SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

2 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz – Preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità – Obbligu li jiġu identifikati d-dokumenti koperti mill-preżunzjoni u li tiġi pprovduta lista tagħhom”

Fil-Kawża T‑332/22,

TotalEnergies Marketing Nederland NV, stabbilita fi Den Haag (Il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn M. van Heezik, avukata,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Van Nuffel, M. Burón Pérez u A.-C. Simon, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, A. Marcoulli, R. Norkus, W. Valasidis (Relatur) u L. Spangsberg Grønfeldt, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ebda waħda mill-partijiet ma ressqet talba għal seduta fi żmien tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, TotalEnergies Marketing Nederland NV, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni C(2022) 1949 finali tal-Kummissjoni Ewropea tat‑23 ta’ Marzu 2022 li tiċħad, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), it-talbiet konfermatorji tagħha ta’ aċċess għal dokumenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Fit‑13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (Każ COMP/F/38.456 – Bitum – Il-Pajjiżi l-Baxxi), li tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ diversi impriżi, fosthom ir-rikorrenti, fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u li timponi multi fuq dawn l-impriżi (iktar ’il quddiem il-“każ tal-bitum”).

3

Fl‑24 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrenti ressqet ħames talbiet għal aċċess għal dokumenti relatati mal-każ tal-bitum.

4

Kif jirriżulta mit-talbiet imressqa mir-rikorrenti, dawn kienu fformulati kif ġej:

–

“F’dak li jirrigwarda l-investigazzjoni (preliminari) u t-teħid ta’ deċiżjoni fil-każ tal-bitum (COMP/F/38.456 – Bitume – Il-Pajjiżi l-Baxxi): komunikazzjoni bejn [il-Kummissjoni] u l-Awtorità Olandiża tal-Kompetizzjoni (li saret l-Awtorità tal-Konsumatur u tas-Suq) u/jew servizzi oħra tal-Istat Olandiż dwar l-assistenza pprovduta mill-Awtorità Olandiża tal-Kompetizzjoni matul (il-preparazzjoni) tal-ispezzjonijiet tal-impriżi mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni (preliminari) dwar eventwali ksur tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni” (talba rreġistrata mill-Kummissjoni bir-referenza GESTDEM 2021/4203);

–

“F’dak li jirrigwarda l-każ tal-bitum (COMP/F/38.456 – Bitume – Il-Pajjiżi l-Baxxi): aġġornati ma’ informazzjoni u talbiet għal informazzjoni, jew komunikazzjonijiet oħra dwar l-investigazzjoni (preliminari) u d-deċiżjoni fil-każ tal-bitum, stabbiliti mill-[Kummissjoni] matul il-perijodu bejn l-investigazzjoni preliminari u d-deċiżjoni finali tat‑13 ta’ Settembru 2006, jew li joriġinaw mill-Awtorità Olandiża tal-Kompetizzjoni (ukoll fil-kwalità tagħha ta’ membru tal-kumitat konsultattiv [fil-qasam tal-akkordji u pożizzjonijiet dominanti]) u/jew minn servizzi oħra tal-Istat Olandiż” (talba rreġistrata mill-Kummissjoni bir-referenza GESTDEM 2021/4204);

–

“F’dak li jirrigwarda l-investigazzjoni (preliminari) u t-teħid ta’ deċiżjoni fil-każ tal-bitum (COMP/F/38.456 – Bitume – Il-Pajjiżi l-Baxxi): il-proċedura u/jew il-modalitajiet ta’ funzjonament tal-kumitat konsultattiv fil-qasam tal-akkordji u pożizzjonijiet dominanti li kienu fis-seħħ fil-mument tal-investigazzjoni (preliminari) u/jew tal-proċess deċiżjonali fil-każ tal-bitum” (talba rreġistrata mill-Kummissjoni bir-referenza GESTDEM 2021/4205);

