SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Mejju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Taxxi fuq il-kumpanniji – Tassazzjoni ta’ gruppi (l-‘intégration fiscale’ Franċiża) – Eżenzjoni ta’ dividendi mħallsa mis-sussidjarji li jagħmlu parti mill-grupp fiskali integrat – Kumpannija omm residenti – Rabtiet ta’ kapital ma’ kumpanniji residenti u mhux residenti mingħajr il-kostituzzjoni ta’ grupp fiskali integrat – Eżenzjoni ta’ dividendi mħallsa mis-sussidjarji mhux residenti – Spejjeż relatati mal-holding li ma jistgħux jitnaqqsu – Assenza ta’ newtralizzazzjoni tar-reintegrazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż”

Fil-Kawżi magħquda C‑407/22 u C‑408/22,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑14 ta’ Ġunju 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ġunju 2022, fil-proċeduri

Ministre de l’Économie, des Finances et de la Relance

vs

Manitou BF SA (C‑407/22),

Bricolage Investissement France SA (C‑408/22),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Manitou BF SA, minn S. Joalland, S. Laisney, F. Locatelli, u G. Menu-Lejeune, avocats,

–

għal Bricolage Investissement Franza SA, minn M. Dervieux u F. Donnedieu de Vabres, avocats,

–

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u T. Stéhelin, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn il-ministre de l’Économie, des Finances et de la Relance (France) (il-Ministru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għall-Irkupru, Franza), minn naħa u Manitou BF SA (Kawża C‑407/22) u min-naħa l-oħra Bricolage Investissement France SA (Kawża C‑408/22), dwar il-ħlas lura lil dawn il-kumpanniji ta’ parti mit-taxxa fuq il-kumpanniji u mill-kontribuzzjonijiet addizzjonali għal din it-taxxa mħallsa, rispettivament, għas-snin finanzjarji tal‑2011 u tal‑2012, rispettivament, u korrispondenti għas-sehem tal-ispejjeż irreintegrati fil-bilanċ tagħhom bħala dividendi rċevuti mis-sussidjarji tagħhom stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra Franza.

Id‑dritt Franċiż

3

L-Artikolu 216, I, tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali dwar it-Taxxa), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“CGI”), jipprovdi:

“Id-dħul nett minn holdings, li jagħtu dritt għall-applikazzjoni tas-sistema tat-tassazzjoni tal-kumpanniji omm u li huma koperti mill-Artikolu 145, li tirċievi matul sena finanzjarja kumpannija omm, jista’ jitnaqqas mit-total nett tal-profitti ta’ dik il-kumpannija, wara tnaqqis ta’ sehem mill-ispejjeż.

It-tnaqqis ta’ sehem mill-ispejjeż imsemmi fl-ewwel subparagrafu huwa ffissat b’mod uniformi għal 5 % tad-dħul totali mill-holdings, inklużi krediti tat-taxxa.”

4

Skont l-Artikolu 223 A taċ-CGI:

“Kumpannija tista’ tikkostitwixxi ruħha bħala l-unika entità suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta fuq it-total tal-bilanċ tal-grupp iffurmat minnha u mill-kumpanniji li tagħhom hija jkollha minn tal-inqas 95 % tal-kapital azzjonarju, b’mod kontinwu matul is-sena finanzjarja, direttament jew indirettament permezz ta’ kumpanniji jew permezz ta’ stabbilimenti permanenti li huma membri tal-grupp […].

[…]

Jistgħu jkunu membri tal-grupp biss dawk il-kumpanniji jew l-istabbilimenti permanenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom u li l-bilanċ tagħhom huwa suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji skont il-kundizzjonijiet tad-dritt komuni jew skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 214. […]”

5

L-Artikolu 223 B taċ-CGI jipprevedi:

“Il-bilanċ ikkonsolidat għandu jiġi ddeterminat mill-kumpannija omm billi tagħmel it-total alġebriku tal-bilanċi ta’ kull waħda mill-kumpanniji tal-grupp, iddeterminati skont il-kundizzjonijiet tad-dritt komuni jew skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 214.

