SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

10 ta’ Settembru 2025 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tal-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni u żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista – Kunċett ta’ ‘entitajiet li joperaw fis-settur Russu tal-IT b’liċenzja mill-FSB’ – Artikolu 2(1)(i) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK – Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 269/2014 – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Żball ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑573/23,

Positive Group PAO, stabbilita f’Moska (ir-Russja), irrappreżentata minn A. Beauchemin u W. Julié, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Nadbath, A. Boggio-Tomasaz u P. Mahnič, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman, C. Schillemans u E. Besselink, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere (Relatur), D. Petrlík, K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–

ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Settembru 2023,

–

l-ewwel nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Mejju 2024,

–

it-tieni nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Novembru 2024,

wara s-seduta tas‑26 ta’ Frar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Positive Group PAO, titlob, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1218 tat‑23 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 159I, p. 526), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1216 tat‑23 ta’ Ġunju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 159I, p. 335) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti inizjali”), it-tieni, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 104), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 3) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“ewwel atti ta’ żamma”), it-tielet, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/847 tat‑13 ta’ Marzu 2024 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/847), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/849 tat‑12 ta’ Marzu 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/849) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ żamma”), u, ir-raba’,tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2456 tat‑12 ta’ Settembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/2456, rettifika fil-ĠU L, 2025/90125), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2455 tat‑12 ta’ Settembru 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/2455, rettifika fil-ĠU L, 2025/90123) (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, it-“tielet atti ta’ żamma”), sa fejn dawn l-atti (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“atti kkontestati”) jikkonċernawha.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Ir-rikorrenti hija kumpannija holding stabbilita fir-Russja li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-IT u, b’mod partikolari, taċ-ċibersigurtà.

3

Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

4

Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni Nru 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16). Fl-istess jum, huwa adotta, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).

5

Fit‑23 ta’ Ġunju 2023, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-gwerra tal-informazzjoni kienet tikkostitwixxi mezz essenzjali li permezz tiegħu l-Federazzjoni Russa kienet qiegħda timplimenta l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2023/1218 u r-Regolament (UE) 2023/1215, li jemenda r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2023, L 159I, p. 330), b’mod partikolari sabiex jiġu emendati l-kriterji li taħthom persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi setgħu jkunu suġġetti għall-miżuri restrittivi deċiżi mill-Unjoni fir-rigward tal-azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

6

L-Artikolu 1(2)(b) tad-Deċiżjoni 2023/1218 introduċa l-kriterju ġdid ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 2(1)(i) tad-Deċiżjoni 2014/145 (iktar ’il quddiem il-“kriterju (i)”). Din id-dispożizzjoni tipprevedi hekk:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

[…]

(i)

persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li joperaw fis-settur Russu tal-IT b’liċenzja amministrata miċ-Ċentru tas-Servizz Federali tas-Sigurtà (Federal Security Service, FSB) tal-Federazzjoni Russa għall-Għoti ta’ Liċenzji, iċ-Ċertifikazzjoni, u l-Ħarsien tas-Sigrieti tal-Istat jew liċenzja ta’ ‘armi u tagħmir militari’ amministrata mill-Ministeru Russu għall-Industrija u l-Kummerċ […]”

7

F’termini identiċi, l-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament 2023/1215 introduċa l-kriterju (i) fl-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 269/2014.

8

Permezz tal-atti inizjali, isem ir-rikorrenti, taħt il-formulazzjoni “Positive Group PJSC, magħruf mod ieħor bl-isem ta’ Positive technologies, magħruf mod ieħor bl-isem ta’ Gruppa Pozitiva”, ġie miżjud fil-lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata u f’dik li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 emendat (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“listi inkwistjoni”), għar-raġuni li ġejja:

“Positive Group PJSC għandha liċenzja amministrata mill-FSB. Il-liċenzja tal-FSB tinħareġ lil kumpaniji tal-IT li jiżviluppaw teknoloġija ta’ kriptaġġ u kriptografija, sistemi ta’ informazzjoni, u sistemi ta’ telekomunikazzjoni għas-servizzi tal-intelligence Russi, kif ukoll kumpaniji tal-IT li jiżviluppaw ‘sistemi ta’ ġestjoni ta’ bażijiet ta’ data personali’ għas-servizzi tas-sigurtà Russi (jiġifieri għodod imfassla speċifikament biex jaħżnu, jirkupraw u jimmaniġġaw ammonti kbar ta’ data miksuba permezz ta’, pereżempju, scraping tal-media soċjali jew prattiki oħra ta’ ġbir ta’ intelligence).