–

“F’dak li jirrigwarda l-investigazzjoni (preliminari) u t-teħid ta’ deċiżjoni fil-każ tal-bitum (COMP/F/38.456 – Bitume – Il-Pajjiżi l-Baxxi): l-istedina jew l-istediniet għal laqgħat, inklużi, iżda mhux limitati għalihom, l-istedina jew l-istediniet għall-414 u l-415 laqgħa tal-kumitat konsultattiv [fil-qasam tal-akkordji u pożizzjonijiet dominanti], miżmuma rispettivament fl‑4 u fl‑11 ta’ Settembru 2006, li matulhom il-kumitat konsultattiv [fil-qasam tal-akkordji u pożizzjonijiet dominanti] ta l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz preliminari tad-deċiżjoni (inkluża (lista) tad-dokumenti li ntbagħtulu ma’ dan l-abbozz preliminari skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 1/2003)” (talba rreġistrata mill-Kummissjoni bir-referenza GESTDEM 2021/4206);

–

“F’dak li jirrigwarda l-investigazzjoni (preliminari) u t-teħid ta’ deċiżjoni fil-każ tal-bitum (COMP/F/38.456 – Bitume – Il-Pajjiżi l-Baxxi): – il-lista jew il-listi tal-parteċipanti (inklużi l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni) li attendew għas-seduti tal‑15 u tas‑16 ta’ Ġunju 2005 dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-każ tal-bitum” (talba rreġistrata mill-Kummissjoni bir-referenza GESTDEM 2021/4207).

5

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203, GESTDEM 2021/4204, GESTDEM 2021/4206 u GESTDEM 2021/4207, minħabba li d-dokumenti mitluba kienu koperti mill-eċċezzjonijiet previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u, għal dan l-għan, ibbażat ruħha fuq preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tikkonċerna d-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv dwar il-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talba bir-referenza GESTDEM 2021/4205, il-Kummissjoni indikat li d-dokumenti mitluba ma kinux jikkonċernaw speċifikament il-każ tal-bitum u kienu pubbliċi, u rreferiet għas-siti internet fejn dawn kienu disponibbli.

6

Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti ppreżentat talba konfermattiva (iktar ’il quddiem it-“talba konfermattiva”) skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fejn stiednet lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha tal‑4 ta’ Lulju 2021. Fit-talba konfermattiva, ir-rikorrenti kkritikat il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx bagħtitilha inventarju tad-dokumenti koperti mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità skont is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il‑Kummissjoni (T‑701/18, EU:T:2020:224), u kkontestat il-fatt li d-dokumenti koperti mit-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204 kienu jaqgħu taħt il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità applikata mill-Kummissjoni.

7

Fit‑23 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija ċaħdet it-talba konfermattiva. F’din id-deċiżjoni, minn naħa, il-Kummissjoni indikat li d-dokumenti msemmija fit-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204 kienu komunikazzjonijiet bejnha u l-Awtorità Olandiża tal-Kompetizzjoni jew ta’ awtoritajiet Olandiżi oħra fil-kuntest tal-każ tal-bitum u li d-dokumenti msemmija fit-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4206 u GESTDEM 2021/4207 kienu, rispettivament, żewġ dokumenti u dokument, li hija indikat in-natura, id-data u n-numru tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni indikat li r-rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti kien ibbażat fuq l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi bbażat ruħha fuq preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tikkonċerna d-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li d-dokumenti msemmija fit-talba bir-referenza GESTDEM 2021/4205 kienu diġà pubbliċi u disponibbli.

Talbiet tal‑partijiet

8

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata u “tiżgura li d-dokumenti kkonċernati jiġu żvelati”;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

9

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiddikjara inammissibbli t-talba intiża li jiġi ordnat lilha li tagħti aċċess għad-dokumenti kkonċernati;

–

tiċħad ir-rikors fir-rigward tal-kumplament;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id‑dritt

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti Ġenerali

10

Fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali “tiżgura li d-dokumenti kkonċernati jiġu żvelati”. Il-Kummissjoni tqis li tali talba, li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, għandha tiġi miċħuda bħala “inammissibbli”.

