SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)
8 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
(Test rettifikat permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Ġunju 2025)
“Ipproċessar ta’ data personali – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni – Regolament (UE) 2018/1725 – Kunċett ta’ ‘trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz’ – Trasferiment ta’ data fl-okkażjoni tal-konsultazzjoni ta’ sit internet – EU Login – Rikors għal annullament – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Teħid ta’ pożizzjoni li jtemm in‑nuqqas li tittieħed azzjoni – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni – Rikors għad-danni – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Rabta kawżali – Dannu morali”
Fil-Kawża T‑354/22,
Thomas Bindl, residenti f’München (il-Ġermanja), irrappreżentat minn T. Herbrich, avukat,
rikorrent,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar, B. Hofstötter u H. Kranenborg, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),
komposta minn M. J. Costeira (Relatriċi), Presidenta, M. Kancheva, U. Öberg, P. Zilgalvis u E. Tichy-Fisslberger, Imħallfin,
Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li rat il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑21 ta’ Lulju 2023 u r-risposti tal-Kummissjoni u tar-rikorrent ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis‑7 u fit‑8 ta’ Settembru 2023, rispettivament,
wara s-seduta tas‑17 ta’ Ottubru 2023,
wara li rat il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tad‑9 ta’ Frar 2024 u r-risposti tal-Kummissjoni u tar-rikorrent ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit‑12 u fit‑13 ta’ Marzu 2024, rispettivament,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikoli 263, 265 u 268 TFUE, ir-rikorrent, Thomas Bindl, jitlob lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, tannulla t-trasferimenti tad-data personali tiegħu lejn pajjiżi terzi li ma għandhomx livell adegwat ta’ protezzjoni, it-tieni nett, tikkonstata li l-Kummissjoni Ewropea illegalment astjeniet milli tieħu pożizzjoni fuq it-talba tiegħu għal informazzjoni tal‑1 ta’ April 2022 u, it-tielet nett, tikkumpensa d-dannu morali li huwa ġarrab b’riżultat, minn naħa, ta’ ksur tad-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, tat-trasferimenti tad-data personali tiegħu. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑fatti sussegwenti għall‑preżentata tar‑rikors
|
2 |
Ir-rikorrent huwa ċittadin Ġermaniż li jinteressa ruħu f’suġġetti fl-oqsma tal-informatika u tal-protezzjoni tad-data personali. |
|
3 |
Id-Direttorat Ġenerali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa l-kontrollur tal-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tas-sit internet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fl-indirizz “https://futureu.europa.eu” (iktar ’il quddiem is-“sit internet tal-KFE”). |
|
4 |
Ir-rikorrent ikkonsulta s-sit internet tal-KFE diversi drabi matul is-snin 2021 u 2022. B’mod partikolari, huwa kkonsulta dan is-sit internet fit‑30 ta’ Marzu 2022 u rreġistra ruħu fl-avveniment “GoGreen” li kien jinsab fih, permezz tal-kont Facebook tiegħu u, fit‑8 ta’ Ġunju 2022, reġa’ kkonsulta l-imsemmi sit internet. |
|
5 |
B’posta elettronika tad‑9 ta’ Novembru 2021 (iktar ’il quddiem it-“talba għal informazzjoni tad‑9 ta’ Novembru 2021”), ir-rikorrent talab lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Kummissjoni informazzjoni abbażi tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39). |
|
6 |
Fl-imsemmija posta elettronika, ir-rikorrent, l-ewwel nett, indika li kien irrimarka li, meta ngħaqad mas-sit internet tal-KFE, kienet ġiet attivata konnessjoni ma’ fornituri terzi, bħall-impriża Amerikana Amazon Web Services; it-tieni nett, huwa talab li jiġi indikat lilu liema data personali li tikkonċernah kienet ġiet ipproċessata jew maħżuna u li, fejn applikabbli, kienet ġiet ittrasferita lil terzi; it-tielet nett, huwa talab informazzjoni dwar il-bażi legali ta’ tali trasferiment kif ukoll dwar l-eżistenza ta’ salvagwardji eventwali dwar it-trasferiment lejn pajjiżi terzi li ma għandhomx livell adegwat ta’ protezzjoni. |
|
7 |
Permezz ta’ posta elettronika tat‑3 ta’ Diċembru 2021, id-Direttorat Ġenerali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bagħat link elettronika lir-rikorrent u informah li din il-link kienet tippermettilu jiġġenera direttament lista ta’ data personali li kienet ġiet ipproċessata waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE. Barra minn hekk, huwa indika lir-rikorrent, minn naħa, li d-data personali tiegħu ma kinitx ġiet ittrasferita lil destinatarji li jinsabu barra mill-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, li din kienet maħżuna u pproċessata permezz tas-sit internet tal-KFE, li kien juża network ta’ tixrid ta’ kontenut amministrat minn Amazon Web Services EMEA SARL (iktar ’il quddiem “AWS EMEA”), stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu). Barra minn hekk, huwa ppreċiża li, fil-kuntest tal-ftehimiet kuntrattwali konklużi bejn il-Kummissjoni u AWS EMEA, il-kontrollur tad-data ma kienx juża servizzi li kienu jeħtieġu trasferiment ta’ data lejn l-imsieħba ta’ AWS EMEA li jinsabu fl-Istati Uniti u li t-trasferiment ta’ data barra mit-territorju tal-Unjoni ma kienx, bħala prinċipju, awtorizzat. |
|
8 |
[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Ġunju 2025] Permezz ta’ posta elettronika tal‑1 ta’ April 2022, ir-rikorrent talab lill-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament 2018/1725, informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data tiegħu (iktar ’il quddiem it-“talba għal informazzjoni tal‑1 ta’ April 2022”). L-ewwel nett, huwa indika li kien osserva li, meta ngħaqad mas-sit internet tal-KFE, kienet ġiet stabbilita konnessjoni ma’ fornituri terzi bħal AWS EMEA u li konnessjoni mal-impriża Meta Paltforms kienet ġiet stabbilita meta huwa uża d-data ta’ konnessjoni Facebook tiegħu sabiex jirreġistra ruħu f’dan is-sit internet. It-tieni nett, huwa talab li jiġi indikat lilu liema data personali li tikkonċernah kienet ġiet ipproċessata jew maħżuna u liema, jekk kien il-każ, kienet ġiet ittrasferita lil terzi. It-tielet nett, huwa talab informazzjoni dwar il-bażi legali ta’ tali trasferiment kif ukoll dwar l-eżistenza ta’ salvagwardji eventwali dwar it-trasferiment lejn pajjiżi terzi li ma għandhomx livell adegwat ta’ protezzjoni. Ir-raba’ nett, huwa talab kopja tad-data tiegħu, inkluża dik maħżuna jew ipproċessata minn terzi bħal Facebook. |
|
9 |
Permezz ta’ posta elettronika tat‑22 ta’ April u tat‑2 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrent insista mal-Kummissjoni sabiex din tagħtih tweġiba għat-talba għal informazzjoni tal‑1 ta’ April 2022. |
|
10 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ġunju 2022, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors. |
|
11 |
Permezz ta’ posta elettronika tat‑30 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li hija kienet tqis li t-talba għal informazzjoni tal‑1 ta’ April 2022 kienet kważi identika għat-talba għal informazzjoni tad‑9 ta’ Novembru 2021 u li hija kienet diġà wieġbet għal din tal-aħħar permezz tal-posta elettronika tagħha tat‑3 ta’ Diċembru 2021. |
|
12 |
Amazon Web Services hija impriża stabbilita fl-Istati Uniti u AWS EMEA hija impriża stabbilita fil-Lussemburgu. Dawn iż-żewġ impriżi huma sussidjarji tal-impriża rregolata mid-dritt Amerikan Amazon.com, Inc. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
13 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
14 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-protezzjoni tad-data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni
|
15 |
L-Artikolu 16(1) TFUE u l-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdu li kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardah. |
|
16 |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1) jiddefinixxi regoli ġenerali maħsuba sabiex jipproteġu l-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u sabiex jiggarantixxu l-moviment liberu ta’ din id-data (Artikolu 1(1) tar-Regolament 2016/679). |
|
17 |
Ir-Regolament 2018/1725 jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u regoli relatati mal-moviment liberu ta’ data personali bejn dawn l-istituzzjonijiet u korpi jew lil destinatarji oħra stabbiliti fl-Unjoni (Artikolu 1(1) tar-Regolament 2018/1725). Dan ir-regolament jipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali (Artikolu 1(2) tar-Regolament 2018/1725). Dan japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u mill-korpi kollha tal-Unjoni (Artikolu 2(1) tar-Regolament 2018/1725). |
|
18 |
Il-premessa 5 tar-Regolament 2018/1725 tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull darba li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2018/1725 isegwu l-istess prinċipji bħad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679, dawn iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod omoġenju, b’mod partikolari minħabba l-fatt li s-sistema tar-Regolament 2018/1725 għandha tinftiehem bħala ekwivalenti għal dik tar-Regolament 2016/679. F’dan ir-rigward, minn qari konġunt tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament 2016/679 u tal-Artikolu 99 tar-Regolament 2018/1725 jirriżulta wkoll li dan ir-regolament tal-aħħar huwa adattat għall-prinċipji u għar-regoli tar-Regolament 2016/679. |
Fuq l‑ammissibbiltà
Ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament
|
19 |
Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament tat-trasferimenti tad-data personali tiegħu lejn pajjiżi terzi li ma għandhomx livell adegwat ta’ protezzjoni, li seħħew fit‑30 ta’ Marzu u fit‑8 ta’ Ġunju 2022 (iktar ’il quddiem it-“trasferimenti kontenzjużi”). |
|
20 |
Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ din it-talba għal annullament minħabba li ma hijiex diretta kontra att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, iżda hija intiża sabiex tiġi indirizzata lilha ordni. |
|
21 |
Ir-rikorrent isostni l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament, billi jsostni li t-trasferimenti kontenzjużi huma atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti u li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tiegħu, billi jippreġudikaw id-dritt fundamentali tiegħu għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta. Kull interpretazzjoni oħra tkun inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, filwaqt li l-Artikolu 64(1) tar-Regolament 2018/1725 jirrikonoxxi espliċitament dan id-dritt. |
|
22 |
Kif ifakkru l-Artikolu 64(1) u l-premessa 79 tar-Regolament 2018/1725, kull persuna għandha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont it-Trattati, jekk hija tqis li d-drittijiet mogħtija lilha mill-imsemmi regolament jkunu ġew miksura. |
|
23 |
Minn dan isegwi li, fil-kuntest tar-Regolament 2018/1725, kull persuna kkonċernata għandha d-dritt, b’mod partikolari, li tippreżenta rikors għal annullament fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 263 TFUE. |
|
24 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE jista’ jiġi ppreżentat fir-rigward ta’ kull att tal-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tiegħu, li huwa intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Total u Elf Aquitaine, C‑351/15 P, EU:C:2017:27, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix effetti legali vinkolanti, hemm lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u li jiġu evalwati l-effetti tiegħu fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li jkun adottah (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF, C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
F’dan il-każ, ir-rikorrent jitlob l-annullament tat-trasferimenti kontenzjużi, li, fil-fehma tiegħu, seħħew tliet darbiet. Fl-ewwel lok, waqt il-konsultazzjoni tiegħu tas-sit internet tal-KFE tat‑30 ta’ Marzu 2022 (iktar ’il quddiem it-“trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat‑30 ta’ Marzu 2022”), data personali li tappartjeni lilu, b’mod partikolari l-indirizz IP tiegħu kif ukoll informazzjoni dwar il-browser u t-terminal tiegħu, ġiet ittrasferita lill-impriża Amerikana Amazon Web Services, fil-kwalità tagħha ta’ operatur tan-network ta’ tixrid ta’ kontenut imsejjaħ Amazon CloudFront, li jintuża mill-imsemmi sit internet. |
