtà tal-persunal ta' l-EU BAM RAFAH, ir-riżorsi u l-informazzjoni.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal ta' l-EU BAM Rafah. Għal persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta' l-UE konċernata.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mall-Kummissjoni.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura viżibbiltà xierqa tal-preżenza ta' l-UE.
Artikolu 6
Fażi ta’ ppjanar
1. Waqt il-fażi ta’ l-ippjanar tal-missjoni, grupp ta’ l-ippjanar għandu jiġi stabbilit u għandu jinkludi l-Kap tal-Missjoni, li għandu jmexxi l-grupp ta’ l-ippjanar, u l-persunal meħtieġ biex jittratta il-funzjonijiet li jirriżultaw mill-ħtiġijiet stabbiliti tal-missjoni.
2. Stima komprensiva tar-riskju għandha titwettaq bħala prijorità fil-proċess ta’ l-ippjanar u għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ.
3. Il-grupp ta’ l-ippjanar għandu jfassal OPLAN u jiżviluppa l-istrumenti tekniċi kollha meħtieġa biex tiġi eżegwita l-missjoni. L-OPLAN għandu jiehu kont ta' l-istima komprensiva tar-riskju u għandu jinkludi pjan ta' sigurtà.
Artikolu 7
Il-persunal ta' l-EU BAM Rafah
1. In-numri u l-kompetenzi tal-persunal ta’ l-EU BAM Rafah għandhom ikunu konsistenti mad-dikjarazzjoni tal-missjoni stabbilita fl-Artikolu 2 u l-istruttura stabbilita fl-Artikolu 4.
2. Il-persunal ta' l-EU BAM Rafah għandu jkun issekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż relatati mal-persunal ta' l-EU BAM Rafah issekondat minnu, inklużi s-salarji, il-kopertura medika, l-ispejjeż tal-vjaġġi lejn u miż-żona tal-missjoni, u l-allowances minbarra dawk per diem.
3. Il-persunal internazzjonali u dak lokali għandu jiġi reklutat fuq bażi kuntrattwali mill-EU BAM Rafah kif ikun meħtieġ.
4. Stati Terzi jistgħu wkoll, kif xieraq, jissekondaw persunal għall-missjoni. Kull Stat terz li jissekonda għandu jħallas l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe persunal issekondat minnu inklużi s-salarji, il-kopertura medika, l-allowances, l-assigurazzjoni għal riskju kbir u l-ispejjeż tal-vjaġġi lejn u miż-żona tal-missjoni.
5. Il-persunal kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità ta’ l-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni ta' l-UE xierqa u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill (2).
6. L-uffiċjali tal-pulizija ta' l-UE ser jilbsu uniformi nazzjonali u insinji ta' l-UE kif xieraq u membri oħra tal-missjoni ser jilbsu identifikazzjoni kif xieraq, soġġetta għad-deċiżjoni tal-Kap tal-Missjoni, b'kont meħud tal-konsiderazzjonijiet ta' sigurtà.
Artikolu 8
L-Istatus tal-persunal ta' l-EU BAM Rafah
1. Fejn meħtieġ, l-istatus tal-persunal ta’ l-EU BAM Rafah, inklużi fejn xieraq il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel ta' l-EU BAM Rafah, għandu jkun is-suġġett ta' ftehim li jiġi konkluż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, li jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja tali arranġamenti f’isimha.
2. L-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta’ l-UE li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni, minn jew li tikkonċerna l-membru tal-persunal marbut ma’ l-issekondar. L-Istat Membru jew istituzzjoni ta' l-UE ikkonċernat/a għandu/ha j/tkun responsabbli biex i/tressaq kwalunkwe azzjoni kontra l-issekondat.
3. Il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u dak lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membru tal-persunal.
Artikolu 9
Linja ta' kmand
1. L-EU BAM Rafah għandu jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' l-immaniġġjar ta' kriżi.
2. Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PSC) għandu jipprovdi l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika.
3. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jagħti gwida lill-Kap tal-Missjoni permezz tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-EU BAM Rafah u jieħu f’idejh l-amministrazzjoni tagħha ta’ kuljum.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli permezz tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE.
6. Ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli.
Artikolu 10
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Il-PSC għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni.
2. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat ta' emenda ta' l-OPLAN u l-linja ta’ kmand. Għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jieħu deċiżjonijiet sussegwenti li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Il-Kunsill, assistit mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, għandu jiddeċiedi dwar l-objettivi u t-tmiem tal-missjoni.
3. Il-PSC għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
4. Il-PSC għandu jirċievi rapporti mill-Kap tal-Missjoni fir-rigward tal-kontributi lejn u l-kondotta tal-missjoni, f’intervalli regolari. Il-PSC jista’ jistieden lill-Kap tal-Missjoni għal-laqgħat tiegħu, kif xieraq.