11

F’dan ir-rigward, u kif targumenta l-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti ordnijiet kontra istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni (ara d-digriet tas‑26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il-Kummissjoni, C‑199/94 P u C‑200/94 P, EU:C:1995:360, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2018, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, T‑260/16, EU:T:2018:597, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu, skont l-Artikolu 266 TFUE, il-miżuri għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament (ara sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2018, Amicus Therapeutics UK u Amicus Therapeutics vs EMA, T‑33/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:595, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

12

Minn dan isegwi li t-talba tar-rikorrenti, imfakkra fil-punt 10 iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tagħha.

Fuq il‑mertu

13

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ir-rifjut illegali tal-Kummissjoni li tipproduċi lista tad-dokumenti mitluba u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ dan ir-rifjut u, it-tieni wieħed, fuq l-applikazzjoni illegali ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għad-dokumenti koperti mit-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204. Dawn iż-żewġ motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien, peress li jirrigwardaw, essenzjalment, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tapplika preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità (it-tieni motiv) u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ tali preżunzjoni (l-ewwel motiv).

14

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li d-dokumenti li huma s-suġġett tat-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204 kienu jaqgħu taħt preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità. B’mod partikolari, hija tikkontesta li l-komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi tal-kompetizzjoni jaqgħu taħt il-fajl amministrattiv tal-każ tal-bitum u tikkritika lill-Kummissjoni li ma mmotivatx ir-raġunijiet li għalihom id-dokumenti speċifikament mitluba ma jistgħux jiġu żvelati.

15

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tipprovdi inventarju tad-dokumenti mitluba u milli timmotiva b’mod adegwat dan in-nuqqas. Insostenn tal-argument tagħha, hija tinvoka s-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni (T‑701/18, EU:T:2020:224), li, fil-fehma tagħha, timponi fuq il-Kummissjoni obbligu li tipprovdi inventarju. Dan l-inventarju jippermettilha, fil-fehma tagħha, li tikkonfuta l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità.

16

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

17

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm it-tieni motiv jirrigwarda espressament biss it-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204, l-argument żviluppat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv jirrigwarda wkoll biss l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi li huma s-suġġett ta’ dawn l-istess talbiet. Għalhekk, peress li t-tweġiba mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għat-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4205, GESTDEM 2021/4206 u GESTDEM 2021/4207 ma hijiex imsemmija, direttament jew indirettament, mill-argumenti tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li s-suġġett tar-rikors huwa limitat biss għat-tweġiba mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għat-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204.

Osservazzjonijiet preliminari

18

Għandu jitfakkar li mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li t-trasparenza tippermetti li tingħata lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea iktar leġittimità, effettività u responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni f’sistema demokratika. Għal dawn il-finijiet, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dan huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jkun l-ikbar possibbli (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet International vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jistabbilixxi sistema ta’ eċċezzjoni f’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll li dan id-dritt ta’ aċċess lanqas biss huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. Peress li dawn l-eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, dawn għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet International vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li quddiemu titressaq talba għal aċċess għal dokument jiddeċiedi li jiċħad din it-talba abbażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, din għandha, bħala prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn din l-eċċezzjoni u r-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet International vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kien possibbli għal din l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet International vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

L-għan ta’ dawn il-preżunzjonijiet ġenerali jinsab fil-possibbiltà, għall-istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni kkonċernat, li jikkunsidra li l-iżvelar ta’ ċerti kategoriji ta’ dokumenti, bħala prinċipju, jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni li huwa jinvoka, abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, mingħajr ma jkun marbut li jeżamina b’mod konkret u individwali kull wieħed mid-dokumenti mitluba (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet International vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Il-preżunzjonijiet ġenerali li jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-obbligu ta’ eżami konkret u individwali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, ta’ kull dokument imsemmi fit-talba ta’ aċċess u, b’mod iżjed ġenerali, għall-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni u applikazzjoni stretta (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 80).

24

L-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument speċifiku, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 126).

