18.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/9


Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tat-2 ta’ Lulju 2015 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ M.7408 — Cargill/ADM Chocolate Business

Relatur: Is-Slovakkja

(2017/C 232/11)

Konċentrazzjoni

1.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-operazzjoni notifikata tikkostitwixxi konċentrazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

2.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-operazzjoni notifikata għandha dimensjoni tal-Unjoni, skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Swieq Rilevanti

3.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mad-definizzjonijiet tal-Kummissjoni tal-prodott rilevanti u s-swieq ġeografiċi kif stabbilit fl-abbozz ta’ deċiżjoni.

4.

B’mod partikolari, il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li:

4.1.

Peress li t-tranżazzjoni notifikata timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe tifsira tas-suq tal-prodott, ma hemmx għalfejn jiġi stabbilit jekk rigward iċ-ċikkulata industrijali għandux ikun hemm distinzjoni bejn ċikkulata likwida u solida.

4.2.

Peress li huwa improbabbli li t-Tranżazzjoni Notifikata timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva anki fl-iktar definizzjoni stretta tas-suq tal-prodott, id-definizzjoni tas-suq tal-prodott eżatta dwar il-compound taċ-ċikkulata jew kisi abbażi ta’ xaħam ma hemmx għalfejn tiġi stabbilita.

4.3.

Il-Kummissjoni tqis li s-suq ġeografiku rilevanti għaċ-ċikkulata industrijali jikkorrispondi għal żoni ta’ lħuq ċirkolari ta’ distanza ta’ 500 km madwar l-impjanti tal-Partijiet jew madwar il-konsumaturi tal-Partijiet jew huwa nazzjonali.

4.4.

Peress li huwa improbabbli li t-Tranżazzjoni Notifikata timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva anki fl-iktar definizzjoni stretta tas-suq ġeografiku, id-definizzjoni tas-suq ġeografiku eżatt rigward il-compound taċ-ċikkulata jew il-kisi abbażi ta’ xaħam ma hemmx għalfejn tiġi stabbilita.

Valutazzjoni Kompetittiva — Effetti mhux koordinati orizzontali

5.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni proposta, kif oriġinarjament propost mill-Partijiet Notifikanti, x’aktarx twassal għal impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva fis-suq għal ċikkulata industrijali mibjugħa lil konsumaturi fil-Ġermanja jew lil konsumaturi li jinsabu f’żoni kondiviżi taż-żoni ta’ qbid tal-impjant tal-ADM f’Mannheim/il-Ġermanja u l-impjanti ta’ Cargill fil-Ġermanja.

6.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni nnotifikata ma twassalx għal tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva:

6.1.

Fir-rigward tat-trikkib orizzontali bejn l-attivitajiet tal-Partijiet fis-swieq taċ-ċikkulata industrijali mibjugħa lil konsumaturi li jinsabu f’żoni kondiviżi taż-żoni ta’ qbid rilevanti tal-impjanti tal-Partijiet fil-Belġju, fi Franza u fir-Renju Unit;

6.2.

fir-rigward tat-trikkib orizzontali bejn l-attivitajiet tal-Partijiet fis-suq għal compound taċ-ċikkulata jew kisi abbażi ta’ xaħam.

Valutazzjoni kompetittiva — Effetti vertikali

7.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata mhux se twassal għal tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fir-rigward tar-rabtiet vertikali bejn l-attivitajiet tal-Partijiet fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti nofshom ipproċessati, prodotti tal-kawkaw (upstream) u l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ ċikkulata industrijali (downstream).

Rimedju

8.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-impenji huma suffiċjenti biex jitwarrab it-tħassib li tqajjem mill-konċentrazzjoni proposta fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern jew parti sostanzjali minnu:

Kompatibbiltà mas-suq intern

9.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li, jekk l-impenji offruti mill-partijiet ikunu segwiti, u jiġu kkunsidrati l-impenji kollha f’daqqa, il-konċentrazzjoni proposta x’aktarx li mhux se tfixkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu.

10.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni proposta għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-ŻEE skont l-Artikoli 2(2) u 8(2) tar-Regolament tal-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.