|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/899 |
20.5.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/899
tad-19 ta’ Mejju 2025
li jemenda l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 rigward l-entrati għat-Tajlandja fil-lista ta’ pajjiżi terzi jew territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali ekwini
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 230(1) u 232(3) tiegħu.
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li biex jidħlu fl-Unjoni, il-konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali jridu jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju, jew minn żona jew kompartiment tiegħu, elenkati f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li l-konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji tal-annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni tagħhom, jew minn kompartimenti tagħhom fil-każ tal-annimali tal-akkwakultura, iridu jkunu konformi magħhom sabiex jidħlu fl-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, jew territorji, jew żoni tagħhom, li minnhom hu permess id-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Dawk il-listi u ċerti regoli ġenerali li jikkonċernaw dawk il-listi huma stabbiliti fl-Annessi I sa XXII, ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
(4) |
L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali ekwini. It-Tajlandja hija elenkata f’dak l-Anness u assenjata lill-Grupp Sanitarju E. Id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ żwiemel irreġistrati minn dak il-pajjiż terz ilu sospiż mis-6 ta’ April 2020 wara tifqigħa tal-marda Afrikana taż-żwiemel (AHS, African horse sickness) f’dak il-pajjiż. |
|
(5) |
Mis-27 ta’ Frar 2024 sat-13 ta’ Marzu 2024, sar awditu (4) tal-Kummissjoni fit-Tajlandja biex jiġu evalwati l-kontrolli tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-esportazzjonijiet ta’ ekwidi ħajjin irreġistrati lejn l-Unjoni, u b’mod partikolari l-garanziji tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-AHS. L-eżitu ta’ dak l-awditu wera li t-Tajlandja qerdet b’suċċess l-AHS wara t-tifqigħa fl-2020, u tista’ twettaq kontrolli u attivitajiet adegwati tas-saħħa tal-annimali mmirati biex jinżamm l-istatus ta’ ħelsien mill-AHS ta’ dan il-pajjiż terz. Madankollu, ġew identifikati wkoll xi nuqqasijiet, li minn dak iż-żmien ’l hawn ġew indirizzati minn dak il-pajjiż terz. F’dan ir-rigward, it-Tajlandja pprovdiet pjan ta’ azzjoni biex tikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-rapport tal-awditjar tal-Kummissjoni, inkluż programm ta’ sorveljanza għas-surra (Trypanosoma evansi), peress li issa ġew irrapportati każijiet tas-surra f’dak il-pajjiż terz, u dak il-pjan ta’ azzjoni ġie evalwat b’mod pożittiv mill-Kummissjoni. Fid-dawl tal-garanziji tas-saħħa tal-annimali pprovduti mit-Tajlandja, id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ żwiemel irreġistrati minn dak il-pajjiż terz jenħtieġ li jiġi awtorizzat mill-ġdid. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/692/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/404/oj).
(4) DG(SANTE) 2024-8016 (https://ec.europa.eu/food/audits-analysis/audit-report/details/4805).
ANNESS
Fil-Parti 1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, l-entrata għat-Tajlandja hija sostitwita b’dan li ġej:
|
“TH It-Tajlandja |
TH-0 |
E |
Żwiemel irreġistrati |
EQUI-X, EQUI-RE-ENTRY-30, EQUI-RE-ENTRY-90-COMP |
|
|
6.4.2020 |
9.6.2025” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/899/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)