European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/79

16.1.2025

DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA Nru 202/24/COL

tas-27 ta’ Novembru 2024

dwar miżuri ta’ emerġenza fin-Norveġja marbutin ma’ tifqigħat ta’ influwenza avjarja b’livell patoġeniku għoli skont l-Artikolu 259(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Artikoli 21, 39 u 55 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 [2025/79]

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(e), l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 3 tal-Protokoll 1 tiegħu.

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 13 tal-Parti 1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE,

Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), kif emendat u kif adattat għall-Ftehim ŻEE permezz tal-adattamenti speċifiċi u settorjali msemmijin fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikolu 257(1), u l-Artikolu 259(1)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 13a tal-Parti 1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE,

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (“ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882”) (2), kif adattat għall-Ftehim ŻEE permezz tal-adattamenti speċifiċi u settorjali msemmijin fl-Anness I ta’ dak il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 kif ukoll l-Anness tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 13e tal-Parti 1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE,

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (“ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687”) (3), kif emendat u kif adattat għall-Ftehim ŻEE permezz tal-adattamenti speċifiċi u settorjali msemmijin fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikoli 21, 39 u 55 tiegħu,

kif adattat għall-Ftehim ŻEE mill-punt 4(d) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim ŻEE

Billi:

L-influwenza avjarja b’livell patoġeniku għoli (“HPAI”, highly pathogenic avian influenza) hija marda virali infettiva fl-għasafar u jista’ jkollha impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-pollam li tikkawża tfixkil għall-kummerċ fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Il-viruses tal-HPAI jistgħu jinfettaw lill-għasafar migratorji, u dawn imbagħad jistgħu jxerrdu dawn il-viruses fuq distanzi twal waqt il-migrazzjoni tagħhom fil-ħarifa u fir-rebbiegħa. Għalhekk, il-preżenza tal-viruses tal-HPAI fl-għasafar selvaġġi toħloq theddida kontinwa għall-introduzzjoni diretta u indiretta ta’ dawn il-viruses fl-azjendi li jżommu l-pollam jew l-għasafar fil-magħluq. Fil-każ ta’ tifqigħa tal-HPAI, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista’ jixtered f’azjendi oħra li jżommu l-pollam jew l-għasafar fil-magħluq.

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi qafas leġiżlattiv ġdid għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li jittrażmetti ruħu fuq l-annimali jew fuq il-bnedmin. L-HPAI hija msemmija fl-Artikolu 9(1)(a)(i) tar-Regolament (UE) 2016/429 bħala marda elenkata soġġetta għar-regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard stabbiliti fih. L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 jelenka l-HPAI bħala marda tal-kategorija A, D u E kif definit fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 259(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jirrikjedi li l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) tirrieżamina l-miżuri ta’ emerġenza meħuda mill-awtoritajiet kompetenti Norveġiżi skont l-Artikolu 257(1) tal-istess Regolament fil-każ ta’ tifqigħa ta’ marda elenkata msemmija fl-Artikolu 9(1)(a), (il-“miżuri Norveġiżi”), inkluż l-HPAI. L-Artikolu 259(1)(c) jirrikjedi li l-Awtorità, fejn tqis li hemm bżonn li jiġi evitat it-tfixkil mhux ġustifikat fil-moviment tal-annimali u l-prodotti, tadotta l-miżuri ta’ emerġenza msemmijin fl-Artikolu 257(1) li japprovaw il-miżuri Norveġiżi.

Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard tal-Kategoriji A, B u C stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429, inklużi l-miżuri ta’ kontroll tal-mard għall-HPAI. L-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fil-każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż l-HPAI, kif ukoll żoni ristretti oħra jekk ikun meħtieġ. Din ir-reġjonalizzazzjoni hija applikata b’mod partikolari biex tippreserva l-istatus tas-saħħa tal-għasafar fil-bqija tat-territorju tan-Norveġja billi tipprevjeni l-introduzzjoni tal-aġent patoġeniku u tiżgura d-detezzjoni bikrija tal-marda.

Fl-14 ta’ Novembru 2024, in-Norveġja nnotifikat tifqigħa kkonfermata tal-HPAI f’azjenda privata b’ 96 għasfur miżmum fil-magħluq fuq il-gżira ta’ Frøya fil-muniċipalità ta’ Trøněg. (4) Awtoritajiet kompetenti Norveġiżi ħadu l-miżuri għall-kontroll tal-mard neċessarji f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 u r-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluż l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza madwar fejn seħħet din it-tifqigħa.