Il-bilanċ ikkonsolidat għandu jitnaqqas bis-sehem mill-ispejjeż relatat mad-dħul minn holdings irċevut minn kumpannija tal-grupp mingħand kumpannija membru tal-grupp għal iktar minn sena finanzjarja u mad-dħul minn holdings irċevut minn kumpannija tal-grupp mingħand kumpannija intermedjarja li fir-rigward tiegħu l-kumpannija omm tipproduċi l-prova li joriġina minn dħul minn holdings imħallas minn kumpannija membru tal-grupp għal iktar minn sena finanzjarja u li għalih ma jkunux diġà saru rettifiki b’applikazzjoni ta’ dan jew it-tielet paragrafu.

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

Il‑Kawża C‑407/22

6

Manitou BF irċeviet, matul is-sena 2011, dividendi mingħand sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra Franza li hija qiegħdet taħt is-sistema tal-kumpanniji omm prevista fl-Artikoli 145 u 216 taċ-CGI. Konformement ma’ dan l-Artikolu 216, I, hija naqset dawn id-dividendi mill-profitt nett tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ sehem mill-ispejjeż, stabbilit b’rata fissa ta’ 5 % tal-ammont tad-dividendi rċevuti.

7

Permezz ta’ ilment tal‑24 ta’ Diċembru 2014, Manitou BF talbet il-ħlas lura tal-parti tal-valutazzjoni inizjali tat-taxxa fuq il-kumpanniji li hija kienet suġġetta għaliha għas-sena finanzjarja magħluqa fl‑2011, li tikkorrispondi għar-reintegrazzjoni ta’ dan is-sehem fil-bilanċ finanzjarju tagħha, minħabba li din ir-reintegrazzjoni kienet twettqet abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jiksru l-libertà ta’ stabbiliment.

8

Peress li l-awtorità tat-taxxa ċaħdet dan l-ilment, Manitou BF ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2017, it-tribunal administratif de Montreuil (France) (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil, Franza) ċaħdet ir-rikors tagħha. Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2021, il-cour administrative d’appel de Versailles (France), (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles, Franza) annullat is-sentenza tal-ewwel istanza u ordnat il-ħlas lura lil Manitou BF tal-ammonti mitluba, peress li qieset li l-Artikolu 223 B taċ-CGI kien jikser il-libertà ta’ stabbiliment sa fejn ma kienx jipprevedi l-possibbiltà, għal kumpannija omm, li tinnewtralizza s-sehem mill-ispejjeż irreintegrat minħabba dħul minn holdings provenjenti minn sussidjarji stabbiliti fi Stat Membru minbarra Franza li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà tas-sistema ta’ reintegrazzjoni finanzjarja ddefinita f’dan l-artikolu. F’dan ir- rigward, din il-qorti qieset bħala irrilevanti l-fatt li din il-kumpannija omm, għalkemm kellha fi Franza sussidjarji eliġibbli, ma kinitx stabbilixxiet grupp fiskali integrat f’dan l-Istat Membru.

9

Billi qieset li l-imsemmija qorti kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-Artikolu 223 B taċ-CGI kien jikser din il-libertà, il-Ministru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għall-Irkupru appella minn din is-sentenza quddiem il-Conseil d’État (France) (il-Kunsill tal-Istat, Franza), li huwa l-qorti tar-rinviju. Huwa jinvoka, b’mod partikolari, żball ta’ dritt u klassifikazzjoni ineżatta tal-fatti mill-cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles), meta ddeċidiet li l-fatt li kumpannija omm tkunx iddeċidiet jew le tistabbilixxi grupp fiskali integrat mas-sussidjarji Franċiżi tagħha huwa irrilevanti fir-rigward tal-fondatezza tat-talba għal ħlas lura ta’ Manitou BF.

Il‑Kawża C‑408/22

10

Bricolage Investissement France, li tappertjeni kompletament għall-grupp Adeo, irċeviet matul is-sena 2012 dividendi minn sussidjarja Pollakka li hija kompletament miżmuma minnha. Bricolage Investissement France qiegħdet dawn id-dividendi, għall-finijiet tal-istabbiliment tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta għas-sena finanzjarja magħluqa fl‑2012, taħt is-sistema tal-kumpanniji omm prevista fl-Artikoli 145 u 216 taċ-CGI. Konformement mal-Artikolu 216, I ta’ dan il-kodiċi, hija naqset l-ammont ta’ dawn id-dividendi mill-profitt nett tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ sehem mill-ispejjeż, stabbilit b’rata fissa ta’ 5 % tal-ammont tad-dividendi rċevuti.