25

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjonijiet ġenerali ta’ kunfidenzjalità għal ħames kategoriji ta’ dokumenti, jiġifieri, l-ewwel nett, id-dokumenti ta’ fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, it-tieni nett, in-noti ppreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni matul proċedura ġudizzjarja sakemm din tkun pendenti, it-tielet nett, id-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet li jkunu wettqu notifika jew terzi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi, ir-raba’ nett, id-dokumenti relatati ma’ proċedura prekontenzjuża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, inklużi d-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot, u, il-ħames nett, id-dokumenti relatati ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. F’kull wieħed minn dawn il-każijiet, ir-rifjut ta’ aċċess inkwistjoni kien jirrigwarda ġabra ta’ dokumenti li kienu b’mod ċar iddefiniti mill-appartenenza komuni tagħhom għal fajl relatat ma’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja pendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 81).

26

B’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna l-proċeduri ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità hija applikata fir-rigward ta’ talba intiża li tikseb aċċess għal ġabra ta’ dokumenti li jidhru f’fajl relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 81).

27

Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li aċċess ġeneralizzat, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti li jinsabu f’fajl relatat mal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE huwa ta’ natura li jipperikola l-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiggarantixxi fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), bejn l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali eventwalment sensittiva sabiex din tkun tista’ tiskopri l-eżistenza ta’ akkordju u tevalwa l-kompatibbiltà tiegħu mal-imsemmija dispożizzjoni, minn naħa, u l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa marbuta, abbażi tas-sigriet professjonali u tas-sigriet kummerċjali, mal-informazzjoni hekk trażmessa lill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 90).

28

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kellha d-dritt tippreżumi, mingħajr ma tagħmel eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti li jinsabu f’fajl relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal- Artikolu 101 TFUE, li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jippreġudika, bħala prinċipju, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’tali proċedura kif ukoll il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni relatati magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 93).

29

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-motivi tar-rikorrenti.

Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

30

Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Bronckers vs Il‑Kumissjoni, T‑166/19, EU:T:2020:557, punt 22).

31

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta mill-punt 7 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, qabelxejn, identifikat id-dokumenti mitluba u, sussegwentement, spjegat lir-rikorrenti li dawn id-dokumenti kienu jagħmlu parti mill-fajl amministrattiv ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li l-eżami tat-talbiet kien wassalha sabiex tikkonkludi li d-dokumenti mitluba kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u taħt il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità stabbilita fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, EU:C:2014:112).

32

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni suffiċjenti fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 iktar ’il fuq, sa fejn hija tidentifika d-dokumenti kkonċernati u l-bażi tar-rifjut ta’ aċċess oppost mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 billi tapplika preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità. L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għandu għalhekk jiġi miċħud, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, ikkontestata mill-Kummissjoni.

Fuq l-applikabbiltà tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità invokata mill-Kummissjoni

33

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dokumenti msemmija fit-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204 jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità applikata mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija dokumenti, kif jirriżulta mit-talbiet tar-rikorrenti u mid-deċiżjoni kkontestata, huma komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Awtorità Olandiża tal-Kompetizzjoni (jew ta’ awtoritajiet Olandiżi oħra) fil-kuntest tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tat‑13 ta’ Settembru 2006, dwar il-każ tal-bitum.

34

B’mod partikolari, mill-imsemmija talbiet jirriżulta li d-dokumenti inkwistjoni jikkonsistu fi skambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi dwar l-investigazzjoni preliminari, inklużi spezzjonijiet u talbiet għal informazzjoni, u t-teħid ta’ deċiżjoni fil-każ tal-bitum. Kif sostniet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, tali dokumenti jaqgħu taħt il-korrispondenza li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi kellhom iżommu fil-kuntest ta’ din il-kawża.

35

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni intiża sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tittrasmetti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri kopja tad-dokumenti l-iktar importanti li hija ġabret bl-għan tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament, hija tista’ tiskambja kull informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 20(3) tal-istess regolament, hija għandha tinforma lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq spezzjoni.