Għalhekk, Positive Group PJSC tikkostitwixxi entità li topera fis-settur tal-IT Russu b’liċenzja amministrata miċ-Ċentru tal-FSB għall-Għoti ta’ Liċenzji, iċ-Ċertifikazzjoni, u l-Ħarsien tas-Sigrieti tal-Istat.”

9

Fis‑26 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Avviż għall-attenzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1218, u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1216 (ĠU 2023, L 159I).

10

Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Lulju 2023, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill il-komunikazzjoni tal-fajl tal-provi li abbażi tiegħu dan tal-aħħar kien iddeċieda li jinkludi isimha fil-listi inkwistjoni.

11

Fl‑4 ta’ Awwissu 2023, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti kopja tal-fajl tal-provi bir-referenza WK 5423/2023, datata 3 ta’ Mejju 2023 (iktar ’il quddiem l-“ewwel fajl ta’ provi”).

12

Fit‑13 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill adotta l-ewwel atti ta’ żamma, li permezz tagħhom isem ir-rikorrenti nżamm fil-listi inkwistjoni għall-istess raġuni bħal dik li tinsab fl-atti inizjali.

13

Fl‑14 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali Avviż għall-attenzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2023/1767, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1765 (ĠU 2023, C 324, p. 8).

Fatti li seħħew wara l‑preżentata tar‑rikors

14

Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Settembru 2023, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill il-komunikazzjoni tad-dokumenti li fuqu kienet ibbażata ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inikwistjoni.

15

Fil‑31 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill bagħat mill-ġdid lir-rikorrenti kopja tal-ewwel fajl ta’ provi u kkomunikalha wkoll id-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-provi bir-referenza WK 6512/2023 (iktar ’il quddiem it-“tieni fajl ta’ provi”), bid-data tas‑16 ta’ Mejju 2023.

16

Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Novembru 2023, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni u ta’ żamma ta’ isimha fil-listi inkwistjoni.

17

Fit‑12 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill adotta t-tieni atti ta’ żamma, li permezz tagħhom isem ir-rikorrenti inżamm fil-listi inkwistjoni għall-istess raġuni bħal dik li tinsab fl-atti inizjali.

18

Fit‑13 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/847, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/849 (ĠU C, C/2024/2191).

19

Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti tal‑1 ta’ Novembru 2023.

20

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Mejju 2024, bi tweġiba għall-posta elettronika tar-rikorrenti tat‑30 ta’ April u tal‑14 ta’ Mejju 2024 li titlob l-aċċess għad-dokumenti kollha insostenn taż-żamma ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill ikkonferma li d-dokumenti kollha, jiġifieri l-ewwel u t-tieni fajls ta’ provi, kienu diġà ġew ikkomunikati lilha fl‑4 ta’ Awwissu u fil‑31 ta’ Ottubru 2023.

21

Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Mejju 2024, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ żamma ta’ isimha fil-listi inkwistjoni mit-tieni atti ta’ żamma.

22

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jżomm isem din tal-aħħar fil-listi inkwistjoni b’motivazzjoni emendata u kkomunikatha din il-motivazzjoni l-ġdida kif ukoll il-fajl tal-provi bir-referenza WK 9908/2024 (iktar ’il quddiem it-“tielet fajl ta’ provi”), tal‑10 ta’ Lulju 2024, li fuqu huwa kien ibbaża ruħu.

23

Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Lulju 2024, b’risposta għall-ittra tas‑16 ta’ Lulju 2024, ir-rikorrent ippreżenta lill-Kunsill osservazzjonijiet dwar l-intenzjoni ta’ dan tal-aħħar li jżomm isimha fil-listi inkwistjoni fid-dawl tal-motivazzjoni emendata.