|
27 |
Fit-tieni lok, waqt il-konnessjoni stabbilita mir-rikorrent, fit‑30 ta’ Marzu 2022, mas-servizz ta’ awtentikazzjoni ta’ utent tal-Kummissjoni EU Login, bl-għajnuna tal-kont Facebook tiegħu, sabiex jirreġistra għall-avveniment “GoGreen” fuq is-sit internet tal-KFE (iktar ’il quddiem it-“trasferiment kontenzjuż waqt il-konnessjoni mal-EU Login tat‑30 ta’ Marzu 2022”), data personali li tappartjeni lilu, b’mod partikolari l-indirizz IP tiegħu kif ukoll informazzjoni dwar il-browser tiegħu u t-terminal tiegħu, ġiet ittrasferita lill-impriża Amerikana Meta Platforms, Inc. |
|
28 |
Fit-tielet lok, waqt il-konsultazzjonijiet, mir-rikorrent, tas-sit internet tal-KFE tat‑8 ta’ Ġunju 2022 (iktar ’il quddiem it-“trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjonijiet tas-sit internet tal-KFE tat‑8 ta’ Ġunju 2022”), data personali tiegħu ġiet ittrasferita lejn server ta’ Amazon CloudFront li jinsab f’Newark (New Jersey, l-Istati Uniti). |
|
29 |
Barra minn hekk, fir-rikors tiegħu r-rikorrent isemmi li huwa aċċeda għas-sit internet tal-KFE fid‑9 ta’ Novembru 2021 u li huwa rreġistra ruħu fis-sit internet tal-KFE f’din id-data bl-għajnuna tal-kont Facebook tiegħu. Madankollu, huwa ma jinvoka ebda element konkret li jippermetti li jiġi konkluż li dawn iċ-ċirkustanzi huma koperti mit-talba tiegħu għall-annullament tat-trasferimenti kontenzjużi. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-trasferimenti inkwistjoni msemmija fil-punti 26 sa 28 iktar ’il fuq. |
|
30 |
Għandu jiġi rrilevat li t-trasferimenti kontenzjużi li r-rikorrent jitlob l-annullament tagħhom, imsemmija fil-punti 26 sa 28 iktar ’il fuq, jikkorrispondu, skont ir-rikorrent stess, għal operazzjonijiet informatiċi ta’ migrazzjoni ta’ data li tnedew minn sistemi jew servizzi informatiċi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari s-sit internet tal-KFE, lejn servers li jappartjenu lil impriżi terzi stabbiliti barra mit-territorju tal-Unjoni. |
|
31 |
Huwa ċertament minnu li l-operazzjoni li tikkonsisti fit-trasferiment ta’ data personali minn istituzzjoni jew minn korp tal-Unjoni lejn pajjiż terz tikkostitwixxi, bħala tali, ipproċessar ta’ data personali, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725, imwettaq fit-territorju tal-Unjoni, ipproċessar li għalih japplika dan ir-regolament skont l-Artikolu 2(5) tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Schrems II, EU:C:2020:559, punt 83). |
|
32 |
Madankollu, l-operazzjonijiet kollha li jistgħu jwasslu għal trasferiment ta’ data personali, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725, ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq. |
|
33 |
F’dan il-każ, anki jekk jitqies li t-trasferimenti kontenzjużi ntwerew, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkostitwixxu atti materjali u mhux atti ġuridiċi. Fil-fatt, it-trasferimenti kontenzjużi, kif deskritti fir-rikors, huma operazzjonijiet informatiċi ta’ migrazzjoni ta’ data minn terminal jew minn server lejn ieħor, li jirriżultaw minn interazzjonijiet bejn ir-rikorrent u sistemi jew servizzi informatiċi tal-Kummissjoni, waqt il-konsultazzjonijiet tiegħu tas-sit internet tal-KFE jew tas-servizz EU Login. Min-naħa l-oħra, it-trasferimenti kontenzjużi ma humiex atti tal-Kummissjoni li jipproduċu effetti legali vinkolanti, jiġifieri ma humiex maħsuba sabiex jirregolaw sitwazzjoni legali u, kif jirriżulta min-natura tagħhom stess, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kellha l-intenzjoni li tagħtihom tali effetti. |
|
34 |
Għaldaqstant, it-trasferimenti kontenzjużi ma jistgħux jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jitqiesu atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
35 |
Minn dan isegwi li t-talbiet għal annullament tar-rikorrent għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
Ammissibbiltà tat-talbiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni
|
36 |
Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni illegalment naqset milli tieħu pożizzjoni dwar it-talba għal informazzjoni tal‑1 ta’ April 2022. |
|
37 |
Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ din it-talba għal nuqqas li tittieħed azzjoni, minħabba l-assenza ta’ sejħa għal teħid ta’ azzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal nuqqas li tittieħed azzjoni, fid-dawl tat-tweġiba tagħha lir-rikorrent permezz ta’ posta elettronika tat‑30 ta’ Ġunju 2022. |
|
38 |
Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni għadha obbligata twieġeb għat-talba għal informazzjoni tal‑1 ta’ April 2022, peress li l-informazzjoni li hija pprovdiet permezz tal-posta elettronika tagħha tat‑30 ta’ Ġunju 2022 hija insuffiċjenti u ineżatta. |
|
39 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 265 TFUE huwa bbażat fuq l-idea li n-nuqqas illegali ta’ azzjoni tal-istituzzjoni inkwistjoni jippermetti li l-qorti tal-Unjoni tiġi adita sabiex din tiddikjara li l-astensjoni milli tittieħed azzjoni tmur kontra t-Trattat, meta l-istituzzjoni kkonċernata ma tkunx irrimedjat għal din l-astensjoni (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1988, Il-Parlament vs Il‑Kunsill, 377/87, EU:C:1988:387, punt 9; ara wkoll, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, T‑521/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:976, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Fil-każ li l-att li n-nuqqas tiegħu huwa s-suġġett tat-tilwima jkun ġie adottat wara li jkun ġie ppreżentat ir-rikors, iżda qabel ma tingħata s-sentenza, dikjarazzjoni tal-qorti tal-Unjoni li tikkonstata l-illegalità tal-astensjoni inizjali ma tkunx għad tista’ twassal għall-konsegwenzi previsti mill-Artikolu 266 TFUE. Minn dan jirriżulta li, f’tali każ, is-suġġett tar-rikors ma jkunx għadu jeżisti, b’tali mod li ma jkunx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1988, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, 377/87, EU:C:1988:387, punti 10 u 11; ara wkoll id-digriet tat‑13 ta’ Diċembru 2000, Sodima vs Il-Kummissjoni, C‑44/00 P, EU:C:2000:686, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wieġbet għat-talba għal informazzjoni tal‑1 ta’ April 2022, permezz tal-posta elettronika tagħha tat‑30 ta’ Ġunju 2022 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-Kummissjoni temmet in-nuqqas li tittieħed azzjoni allegata mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors. Għalhekk, it-tieni kap tat-talbiet intiż sabiex jiġi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 265 TFUE, nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni fl-assenza ta’ tweġiba għat-talba għal informazzjoni tal‑1 ta’ April 2022 ma għadx għandu skop. |
|
42 |
Il-fatt li l-kontenut tal-posta elettronika tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2022 ma jikkorrispondix mat-tweġiba mixtieqa mir-rikorrent huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-fatt li dan it-teħid ta’ pożizzjoni tal-istituzzjoni ma jissodisfax lir-rikorrenti huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-Artikolu 265 TFUE jirrigwarda n-nuqqas li tittieħed azzjoni minħabba nuqqas li tittieħed deċiżjoni jew pożizzjoni u mhux l-adozzjoni ta’ att differenti minn dak li din il-parti tkun xtaqet jew qieset neċessarju (ara d-digriet tas‑6 ta’ April 2017, Brancheforeningen for Regulerkraft i Danmark vs Il-Kummissjoni, T‑203/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:279, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Minn dan isegwi li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet tar-rikorrent għal nuqqas li tittieħed azzjoni u ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet imqajma mill-Kummissjoni. |
Fuq it‑talbiet għad‑danni
|
44 |
Permezz tat-tielet kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent iressaq żewġ talbiet għal kumpens. Fl-ewwel lok, huwa jitlob il-ħlas ta’ EUR 800 bħala kumpens għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, mill-Kummissjoni, tad-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-informazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 14(3) u (4) u tal-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament 2018/1725 kif ukoll tal-prinċipju ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament. Fit-tieni lok, huwa jitlob il-ħlas ta’ EUR 400 bħala kumpens għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab minħabba t-trasferimenti kontenzjużi, li seħħew bi ksur tal-Artikolu 46 tal-Artikolu 48(1) u (2)(b) tar-Regolament 2018/1725. |
|
45 |
Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tat-talbiet għad-danni. |
Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fl-ambitu tar-Regolament 2018/1725
|
46 |
L-Artikolu 65 tar-Regolament 2018/1725 jipprevedi li kull persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew morali minħabba ksur tal-imsemmi regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni għad-dannu mġarrab, suġġett għall-“kundizzjonijiet stipulati fit-Trattati”. |
|
47 |
Hemm lok li dan l-Artikolu 65 tar-Regolament 2018/1725 jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi li d-dritt li jinkiseb mingħand l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni l-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba ksur ta’ dan ir-regolament huwa suġġett għall-kundizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha tikkumpensa, skont il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, id-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. |
|
48 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jippreżupponi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih jiġu akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 39 sa 42, u tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il-Kummissjoni, C‑650/19 P, EU:C:2021:879, punt 138). |
|
49 |
In-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplika li, meta waħda minnhom ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għad-danni għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punti 14 u 63; ara, ukoll, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il-Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Fir-rigward tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt maħsuba sabiex tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Dan ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni huwa maħsub, irrispettivament min-natura tal-att illegali inkwistjoni, sabiex jiġi evitat li r-riskju li jkollhom jiġu kkumpensati d-danni allegati mill-persuni kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ portata normattiva jew li timplika għażliet ta’ politika ekonomika u kif ukoll fil-kuntest tal-kompetenza amministrattiva tagħha, u dan mingħajr ma jgħaddi fuq l-individwi l-oneru tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u mhux skużabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, East West Consulting vs Il-Kummissjoni, T‑298/16, EU:T:2018:967, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