11

Permezz ta’ lment sussegwenti, Bricolage Investissement France talbet lill-awtorità tat-taxxa sabiex tkun tista’ tibbenefika mit-tnaqqis tad-dividendi kollha rċevuti mis-sussidjarja Pollakka tagħha, mingħajr reintegrazzjoni ta’ dan is-sehem.

12

Wara ċ-ċaħda ta’ din it-talba, Bricolage Investissement France adixxiet lit-tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil) sabiex tikseb, sal-ammont ta’ EUR 633352, il-ħelsien mill-kontribuzzjonijiet tat-taxxi fuq il-kumpanniji u mill-kontribuzzjonijiet addizzjonali għal din it-taxxa li hija ħallset għas-sena finanzjarja 2012. Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, din il-qorti ċaħdet din it-talba.

13

Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2021, il-cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles), adita bl-appell ippreżentat minn Bricolage Investissement France, annullat din is-sentenza u ordnat favur din il-kumpannija l-ħelsien tal-imsemmija kontribuzzjonijiet sal-ammont tan-newtralizzazzjoni tas-sehem mill-ispejjeż li hija kienet irreintegrat fil-profitt tagħha, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet diġà invokati fil-punt 8 ta’ din is-sentenza.

14

Il-qorti tar-rinviju ġiet adita bl-appell ippreżentat minn din is-sentenza mill-Ministru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għall-Irkupru. Huwa jsostni li l-cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell) qieset, b’mod żbaljat, li l-Artikolu 223 B taċ-CGI ma kienx konformi mal-libertà ta’ stabbiliment, li hija kisret id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu u kklassifikat il-fatti b’mod żbaljat meta ddeċidiet li kumpannija omm, mhux membru ta’ grupp ta’ integrazzjoni fiskali tista’ tnaqqas mill-profitt taxxabbli tagħha, mingħajr reintegrazzjoni ta’ dan is-sehem, id-dividendi kollha rċevuti mis-sussidjarji tagħha, stabbiliti fi Stat Membru ieħor minbarra Franza, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu.

Kunsiderazzjonijiet komuni għall‑Kawżi C‑407/22 u C‑408/22

15

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-partijiet għall-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar kif is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2015, Groupe Steria (C‑386/14, iktar ’il quddiem is-sentenza Groupe Steria, EU:C:2015:524) taffettwa l-kawżi li hija adita bihom. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar sistema ta’ integrazzjoni fiskali li tipprovdi li kumpannija omm li tintegra tibbenefika min-newtralizzazzjoni tar-reintegrazzjoni ta’ sehem mill-ispejjeż stabbilit bir-rata fissa ta’ 5 % tal-ammont nett tad-dividendi li din tirċievi mill-kumpanniji residenti li jagħmlu parti mill-integrazzjoni, filwaqt li, skont din il-leġiżlazzjoni, din in-newtralizzazzjoni hija rrifjutata lil tali kumpannija omm fir-rigward tad-dividendi mqassma lilha mis-sussidjarji tagħha li jinsabu fi Stat Membru ieħor li, li kieku kienu residenti, kienu jkunu oġġettivament eliġibbli hemmhekk, fuq għażla tagħhom.

16

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti, li hija fformulata bi kliem identiku fiż-żewġ kawżi:

“L-Artikolu 49 tat-[TFUE] jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar skema ta’ integrazzjoni fiskali li permezz tagħha kumpannija omm li tintegra, tibbenefika min-newtralizzazzjoni ta’ parti mill-ispejjeż irreintegrata fir-rigward ta’ dividendi li tkun irċeviet mingħand kumpanniji residenti li huma partijiet fl-integrazzjoni u sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-[sentenza Groupe Steria], fir-rigward ta’ dividendi riċevuti minn sussidjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor li, kieku kienu residenti, kienu jkunu oġġettivament eliġibbli, b’għażla tagħhom, għall-iskema ta’ integrazzjoni, iżda li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ din in-newtralizzazzjoni lil kumpannija omm residenti li, minkejja l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ kapital ma’ entitajiet residenti oħra li jippermettu l-istabbiliment ta’ grupp fiskali integrat, ma għażlitx sħubija f’tali grupp, kemm fir-rigward tad-dividendi mqassma lilha mis-sussidjarji residenti tagħha kif ukoll fir-rigward ta’ dawk minn sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà minbarra r-residenza?”