24

Fit‑12 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill adotta t-tielet atti ta’ żamma, li permezz tagħhom isem ir-rikorrenti nżamm fil-listi inkwistjoni. Ir-raġuni għall-inklużjoni ġiet emendata kif ġej:

“Positive Group PJSC hija l-kumpanija azzjonarja ta’ konglomerat li tinkludi AO Pozitiv Teknolodzhiz. AO Pozitiv Teknolodzhiz topera fis-settur tal-IT Russu u għandha liċenzja amministrata mill-FSB Centre for Licensing, Certification, and Protection of State Secrets. Għalhekk, Positive Group PJSC hija l-kumpanija azzjonarja ta’ konglomerat li tinkludi entità li topera fis-settur tal-IT Russu u li għandha liċenzja amministrata mill-FSB.

Għalhekk, Positive Group PJSC tikkostitwixxi entità li topera fis-settur tal-IT Russu b’liċenzja amministrata miċ-Ċentru tal-FSB għall-Għoti ta’ Liċenzji, iċ-Ċertifikazzjoni, u l-Ħarsien tas-Sigrieti tal-Istat.”

25

Fit‑13 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali Avviż għall-attenzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2456, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2455 (ĠU C, C/2024/5573).

26

Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti, li tinsab fl-ittri tal‑31 ta’ Mejju u tal‑31 ta’ Lulju 2024, u informaha bid-deċiżjoni tiegħu li jżomm isimha fil-listi inkwistjoni.

27

Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Novembru 2024, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ żamma ta’ isimha fil-listi inkwistjoni permezz tat-tielet atti ta’ żamma.

It-talbiet tal‑partijiet

28

Ir-rikorrenti, wara adattament tar-rikors, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla l-atti kkontestati, sa fejn jirrigwardawha;

–

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż;

–

tiċħad in-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala inammissibbli;

–

tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż tiegħu stess.

29

Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla d-Deċiżjonijiet 2023/1218, 2023/1767, 2024/847 jew 2024/2456 sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti, tordna li l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet jinżammu fir-rigward ta’ din tal-aħħar sal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda eventwali tiegħu.

Id‑dritt

30

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-kriterju (i), it-tieni wieħed, fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu li jsir eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi inkwistjoni.

Fuq l-ammissibbiltà tan-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

31

Ir-rikorrenti ssostni li n-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi hija inammissibbli sa fejn ma tesponix b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti l-motivi u l-argumenti invokati u għalhekk ma tosservax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 145 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

32

Skont l-Artikolu 145(2)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, in-nota ta’ intervent għandha tinkludi l-motivi u l-argumenti invokati mill-intervenjenti.

33

Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, fir-rigward tar-rikors promotur, applikabbli b’analoġija fir-rigward tan-nota ta’ intervent, l-espożizzjoni sommarja tal-motivi għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni addizzjonali insostenn tar-rikors (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑227/01 sa T‑229/01, T‑265/01, T‑266/01 u T‑270/01, EU:T:2009:315, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għandu jiġi rrilevat li, fin-nota ta’ intervent tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza l-importanza tal-kriterju (i) sabiex tingħata risposta għall-gwerra tal-informazzjoni li tmexxi l-Federazzjoni Russa fl-Ukraina. Huwa jirrileva r-rabta mill-qrib bejn is-servizzi tal-intelligence u tas-sigurtà Russi u s-settur Russu tal-IT kif ukoll ir-rwol tal-kumpaniji tal-IT Russi li jaqgħu taħt il-kriterju (i) fil-gwerra tal-informazzjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jiċċita eżempji li juru l-fatt li impriżi li għandhom liċenzja maħruġa miċ-ċentru ta’ għoti ta’ liċenzji, ta’ ċertifikazzjoni u ta’ protezzjoni tas-sigrieti tal-Istat tas-Servizz Federali tas-Sigurtà tal-Federazzjoni Russa (FSB) (iktar ’il quddiem “liċenzja tal-FSB”) sabiex jaħdmu b’għodod kriptografiċi għandhom rwol importanti fis-sistema ċibernetika militari Russa. Huwa jikkonkludi li l-kriterju (i) huwa meħtieġ sabiex titnaqqas il-possibbiltà li l-Federazzjoni Russa tkompli twettaq gwerra ta’ informazzjoni kontra l-Ukraina u li huwa proporzjonat.

35

B’hekk, min-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li l-argumenti mqajma huma intiżi għaċ-ċaħda tal-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-kriterju (i).