Il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jitqies li ksur ikun suffiċjentement serju huwa n-nuqqas manifest u gravi ta’ osservanza, min-naħa tal-istituzzjoni jew tal-korp tal-Unjoni kkonċernat, tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jew dan il-korp ikollu biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, EU:C:2002:736, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistabbilixxi ebda rabta awtomatika bejn, minn naħa, l-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-kwalifika tal-ksur bħala ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, T‑429/05, EU:T:2010:60, punt 59). Fil-fatt, minkejja li tippreżenta natura determinanti, il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata ma tikkostitwixxix kriterju esklużiv. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod kostanti li s-sistema li hija stabbilixxiet abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tieħu, barra minn hekk, inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li kellhom jiġu rregolati u d-diffikultajiet fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tat-testi (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew, b’mod iktar ġenerali, il-qasam, il-kundizzjonijiet u l-kuntest li fihom ir-regola miksura hija imposta fuq l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat (ara s-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, L-Ombudsman vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Minn dan isegwi li hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li, f’ċirkustanzi analogi, ma kinitx twettaq amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni. Għalhekk, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha, wara li tiddetermina jekk l-istituzzjoni kkonċernata kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata, id-diffikultajiet fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni tat-testi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura u n-natura intenzjonali jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il-Kummissjoni, T‑429/05, EU:T:2010:60, punt 62). |
|
54 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar ir-realtà tad-dannu, dan tal-aħħar għandu jkun reali u ċert, fatt li għandu jiġi pprovat mir-rikorrent (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, dannu purament ipotetiku u indeterminat ma jagħtix dritt għal kumpens (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mar-rabta kawżali, din tikkonċerna l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta biżżejjed bejn l-aġir ikkritikat tal-istituzzjoni u d-dannu, rabta li huwa r-rikorrent li għandu jipprova, b’mod li l-aġir ikkritikat għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs ASPLA u Armando Álvarez, C‑174/17 P u C‑222/17 P, EU:C:2018:1015, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikors għad-danni, ibbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ġie stabbilit bħala rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fl-ambitu tas-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba għall-finijiet tal-għan speċifiku tiegħu, b’tali mod li d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba għal annullament ma twassalx awtomatikament għal dik tat-talba għal kumpens (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Minn dan isegwi li ċ-ċaħda tat-talba għal annullament minħabba l-inammissibbiltà tagħha u ċ-ċaħda tat-talba għal nuqqas li tittieħed azzjoni minħabba li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuqha, skont il-punti 35 u 43 iktar ’il fuq, ma jimplikawx, konsegwentement, iċ-ċaħda bħala inammissibbli tat-talbiet għal kumpens imsemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq. |
|
58 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti invokati mir-rikorrent fil-kuntest tat-talbiet tiegħu għal kumpens. |
Fuq l-ewwel talba għad-danni, intiża għall-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta minn ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni
|
59 |
Permezz tal-ewwel talba għad-danni tiegħu, ir-rikorrent jitlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu s-somma ta’ EUR 800, bħala kumpens għad-dannu morali subit wara l-ksur tad-dritt ta’ aċċess tiegħu għall-informazzjoni. |
|
60 |
Qabelxejn, ir-rikorrent jikkritika lill-Kummissjoni talli ma weġbitx għat-talba għal informazzjoni tal‑1 ta’ April 2022 fit-terminu stabbilit u talli ma kkomunikatlux ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ azzjoni tagħha, bi ksur tal-Artikolu 14(3) u (4) u tal-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament 2018/1725 kif ukoll tal-prinċipju ta’ trasparenza, previst fl-Artikolu 4(1)(a) tal-istess regolament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma osservatx l-Artikolu 17(1)(c) u (2) tar-Regolament 2018/1725, sa fejn id-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata, li tinsab fis-sit internet tal-KFE, ma tinkludix informazzjoni dwar it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi u dwar eventwali salvagwardji xierqa għall-finijiet tal-imsemmi trasferiment, kif meħtieġ mill-Artikolu 48 tal-imsemmi regolament. Minbarra dan kollu, fil-posta elettronika tat‑3 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni żbaljata, sa fejn hija ċaħdet it-trasferiment ta’ data personali tar-rikorrent lejn destinatarji li jinsabu fl-Istati Uniti. |
|
61 |
Sussegwentement, ir-rikorrent isostni li n-nuqqas irregolari ta’ azzjoni tal-Kummissjoni pprekludih milli jikkontrolla l-ipproċessar tad-data personali tiegħu, li jikkostitwixxi dannu morali fis-sens tal-premessa 46 tar-Regolament 2018/1725. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li dan id-dannu morali, li huwa jevalwa fl-ammont ta’ EUR 800, huwa direttament ikkawżat mill-aġir żbaljat tal-Kummissjoni. |
|
62 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti, billi ssostni, essenzjalment, li ebda waħda mill-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ma hija ssodisfatta f’dan il-każ. |
|
63 |
Qabelxejn, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir ikkritikat, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrent invokax il-ksur ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi. |
|
64 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament 2018/1725 jistabbilixxi dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata għal informazzjoni dwar id-destinatarji li lilhom id-data personali tiegħu tkun ġiet ikkomunikata, b’mod partikolari d-destinatarji stabbiliti f’pajjiżi terzi. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tikkonkretizza l-prinċipju, stipulat fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament 2018/1725, li kull informazzjoni u kull komunikazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali għandhom ikunu faċilment aċċessibbli. |
|
65 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 14(3) tar-Regolament 2018/1725 jistabbilixxi terminu ta’ xahar għall-kontrollur tad-data personali sabiex iwieġeb għat-talbiet għal informazzjoni. Minbarra dan, l-Artikolu 14(4) ta’ dan ir-regolament jimponi fuq il-kontrollur tad-data personali, fil-każ li jiddeċiedi li ma jilqax it-talba, li jinforma lill-applikant, f’terminu ta’ xahar, bir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu kif ukoll bil-possibbiltà li l-applikant iressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) u azzjoni ġudizzjarja. Dawn id-dispożizzjonijiet huma għalhekk regoli ta’ proċedura amministrattiva li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar data personali tal-persuna kkonċernata, billi jikkonkretizzawh u jimmodulawh. Minbarra dan, dawn id-dispożizzjonijiet jikkontribwixxu għall-konkretizzazzjoni tad-dritt mogħti lil kull persuna, skont l-Artikolu 41 tal-Karta, li l-kawża tagħha tiġi ttrattata f’terminu raġonevoli mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni. |
|
66 |
Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(a), tal-Artikolu 14(3) u (4) u tal-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament 2018/1725, moqrija flimkien, jikkostitwixxu regoli tad-dritt li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq. |
|
67 |
Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-Kummissjoni huwiex stabbilit f’dan il-każ. |
|
68 |
Minn naħa, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 17(1)(c) u (2) tar-Regolament 2018/1725, sa fejn id-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata li tinsab fis-sit internet tal-KFE ma tinkludix informazzjoni dwar it-trasferiment ta’ data personali lil destinatarji stabbiliti f’pajjiżi terzi, dwar eventwali salvagwardji xierqa dwar l-imsemmi trasferiment, jew dwar l-identifikazzjoni tal-kontraenti bħala destinatarji ta’ din id-data. |
|
69 |
Kif imsemmi fil-punt 64 iktar ’il fuq, l-Artikolu 17(1)(c) u (2) tar-Regolament 2018/1725 jipprevedi li l-persuna kkonċernata għandha b’mod partikolari d-dritt li tikseb informazzjoni dwar id-destinatarji stabbiliti f’pajjiżi terzi, li lilhom id-data personali tkun ġiet ikkomunikata, kif ukoll dwar is-salvagwardji xierqa fir-rigward tat-trasferimenti ta’ data lil dawn id-destinatarji. |
|
70 |
Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata għal ċerta informazzjoni, iżda ma jipprevedux li l-imsemmija informazzjoni għandha tidher b’mod obbligatorju f’dokument partikolari, jew f’dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata, bħal dik li tinsab fis-sit internet tal-KFE. Fi kliem ieħor, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li l-informazzjoni inkwistjoni għandha tiġi żvelata permezz tal-imsemmija dikjarazzjoni. Madankollu, ir-rikorrent, bħal kull persuna kkonċernata, iżomm id-dritt li jikseb tali informazzjoni permezz tal-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-informazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 17(1)(c) u (2) tar-Regolament 2018/1725, kwistjoni li tmur lil hinn mill-portata tal-illegalità li r-rikorrent jallega fil-konfront tal-Kummissjoni, li hija limitata għall-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata (ara l-punt 68 iktar ’il fuq). |
|
71 |
Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, mill-kliem tal-imsemmija dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata, annessa mar-rikors, jirriżulta li din tinkludi informazzjoni dwar id-destinatarji jew kategoriji ta’ destinatarji li lilhom id-data personali ġiet jew ser tiġi kkomunikata. B’hekk, fil-punt 7 tal-imsemmija dikjarazzjoni jissemma b’mod partikolari li l-aċċess għad-data huwa “mogħti lill-persunal awtorizzat tal-[Kummissjoni] u lill-kontraenti tagħha responsabbli għat-twettiq tal-operazzjoni ta’ pproċessar inkwistjoni, skont il-prinċipju ta’ ‘ħtieġa ta’ tagħrif’”. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-imsemmija dikjarazzjoni ma tinkludix informazzjoni dwar it-trasferiment ta’ data personali lil destinatarji stabbiliti f’pajjiżi terzi huwa bbażat fuq l-ipoteżi li l-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE timplika trasferiment ta’ data personali tal-utenti lejn pajjiż terz. Madankollu, din it-talba għad-danni hija bbażata fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni u mhux fuq dak tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi li, barra minn hekk, hija l-bażi tat-tieni talba għad-danni. |
|
72 |
Għaldaqstant, f’dan il-każ ma ntweriex li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 17(1)(c) u (2) tar-Regolament 2018/1725, fir-rigward tad-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata li tinsab fis-sit internet tal-KFE. |
|
73 |
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jikkritika lill-Kummissjoni talli ma weġbitx għat-talba għal informazzjoni tal‑1 ta’ April 2022 fit-terminu stabbilit u talli ma kkomunikatlux ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ azzjoni tagħha, bi ksur tal-Artikolu 14(3) u (4) u tal-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament 2018/1725 kif ukoll tal-prinċipju ta’ trasparenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bagħtitlu informazzjoni żbaljata fil-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Diċembru 2021. |
|
74 |
Qabelxejn, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma jressaq ebda argument konkret insostenn ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza. Għaldaqstant, dan l-argument ma għandux kontenut awtonomu meta mqabbel mal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ risposta għat-talba għal informazzjoni u tal-obbligu li jiġu kkomunikati r-raġunijiet għall-iskadenza ta’ dan it-terminu. |
|
75 |
Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament 2018/1725 kif ukoll fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkomunikatlu informazzjoni żbaljata fil-posta elettronika tat‑3 ta’ Diċembru 2021 huma bbażati fuq l-ipoteżi li l-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE timplika trasferiment ta’ data personali tal-utenti lejn pajjiż terz. Issa, kif imsemmi fil-punt 71 iktar ’il fuq, din it-talba għad-danni hija bbażata fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni u mhux fuq dak tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi li hija l-bażi tat-tieni talba għad-danni. |