17

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Lulju 2022, il-Kawżi C‑407/22 u C‑408/22 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u orali tal-proċedura, kif ukoll għas-sentenza.

Fuq id‑domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar sistema ta’ integrazzjoni fiskali li abbażi tagħha

–

kumpannija omm residenti li għażlet integrazzjoni fiskali ma’ kumpanniji residenti tista’ tibbenefika min-newtralizzazzjoni tar-reintegrazzjoni ta’ sehem mill-ispejjeż stabbilit b’rata fissa ta’ 5 % tal-ammont nett tad-dividendi rċevuti minnha mingħand is-sussidjarji tagħha li jinsabu fi Stati Membri oħra li, li kieku kienu residenti, kienu jkunu oġġettivament eliġibbli hemmhekk, fuq għażla tagħhom,

–

filwaqt li tali newtralizzazzjoni hija rrifjutata lil kumpannija omm residenti li ma tkunx għażlet tali integrazzjoni fiskali minkejja l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ kapital ma’ kumpanniji residenti oħra li jippermettu dan.

19

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE jipprevedi li, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom jiġu pprojbiti.

20

Skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ggarantita fl-Artikolu 49 TFUE (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

L-Artikolu 49 TFUE jeżiġi l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment. Għalhekk, għalkemm, skont il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu wkoll li l-Istat Membru ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija inkorporata konformement mal-leġiżlazzjoni tiegħu (sentenza Groupe Steria, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jkun hemm ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment meta, skont leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kumpannija residenti li jkollha sussidjarja jew stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor iġġarrab differenza fit-trattament fiskali żvantaġġjuża meta mqabbla ma’ kumpannija residenti li jkollha stabbiliment permanenti jew sussidjarja fl-ewwel Stat Membru (sentenza Groupe Steria, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dividendi li tirċievi kumpannija omm residenti minn sussidjarja, irrispettivament minn jekk tkunx residenti jew le, jitnaqqsu mill-profitt nett tal-kumpannija omm, bl-esklużjoni ta’ sehem mill-ispejjeż stabbilit b’rata fissa ta’ 5 % tal-ammont nett ta’ dawn id-dividendi. L-ispejjeż relatati mal-holdings li minnhom joriġinaw id-dividendi eżentati mit-taxxa huma, fil-fatt, meqjusa bħala li ma jistgħux jitnaqqsu mill-profitt tal-kumpannija omm.

24

Madankollu, din ir-reintegrazzjoni tas-sehem mill-ispejjeż fil-profitt tal-kumpannija omm hija nnewtralizzata favur kumpannija omm li tagħmel parti minn grupp fiskali integrat, fis-sens tal-Artikolu 223 A taċ-CGI, fir-rigward tad-dividendi mqassma mis-sussidjarji tagħha li jagħmlu parti minn dan il-grupp, b’applikazzjoni tal-Artikolu 223 B ta’ dan il-kodiċi.

25

Minn din il-leġiżlazzjoni jirriżulta li d-dividendi rċevuti minn kumpannija omm residenti li tagħmel parti minn grupp fiskali integrat, u li tqassmu mis-sussidjarji tagħha li jagħmlu parti mill-istess grupp fiskali, jitnaqqsu kompletament mill-profitt nett ta’ din il-kumpannija omm u, għaldaqstant, huma kompletament eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan l-Istat Membru.