36

Għaldaqstant, dokumenti bħal dawk mitluba f’dan il-każ mir-rikorrenti dwar skambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi fil-kuntest tal-investigazzjoni dwar il-każ tal-bitum, dwar l-ispezzjonijiet, it-talbiet għal informazzjoni, l-aġġornamenti u t-teħid ta’ deċiżjoni fl-imsemmija kawża, huma dokumenti li jaqgħu manifestament taħt il-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u li, f’dan ir-rigward, fid-dawl tan-natura tagħhom, jagħmlu parti mill-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni dwar l-imsemmi kawża.

37

Fil-fatt, f’dan l-aħħar rigward, mill-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jew bejn dawn tal-aħħar, inklużi d-dokumenti stabbiliti skont l-Artikoli 11 u 14 tal-imsemmi regolament, tagħmel parti mid-dokumenti interni li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 86). Barra minn hekk, mill-punti 1 u 15 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regolamenti tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet skont l-Artikoli [101] u [102 TFUE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim taż-ŻEE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325 p. 7), jirriżulta li l-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u awtoritajiet pubbliċi oħra, bħal dik mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew awtoritajiet oħra tal-Istati Membri, miżmuma matul investigazzjoni taqa’ taħt dokumenti interni mhux aċċessibbli li jagħmlu parti mill-fajl tal-Kummissjoni.

38

Issa, kif tfakkar fil-punt 26 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tad-dokumenti li jinsabu f’fajl relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, li fosthom hemm ukoll il-komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punti 16 u 81).

39

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kellha d-dritt, f’dan il-każ, li ssostni l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, skont l-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li abbażi tagħha l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-każ tal-bitum kien jippreġudika, bħala prinċipju, minn naħa, il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

40

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

41

Fil-fatt, ċertament, kif ġie indikat fil-punt 24 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità ma teskludix id-dritt li jintwera mhux biss li dokument partikolari li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni, iżda wkoll li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat.

42

Madankollu, minn naħa, sabiex turi li d-dokumenti mitluba ma humiex koperti mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li kull komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi ma tagħmilx parti mill-proċess tal-każ tal-bitum. Issa, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma talbitx li jkollha aċċess għal kwalunkwe komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi, iżda, preċiżament u unikament, għall-komunikazzjonijiet li jaqgħu fil-kuntest tal-każ tal-bitum.

43

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti hija waħda mid-destinatarji tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ tal-bitum u li, fil-kwalità tagħha ta’ parti f’din il-kawża, hija għandha dritt ta’ aċċess speċifiku u limitat skont id-dispożizzjonijiet tal-premessa 32 u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 773/2004. Għalhekk, ikun kontra l-ispirtu tar-Regolamenti Nru 1/2003 u 773/2004 li applikant juża d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jevadi r-regoli ta’ kunfidenzjalità stabbiliti mill-imsemmija regolamenti u sabiex jikseb il-komunikazzjoni tad-dokumenti kkunsidrati bħala kunfidenzjali fil-kuntest tal- proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 88).

44

Min-naħa l-oħra, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda argument intiż li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri. Fil-fatt, hija llimitat ruħha li tindika li t-talbiet tagħha għal aċċess huma ġġustifikati mill-eżistenza ta’ lmenti mressqa kontriha minn klijenti diretti u indiretti, barra minn hekk mingħajr ma wriet l-eżistenza ta’ dawn l-ilmenti. Huwa ċertament veru li l-eżistenza tad-drittijiet tad-difiża jippreżentaw fihom infushom interess ġenerali. Madankollu, il-fatt li dawn id-drittijiet jimmanifestaw ruħhom f’dan il-każ mill-interess suġġettiv tar-rikorrenti li tiddefendi ruħha fi proċeduri għad-danni jimplika li l-interess li hija tinvoka ma huwiex interess ġenerali, iżda interess privat (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 138).