|
76 |
Għaldaqstant, f’dan il-każ ma ntweriex li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament 2018/1725. |
|
77 |
Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 14(3) u (4) tar-Regolament 2018/1725, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni wieġbet għat-talba għal informazzjoni tad‑9 ta’ Novembru 2021 fit-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament 2018/1725 (ara l-punti 5 u 7 iktar ’il fuq). Fir-rigward tat-talba għal informazzjoni tal-1 ta’ April 2022, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent, permezz ta’ posta elettronika tat‑30 ta’ Ġunju 2022, li hija kienet tqis li t-talba għal informazzjoni tal‑1 ta’ April 2022 kienet kważi identika għat-talba għal informazzjoni tad‑9 ta’ Novembru 2021 u li hija kienet diġà wieġbet għal din tal-aħħar permezz tal-posta elettronika tagħha tat‑3 ta’ Diċembru 2021 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). |
|
78 |
Minn dan isegwi li, fir-rigward tat-talba għal informazzjoni tal‑1 ta’ April 2022, il-Kummissjoni ma osservatx it-terminu ta’ xahar, previst fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament 2018/1725 (ara l-punt 65 iktar ’il fuq). |
|
79 |
Mill-punti 68 sa 78 iktar ’il fuq jirriżulta li l-unika illegalità allegata fil-konfront tal-Kummissjoni li hija stabbilita f’dan il-każ hija dik tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament 2018/1725. |
|
80 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi terminu mill-Kummissjoni jikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt, għandu jiġi eżaminat qabelxejn jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu kkawżax lir-rikorrent dannu morali reali u ċert, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 iktar ’il fuq. |
|
81 |
Fir-rigward tar-realtà tad-dannu morali allegatament subit, għandu jitfakkar li, għalkemm il-preżentazzjoni ta’ offerta ta’ provi ma hijiex neċessarjament meqjusa bħala kundizzjoni għar-rikonoxximent ta’ dannu morali, hija tal-inqas ir-responsabbiltà tar-rikorrent li jistabbilixxi li l-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni kkonċernata kien ta’ natura li kkawżalu tali dannu (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, C‑481/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:461, punt 38; ara, ukoll, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2019, Fulmen vs Il-Kunsill, T‑405/15, EU:T:2019:469, punt 188 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
82 |
F’dan il-każ, ir-rikorrent jitlob kumpens għal dannu morali fl-ammont ta’ EUR 800, billi jallega li l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni pprekludih milli jikkontrolla l-ipproċessar tad-data personali tiegħu. |
|
83 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali dannu morali ma ġiex ipprovat f’dan il-każ. Fil-fatt, l-unika illegalità stabbilita f’dan il-każ hija dik tan-nuqqas ta’ osservanza, mill-Kummissjoni, tat-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament 2018/1725 (ara l-punt 79 iktar ’il fuq). Issa, dan it-terminu ma nqabiżx b’iktar minn xahrejn (ara l-punt 77 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, it-talbiet għal informazzjoni tad‑9 ta’ Novembru 2021 u tal‑1 ta’ April 2022 kienu fundamentalment l-istess (ara l-punti 5 u 8 iktar ’il fuq), b’tali mod li r-rikorrent kien diġà rċieva risposta għal parti, tal-inqas, mit-talba tiegħu għal informazzjoni fit‑3 ta’ Diċembru 2021, data li fiha l-Kummissjoni wieġbet għat-talba għal informazzjoni tad‑9 ta’ Novembru 2021 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). |
|
84 |
Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni żbaljata (ara l-punt 75 iktar ’il fuq) jirrigwarda l-fondatezza tal-informazzjoni u mhux l-osservanza tar-regola ta’ proċedura li l-ksur tagħha ġie stabbilit fil-punt 78 iktar ’il fuq u għalhekk ma huwiex rilevanti sabiex jintwera d-dannu morali invokat. |
|
85 |
Minn dan isegwi li ma ntweriex li n-nuqqas ta’ osservanza, mill-Kummissjoni, tat-terminu previst fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament 2018/1725 kien ta’ natura li jikkawża lir-rikorrent id-dannu morali allegat. |
|
86 |
Konsegwentement, peress li waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hija nieqsa, hemm lok li l-ewwel talba għad-danni tar-rikorrent tiġi miċħuda. |
Fuq it-tieni talba għad-danni, intiża għall-kumpens tad-dannu morali li jirriżulta mit-trasferimenti kontenzjużi
|
87 |
Permezz tat-tieni talba għad-danni tiegħu, ir-rikorrent jitlob il-ħlas ta’ EUR 400 bħala kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba t-trasferimenti kontenzjużi msemmija fil-punti 26 sa 28 iktar ’il fuq, jiġifieri t-trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat‑30 ta’ Marzu 2022, it-trasferiment kontenzjuż waqt il-konnessjoni ma’ EU Login tat‑30 ta’ Marzu 2022 u t-trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjonijiet tas-sit internet tal-KFE tat‑8 ta’ Ġunju 2022. |
|
88 |
Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li t-trasferimenti kontenzjużi seħħew lejn destinatarji stabbiliti fl-Istati Uniti, pajjiż li ma għandux livell adegwat ta’ protezzjoni. Il-Kummissjoni ma semmiet ebda waħda mis-salvagwardji xierqa li jistgħu jiġġustifikaw dawn it-trasferimenti, previsti fil-Kapitolu V tar-Regolament 2018/1725, u għalhekk kisret l-Artikolu 46 u l-Artikolu 48(1) u (2)(b) ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta. It-trasferimenti kontenzjużi taw lok għal riskju ta’ aċċess għad-data tar-rikorrent mis-servizzi tas-sigurtà u tal-ġbir ta’ informazzjoni ta’ dan il-pajjiż u, konsegwentement, ikkawżawlu dannu morali, fis-sens tal-premessa 46 tar-Regolament 2018/1725, sa fejn huwa ġie mċaħħad mid-drittijiet u mil-libertajiet tiegħu u prekluż milli jeżerċita l-kontroll fuq id-data tiegħu. |
|
89 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti, billi ssostni, essenzjalment, li ebda waħda mill-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ma hija ssodisfatta f’dan il-każ. |
– Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz
|
90 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 2(5) tiegħu, ir-Regolament 2018/1725 għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali, kompletament jew parzjalment awtomatizzat, kif ukoll għall-ipproċessar mhux awtomatizzat ta’ data personali li tifforma parti jew li tkun maħsuba biex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar. |
|
91 |
Fit-tieni lok, il-kunċett ta’ “data personali” għandu jiġi interpretat bħala li jikkorrispondi għal kull informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725. |
|
92 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li t-trasferiment ta’ data jikkostitwixxi operazzjoni ta’ “pproċessar” ta’ data fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725. |
|
93 |
Fir-raba’ lok, għandu jiġi osservat li t-“trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali” huma rregolati mill-Kapitolu V tar-Regolament 2018/1725, li madankollu ma jiddefinixxihomx. |
|
94 |
Madankollu, mill-premessa 63 tar-Regolament 2018/1725 jirriżulta li t-trasferimenti msemmija mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V ta’ dan ir-regolament jikkonċernaw id-data personali ttrasferita mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni lil kontrolluri, proċessuri jew destinatarji oħra f’pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali. |
|
95 |
Barra minn hekk, minn interpretazzjoni sistematika tar-Regolament 2018/1725 jirriżulta li t-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi, fis-sens tal-Artikolu 46 tiegħu, jeżiġi, fl-ewwel lok, li l-kontrollur tad-data inkwistjoni jkun jappartjeni għal istituzzjoni jew korp tal-Unjoni u għalhekk ikun suġġett għall-imsemmi regolament (Artikolu 1 tar-Regolament 2018/1725); fit-tieni lok, li l-kontrollur iqiegħed, permezz ta’ trażmissjoni jew b’mod ieħor, data personali għad-dispożizzjoni ta’ destinatarju, b’mod partikolari ta’ persuna fiżika jew ġuridika oħra (il-punti 3 u 13 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725) u, fit-tielet lok, li dan id-destinatarju jkun stabbilit f’pajjiż terz (Artikolu 46 tar-Regolament 2018/1725), jiġifieri pajjiż li la huwa membru tal-Unjoni u lanqas taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). |
|
96 |
Fil-ħames lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament 2018/1725 huma intiżi li jippreżervaw, waqt it-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali, il-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi ggarantit fl-Unjoni, konformement mal-għan speċifikat fil-premessa 63 tiegħu. |
|
97 |
Fis-sitt lok, l-Artikolu 46 tar-Regolament 2018/1725 jipprevedi prinċipju ġenerali li jipprovdi li trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista’ jseħħ biss jekk, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament, il-kundizzjonijiet iddefiniti fil-Kapitolu V tiegħu jiġu osservati mill-kontrollur u mill-proċessur. |
|
98 |
Fis-seba’ lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet iddefiniti fil-Kapitolu V tar-Regolament 2018/1725, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 47(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista’ jseħħ meta l-Kummissjoni tkun iddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza adottata, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament 2016/679, li l-pajjiż jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni tiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni u li t-trasferiment ta’ data personali jsir esklużivament sabiex jippermetti t-twettiq tal-kompiti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-kontrollur. |
|
99 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ż-żewġ deċiżjonijiet ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni dwar l-Istati Uniti ġew iddikjarati invalidi. Minn naħa, permezz tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalida d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tas‑26 ta’ Lulju 2000 skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv u li tirrigwarda mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 119). Min-naħa l-oħra, permezz tas-sentenza Schrems II, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalida d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 tat‑12 ta’ Lulju 2016 skont id-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S. (ĠU 2016, L 207, p. 1). |
|
100 |
Minn dan isegwi li, fid-data tat-trasferimenti kontenzjużi, ma kienet teżisti ebda deċiżjoni ta’ adegwatezza, fis-sens tal-Artikolu 47 tar-Regolament 2018/1725, fir-rigward tal-Istati Uniti. |
|
101 |
Fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni dwar l-Istati Uniti, l-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/1725, li skontu t-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista’ jsir biss jekk il-kontrollur jew il-proċessur ikun ipprovda salvagwardji xierqa u sakemm il-persuni kkonċernati jkollhom drittijiet infurzabbli u rimedji legali effettivi, huwa applikabbli. |
|
102 |
Is-salvagwardji xierqa msemmija fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/1725, elenkati fl-Artikolu 48(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, jistgħu jiġu pprovduti b’mod partikolari minn klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data, adottati mill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 48(2)(b) ta’ dan ir-regolament. |
|
103 |
Madankollu, il-klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data previsti fl-Artikolu 48(2)(b) tar-Regolament 2018/1725 jistgħu jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-livell ta’ protezzjoni xierqa, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Schrems II, punti 133 u 134). |
|
104 |