26

Dawn id-dispożizzjonijiet kienu kkontestati fis-sentenza Groupe Steria, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li, skont tali leġiżlazzjoni, huma biss il-kumpanniji residenti li jistgħu jkunu parti minn grupp fiskali integrat, il-vantaġġ fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien irriżervat għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar sistema ta’ integrazzjoni fiskali li tipprovdi li kumpannija omm li tintegra tibbenefika min-newtralizzazzjoni tar-reintegrazzjoni ta’ sehem mill-ispejjeż stabbilit bir-rata fissa ta’ 5 % tal-ammont nett tad-dividendi li din tirċievi mill-kumpanniji residenti li jagħmlu parti mill-integrazzjoni, filwaqt li, skont din il-leġiżlazzjoni, tali newtralizzazzjoni hija rrifjutata lil tali kumpannija omm, fir-rigward tad-dividendi mqassma lilha mis-sussidjarji tagħha li jinsabu fi Stat Membru ieħor li, li kieku kienu residenti, kienu jkunu oġġettivament eliġibbli hemmhekk, fuq għażla tagħhom.

27

Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, wara s-sentenza Groupe Steria, kumpannija omm li tintegra tista’ tibbenefika min-newtralizzazzjoni tar-reintegrazzjoni ta’ sehem mill-ispejjeż stabbilit bir-rata fissa ta’ 5 % tal-ammont nett tad-dividendi li din tirċievi anki mill-kumpanniji mhux residenti, li, li kieku kienu residenti, kienu jkunu oġġettivament eliġibbli hemmhekk, fuq għażla tagħhom, li jagħmlu parti minn grupp fiskali integrat.

28

Konsegwentement, minn din il-leġiżlazzjoni, applikata fid-dawl tas-sentenza Groupe Steria, jirriżulta li d-dividendi rċevuti minn kumpannija omm residenti li tagħmel parti minn grupp fiskali integrat, u li tqassmu mis-sussidjarji residenti tagħha li jagħmlu parti mill-istess grupp fiskali, kif ukoll mis-sussidjarji mhux residenti tagħha li, li kieku kienu residenti, kienu jkunu oġġettivament eliġibbli hemmhekk, fuq għażla tagħhom, li jagħmlu parti minn grupp fiskali integrat, huma kompletament eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan l-Istat Membru.

29

Għall-kuntrarju, id-dividendi rċevuti minn kumpannija omm residenti li ma tagħmilx parti minn grupp fiskali integrat, mingħand sussidjarji kemm residenti kif ukoll mhux residenti, huma biss parzjalment eżenti minn din it-taxxa, minħabba r-reintegrazzjoni tas-sehem mill-ispejjeż, stabbilit għal 5 % fil-profitt ta’ din il-kumpannija omm.

30

F’dan il-każ, u kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fis-sentenza Groupe Steria, Manitou BF u Bricolage Investissement France ma jagħmlux parti minn grupp fiskali integrat, fis-sens tal-Artikolu 223 A taċ-CGI. Madankollu, minħabba rabtiet ta’ kapital li jagħqdu lil dawn il-kumpanniji ma’ kumpanniji oħra residenti fi Franza, din il-possibbiltà kienet miftuħa għalihom, fuq għażla tagħhom, flimkien ma’ dawn il-kumpanniji tal-aħħar, jiġifieri, fir-rigward ta’ Manitou BF, minħabba r-rabtiet ta’ kapital li jagħqduha mas-sussidjarji residenti tagħha u, fir-rigward ta’ Bricolage Investissement France, minħabba r-rabtiet ta’ kapital li jagħqduha mal-kumpannija omm residenti tagħha.

31

Xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, huma biss il-kumpanniji residenti fi Franza li jistgħu jagħżlu s-sistema ta’ integrazzjoni fiskali u jagħmlu parti minn grupp fiskali integrat f’dan l-Istat Membru. Għalhekk, Manitou BF u Bricolage Investissement France ma kellhomx il-possibbiltà li joħolqu tali grupp mas-sussidjarji tagħhom stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra Franza.

32

B’mod partikolari, skont din il-leġiżlazzjoni, kumpannija omm residenti tista’ tagħżel fi kwalunkwe mument din is-sistema mas-sussidjarji tagħha li jinsabu fi Franza li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà. Barra minn hekk, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, il-kumpannija omm residenti tista’ tagħżel liberament il-perimetru ta’ integrazzjoni mingħajr l-obbligu li tintegra s-sussidjarji residenti eliġibbli kollha tagħha.