Fuq il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità invokata mill-Kummissjoni

45

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni naqsitx milli tosserva l-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni (T‑701/18, EU:T:2020:224), għandu jitfakkar li jirriżulta mill-imsemmija sentenza li, meta istituzzjoni tikkunsidra li preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità hija applikabbli, hija tkun f’pożizzjoni li tirrispondi b’mod ġenerali għal talba ta’ aċċess, fis-sens li din il-preżunzjoni teħlisha mill-obbligu li tipprovdi spjegazzjonijiet rigward il-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dokument imsemmi f’din it-talba jippreġudika konkretament l-interess protett. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità ma tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-istituzzjoni li tirrispondi b’mod globali li d-dokumenti kollha msemmija fit-talba ta’ aċċess jappartjenu għal fajl kopert minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, mingħajr ma jkun hemm għalfejn jiġu identifikati dawn id-dokumenti jew tiġi stabbilita lista. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss ladarba l-istituzzjoni tidentifika liema kienu d-dokumenti msemmija fit-talba ta’ aċċess li hija tista’ tikklassifika skont kategoriji minħabba l-karatteristiċi komuni tagħhom, mill-istess natura tagħhom jew minħabba li jappartjenu għall-istess fajl u li għalhekk tista’ tapplika għalihom preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità. Fin-nuqqas ta’ tali identifikazzjoni, il-preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità hija inkonfutabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni, T‑701/18, EU:T:2020:224, punti 40, 41, 45 u 46).

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni (T‑701/18, EU:T:2020:224), ir-rikorrent kien talab aċċess għad-“dokumenti kollha relatati mal-osservanza jew man-nuqqas ta’ osservanza mill-Irlanda tal-obbligi tagħha skont [id-diversi]Deċiżjonijiet Qafas” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni, T‑701/18, EU:T:2020:224, punt 59). It-talba tiegħu għal aċċess kienet għalhekk ġiet ifformulata b’mod ġenerali u astratt, fir-rigward tad-dokumenti kollha miżmuma mill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li din it-talba kienet tirrigwarda biss id-dokumenti relatati mal-proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ traspożizzjoni mill-Irlanda tad-deċiżjonijiet qafas inkwistjoni.

47

Barra minn hekk, fir-risposta tagħha għat-talba konfermattiva fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni (T‑701/18, EU:T:2020:224), il-Kummissjoni kienet kuntenta li tasserixxi li d-dokumenti identifikati bħala korrispondenti għat-talba tar-rikorrenti “[kienu] jinkludu skambji bejn […] is-servizzi [tagħha] u l-Irlanda ( 1 )relatati ma’ tliet proċeduri EU Pilot”. Skont il-Qorti Ġenerali, minn naħa, din il-formulazzjoni ma tippermettix lir-rikorrent jevalwa jekk kinux jeżistu dokumenti oħra li jistgħu jkunu msemmija fit-talba tiegħu, u lanqas jekk id-dokumenti kollha msemmija f’din it-talba kinux relatati ma’ dawn il-proċeduri EU Pilot inkwistjoni, kif jirriżulta mill-punt 56 tas-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni (T‑701/18, EU:T:2020:224). Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni użata mill-Kummissjoni tindika li, fir-rigward tal-eżami tat-talba konfermattiva tar-rikorrent, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tikkonstata li kienu nfetħu proċeduri EU Pilot rigward it-traspożizzjoni mill-Irlanda tad-Deċiżjonijiet Qafas inkwistjoni u li minn dan hija kkonkludiet li kienet applikabbli preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità. Issa, il-Qorti Ġenerali qieset li tali risposta ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kienet, minn qabel, wettqet eżami konkret tal-applikazzjoni tar-rikorrenti, u lanqas sabiex jiġi stabbilit li hija kienet wettqet identifikazzjoni reali tad-dokumenti koperti mit-talba għal aċċess, kif jirriżulta mill-punt 57 tal-imsemmija sentenza.

48

Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-formulazzjoni użata mill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha ma kinitx suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrent jidentifika d-dokumenti koperti mit-talba tiegħu għal aċċess u li, għaldaqstant, l-istess rikorrent ma kienx f’pożizzjoni li jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità invokata mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kumissjoni,T‑701/18, EU:T:2020:224, punti 58 u 65).