36

Għaldaqstant, in-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 145(2)(b) tar-Regoli tal-Proċedura u hija ammissibbli.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-kriterju (i)

37

Ir-rikorrenti tqajjem, skont l-Artikolu 277 TFUE, eċċezzjoni ta’ illegalità tal-kriterju (i), li abbażi tiegħu isimha ġie inkluż u nżamm fil-listi inkwistjoni. Hija ssostni li l-kriterju (i), kif interpretat mill-Kunsill, jiġifieri sa fejn japplika għal kull kumpannija tal-IT li għandha liċenzja tal-FSB, irrispettivament mit-tip ta’ liċenzja, u mingħajr ma tista’ tiġi stabbilita rabta ma’ attivitajiet li “jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali tal-Ukraina”, jikser il-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali, it-tieni, jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet, jippreġudika b’mod sproporzjonat il-libertà ta’ intrapriża.

38

Skont l-Artikolu 277 TFEU, kull parti tista’, fil-kuntest ta’ tilwima li tikkontesta att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tibbaża ruħha fuq il-motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att.

39

L-Artikolu 277 TFUE jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, b’mod inċidentali, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni indirizzata lilha, il-validità tal-atti ta’ portata ġenerali li jifformaw il-bażi ta’ tali deċiżjoni jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li hija għaldaqstant tbati l-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom. L-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija invokata għandu japplika, direttament jew indirettament, għall-kwistjoni li hija s-suġġett tar-rikors u għandu jkun hemm rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju, skont ġurisprudenza kostanti, il-qrati tal-Unjoni għandhom, b’mod konformi mal-kompetenzi li huma għandhom taħt it-Trattat FUE, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa speċifikament trattat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Il-Kunsill għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni ġenerali u astratta tal-kriterji legali u tal-metodi ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi. Konsegwentement, ir-regoli ta’ portata ġenerali li jiddefinixxu dawn il-kriterji u dawn il-modalitajiet, bħad-dispożizzjonijiet tal-atti kkontestati jipprevedu li l-kriterju intiż minn dan il-motiv, huma s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju ristrett, li huma llimitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball ta’ liġi kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-istħarriġ ristrett japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi (sentenza tad‑29 ta’ April 2015, Bank of Industry and Mine vs Il‑Kunsill, T‑10/13, EU:T:2015:235, punt 75, ara, ukoll, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2023, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill, T‑65/18 RENV, EU:T:2023:529, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Xorta jibqa’ l-fatt li s-setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għandu l-Kunsill, sabiex jiddefinixxi l-kriterji ġuridiċi relatati mal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, ma tawtorizzahx jikser il-valuri tal-Istat tad-dritt, u lanqas il-prinċipji u d-drittijiet stabbiliti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u li għalhekk hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk il-kriterju (i) huwiex konformi mal-prinċipji ta’ prevedibbiltà, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punti 110 u 111, u tal‑4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il‑Kunsill, T‑577/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:596, punti 129 u 130).

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali

43

Ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà tal-kriterju (i) ma humiex iddefiniti bi preċiżjoni suffiċjenti. L-interpretazzjoni letterali tal-kriterju (i) adottata mill-Kunsill tagħtih setgħa diskrezzjonali illimitata u tippermettilu jadotta miżuri restrittivi fir-rigward ta’ kull kumpannija tas-settur Russu tal-IT li għandha liċenzja tal-FSB mingħajr ma dawn il-miżuri jkunu bbażati fuq attivitajiet preċiżi, bi ksur tal-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali.

44

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jimplika li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-individwi. Din il-leġiżlazzjoni għandha tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni suġġetti għal-liġi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2024, Mironovich Shor vs Il‑Kunsill, T‑489/23, EU:T:2024:912, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-formulazzjoni tal-kriterju (i), imsemmi fil-punt 6 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-applikazzjoni tiegħu tippreżupponi li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet oġġettivi, jiġifieri, minn naħa, li l-persuna ġuridika, l-entità jew l-organu kkonċernat jeżerċita attivitajiet fis-settur Russu tal-IT u, min-naħa l-oħra, li jkun detentur ta’ liċenzja tal-FSB jew ta’ liċenzja ta’ “armi u tagħmir militari”.