Barra minn hekk, is-salvagwardji xierqa msemmija fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/1725 jistgħu jiġu pprovduti b’mod partikolari permezz ta’ klawżoli kuntrattwali, previsti fl-Artikolu 48(3)(a) tal-imsemmi regolament, konklużi bejn, minn naħa, il-kontrollur jew il-proċessur u, min-naħa l-oħra, il-kontrollur, il-proċessur jew id-destinatarju tad-data personali fil-pajjiż terz, bla ħsara għall-awtorizzazzjoni tal-KEPD. |
|
105 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta jistabbilixxu, rispettivament, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għal rimedju effettiv u għal qorti imparzjali. |
|
106 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat qabelxejn li t-tieni talba għad-danni tar-rikorrent hija bbażata fuq ksur, mill-Kummissjoni, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46 u tal-Artikolu 48(1) u (2)(b) tar-Regolament 2018/1725 kif ukoll tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta. Issa, mill-punti 91 sa 105 iktar ’il fuq jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament 2018/1725 jikkonkretizzaw drittijiet fundamentali, bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u huma maħsuba fl-intier tagħhom sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali fil-każ ta’ trasferiment ta’ din id-data lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. |
|
107 |
Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet li l-ksur tagħhom huwa invokat mir-rikorrent insostenn tat-tieni talba għad-danni tiegħu huma intiżi sabiex jipproteġu l-interess individwali tal-persuni kkonċernati u jikkostitwixxu għalhekk regoli tad-dritt li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 iktar ’il fuq. |
|
108 |
Issa hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni humiex issodisfatti għal kull wieħed mit-tliet trasferimenti kontenzjużi msemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq. |
|
109 |
Peress li t-trasferimenti kontenzjużi msemmija fil-punti 26 u 28 iktar ’il fuq seħħew minħabba l-użu, mis-sit internet tal-KFE, tan-network ta’ tixrid tal-kontenut jew “NTK” (bl-Ingliż, “content delivery network” jew “CDN”) imsejjaħ Amazon CloudFront (iktar ’il quddiem is-“servizz Amazon CloudFront”), jeħtieġ qabelxejn li l-kundizzjonijiet tal-funzjonament ta’ dan is-servizz jiġu mfittxija fil-kuntest ta’ dan is-sit internet. |
– Fuq il-funzjonament tas-servizz Amazon CloudFront fil-kuntest tas-sit internet tal-KFE
|
110 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li s-sit internet tal-KFE juża n-network ta’ tixrid tal-kontenut Amazon CloudFront u li dan in-network huwa attivat matul kull konsultazzjoni tal-imsemmi sit internet minn utent. |
|
111 |
Mill-proċess, b’mod partikolari mit-tweġibiet tal-partijiet għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑21 ta’ Lulju 2023 kif ukoll mit-trattazzjonijiet u mit-tweġibiet tagħhom waqt is-seduta tas‑17 ta’ Ottubru 2023, jirriżulta li, fl-ewwel lok, is-servizz Amazon CloudFront huwa servizz tal-internet li jħaffef id-distribuzzjoni tal-kontenut tal-internet, f’dan il-każ tal-kontenut tas-sit internet tal-KFE, lill-utenti. Is-servizz Amazon CloudFront ixerred il-kontenut permezz ta’ network globali ta’ servers jew ċentri ta’ data msejħa “spazji periferali” jew “servers periferali”. |
|
112 |
Fit-tieni lok, is-servizz Amazon CloudFront huwa bbażat fuq mekkaniżmu ta’ routing li jindirizza t-talba ta’ utent tas-sit internet tal-KFE lejn is-server periferali li jipprovdi l-iktar ħin dgħajjef ta’ latenza, skont prinċipju ta’ prossimità mat-terminal tal-utent, sabiex il-kontenut jiġi trażmess lill-utent fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli. Jekk, b’mod partikolari minħabba diffikultajiet tekniċi, is-server periferali li jkollu l-latenza l-iktar baxxa ma jkunx disponibbli, il-konnessjoni għandha tiġi stabbilita ma’ dak li jkollu t-tieni l-iktar latenza baxxa u hekk għal każijiet sussegwenti. |
|
113 |
Fit-tielet lok, is-servizz Amazon CloudFront jintuża għas-sit internet tal-KFE abbażi tal-kuntratt Nru 2020–1742, iffirmat bejn il-Kummissjoni u AWS EMEA, peress li din hija sussidjarja miżmuma mill-impriża tad-dritt Amerikan Amazon.com u li għandha s-sede tagħha fil-Lussemburgu (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). |
|
114 |
Fir-raba’ lok, fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, il-Kummissjoni għażlet, fir-rigward tas-sit internet tal-KFE, iż-żona ġeografika msejħa “Amerika ta’ Fuq (l-Istati Uniti, il-Messiku, il-Kanada), l-Ewropa u l-Iżrael”. Dan ifisser li t-tixrid tal-kontenut ta’ dan is-sit internet ma jsirx permezz tan-network dinji ta’ spazji periferali tal-Amazon CloudFront, iżda biss permezz ta’ dawk li jinsabu fiż-żoni ġeografiċi msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri fl-Istati Uniti, fil-Messiku, fil-Kanada, fl-Ewropa u fl-Iżrael. |
|
115 |
Fil-ħames lok, minħabba l-prinċipju ta’ prossimità msemmi fil-punt 112 iktar ’il fuq, it-talbiet għal konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE mill-utenti tal-Unjoni huma normalment diretti lejn servers periferali tan-netwerk Amazon CloudFront li jinsabu f’dan it-territorju, filwaqt li l-każijiet fejn dawn it-talbiet huma diretti lejn servers barra mill-Unjoni huma rari. |
|
116 |
Fis-sitt lok, fir-rigward tal-infrastruttura tan-network ta’ spazji periferali ta’ Amazon CloudFront, mill-proċess jirriżulta li din hija pprovduta minn grupp ta’ impriżi, li wħud minnhom jappartjenu għall-grupp Amazon u oħrajn huma impriżi terzi u l-lista tagħhom tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit internet ta’ Amazon Web Services, skont iż-żona ġeografika kkonċernata. Fir-rigward taż-żona ġeografika msejħa “l-Amerika ta’ Fuq (l-Istati Uniti, il-Messiku, il-Kanada), l-Ewropa u l-Iżrael”, l-impriżi kkonċernati huma stabbiliti kemm fl-Istati Membri tal-Unjoni kif ukoll barra mill-Unjoni, b’mod partikolari fl-Istati Uniti, fl-Iżrael, fil-Messiku, fl-Iżvizzera jew fir-Renju Unit. Kull impriża topera servers fil-pajjiż fejn hija stabbilita u, konsegwentement, il-lokalizzazzjoni ġeografika tas-servers li huma involuti fil-provvista tas-servizz Amazon CloudFront tiddependi wkoll mil-lokalizzazzjoni tal-impriżi kkonċernati. |
|
117 |
Fis-seba’ lok, il-klawżoli tal-kuntratt bejn il-Kummissjoni u AWS EMEA jipprovdu, b’mod partikolari, dan li ġej:
|
|
118 |
Fit-tmien lok, il-Kummissjoni kkonsultat lill-KEPD dwar il-klawżoli kuntrattwali hawn fuq imsemmija, iżda dawn ma kinux is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni formali tiegħu, skont l-Artikolu 48(3)(a) tar-Regolament 2018/1725. |
– Trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat-30 ta’ Marzu 2022
|
119 |
[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Ġunju 2025] Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li, waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat‑30 ta’ Marzu 2022, huwa kkonstata li ċerta data personali tiegħu, b’mod partikolari l-indirizz IP tiegħu u informazzjoni dwar il-browser u t-terminal tiegħu, kienet ġiet ittrasferita lejn l-Istati Uniti. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-imsemmi sit internet juża network ta’ tixrid ta’ kontenut imsejjaħ “Amazon CloudFront”, li l-operatur tiegħu huwa Amazon Web Services, impriża Amerikana sussidjarja tal-impriża Amerikana Amazon.com. It-tieni, matul din il-konsultazzjoni, intbagħtet data personali tar-rikorrent lis-servizz Amazon CloudFront, speċifikament lis-server ta’ Amazon.com, stabbilit f’Seattle (Washington, l-Istati Uniti), li l-indirizz IP tiegħu huwa 18.66.192.74. It-tielet nett, iċ-ċavetta ta’ sigurtà użata mis-sit internet tal-KFE (imsejħa “ċertifikat SSL”) kienet ġiet ipprovduta minn Amazon, raġuni li għaliha għandu jiġi preżunt li din kellha l-possibbiltà li taċċedi għad-data personali kollha tar-rikorrent ittrasferita lejn is-servers tagħha, inklużi l-opinjonijiet tiegħu dwar il-futur tal-Ewropa. Ir-raba’, l-impriża li tipprovdi s-servizz Amazon CloudFront hija suġġetta għal-liġijiet Amerikani u għalhekk hija obbligata tikkomunika informazzjoni lis-servizzi tas-sigurtà u tas-sorveljanza tal-Istati Uniti, u dan anki fil-każ fejn is-servers jinsabu barra minn dan il-pajjiż. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma adottatx “miżuri addizzjonali”, fis-sens tas-sentenza Schrems II, sabiex tiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data ttrasferita lejn l-Istati Uniti. |
|
120 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
|
121 |
Fir-rigward tal-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat‑30 ta’ Marzu 2022, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrent ikkonsulta dan is-sit internet f’din id-data (ara l-punt 3 iktar ’il fuq) u li, matul din il-konsultazzjoni, saret trażmissjoni tal-indirizz IP tiegħu u tal-informazzjoni fuq il-browser u t-terminal tiegħu. |
|
122 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-indirizz IP għandu jiġi kklassifikat bħala data personali, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725, peress li jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li huma previsti fih. Minn naħa, din l-informazzjoni tirrigwarda persuna fiżika u, min-naħa l-oħra, hija relatata ma’ persuna identifikata jew identifikabbli, f’dan il-każ ir-rikorrent (sentenza tas‑26 ta’ April 2023, SRB vs KEPD, T‑557/20, appellata, EU:T:2023:219, punt 59; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended, C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 51, u tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 49). Fil-fatt, anki l-indirizzi IP imsejħa “dinamiċi”, li min-natura tagħhom jinbidlu, jikkorrispondu għal identità preċiża f’mument partikolari, li, f’dan il-każ, tikkoinċidi mal-mument li fih saret il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE. |
|
123 |
Intwera wkoll li t-trasferiment ta’ data msemmi fil-punt 121 iktar ’il fuq tnieda mis-sit internet tal-KFE, permezz tas-servizz Amazon CloudFront, lejn server li l-indirizz IP tiegħu huwa 18.66.192.74. |
|
124 |
Intwera wkoll li, fil-mument tal-fatti, l-indirizz IP 18.66.192.74 kien attribwit lil server li jinsab f’München (il-Ġermanja) u li dan is-server kien jappartjeni lill-impriża A 100 ROW GmbH, li kienet stabbilita fil-Ġermanja u li kienet tagħmel parti mil-lista ta’ impriżi msemmija fil-punt 116 iktar ’il fuq. |
|
125 |
Minn dan isegwi li, ċertament, waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat‑30 ta’ Marzu 2022, kien hemm trasferiment ta’ data personali, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725, tar-rikorrent, b’mod partikolari tal-indirizz IP tiegħu. |
|
126 |
Madankollu, f’dan il-każ ma ntweriex li, waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat‑30 ta’ Marzu 2022, kien hemm trasferiment ta’ data personali tar-rikorrent lejn pajjiż terz u, b’mod partikolari, lejn l-Istati Uniti. |
|
127 |
Min-naħa l-oħra, mill-punti 121 sa 124 iktar ’il fuq jirriżulta li, waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat‑30 ta’ Marzu 2022, it-trasferiment ta’ data personali tar-rikorrent tnieda mis-sit internet tal-KFE, permezz tas-servizz Amazon CloudFront, lejn server lokalizzat f’München. L-imsemmi server kien jappartjeni lil impriża stabbilita fil-Ġermanja, li kienet tagħmel parti min-network ta’ fornituri tal-infrastruttura tas-servizz Amazon CloudFront, li huwa pprovdut lill-Kummissjoni abbażi ta’ kuntratt ma’ AWS EMEA, impriża stabbilita fil-Lussemburgu. |
|
128 |
Minn dan isegwi li, waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat‑30 ta’ Marzu 2022, id-data personali tar-rikorrent ġiet trażmessa lil destinatarju stabbilit fl-Unjoni. |
|
129 |
Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li d-data personali tar-rikorrent ma telqitx mit-territorju tal-Unjoni, din id-data xorta waħda ġiet ittrasferita lil server li jagħmel parti min-network ta’ spazji periferali tas-servizz Amazon CloudFront, li jkopri, fir-rigward tat-tixrid tal-kontenut tas-sit internet tal-KFE, network ta’ spazji periferali li ma huwiex limitat għat-territorju taż-ŻEE, iżda li jmur lil hinn minnu (ara l-punt 116 iktar ’il fuq). |
|
130 |
Madankollu, iċ-ċirkustanzi konkreti deskritti fil-punt 127 iktar ’il fuq ma jurux l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ data personali lejn destinatarji stabbiliti barra mit-territorju taż-ŻEE, b’mod partikolari fl-Istati Uniti. |