49

Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, it-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204 jirrigwardaw id-dokumenti ddefiniti mir-rikorrenti fit-termini riprodotti fl-ewwel u fit-tieni inċiż tal-punt 4 iktar ’il fuq. Issa, mill-imsemmija talbiet jirriżulta li r-rikorrenti talbet li jkollha aċċess għal tipoloġija preċiża ta’ dokumenti identifikati b’mod preċiż (jiġifieri l-komunikazzjonijiet skambjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi), u dan fir-rigward ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (jiġifieri l-każ tal-bitum), b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni (T‑701/18, EU:T:2020:224), li fiha t-talba għal aċċess la kienet tirrigwarda tipoloġija preċiża ta’ dokumenti, u lanqas proċedura partikolari, iżda d-dokumenti kollha li jikkonċernaw l-osservanza jew le minn Stat Membru ta’ ċerti deċiżjonijiet qafas tal-Kunsill.

50

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat flimkien id-dokumenti msemmija fit-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204, billi ppreċiżat, fl-evalwazzjoni tagħha, li dawn kienu skambji mal-Istat Olandiż fil-kuntest tal-każ tal-bitum, li jinkludu kemm id-dokumenti li hija kienet obbligata tiskambja mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali skont ir-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-korrispondenza diretta mal-awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża, u li, bħala tali, dawn id-dokumenti kienu jagħmlu parti mill-proċess tal-każ tal-bitum u kienu koperti mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità stabbilita fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, EU:C:2014:112). Il-Kummissjoni esponiet ukoll il-parametri ta’ din il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità u l-applikazzjoni tagħha għal dan il-każ.

51

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-Kummissjoni, fl-eżami konkret tagħha tat-talbiet għal aċċess tar-rikorrenti, identifikat b’mod korrett id-dokumenti msemmija fit-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204, iżda ssostni biss li l-Kummissjoni kellha tipproduċi inventarju jew lista ta’ dawn id-dokumenti.

52

Issa, f’dan l-aħħar rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li huwa ssuġġerit mir-rikorrenti, mis-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni (T‑701/18, EU:T:2020:224), ma jirriżultax li l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni li jissodisfaw talba għal aċċess għal dokumenti, meta japplikaw preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, huma, f’kull każ, obbligati li jipprovdu lill-applikant lista ta’ dokumenti koperti mill-imsemmija preżunzjoni. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-punt 45 iktar ’il fuq, il-provvista ta’ tali lista hija biss wieħed mill-mezzi possibbli sabiex jiġu identifikati d-dokumenti mitluba, b’tali mod li l-applikant ikollu l-possibbiltà li jikkonfuta l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni.

53

Għalhekk, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni (T‑701/18, EU:T:2020:224), tippreċiża li l-provvista ta’ lista ta’ dokumenti koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità ma hijiex neċessarja meta d-dokumenti intiżi, jew tal-inqas it-tip tagħhom, jirriżultaw diġà mit-talba għal aċċess u li l-applikant, bħala prinċipju, għandu l-possibbiltà li jsostni li d-dokument ma huwiex kopert mill-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni, T‑701/18, EU:T:2020:224, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li t-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204 u d-deċiżjoni kkontestata jidentifikaw id-dokumenti msemmija kemm fir-rigward tan-natura tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-appartenenza tagħhom għall-fajl ta’ proċedura partikolari għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

55

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma indikat kif l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ lista tad-dokumenti inkwistjoni pprekludietha milli tikkonfuta l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità applikata mill-Kummissjoni meta hija kienet parti fil-proċedura mibdija minn din tal-aħħar fil-każ tal-bitum. Fil-fatt, hija kienet destinatarja tad-deċiżjoni finali li l-Kummissjoni adottat fil-kuntest tal-każ tal-bitum u, konsegwentement, hija kienet involuta fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Ulterjorment, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-fatt li kien diffiċli li tiġi prodotta l-prova neċessarja sabiex tiġi kkonfutata preżunzjoni ma jimplikax, fih innifsu, li din kienet inkonfutabbli (ara is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, AlzChem vs Il-Kummissjoni, C‑666/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:196, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet, bħala prinċipju, f’pożizzjoni li tikkonfuta l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità fl-assenza ta’ komunikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ lista eżawrjenti tad-dokumenti inkwistjoni.

