European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1148

10.6.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/1148 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta’ Ġunju 2025

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2025/222 dwar l-aċċess minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas mhux bankarji għal sistemi ta’ ħlas imħaddma mill-bank ċentrali tal-Eurosistema u kontijiet tal-bank ċentrali (BĊE/2025/2) (BĊE/2025/18)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(2), ir-raba’ inċiż, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari r-raba’ inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 12.1 u l-Artikolu 22, flimkien mal-Artikolu 17 tiegħu,

Filwaqt li:

(1)

Saru emendi għad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u għad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar l-aċċess għal sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali għal istituzzjonijiet ta’ pagament u istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, kollettivament imsejħa fornituri ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarji (NB-PSPs). B’konsegwenza ta’ dan, huma meħtieġa emendi għal-Linja Gwida (UE) 2022/912 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/8) (3) (minn hawn’ il quddiem il-“Linja Gwida TARGET”), fost l-oħrajn, biex l-NB-PSPs jiġu inklużi fost l-entitajiet eliġibbli biex jipparteċipaw fit-TARGET. Fid-dawl tad-dewmien f’xi Stati Membri taż-żona tal-euro fit-traspożizzjoni tal-emendi għad-Direttivi 98/26/KE u (UE) 2015/2366 fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jipposponi l-emendi għal-Linja Gwida tat-TARGET. Il-Kunsill Governattiv ħa din id-deċiżjoni sabiex jevita l-inċertezza legali li kienet tirriżulta li kieku l-NB-PSPs kienu eliġibbli biex jaċċessaw xi sistemi ta’ pagament operati mill-bank ċentrali tal-Eurosistema, iżda mhux kollha, inklużi l-komponenti tat-TARGET.

(2)

Deċiżjoni (UE) 2025/222 (BĊE/2025/2) tipprevedi li mis-16 ta’ Ġunju 2025 l-NB-PSPs jistgħu jitolbu aċċess għat-TARGET. Din id-data għandha għalhekk tiġi differita sas-6 ta’ Ottubru 2025, li hija d-data minn meta l-emendi għal-Linja Gwida tat-TARGET japplikaw, għal raġunijiet tekniċi.

(3)

Id-Deċiżjoni (UE) 2025/222 (BĊE/2025/2) tipprevedi perijodu tranżitorju sal-31 ta’ Diċembru 2025 biex tippermetti l-migrazzjoni tal-NB-PSPs attwalment irreġistrati bħala detenturi ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni tan-negozju (BIC) indirizzabbli jew partijiet aċċessibbli fil-kont proprju tal-banek ċentrali tal-Eurosistema biex dawk l-NB-PSPs isiru parteċipanti fit-TARGET. Dan il-perijodu tranżitorju għandu jiġi estiż kif meħtieġ mill-posponiment tal-emendi rilevanti għal-Linja Gwida tat-TARGET. Estensjoni tal-perijodu tranżitorju sal-31 ta’ Marzu 2026 titqies raġonevoli u xierqa biex tippermetti l-migrazzjoni u t-tneħħija gradwali tal-konnessjoni eżistenti minn ċerti NB-PSPs għall-ipproċessar tal-pagamenti.

(4)

Peress li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2025/222 (BĊE/2025/2) li jippermettu lill-NB-PSPs jitolbu aċċess għat-TARGET japplikaw mis-16 ta’ Ġunju 2025, huwa meħtieġ li dik id-Deċiżjoni tiġi emendata qabel dik id-data. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2025/222 (BĊE/2025/2) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2025/222 (BĊE/2025/2) hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(2), id-data “16 ta’ Ġunju 2025” hija sostitwita bi “6 ta’ Ottubru 2025”;

(2)

fl-Artikolu 3(4), id-data “31 ta’ Diċembru 2025” hija sostitwita bi “31 ta’ Marzu 2026”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Ġunju 2025.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/26/oj).

(2)  Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2366/oj).

(3)  Linja Gwida (UE) 2022/912 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Frar 2022 dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET) u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2012/27 (BĊE/2022/8) (ĠU L 163, 17.6.2022, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2022/912/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1148/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)