Official Journal L 214 , 31/07/1998 P. 0023 - 0024
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1688/98 ta' l-20 ta' Lulju 1998 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1749/96 dwar il-kopertura ġeografika u demografika ta' l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konsumatur IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2494/95 tat-23 t'Ottubru 1995 rigward l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konsumatur [1], u b'mod partikulari l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) dwar dan. Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-fehma tal-Bank Ċentrali Ewropew [2], Billi, bis-saħħa ta' l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95, kull Stat Membru huwa mitlub li jipproduċi kull indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konsumatur (IAPK) li jibda bl-indiċi ta' Jannar 1997; filwaqt li d-dmir li jiġu prodotti IAPK bl-ebda mod ma jqiegħed fid-dubju d-dritt ta' l-Istati Membri li jippubblikaw l-indiċi tal-inflazzjoni nazzjonali mhux armonizzati, li huma jkunu jixtiequ jużaw għall-politika nazzjonali tagħhom; Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1749/96 tad-9 ta' Settembru fuq il-miżuri ta' implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2494/95 dwar l-indiċi armonizzati tal-prezzijiet tal-konsumatur [3] stabbilixxa l-kopertura inizzjali tal-IAPK li kien ristrett għall-dawk l-oġġetti u servizzi koperti minn jew mill-biċċa l-kbira ta' l-indiċi nazzjonali tal-prezzijiet tal-konsumatur (IPK); Billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1687/98 ta' l-20 ta' Lulju 1998, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1749/96 dwar il-kopertura ta' oġġetti u servizzi ta' l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konsumatur [4] iddefinixxa l-kopertura ta' l-IAPK bħala dawk l-oġġetti u servizzi li huma nklużi fin-nefqa monetarja finali għall-konsum domestiku; Billi l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru. 2494/95 jeħtieġ illi l-IAPK għandu jkun ibbażat fuq il-prezzijiet ta' l-oġġetti u s-servizzi disponibbli għax-xiri fit-territorju ekonomiku ta' l-Istat Membru bil-għan li jiġu sodisfatti direttament il-bżonnijiet tal-konsumatur; filwaqt li l-piżijiet tal-IAPK jirrekjedu kull definizzjoni armonizzata tal-kopertura ġeografika u demografika tagħhom; Billi l-kumpilazzjoni ta' l-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur ta' l-Unjoni Monetarja (IPKUM) u l-indiċi Ewropew tal-prezzijiet tal-konsumatur (IEPK) jirrikjedi kunċett ġeografiku armonizzat ghall-IAPK; Billi l-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika (KPS) ma tax kull fehma fil-ħin stipulat mill-president tiegħu; billi, f'dan il-kaz wara l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru. 2494/95, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill kull proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru. 1749/96 għandu jiġi emendat kif ġej: 1. Is-subparagrafu (a)(2) ta' l-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: "(a)(2) "Nefqa monetarja finali għall-konsum tal-familja' hija definita bħala dik il-parti tan-nefqa finali għall-konsum li hija nkorsa:"; - mill-familji irrispettivament min-nazzjonalità jew l-istat tar-residenza, u - fi transazzjonijiet monetarji, u - fit-territorju ekonomiku ta' l-Istat Membru, u - fuq oġġetti u servizzi li jiġu wżati għas-sodisfazzjon dirett tal-bżonnijiet u x-xewqat individwali, u - f'wieħed jew tnejn mill-perjodi ta' ħin li qed ikunu mqabbla. In-nefqa monetarja finali għall-konsum domestiku hija speċifikata fl-Anness 1b u ssegwi d-definizzjonijiet stabbiliti fis-Sistema Ewropea ta' Kontabilità (SEK) 1995 li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru. 2223/96 [5]."; 2. il-paragrafu li jmiss irid jiġi miżjud ma' l-Artikolu 3: "3. L-IAPK kumpilati bl-użu ta' piżijiet tas-subindiċi li jirreflettu n-nefqa monetarja finali għall-konsum ta' sottosezzjoni ta' familji, minflok kull familja, iridu jkunu kkunsidrati komparabbli, fejn din id-differenza fil-prattika tammonta għal anqas minn parti waħda minn elf tan-nefqa totali koperta mill-IAPK. Kull emenda fil-piżijiet meħtieġa biex jiżguraw il-komparabilità kif definita f'dan il-paragrafu trid tkun implimentata sa mhux aktar tard minn Diċembru 1999."; 3. Fl-Anness 1b il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej: "1. Is-settur familjari jikkonsisti f'familji li jinkludu kull individwu jew gruppi ta' individwi (kif definiti fis-SEK 2.76.a u 2.76.b) irrispettivament, b'mod partikolari, mit-tip ta' kull żona fejn joqogħdu, il-pożizzjoni tagħhom fid-distribuzzjoni tal-qliegħ u l-istatus ta' nazzjonalità jew residenza tagħhom. Jinkludi individwi li jgħixu f'familji istituzzjonali (kif definiti fis-SEK 2.76.b). Ma jinkludix in-negozji. 2. It-territorju ekonomiku huwa kif definit fis-SEK 2.05 ħlief li l-enklavi estraterritorjali li jinsabu 'l ġewwa mill-konfini tal-pajjiż huma nkluzi u l-enklavi territorjali li jinsabu fil-bqija tad-dinja huma esklużi." L-Artikolu 2 Wara li tikkunsidra l-veduti tal-kumitat stabbilit permezz tad-Deċizjoni 89/382/KEE, Euratom [6], il-Kummissjoni għandha, fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, tikkompila rapport u tissottomettih lill-Kunsill. Ir-rapport irid jevalwa l-operat tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Wara dan ir-rapport il-Kummissjoni tista', jekk ikun hemm bżonn, tissottometti inizzjattivi xierqa lill-Kunsill għall-modifika ta' dan ir-Regolament. L-Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fl-20 ta' Lulju 1998. Għall-Kunsill Il-President W. Molterer [1] ĠU L 257, tas-27.10.1995, p. 1. [2] L-opinjoni mogħtija fl-14 ta' Lulju 1998 (ghadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU L 229, ta' l-10.9.1996, p. 3. [4] Ara paġna 12 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali. [5] ĠU L 310, tat-13.11.1996, p. 1. [6] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47. --------------------------------------------------