56

Min-naħa l-oħra, mill-argumenti żviluppati fir-rikors, fil-kuntest tal-ewwel motiv, jirriżulta li lista ta’ dokumenti fis-sens tas-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni (T‑701/18, EU:T:2020:224), ma kinitx mitluba mir-rikorrenti sabiex eventwalment tkun tista’ tikkonfuta l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità applikata mill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti tindika, fil-fatt, li din il-lista kienet intiża sabiex tippermettilha tkun taf “jekk, u jekk ikun il-każ, meta u f’liema livelli, l-Istat [kellu] kuntatti mal-Kummissjoni”, u dan sabiex “jiġu ddeterminati b’eżattezza u b’mod komplet il-fatti kollha li fihom l-ilmenti [tal-klijenti tagħha għad-danni allegatament ikkawżati mill-ksur] [kellhom] ikunu jinsabu”, li ma jaqax taħt il-loġika sottostanti għall-obbligu ta’ identifikazzjoni tad-dokumenti kkonċernati enfasizzat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni (T‑701/18, EU:T:2020:224).

57

Konsegwentement, il-fatt li d-dokumenti li l-iżvelar tagħhom kien mitlub kienu tal-istess tipoloġija u kienu jaqgħu taħt il-fajl amministrattiv relatat ma’proċedura għall-applikazzjoni tal- Artikolu 101 TFUE kien biżżejjed, f’dan il-każ, sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti li jikkonċernaw tali proċedura, mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata tipprovdi lir-rikorrenti lista tal-imsemmija dokumenti.

58

Barra minn hekk, l-ewwel nett, sa fejn l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti għandhom jinftiehmu bħala li jsostnu li, fit-talbiet tagħha bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204, hija kienet talbet aċċess għal inventarju ta’ skambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi, dawn l-argumenti huma bbażati fuq premessi żbaljati u għandhom jiġu miċħuda.

59

Fil-fatt, minn naħa, mill-formulazzjoni tat-talbiet bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204 ma jirriżultax (ara punt 4 iktar ’il fuq) li r-rikorrenti talbet, bħali tali, inventarju tad-dokumenti li jinsabu fil-proċess tal-każ tal-bitum u b’mod partikolari tal-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi.

60

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li mit-talba konfermattiva tar-rikorrenti jirriżulta li, meta hija kkontestat l-assenza ta’ inventarju tad-dokumenti mitluba, hija rreferiet għall-allegat nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu li tipproduċi inventarju tad-dokumenti koperti mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li, fil-fehma tagħha, kien jirriżulta mis-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il-Kummissjoni (T‑701/18, EU:T:2020:224), u mhux għal dokument li, bħala tali, kien kopert mit-talbiet tagħha bir-referenzi GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204.

61

It-tieni nett ( 2 ), peress li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipprovdi lista tad-dokumenti koperti mit-talbiet GESTDEM 2021/4203 u GESTDEM 2021/4204, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għar-rifjut li tiġi prodotta tali lista, li l-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li huwa inammissibbli, għandu wkoll jiġi miċħud mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

62

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

Fuq l‑ispejjeż

63

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il‑parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu f’dan is-sens.

64

Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

 

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (it-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Tiċħad ir-rikors;

 

2)

TotalEnergies Marketing Nederland NV hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Papasavvas

Marcoulli

Norkus

Valasidis

Spangsberg Grønfeldt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑2 ta’ Ottubru 2024.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

( 1 ) Emenda proposta sa fejn il-frażi “u jagħmlu parti mill-fajls” tneħħiet.

( 2 ) Emenda proposta fl-assenza tal-avverbju “it-tielet nett” f’din il-parti tal-abbozz.