4.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 253/1


DEĊIŻJONI (UE) 2020/1076 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2020

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Awstrija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (2), u b’mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (il-“Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet ta’ reġjuni milquta minn diżastri naturali.

(2)

Il-Fond ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 500 000 000 (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (3).

(3)

Fit-8 ta’ Novembru 2019, il-Portugall ressaq applikazzjoni biex jimmobilizza l-Fond, wara avvenimenti estremi tat-temp fl-Azores.

(4)

Fit-28 ta’ Novembru 2019, Spanja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara xita estrema li rriżultat f’għargħar fir-reġjuni ta’ Valenzja, Murcia, Kastilja-La Mancha u Andalusia.

(5)

Fl-10 ta’ Jannar 2020, l-Italja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara avvenimenti ta’ temp estrem fi 17-il reġjun fil-ħarifa tal-2019.

(6)

Fid-29 ta’ Jannar 2020, l-Awstrija ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara avvenimenti ta’ temp estrem f’Novembru 2019.

(7)

L-applikazzjonijiet tal-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Awstrija jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Fond jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lill-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Awstrija.

(9)

Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-ħin li jieħu biex jiġi mobilizzat il-Fond, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha;

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mobilizzat kif ġej f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament:

(a)

l-ammont ta’ EUR 8 212 697 għandu jiġi pprovdut lill-Portugall;

(b)

l-ammont ta’ EUR 56 743 358 għandu jiġi pprovdut lil Spanja;

(c)

l-ammont ta’ EUR 211 707 982 għandu jiġi pprovdut lill-Italja;

(d)

l-ammont ta’ EUR 2 329 777 għandu jiġi pprovdut lill-Awstrija.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mit-18 ta’ Ġunju 2020.

Magħmul fi Brussel, it-18 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

N. BRNJAC


(1)   ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(2)   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).