33

Għall-kuntrarju, kumpannija omm residenti ma għandhiex il-possibbiltà li tagħżel is-sistema ta’ integrazzjoni fiskali unikament mas-sussidjarji tagħha li jinsabu fi Stati Membri oħra u li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà minbarra dak ta’ residenza, iżda għandha neċessarjament tikkostitwixxi grupp fiskali integrat tal-inqas ma’ kumpannija residenti eliġibbli.

34

Minn dan isegwi li, filwaqt li kumpannija omm residenti li għandha sussidjarji li jinsabu fi Franza għandha dejjem il-possibbiltà li tibbenefika mill-vantaġġ fiskali kkostitwit min-newtralizzazzjoni tar-reintegrazzjoni tas-sehem mill-ispejjeż bl-eżerċizzju ta’ din l-għażla f’perimetru liberament magħżul minnha, kumpannija omm residenti li għandha sussidjarji li jinsabu fi Stati Membri oħra ma għandhiex il-possibbiltà li tibbenefika minn dan, sakemm hija ma tkunx preċedentement tagħmel parti minn grupp fiskali integrat fi Franza flimkien ma’ kumpanniji residenti.

35

Tali differenza fit-trattament twassal għall-esklużjoni mill-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali bħalma hija din in-newtralizzazzjoni ta’ kumpannija omm li jkollha sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor u li ma tkunx tagħmel parti minn grupp fiskali integrat, u hija ta’ natura li tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju minn din il-kumpannija omm tal-libertà ta’ stabbiliment tagħha, peress li tiddiswadiha milli toħloq sussidjarji fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Steria, punt 20).

36

Sabiex din id-differenza fit-trattament tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, huwa meħtieġ li din id-differenza tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, X Holding, C‑337/08, EU:C:2010:89, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fir-rigward tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li l-fatt li d-dividendi rċevuti minn kumpannija omm, li jibbenefikaw mill-eżenzjoni fiskali totali, joriġinaw minn sussidjarji li jagħmlu parti mill-grupp fiskali integrat li għalih tagħmel parti wkoll il-kumpannija omm ikkonċernata ma kienx jikkostitwixxi differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva bejn kumpanniji omm li tiġġustifika d-differenza fit-trattament ikkonstatata (sentenza Groupe Steria, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-fatt li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni li tipprevedi, bl-effett tan-newtralizzazzjoni tar-reintegrazzjoni tas-sehem mill-ispejjeż fil-profitt tal-kumpannija omm, l-eżenzjoni fiskali totali tad-dividendi rċevuti, is-sitwazzjoni tal-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp fiskali integrat hija paragunabbli ma’ dik tal-kumpanniji li ma jagħmlux parti minn tali grupp, irrispettivament minn jekk tkunx il-kumpannija omm jew is-sussidjarja tagħha. Fiż-żewġ każijiet, minn naħa, il-kumpannija omm iġġarrab l-ispejjeż marbuta mal-holding tagħha fis-sussidjarja tagħha u, min-naħa l-oħra, il-profitti mwettqa mis-sussidjarja u li minnhom joriġinaw id-dividendi mqassma jistgħu, bħala prinċipju, ikunu s-suġġett ta’ taxxa ekonomika doppja jew ta’ sensiela ta’ taxxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Steria, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Il-Gvern Franċiż madankollu jsostni, b’riferiment għas-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2010, X Holding (C‑337/08, EU:C:2010:89, punt 24), kif ukoll tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding et (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:1758, punt 31), li s-sitwazzjoni ta’ kontribwent li jkun għażel sistema ta’ integrazzjoni fiskali ma tistax titqabbel oġġettivament ma’ dik ta’ kontribwent li ma pprovax jibbenefika minn din, a fortiori meta huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet oġġettivi għal dan.

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament indikat, fis-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, X Holding (C‑337/08, EU:C:2010:89, punt 24), li s-sitwazzjoni ta’ kumpannija omm residenti li tixtieq tifforma entità fiskali waħda ma’ sussidjarja residenti u dik ta’ kumpannija omm residenti li tixtieq tifforma entità fiskali waħda ma’ sussidjarja mhux residenti huma, fid-dawl tal-għan ta’ sistema ta’ integrazzjoni fiskali, oġġettivament paragunabbli peress li t-tnejn li huma jfittxu li jibbenefikaw mill-vantaġġi ta’ din is-sistema li tippermetti, b’mod partikolari, li l-profitti u t-telf tal-kumpanniji integrati fl-entità fiskali waħda jiġu kkonsolidati fil-livell tal-kumpannija omm u li t-tranżazzjonijiet imwettqa fi ħdan il-grupp jibqgħu ta’ natura fiskalment newtrali.