|
131 |
It-trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat-30 ta’ Marzu 2022 għalhekk ma jikkorrispondix għal trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz, fis-sens tal-Artikolu 46 tar-Regolament 2018/1725, peress li l-kunċett ta’ trasferiment lejn pajjiż terz jeżiġi li d-data personali titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ destinatarju stabbilit barra miż-ŻEE (ara l-punt 93 iktar ’il fuq). |
|
132 |
L-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li AWS EMEA hija obbligata, bħala sussidjarja ta’ impriża Amerikana, li tittrażmetti data personali lill-awtoritajiet Amerikani, anki meta din id-data tkun maħżuna fit-territorju tal-Unjoni, ma jqegħidx f’dubju din il-konklużjoni. |
|
133 |
Għalkemm huwa ċertament minnu li l-aċċess għal data personali pproċessata fiż-ŻEE mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan il-pajjiż jikkostitwixxi trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz, fis-sens tal-Artikolu 46 tar-Regolament 2018/1725, xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, ma huwiex stabbilit li kien seħħ tali aċċess. Fil-fatt, ir-rikorrent la wera jew allega l-eżistenza ta’ trażmissjoni lill-awtoritajiet Amerikani ta’ kwalunkwe data personali tiegħu, u lanqas ma wera jew allega l-eżistenza ta’ talba minn dawn l-awtoritajiet dwar id-data li ġiet ittrasferita lill-imsemmi server ta’ Amazon CloudFront, li jinsab f’München. |
|
134 |
Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrent ma jirrigwardax ksur dirett tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament 2018/1725, iżda biss ir-riskju ta’ tali ksur, fil-każ li AWS EMEA, minħabba l-kwalità tagħha ta’ sussidjarja ta’ impriża Amerikana, ma tkunx f’pożizzjoni li topponi talba mill-awtoritajiet Amerikani dwar l-aċċess għal data maħżuna f’servers li jinsabu fit-territorju taż-ŻEE. |
|
135 |
Issa, is-sempliċi riskju ta’ aċċess għal data personali minn pajjiż terz ma jistax jikkorrispondi għal trasferiment ta’ data, fis-sens tal-Artikolu 46 tar-Regolament 2018/1725, kif interpretat fil-punt 93 iktar ’il fuq, peress li ma ntweriex li kien hemm trażmissjoni jew tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ destinatarju stabbilit f’pajjiż terz b’mod ieħor tad-data personali tar-rikorrent. Fi kliem ieħor, ir-riskju ta’ ksur tal-imsemmi Artikolu 46 ma jistax jiġi assimilat ma’ ksur dirett ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
136 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ din it-talba għad-danni, l-eżami tal-Qorti Ġenerali jirrigwarda l-verifika tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni u b’mod partikolari l-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni, li teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2018/1725 u tal-Karta invokati mir-rikorrent. |
|
137 |
F’dan ir-rigward, is-sempliċi riskju ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament 2018/1725 ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit aġir żbaljat tal-Kummissjoni, li jikkorrispondi għal ksur suffiċjentement serju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
138 |
Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-argument tar-rikorrent ibbażat fuq is-sentenza Schrems II. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar ċerti kundizzjonijiet li fihom jistgħu jseħħu trasferimenti ta’ data personali lejn l-Istati Uniti u mhux dwar dawk li fihom tali data tista’ tiġi pproċessata, fit-territorju taż-ŻEE, minn sussidjarji ta’ kumpanniji rregolati mid-dritt Amerikan, bħal AWS EMEA. |
|
139 |
Minn dak kollu premess jirriżulta li, fir-rigward tat-trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat‑30 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrent ma weriex li l-Kummissjoni kienet wettqet ksur suffiċjentement serju, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 iktar ’il fuq, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46 tal-Artikolu 48(1) u (2)(b) tar-Regolament 2018/1725 kif ukoll tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta. |
|
140 |
Konsegwentement, peress li waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hija nieqsa, hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni talba għad-danni f’dak li jirrigwarda t-trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat‑30 ta’ Marzu 2022, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrent. |
– Trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjonijiet tas-sit internet tal-KFE tat-8 ta’ Ġunju 2022
|
141 |
Ir-rikorrent isostni li, waqt il-konsultazzjonijiet tas-sit internet tal-KFE tat‑8 ta’ Ġunju 2022, trasferiment tad-data personali tiegħu, b’mod partikolari tal-indirizz IP tiegħu, seħħ lejn servers ta’ Amazon CloudFront li jinsabu fl-Istati Uniti. Skont ir-rikorrent, dawn it-trasferimenti ma jirriżultawx mill-attività tiegħu bħala utent tas-sit internet, iżda huma r-riżultat tal-funzjonament tas-servizz Amazon CloudFront, li fil-kuntest tiegħu r-riskju ta’ trasferiment ta’ data lejn l-Istati Uniti huwa inerenti għall-infrastruttura dinjija li fuqha huwa bbażat dan is-servizz. Is-sitwazzjoni tar-rikorrent ma hijiex differenti minn dik ta’ ċittadin tal-Unjoni li jikkonsulta s-sit internet tal-KFE waqt, pereżempju, vjaġġ professjonali fl-Istati Uniti. Il-Kummissjoni ma turix id-diliġenza kollha meħtieġa sabiex tevita t-trasferimenti ta’ data lejn l-Istati Uniti, peress li hija għażlet network ta’ tixrid ta’ kontenut ibbażat fuq struttura ta’ livell dinji, minflok soluzzjoni ta’ hosting purament Ewropea. |
|
142 |
Skont ir-rikorrent, l-imsemmi trasferiment ta’ data personali kkawżalu dannu morali, fis-sens tal-premessa 46 tar-Regolament 2018/1725, sa fejn huwa tilef il-kontroll tad-data tiegħu, li ġiet ittrasferita lejn l-Istati Uniti u suġġetta għal sorveljanza illegali mill-awtoritajiet Amerikani, u ġie mċaħħad mid-drittijiet u mil-libertajiet tiegħu. |
|
143 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
|
144 |
Preliminarjament u fid-dawl tal-argument tar-rikorrent, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ din it-talba għad-danni, l-eżami tal-Qorti Ġenerali ma jirrigwardax direttament il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tuża s-servizz Amazon CloudFront għat-tixrid tal-kontenut tas-sit internet tal-KFE, iżda l-verifika tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni fir-rigward tat-trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjonijiet tas-sit internet tal-KFE tat‑8 ta’ Ġunju 2022. |
|
145 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li qabelxejn tittratta l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir illegali tal-Kummissjoni u d-dannu morali invokat. |
|
146 |
Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali tikkonċerna l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta biżżejjed bejn l-aġir ikkritikat tal-istituzzjoni u d-dannu, rabta li huwa r-rikorrent li għandu jipprova, b’mod li l-aġir ikkritikat għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu. |
|
147 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rabta kawżali meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE hija stabbilita meta d-dannu jkun il-konsegwenza diretta tal-att illegali inkwistjoni (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2007, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑331/05 P, EU:C:2007:390, punt 23). |
|
148 |
Fir-rigward tan-natura diretta tar-rabta kawżali, il-Qorti Ġenerali diġà qieset li d-dannu għandu jirriżulta direttament mill-illegalità invokata u mhux minn għażla tar-rikorrent fir-rigward ta’ kif għandu jirreaġixxi għall-att allegatament illegali. B’hekk, ġie kkunsidrat li s-sempliċi fatt li l-aġir illegali kkostitwixxa kundizzjoni neċessarja (conditio sine qua non) għall-ħolqien tad-dannu, fis-sens li dan ma kienx jinħoloq fl-assenza ta’ dan l-aġir, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita rabta kawżali li tkun suffiċjentement diretta fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational CompanyKazchrome u ENRC Marketing vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑107/08, EU:T:2011:704, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Remag Metallhandel u Jaschinsky vs Il-Kummissjoni, T‑631/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:352, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
149 |
Għalhekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali rabta kawżali ma tintweriex meta d-dannu invokat ikun il-konsegwenza diretta tad-deċiżjoni stess jew tal-għażla libera tar-rikorrent u ma jistax, konsegwentement, jiġi imputat lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2007, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑331/05 P, EU:C:2007:390, punti 22 sa 29; tas‑17 ta’ Frar 2017, Novar vs EUIPO, T‑726/14, EU:T:2017:99, punti 31 u 32, u tat‑28 ta’ Frar 2018, Vakakis kai Synergates vs Il-Kummissjoni, T‑292/15, EU:T:2018:103, punt 173 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
150 |
F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk l-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni, jiġifieri l-użu tas-servizz Amazon CloudFront bħala network ta’ tixrid tal-kontenut tas-sit internet tal-KFE, huwiex il-kawża diretta tad-dannu morali invokat, li jikkonsisti fit-telf tal-kontroll fuq id-data personali tar-rikorrent li kienet is-suġġett ta’ trasferiment lejn l-Istati Uniti waqt il-konsultazzjonijiet tiegħu mal-imsemmi sit internet tat‑8 ta’ Ġunju 2022. |
|
151 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-proċess kif ukoll mit-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula waqt is-seduta jirriżulta li, fit‑8 ta’ Ġunju 2022, ir-rikorrent kien f’München u li huwa kkonsulta diversi drabi s-sit internet tal-KFE. Matul dawn il-konsultazzjonijiet, l-indirizz IP tar-rikorrent stabbilixxa konnessjonijiet suċċessivi ma’ diversi servers tas-servizz Amazon CloudFront, ġeografikament imbiegħda ħafna minn xulxin. B’hekk, fis‑7:13 huwa ngħaqad ma’ server li jinsab f’München, fil‑11:13 ma’ server li jinsab f’Londra (ir-Renju Unit), fis-12: 56 ma’ server li jinsab f’Hillsboro (Oregon, l-Istati Uniti), fis‑13:05 ma’ server li jinsab f’Newark u fis‑19:12 ma’ server li jinsab fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja). |
|
152 |
It-tieni nett, mill-proċess jirriżulta li l-indirizz IP tar-rikorrent ġie ttrasferit lid-diversi servers tas-servizz Amazon CloudFront imsemmija fil-punt 151 iktar ’il fuq, inklużi dawk li jinsabu fl-Istati Uniti. |
|
153 |
It-tielet nett, għandu jitfakkar li l-indirizz IP tar-rikorrent jikkostitwixxi data personali. |
|
154 |
Ir-raba’ nett, għandu jiġi osservat li, fit‑8 ta’ Ġunju 2022, is-sit internet tal-KFE għadd 4548 okkorrenzi ta’ aċċess u 18‑il indirizz IP differenti. Fosthom, indirizz IP wieħed, jiġifieri dak tar-rikorrent, stabbilixxa konnessjoni ma’ servers li jinsabu barra mill-Unjoni, jiġifieri fl-Istati Uniti u fir-Renju Unit. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li ma ntweriex u lanqas ma ġie allegat li, fit‑8 ta’ Ġunju 2022, is-servizz Amazon CloudFront għas-sit internet tal-KFE kellu problemi tekniċi jew ta’ natura oħra, tali li jipprekludu l-funzjonament normali tal-mekkaniżmu ta’ routing tiegħu skont il-prinċipju ta’ prossimità, li jindirizza t-talbiet tal-utenti tas-sit internet tal-KFE lejn is-server periferali li jipprovdi l-latenza l-iktar dgħajfa skont il-post ġeografiku tal-utent (ara l-punt 112 iktar ’il fuq). |
|
155 |
Il-ħames nett, fir-rigward taċ-ċirkustanzi madwar il-konnessjonijiet stabbiliti mill-indirizz IP tar-rikorrent għal servers li jinsabu fl-Istati Uniti, minn naħa, mill-proċess kif ukoll mit-tweġibiet tal-partijiet waqt is-seduta jirriżulta li r-rikorrent isostni li dawn il-konnessjonijiet kienu r-riżultat tal-funzjonament ta’ Amazon CloudFront u mhux ta’ kwalunkwe manipulazzjoni li huwa wettaq. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tosserva li dawn il-konnessjonijiet kienu atipiċi u jistgħu jiġu spjegati biss permezz ta’ manipulazzjoni teknika min-naħa tar-rikorrent. |