Artikolu 11
Parteċipazzjoni ta' Stati terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-UE u l-qafas instituzzjonali uniku tagħha, Stati aderenti għandhom jiġu mistiedna u Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-EU BAM Rafah, sakemm iħallsu l-ispejjeż biex jibgħatu l-persunal issekondat minnhom, inkluż is-salarji, il-kopertura medika, l-allowances, l-assigurazzjoni għal riskju kbir, u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u miż-żona tal-missjoni, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta' kuljum ta' l-EU BAM Rafah, kif xieraq.
2. Stati terzi li jagħmlu kontributi lill-EU BAM Rafah għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' l-amministrazzjoni ta' kuljum tal-missjoni bħal Stati Membri ta' l-UE li jieħdu sehem fil-missjoni.
3. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi, inkluż l-kontributi proposti tagħhom u biex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.
4. Arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim li jiġi konkluż skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, li jgħin lill-Presidenza, jista’ jinnegozja tali arranġamenti f’isimha. Fejn l-UE u Stat Terz ikkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan l-Istat Terz fl-operazzjonijiet ta’ l-UE ta’ immaniġġjar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ l-EU BAM Rafah.
Artikolu 12
Sigurtà
1. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà ta’ l-EU BAM Rafah u għandu, f’konsultazzjoni ma’ l-Uffiċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, ikun responsabbli biex jiżgura l-konformità mal-ħtiġiet ta’ sigurtà minimi b'konformità mar-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill.
2. EU BAM Rafah għandu jkollha Kap Uffiċjal tas-Sigurtà ddedikat għall-missjoni, megħjun minn tim ta' sigurtà, li jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkonsulta mal-PSC dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà li jaffetwaw l-użu ta' l-EU BAM Rafah skond l-istruzzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli.
4. Membri tal-persunal ta' l-EU BAM Rafah għandhom jagħmlu taħriġ ta' sigurtà mandatorju u kontrolli mediċi qabel ma jintbagħtu jew jivjaġġaw lejn iż-żona tal-missjoni.
Artikolu 13
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta' referenza finanzjarju maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-missjoni għandu jkun EUR 1 696 659 għall-2005 u EUR 5 903 341 għall-2006.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-UE bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità. Ċittadini ta' Stati terzi li jikkontribwixxu finanzjarjament għall-missjoni, ta' partijiet ospitanti u, jekk meħtieġ għall-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni, ta' pajjiżi ġirien għandhom jitħallew jagħmlu offerti għall-kuntratti.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni, u jkun issorveljat minnha, dwar l-attivitajiet mwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.
4. L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġiet operazzjonali ta' l-EU BAM Rafah, inkluża il-kompatibbiltà ta' tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.
5. L-infiq għandu jkun eliġibbli mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta.
Artikolu 14
Azzjoni Komunitarja
1. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed skond is-setgħat rispettivi tiegħu, konsistenza bejn l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-attivitajiet esterni tal-Komunità skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw għal dan il-għan.
2. Għandu jkun hemm l-arranġamenti meħtieġa ta' koordinazzjoni fiż-żona tal-missjoni, kif meħtieġ, kif ukoll fi Brussel.
Artikolu 15
Rilaxx ta’ informazzjoni kklassifikata
1. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, kif xieraq u skond il-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti kklassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġġenerati għall-għanijiet tal-missjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill.
2. Fil-każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli hu wkoll awtorizzat jirrilaxxa lill-awtoritajiet lokali informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġġenerati għall-għanijiet tal-missjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħra kollha, tali informazzjoni u dokumenti għandhom jiġu rilaxxati lill-awtoritajiet lokali skond il-proċeduri xierqa għal-livell ta' kooperazzjoni tagħhom ma' l-UE.
3. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta u lill-awtoritajiet lokali dokumenti ta' l-UE mhux klassifikati relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-missjoni koperti mill-obbligu tas-segretezza professjonali skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli tal-Kunsill tal-Proċedura (3).
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.
Għandha tiskadi fl-24 ta' Novembru 2006.
Artikolu 17
Reviżjoni
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi riveduta sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2006.
Artikolu 18
Pubblikazzjoni
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussel, nhar it-12 ta' Diċembru 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
J. STRAW
(1) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/797/PESK ta' l-14 ta' Novembru 2005, (ĠU L 300, 17.11.2005, p. 65).
(2) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/571/KE (ĠU L 193, 23.7.2005, p. 31).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/338/KE, Euratom tat-22 ta' Marzu 2004 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 106, 15.4.2004, p. 22). Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2004/701/KE, Euratom (ĠU L 319, 20.10.2004, p. 15).