41

Bl-istess mod, hija rrilevat, fis-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding et, (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:1758, punti 29 sa 31), li s-sitwazzjonijiet ta’ kumpanniji omm residenti li għandhom sottosussidjarji residenti kienet oġġettivament paragunabbli fid-dawl ta’ tali għan, li huma proprjetarji ta’ dawn is-sottosussidjarji permezz ta’ sussidjarji residenti jew mhux residenti, sakemm is-sistema tal-entità fiskali unika tkun imfittxija fiż-żewġ każijiet għat-totalità fformata mill-kumpannija omm u s-sottosussidjarji.

42

Madankollu, sa fejn, minn naħa, kumpannija omm residenti Franċiża ma jkollha l-ebda possibbiltà li tikkostitwixxi grupp fiskali integrat ma’ sussidjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, il-fatt li ma tkunx ikkostitwixxiet tali grupp ma’ tal-inqas waħda mis-sussidjarji eliġibbli tagħha jew ma’ entitajiet residenti oħra ma jippermettix li jiġi stabbilit li din il-kumpannija omm ma hijiex qegħda tipprova toħloq tali grupp jew tibbenefika minn sistema ta’ integrazzjoni fiskali ma’ waħda jew iktar mis-sussidjarji mhux residenti tagħha.

43

Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni tal-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp fiskali integrat għandha titqies li hija paragunabbli ma’ dik tal-kumpanniji li ma jagħmlux parti minn tali grupp fid-dawl mhux tal-leġiżlazzjoni li tipprevedi l-integrazzjoni fiskali, iżda dik li tipprevedi l-eżenzjoni fiskali totali tad-dividendi rċevuti, permezz tal-vantaġġ fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

44

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, id-differenza fit-trattament ikkonstatata fil-kawżi prinċipali tirrigwarda sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.

45

Fir-rigward tal-punt dwar jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata abbażi ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Gvern Franċiż ma invokaw l-eżistenza ta’ tali raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar sistema ta’ integrazzjoni fiskali li abbażi tagħha

–

kumpannija omm residenti li għażlet integrazzjoni fiskali ma’ kumpanniji residenti tista’ tibbenefika min-newtralizzazzjoni tar-reintegrazzjoni ta’ sehem mill-ispejjeż stabbilit b’rata fissa ta’ 5 % tal-ammont nett tad-dividendi rċevuti minnha mingħand is-sussidjarji tagħha li jinsabu fi Stati Membri oħra li, li kieku kienu residenti, kienu jkunu oġġettivament eliġibbli hemmhekk, fuq għażla tagħhom,

–

filwaqt li tali newtralizzazzjoni hija rrifjutata lil kumpannija omm residenti li ma tkunx għażlet tali integrazzjoni fiskali minkejja l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ kapital ma’ kumpanniji residenti oħra li jippermettu dan.

Fuq l‑ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar sistema ta’ integrazzjoni fiskali li abbażi tagħha

 

–

kumpannija omm residenti li għażlet integrazzjoni fiskali ma’ kumpanniji residenti tista’ tibbenefika min-newtralizzazzjoni tar-reintegrazzjoni ta’ sehem mill-ispejjeż stabbilit b’rata fissa ta’ 5 % tal-ammont nett tad-dividendi rċevuti minnha mingħand is-sussidjarji tagħha li jinsabu fi Stati Membri oħra li, li kieku kienu residenti, kienu jkunu oġġettivament eliġibbli hemmhekk, fuq għażla tagħhom,

 

–

filwaqt li tali newtralizzazzjoni hija rrifjutata lil kumpannija omm residenti li ma tkunx għażlet tali integrazzjoni fiskali minkejja l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ kapital ma’ kumpanniji residenti oħra li jippermettu dan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.