|
156 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 151 iktar ’il fuq juru li d-diversi lokalizzazzjonijiet tas-servers li magħhom ngħaqad l-indirizz IP tar-rikorrent ma jistgħux jirriżultaw minn spostamenti fiżiċi tar-rikorrent fl-istess jum, li huma impossibbli fid-dawl tad-distanzi u l-intervalli ta’ ħin inkwistjoni. Barra minn hekk, ma ntwera u ma ġie allegat ebda nuqqas ta’ funzjonament tas-servizz Amazon CloudFront, li jippermetti li jiġi konkluż li, fit‑8 ta’ Ġunju 2022, dan is-servizz kien jiffunzjona skont il-prinċipju ta’ prossimità mat-terminal tal-utent, il-mekkaniżmu tiegħu ta’ routing li jidderieġi t-talbiet tal-utenti tas-sit internet tal-KFE lejn is-server periferali li kien jipprovdi l-iktar ħin dgħajjef ta’ latenza (ara l-punt 154 iktar ’il fuq). |
|
157 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konnessjonijiet tal-indirizz IP tar-rikorrent ma’ servers li jinsabu fl-Istati Uniti meta kien jinsab fil-Ġermanja ma jistgħux jirriżultaw mill-funzjonament normali tas-servizz Amazon CloudFront, iżda pjuttost minn aġġustament tekniku mwettaq mir-rikorrent sabiex jibdel il-lokalizzazzjoni apparenti tiegħu, billi jippreżenta ruħu fil-qasam diġitali bħallikieku kien jinsab fl-istess jum suċċessivament f’postijiet qrib München, Londra, Hillsboro, Newark u Frankfurt am Main. |
|
158 |
Minn dan isegwi li, ċertament, huwa l-funzjonament tas-servizz Amazon CloudFront, bil-mekkaniżmu ta’ routing tiegħu li jiffunzjona skont il-prinċipju ta’ prossimità u li jkopri żona ġeografika iktar wiesgħa mit-territorju taż-ŻEE, li tinkludi b’mod partikolari l-Istati Uniti (ara l-punti 112 u 114 iktar ’il fuq), li ppermetta li, waqt il-konsultazzjonijiet tas-sit internet tal-KFE, l-indirizz IP tar-rikorrent stabbilixxa konnessjonijiet ma’ servers ta’ Amazon CloudFront li jinsabu fl-Istati Uniti. |
|
159 |
Madankollu, minkejja li l-użu, mill-Kummissjoni, tas-servizz Amazon CloudFront huwa kundizzjoni neċessarja għat-twettiq tat-trasferimenti ta’ data personali lejn l-Istati Uniti, imsemmija fil-punt 152 iktar ’il fuq, dan il-fatt ma huwiex biżżejjed, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, sabiex jistabbilixxi rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn id-dannu morali invokat mir-rikorrent u l-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni, li jikkonsisti fl-użu ta’ tali servizz bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament 2018/1725. |
|
160 |
Fil-fatt, huwa l-aġir tar-rikorrent li għandu jitqies li jikkostitwixxi l-kawża diretta u immedjata tad-dannu morali allegat u mhux in-nuqqas allegatament imwettaq mill-Kummissjoni bl-użu tas-servizz Amazon CloudFront. |
|
161 |
Għalhekk, huwa r-rikorrent li stabbilixxa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jipprovoka konnessjonijiet ma’ servers li jinsabu fl-Istati Uniti permezz tal-funzjonament tas-servizz Amazon CloudFront. Huwa l-aġir tar-rikorrent li kkawża r-riferiment permezz tal-mekkaniżmu ta’ routing tas-servizz Amazon CloudFront tat-talbiet tiegħu għal konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE lejn servers lokalizzati fl-Istati Uniti, peress li kienu dawn tal-aħħar li kellhom il-latenza l-iktar dgħajfa meta mqabbla mal-lokalizzazzjoni apparenti tar-rikorrent fil-qasam diġitali, meta din ma kinitx tikkorrispondi għal-lokalizzazzjoni reali tiegħu. |
|
162 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent ma huwiex fondat li jadotta aġir intiż li jikkawża ċertu riżultat (jiġifieri t-trasferiment tad-data personali tiegħu lejn pajjiż terz) u, sussegwentement, li jitlob kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat minn dan ir-riżultat, li l-aġir tiegħu kien il-kawża diretta tiegħu. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni bħal dak f’dan il-każ, is-sitwazzjoni tiegħu ma tistax tiġi evalwata b’mod simili għal dik ta’ utent li effettivament mar fl-Istati Uniti u li, konsegwentement, aċċeda għas-sit internet tal-KFE minn dan il-pajjiż. |
|
163 |
Minn dan kollu premess jirriżulta li, fir-rigward tat-trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjonijiet tas-sit internet tal-KFE tat‑8 ta’ Ġunju 2022, ma ntwerietx rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni u d-dannu morali invokat. |
|
164 |
Peress li waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija nieqsa, hemm lok li t-talba għad-danni tiġi miċħuda f’dak li jirrigwarda t-trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjonijiet tas-sit internet tal-KFE tat‑8 ta’ Ġunju 2022, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għall-istabbiliment tal-imsemmija responsabbiltà. |
– Trasferiment kontenzjuż waqt il-konnessjoni mal-EU Login tat-30 ta’ Marzu 2022
|
165 |
Ir-rikorrent isostni li, fit‑30 ta’ Marzu 2022, meta rreġistra ruħu fl-avveniment “GoGreen” disponibbli fuq is-sit internet tal-KFE, l-indirizz IP tiegħu kif ukoll informazzjoni dwar il-browser tiegħu u t-terminal tiegħu ġew ittrasferiti lejn l-impriża Meta Platforms, stabbilita fl-Istati Uniti, li hija l-proprjetarja tan-network soċjali Facebook. Fil-fatt, waqt din ir-reġistrazzjoni, ir-rikorrent ġie dirett lejn is-servizz ta’ awtentikazzjoni tal-Unjoni EU Login, li jipproponi, b’mod partikolari, li jiġi konness permezz ta’ diversi networks soċjali. Ir-rikorrent għażel il-konnessjoni permezz tal-kont Facebook tiegħu u, meta kklikkja fuq il-hyperlink li tidderiġih mill-ġdid lejn Facebook, din il-link wasslet għal trażmissjoni tal-indirizz IP tiegħu lil Facebook. Ir-rikorrent aċċetta biss il-“cookies essenzjali” ta’ Facebook. Data personali oħra tar-rikorrent, jiġifieri l-indirizz elettroniku tiegħu, ismu u kunjomu u r-ritratt tal-profil tiegħu, inġabret minn Facebook bl-għajnuna ta’ cookies, b’mod partikolari tal-cookie bl-isem “sb”, u ġiet ittrasferita lis-servers ta’ Meta Platforms. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-operaturi tas-siti internet li jużaw Facebook fis-siti internet tagħhom, bħalma huwa l-każ tal-Kummissjoni, huma responsabbli, flimkien ma’ Facebook, għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Il-Kummissjoni hija għalhekk koresponsabbli għat-tqegħid tal-cookies maħżuna minn Facebook. Ir-rikorrent tilef il-kontroll fuq id-data personali tiegħu trażmessa lil Facebook u ġie mċaħħad mid-drittijiet u mil-libertajiet tiegħu, u dan jikkostitwixxi dannu morali fis-sens tal-premessa 46 tar-Regolament 2018/1725. |
|
166 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni, essenzjalment, li hija la wettqet u lanqas nediet trasferimenti ta’ data lil Meta Platforms. Ma huwiex obbligatorju li wieħed jirreġistra permezz tal-EU Login sabiex jipparteċipa fl-avveniment “GoGreen” u, anki bl-użu tal-EU Login, ir-rikorrent kellu diversi possibbiltajiet ta’ awtentikazzjoni, inklużi possibbiltajiet li ma jirrikjedux l-użu ta’ kont fuq networks soċjali. Kienet għalhekk għażla tar-rikorrent li jingħaqad mas-servizz EU Login permezz tal-kont Facebook tiegħu u għalhekk kien hu, u mhux il-Kummissjoni, li nieda l-aċċess għas-sit internet ta’ Facebook. Barra minn hekk, fuq il-livell tekniku, l-għażla ta’ awtentikazzjoni minn Facebook titwettaq permezz tal-hyperlink muri fuq is-sit internet EU Login, li ma jinkludix data ta’ natura personali tal-utent. Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, id-data miġbura minn cookies użati minn Facebook ma hijiex ittrasferita lill-Kummissjoni waqt il-konnessjoni mal-EU Login u ma taqax taħt ir-responsabbiltà tagħha. Dawn il-cookies jirriżultaw mill-iskambji bejn Facebook u r-rikorrent, abbażi tal-kunsensi mogħtija minnu, peress li l-Kummissjoni ma kinitx involuta f’dawn l-iskambji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza invokata mir-rikorrent ma hijiex applikabbli f’dan il-każ u li, fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq allegata responsabbiltà konġunta tal-Kummissjoni u ta’ Meta Platforms huwa motiv ġdid invokat għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika li, konsegwentement, huwa inammissibbli. |
|
167 |
F’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi eżaminat il-kuntest fattwali li jagħmel parti minnu t-trasferiment kontenzjuż waqt il-konnessjoni mal-EU Login tat-30 ta’ Marzu 2022, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi li jirriżultaw mill-proċess kif ukoll it-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta u mill-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tad‑9 ta’ Frar 2024. |
|
168 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-avveniment “GoGreen”, organizzat minn korp ibbażat fil-Pajjiżi l-Baxxi, kien imħabbar fuq is-sit internet tal-KFE. Ir-reġistrazzjoni għal dan l-avveniment setgħet issir, b’mod partikolari, fis-sit internet tal-KFE, permezz tas-servizz EU Login. |
|
169 |
Ir-rikorrent għażel li jirreġistra fis-sit internet tal-KFE, billi uża l-EU Login. |
|
170 |
EU Login huwa s-servizz ta’ awtentikazzjoni tal-utent tal-Kummissjoni, li jipproteġi diversi mijiet ta’ siti internet u ta’ applikazzjonijiet relatati mal-Unjoni. F’dan il-każ, il-konnessjoni mal-EU Login, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni għall-avveniment “GoGreen”, kellha l-għan li tiżgura li din ir-reġistrazzjoni ssir permezz ta’ indirizz elettroniku vverifikat, b’mod li jitnaqqsu r-riskji marbuta mar-reġistrazzjoni ta’ utenti foloz jew mal-użurpazzjoni tal-identità. |
|
171 |
EU Login tesponi diversi għażliet ta’ konnessjoni fuq il-paġna internet tagħha. L-ewwel għażla hija li wieħed jingħaqad direttament mal-EU Login, jew billi jimla d-data ta’ konnessjoni f’kont tal-EU Login preeżistenti, jew billi joħloq kont għal dan is-servizz. It-tieni għażla hija li tintuża karta tal-identità elettronika “eID”, disponibbli għaċ-ċittadini ta’ ċerti Stati Membri. It-tielet għażla, li hija disponibbli għal numru limitat ta’ servizzi, tikkonsisti fl-użu ta’ kont li l-utent diġà għandu fuq Facebook, Twitter jew Google, billi jikklikkja fuq il-hyperlink korrispondenti, esposta fis-sit internet tal-EU Login. |
|
172 |
Il-possibbiltà ta’ konnessjoni mal-EU Login permezz ta’ kont Facebook tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni qieset li l-utenti għandhom jingħataw l-għażla li jingħaqdu mal-EU Login permezz ta’ kontijiet preeżistenti fuq pjattaformi, sabiex jingħataw aċċess iktar faċli u rapidu, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu awtentikati mingħajr il-ħtieġa ta’ ħolqien ta’ kont EU Login u b’hekk jevitaw li jimmultiplikaw l-għadd ta’ kontijiet u entitajiet li magħhom l-utenti jkunu meħtieġa jikkondividu d-data personali tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li Facebook kien affidabbli sabiex jivverifika l-indirizzi elettroniċi tal-utenti, fid-dawl tal-miżuri implimentati minnu. Madankollu, il-hyperlink li tippermetti l-konnessjoni permezz ta’ kont Facebook preeżistenti hija disponibbli fuq l-EU Login biss għal siti internet jew għal applikazzjonijiet li jeħtieġu biss livell bażiku ta’ sigurtà. |
|
173 |
Ir-rikorrent għażel li jingħaqad mal-EU Login permezz tal-kont Facebook tiegħu, billi uża l-hyperlink “Sign in with Facebook” li hija esposta fis-sit internet tal-EU Login (iktar ’il quddiem il-“hyperlink ‘konnessjoni permezz ta’ Facebook’”). |
|
174 |
Il-hyperlink “konnessjoni permezz ta’ Facebook” tinkludi link għal sit internet estern għall-Kummissjoni. Meta dan il-hyperlink jiġi attivat, billi jiġi kklikkjat, huwa jagħti aċċess għal indirizz URL tas-sit internet ta’ Facebook, jiġifieri għal indirizz individwali ta’ dan is-sit internet. |
|
175 |
L-aċċess għall-indirizz URL tas-sit internet ta’ Facebook jagħti lok għal komunikazzjoni bejn il-browser tal-utent u l-imsemmi sit internet, li fl-ambitu tagħha l-browser jittrażmetti l-indirizz IP tal-utent lis-sit internet inkwistjoni. Din it-trażmissjoni hija simili għal dik li sseħħ meta l-utent idaħħal direttament l-indirizz URL ta’ kwalunkwe sit internet fil-browser tiegħu, sa fejn l-indirizz IP għandu neċessarjament jiġi kkomunikat minn kull utent tal-internet li jkun jixtieq jaċċedi għal sit internet. |
|
176 |
