European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2255

7.10.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2255

tal-24 ta’ Settembru 2026

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda tal-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE (Kodiċi tan-Network dwar l-Ibbilanċjar tal-Gass tan-Networks ta’ Trażmissjoni)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Huwa xieraq li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 (3) jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif xieraq.

(5)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda tal-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness IV (Enerġija) għall-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

P. BURKE


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/2894/oj.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/1/oj.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 tas-26 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Network dwar l-Ibbilanċjar tal-Gass tan-Networks ta’ Trażmissjoni (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/312/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/…

ta’ …

li temenda l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 (1) jenħtieġ li jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 93/2017 (2), l-Iżlanda għandha deroga mir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li hija l-bażi legali għar-Regolament (UE) Nru 312/2014. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 312/2014 ma japplikax għall-Iżlanda.

(3)

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 312/2014 jipprevedi li dak ir-Regolament ma għandux japplika għal żoni ta’ bbilanċjar fl-Istati Membri li għandhom deroga abbażi tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). F’konformità mad-Direttiva 2009/73/KE, kif inkorporata fil-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 93/2017, tali deroga għandha tapplika għal-Liechtenstein. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 312/2014 ma japplikax għal-Liechtenstein.

(4)

Ma hemm l-ebda network ta’ trażmissjoni tal-gass fin-Norveġja soġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 312/2014 jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE u traspost fil-liġi nazzjonali, iżda jenħtieġ li l-applikazzjoni tiegħu tiġi sospiża sakemm jiġi stabbilit network operazzjonali ta’ trażmissjoni tal-gass fin-Norveġja. Meta jiġi stabbilit network operazzjonali ta’ trażmissjoni tal-gass, jenħtieġ li n-Norveġja tinnotifika lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kif xieraq.

(5)

Peress li r-Regolament (UE) Nru 312/2014 ġie adottat abbażi tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, it-testi tal-adattament elaborati u adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 93/2017, li jinkorporaw ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 fil-Ftehim ŻEE, huma rilevanti għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 312/2014.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IV tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-punt li ġej jiddaħħal wara l-punt 53 (ir-Regolament (UE)2020/740 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness IV tal-Ftehim ŻEE:

“54.

32014 R 0312: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 tas-26 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Network dwar l-Ibbilanċjar tal-Gass tan-Networks ta’ Trażmissjoni (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 15).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw bl-adattament li ġej:

In-Norveġja tista’ tissospendi l-implimentazzjoni tar-Regolament sakemm jibda jopera network ta’ trażmissjoni tal-gass fit-territorju tagħha. In-Norveġja għandha tinnotifika lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA meta jiġi stabbilit network tal-gass.

Ir-Regolament ma għandux japplika għall-Iżlanda jew il-Liechtenstein.”.

Artikolu 2

It-test tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 tas-26 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar l-Ibbilanċjar tal-Gass tan-Netwerks ta’ Trażmissjoni (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/312/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 93/2017 tal-5 ta' Mejju 2017 li temenda l-Anness IV (l-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE [2019/205] (ĠU L 36, 7.2.2019, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/205/oj).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/715/oj).

(4)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/73/oj).

(*1)  [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2255/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)