Biex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fiż-ŻEE, jeħtieġ li jiġu deskritti malajr iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti min-Norveġja f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

L-Awtorità eżaminat il-miżuri ta’ kontroll tal-marda f’kollaborazzjoni man-Norveġja, u hija sodisfatta li l-konfini taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja, jinsabu ’l bogħod biżżejjed minn kwalunkwe azjenda fejn ġie kkonfermat li faqqgħet l-HPAI.

Għalhekk, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza relatati mal-HPAI fin-Norveġja, kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-miżuri applikabbli skont l-Artikoli 39 u 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jenħtieġ li jiġu approvati mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 259(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/429 u elenkati f’Anness għal ma’ din id-Deċiżjoni.

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fiż-ŻEE fir-rigward tat-tixrid tal-HPAI, huwa importanti li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun.

Fis-26 ta’ Novembru 2024, l-Awtorità, bid-Deċiżjoni Delegata tagħha Nru 201/24/COL (id-Dokument Nru 1499138), debitament ippreżentat l-abbozz tad-Deċiżjoni lill-Kumitat Veterinarju u Fitosanitarju tal-EFTA f’konformità mal-Artikolu 259(1) u mal-Artikolu 266(2) tar-Regolament (UE) 2016/429. Fis-27 ta’ Novembru 2024, il-Kumitat Veterinarju u Fitosanitarju tal-EFTA ta opinjoni pożittiva dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant, l-abbozz tad-Deċiżjoni huwa f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti min-Norveġja skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 wara tifqigħa tal-influwenza avjarja b’livell patoġeniku għoli fil-pollam jew fl-għasafar miżmuma fil-magħluq, u t-tul ta’ żmien tal-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 39, u fiż-żoni ta’ sorveljanza skont l-Artikolu 55 ta’ dan ir-Regolament Delegat, huma approvati u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

In-Norveġja għandha tiżgura li:

(a)

iż-żoni ta’ protezzjoni stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tagħha, f’konformità mal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni fil-Parti A tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

il-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni, kif previst fl-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, iridu jinżammu mill-inqas sad-dati stabbiliti għaż-żoni ta’ protezzjoni fil-Parti A tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

In-Norveġja għandha tiżgura li:

(a)

iż-żoni ta’ sorveljanza stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tagħha, f’konformità mal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta’ sorveljanza fil-Parti B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

il-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta’ sorveljanza, kif previst fl-Artikolu 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, jinżammu mill-inqas sad-dati stabbiliti għaż-żoni ta’ sorveljanza fil-Parti B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-iffirmar tagħha.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-aħħar data msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li fiha l-miżuri ta’ kontroll tal-mard fi kwalunkwe waħda miż-żoni ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza ma jibqgħux japplikaw f’konformità mal-Artikoli 39 jew 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, kif rilevanti.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lin-Norveġja.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tkun awtentika bil-lingwa Ingliża.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2024.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, li taġixxi skont id-Deċiżjoni Delegata Nru 130/20/COL,

Árni Páll ÁRNASON

Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

Melpo-Menie JOSÉPHIDÈS

Li tikkontrofirma bħala Direttur

Affarijiet Legali u Eżekuttivi


(1)  Inkorporat fil-Ftehim ŻEE mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 179/2020 tal-11 ta’ Diċembru 2020.

(2)  Inkorporat fil-Ftehim ŻEE mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 179/2020 tal-11 ta’ Diċembru 2020.

(3)  Inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 3/2021 tal-5 ta’ Frar 2021.

(4)  Id-Dokument Nru 1499135.


ANNESS

Parti A

Iż-żoni ta’ protezzjoni fin-Norveġja kif imsemmijin fl-Artikoli 1 u 2

Numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Iż-żona li tkopri

Applikabbli sa din id-data f’konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687

NO-HPAI(NON-P)-2024-00012

Il-partijiet tal-gżira ta’ Frøya fil-muniċipalità ta’ Trøndelag li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ tlett kilometri, iċċentrat fuq il-koordinati tal-GPS: latitudni 63.69999; lonġitudni 8.81327

9.12.2024

Parti B

Iż-żoni ta’ sorveljanza fin-Norveġja kif imsemmijin fl-Artikoli 1 u 3

Numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Iż-żona li tkopri

Applikabbli sa din id-data f’konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687

NO-HPAI(NON-P)-2024-00012

Il-partijiet tal-gżira ta’ Frøya fil-muniċipalità ta’ Trøndelag li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 10 kilometri, iċċentrat fuq il-koordinati tal-GPS: latitudni 63.69999; lonġitudni 8.81327

18.12.2024


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2025/79/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)