Permezz tal-hyperlink “konnessjoni permezz ta’ Facebook”, EU Login tibgħat ċerta informazzjoni lil Facebook, li hija meħtieġa għall-proċess ta’ awtentikazzjoni u tieħu l-forma tal-eżempju li ġej: |
|
177 |
B’mod iktar preċiż, l-informazzjoni li tinsab fil-hyperlink “konnessjoni permezz ta’ Facebook” hija s-segwenti:
|
|
178 |
Ladarba l-utent jaċċedi għall-indirizz URL ta’ Facebook, huwa jkun jinsab fuq dan is-sit internet, li fih, l-ewwel nett, hija esposta tieqa li titlob lill-utent jaċċetta l-użu ta’ testi ta’ konnessjoni jew “cookies” minn Facebook. Sussegwentement, jekk il-cookies jiġu aċċettati, tinfetaħ tieqa oħra, li tippermetti li jimtela l-isem tal-utent u l-password tal-kont tal-utent fuq Facebook. Fl-aħħar nett, ladarba jiġi konness mal-kont Facebook tiegħu, l-utent jista’ jawtorizza lil Facebook juża cookies fuq applikazzjonijiet u siti internet oħra, billi jwieġeb għall-mistoqsija “Allow Facebook to use cookies and similar technologies placed on other apps and websites?”. Jekk l-utent jagħti l-kunsens tiegħu għal dan l-użu, huwa jiġi sussegwentement mistieden jagħti l-kunsens tiegħu sabiex Facebook jipprovdi lill-EU Login l-isem, il-kunjom, ir-ritratt tal-profil u l-indirizz tal-posta elettronika marbuta mal-kont Facebook tiegħu. Barra minn hekk, matul dan il-proċess kollu, l-utent jista’ jinterrompi l-awtentikazzjoni permezz tal-kont Facebook tiegħu, billi jagħżel l-għażla “Cancel”. F’dan il-każ, huwa jiġi dirett mill-ġdid lejn is-sit internet tal-EU Login, fejn tintwera mill-ġdid il-paġna bl-għażliet ta’ konnessjoni. |
|
179 |
F’dan il-każ, meta r-rikorrent ikklikkja fuq il-hyperlink “konnessjoni permezz ta’ Facebook”, il-browser tal-internet tiegħu aċċeda l-indirizz URL tas-sit internet ta’ Facebook u, konsegwentement, ikkomunika l-indirizz IP tiegħu lil dan is-sit internet. Sussegwentement, meta kien jinsab fuq is-sit internet ta’ Facebook, ir-rikorrent għażel l-għażliet li jippermettu lil Facebook juża biss cookies essenzjali, imbagħad huwa ngħaqad mal-kont Facebook tiegħu u, fl-aħħar nett, awtorizza lil Facebook jikkomunika lill-EU Login ismu, kunjomu, ir-ritratt tal-profil u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, kif kienu pprovduti minnu fil-kont Facebook tiegħu. |
|
180 |
Wara dawn l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mir-rikorrent, Facebook irritornah lejn is-sit internet tal-EU Login, konformement mal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-hyperlink “konnessjoni permezz ta’ Facebook” (ara l-ewwel u t-tieni inċiż tal-punt 177, iktar ’il fuq). |
|
181 |
Fl-istess ħin, Facebook ikkomunika lill-EU Login il-valur aleatorju ta’ sigurtà u l-kodiċi uniku msemmija fir-raba’ u l-ħames inċiżi tal-punt 177, iktar ’il fuq. Minn naħa, din il-komunikazzjoni ta’ Facebook ippermettiet lill-EU Login tkun taf li d-data personali li Facebook qiegħed għad-dispożizzjoni tagħha kienet tikkonċerna l-utent li kien nieda l-proċess ta’ awtentikazzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-rikorrent. Min-naħa l-oħra, din ippermettiet lill-EU Login taċċedi, għal perijodu limitat, għad-data personali msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 177, iktar ’il fuq, jiġifieri, b’mod partikolari, l-isem, il-kunjom u l-indirizz elettroniku tar-rikorrent, kif kienu pprovduti minnu fil-kont Facebook tiegħu. It-trażmissjoni ta’ din id-data minn Facebook lill-EU Login saret permezz ta’ konnessjoni kriptata bejniethom. Huwa fuq il-bażi tad-data pprovduta minn Facebook li l-EU Login awtentikat l-indirizz elettroniku tar-rikorrent. |
|
182 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li n-network soċjali Facebook huwa miżmum minn Meta Platforms, impriża stabbilita fl-Istati Uniti. |
|
183 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-wiri ta’ dan il-hyperlink fis-sit internet tal-EU Login huwa rregolat mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-pjattaforma Facebook, żvelati fl-indirizz internet “https://developers.facebook.com/terms”. |
|
184 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni humiex issodisfatti. |
|
185 |
Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li, waqt il-konnessjoni tiegħu mal-EU Login tat‑30 ta’ Marzu 2022, kien hemm trasferiment ta’ data personali li tappartjeni lilu, b’mod partikolari tal-indirizz IP tiegħu, lejn servers tan-network soċjali Facebook, li l-impriża proprjetarja tagħhom hija stabbilita fl-Istati Uniti. Dan it-trasferiment sar bi ksur tal-Artikolu 46 tar-Regolament 2018/1725 u kkawża lir-rikorrent dannu morali li jikkonsisti f’telf tal-kontroll tad-data tiegħu u f’ċaħda tad-drittijiet u tal-libertajiet tiegħu. |
|
186 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 95 iktar ’il fuq, trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz, fis-sens tal-Artikolu 46 tar-Regolament 2018/1725, jeżiġi li istituzzjoni, organu jew korp tal-Unjoni jqiegħed, permezz ta’ trażmissjoni jew b’mod ieħor, data personali għad-dispożizzjoni ta’ destinatarju stabbilit f’pajjiż terz, jiġifieri pajjiż li la huwa membru tal-Unjoni u lanqas taż-ŻEE. |
|
187 |
F’dan il-każ, intwera li, l-ewwel nett, fost l-għażliet ta’ konnessjoni mal-EU Login, ir-rikorrent għażel li jingħaqad permezz tal-kont Facebook tiegħu. It-tieni nett, il-hyperlink “konnessjoni permezz ta’ Facebook” tinkludi link għal indirizz URL tas-sit internet ta’ Facebook. It-tielet nett, meta r-rikorrent attiva dan il-hyperlink billi kklikkja fuqu, il-browser tiegħu aċċeda għall-indirizz URL tas-sit internet ta’ Facebook u, sussegwentement, ittrażmetta l-indirizz IP tiegħu lil Facebook (ara l-punti 173 sa 175 iktar ’il fuq). |
|
188 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, permezz tal-hyperlink “konnessjoni permezz ta’ Facebook”, esposta fil-paġna internet tal-EU Login, ħolqot il-kundizzjonijiet li jippermettu li l-indirizz IP tar-rikorrent jiġi trażmess lil Facebook. Issa, dan l-indirizz IP jikkostitwixxi data personali tar-rikorrent (ara l-punt 122 iktar ’il fuq) li, permezz tal-imsemmi hyperlink, ġiet trażmessa lil Meta Platforms, impriża stabbilita fl-Istati Uniti. Din it-trażmissjoni tikkorrispondi għalhekk għal trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz, fis-sens tal-Artikolu 46 tar-Regolament 2018/1725. |
|
189 |
Barra minn hekk, f’dan il-każ intwera li, fil-mument ta’ dan it-trasferiment ta’ data, jiġifieri fit‑30 ta’ Marzu 2022, ma kienet teżisti ebda deċiżjoni ta’ adegwatezza, fis-sens tal-Artikolu 47 tar-Regolament 2018/1725, fir-rigward tal-Istati Uniti (ara l-punt 100 iktar ’il fuq). |
|
190 |
Fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni dwar l-Istati Uniti, it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista’ jsir biss jekk il-kontrollur jew il-proċessur ikun ipprovda salvagwardji xierqa u sakemm il-persuni kkonċernati jkollhom drittijiet infurzabbli u rimedji legali effettivi, skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/1725 (ara l-punt 101 iktar ’il fuq). |
|
191 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni la wriet, u lanqas allegat, l-eżistenza ta’ salvawardja xierqa, b’mod partikolari ta’ klawżola standard ta’ protezzjoni tad-data jew ta’ klawżola kuntrattwali adottati taħt kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 48(2) u (3) tar-Regolament 2018/1725 (ara l-punti 102 sa 104 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, intwera li l-espożizzjoni tal-hyperlink “konnessjoni permezz ta’ Facebook” fis-sit internet tal-EU Login hija sempliċement irregolata mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-pjattaforma Facebook (ara l-punt 183 iktar ’il fuq). |
|
192 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni ħolqot il-kundizzjonijiet sabiex iseħħ trasferiment ta’ data personali mir-rikorrent lejn pajjiż terz, mingħajr madankollu ma jiġu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 tar-Regolament 2018/1725. |
|
193 |
Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrent, li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 iktar ’il fuq, tal-Artikolu 46 tar-Regolament 2018/1725, fir-rigward tat-trasferiment kontenzjuż waqt il-konnessjoni mal-EU Login tat-30 ta’ Marzu 2022. |
|
194 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni, relatati mad-dannu u mar-rabta kawżali, humiex issodisfatti f’dan il-każ. |
|
195 |
Ir-rikorrent jallega li t-trasferiment illegali tal-indirizz IP tiegħu lil impriża stabbilita fl-Istati Uniti kkawżalu dannu morali li jikkonsisti f’telf tal-kontroll tad-data tiegħu u f’ċaħda tad-drittijiet u tal-libertajiet tiegħu. |
|
196 |
F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-Artikolu 65 tar-Regolament 2018/1725 jagħti dritt għal kumpens mhux biss għad-dannu materjali, iżda wkoll għad-dannu morali sostnut minħabba ksur ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma hemm bżonn li jintwera xi livell ta’ gravità (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 45 u 51). |
|
197 |
F’dan il-każ, id-dannu morali invokat mir-rikorrent għandu jitqies bħala reali u ċert, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 iktar ’il fuq, sa fejn it-trasferiment imsemmi fil-punt 188 iktar ’il fuq, imwettaq bi ksur tal-Artikolu 46 tar-Regolament 2018/1725, qiegħed lir-rikorrent f’sitwazzjoni ta’ inċertezza fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu, b’mod partikolari tal-indirizz IP tiegħu. |
|
198 |
Barra minn hekk, teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 iktar ’il fuq, bejn il-ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 46 tar-Regolament 2018/1725 u d-dannu morali sostnut mir-rikorrent. |
|
199 |
Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-ammont tad-dannu morali kkawżat mill-Kummissjoni għandu jiġi evalwat ex æquo et bono fis-somma ta’ EUR 400. |
|
200 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 400 għad-dannu morali mġarrab li jirriżulta mit-trasferiment kontenzjuż waqt il-konnessjoni mal-EU Login tat‑30 ta’ Marzu 2022. |
Fuq l‑ispejjeż
|
201 |
Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, jekk il-partijiet jitilfu l-kawża rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. |
|
202 |
F’dan il-każ, ir-rikorrent tilef fuq l-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet tiegħu kif ukoll fuq parti tat-tielet kap tat-talbiet tiegħu. Madankollu, it-tielet kap tat-talbiet intlaqa’ parzjalment u l-Kummissjoni hija kkundannata tħallas il-kumpens li r-rikorrent talab bħala kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba t-trasferiment kontenzjuż waqt il-konnessjoni mal-EU Login tat‑30 ta’ Marzu 2022. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
|
Costeira Kancheva Öberg Zilgalvis Tichy-Fisslberger Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Jannar 2025. Firem |
Werrej
|
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑fatti sussegwenti għall‑preżentata tar‑rikors |
|
|
It‑talbiet tal‑partijiet |
|
|
Id‑dritt |
|
|
Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-protezzjoni tad-data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni |
|
|
Fuq l‑ammissibbiltà |
|
|
Ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament |
|
|
Ammissibbiltà tat-talbiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni |
|
|
Fuq it‑talbiet għad‑danni |
|
|
Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fl-ambitu tar-Regolament 2018/1725 |
|
|
Fuq l-ewwel talba għad-danni, intiża għall-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta minn ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni |
|
|
Fuq it-tieni talba għad-danni, intiża għall-kumpens tad-dannu morali li jirriżulta mit-trasferimenti kontenzjużi |
|
|
– Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz |
|
|
– Fuq il-funzjonament tas-servizz Amazon CloudFront fil-kuntest tas-sit internet tal-KFE |
|
|
– Trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjoni tas-sit internet tal-KFE tat-30 ta’ Marzu 2022 |
|
|
– Trasferiment kontenzjuż waqt il-konsultazzjonijiet tas-sit internet tal-KFE tat-8 ta’ Ġunju 2022 |
|
|
– Trasferiment kontenzjuż waqt il-konnessjoni mal-EU Login tat-30 ta’ Marzu 2022 |
|
|
Fuq l‑ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.