46

Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju (i) jiddefinixxu b’mod oġġettiv kategorija ddefinita ta’ persuni.

47

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 2 tar-Regolament 2023/1215 jirriżulta li l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2023/1218, li tintroduċi l-kriterju (i), “b’reazzjoni għall-gwerra ta’ informazzjoni mwettqa [mill-Federazzjoni Russa] sabiex timplimenta l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.”

48

B’hekk, il-kriterju (g) jaqa’ f’kuntest legali ddelimitat b’mod ċar mill-għanijiet li għandhom jiġu segwiti mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-miżuri restrittivi inkwistjoni, jiġifieri n-neċessità, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina kif ukoll l-aggressjoni militari ta’ dan il-pajjiż. Minn din il-perspettiva, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma konformi mal-għan imsemmi fl-Artikolu 21(2)(c) TUE tal-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, skont l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Barra minn hekk, is-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kunsill mill-kriterji kkontestati hija bbilanċjata minn obbligu ta’ motivazzjoni u minn drittijiet proċedurali msaħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa ta’ evalwazzjoni, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza iktar fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il‑Kunsill, T‑577/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:596, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Kunsill, li s-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu hija limitata għall-kwistjoni dwar jekk għandhomx jiġu inklużi fil-listi tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi l-entitajiet kollha li jissodisfaw il-kriterju (i) jew biss uħud minnhom u, f’dan il-każ, liema minnhom.

51

Fil-fatt, għalkemm il-Kunsill ma jistax jinkludi fil-listi ismijiet ta’ persuni li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ inklużjoni stabbiliti fl-atti applikabbli, min-naħa l-oħra, huwa ma huwiex obbligat li jinkludi f’dawn il-listi l-ismijiet tal-persuni kollha li jissodisfaw dawn il-kriterji. Il-Kunsill għandu, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tippermettilu, jekk ikun il-każ, li ma jissuġġettax tali persuna jew entità għall-miżuri restrittivi, jekk iqis li, fir-rigward tal-għanijiet tagħhom, ma jkunx xieraq li jsir dan (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2024, Rosbank vs Il-Kunsill, T‑270/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:904, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Minn dan isegwi li s-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kunsill mill-kriterju (i) ma tistax tiġi kklassifikata bħala illimitata jew arbitrarja, peress li dan il-kriterju huwa suffiċjentement ċar u prevedibbli, u li s-setgħa tal-Kunsill hija delimitata mill-għanijiet li għandhom jiġu segwiti. Għaldaqstant, il-kriterju (i) huwa konformi mal-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali.

53

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

54

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni prevista mill-kriterju (i) dwar iż-żamma ta’ liċenzja tal-FSB, ir-rikorrenti ssostni li din hija ddefinita b’mod ġenerali wisq u hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sistema tal-liċenzji fir-Russja.

55

Ir-rikorrenti ssostni li l-kliem tal-kriterju (i) ma huwiex preċiż sa fejn jagħti x’jifhem li hemm biss tip wieħed ta’ liċenzja maħruġa mill-FSB, filwaqt li dan tal-aħħar joħroġ varjetà kbira ta’ liċenzji li jikkorrispondu għal attivitajiet kummerċjali banali.

56

Ir-rikorrenti tindika b’mod partikolari li jeżistu 28 liċenzja tat-“tip 4”, jiġifieri dawk maħruġa għal attivitajiet marbuta mal-kriptaġġ. Hija tinnota li waħda biss minn dawn il-liċenzji tikkonċerna l-iżvilupp ta’ għodod ta’ kriptaġġ, li s-27 l-oħra jikkonċernaw l-użu ta’ teknoloġiji ta’ kriptaġġ, pereżempju għal applikazzjonijiet bankarji online, u li kważi l-banek kollha fir-Russja, inklużi banek barranin, għandhom tali liċenzji. Hija tirrileva wkoll li jeżistu tliet tipi ta’ liċenzji “sigrieti tal-Istat” u li dawn ma jinħarġux biss lill-impriżi li joperaw fis-settur tal-IT, iżda wkoll lil operaturi tat-telefonija mobbli, tal-impriżi ta’ kostruzzjoni, u anki fornituri ta’ servizzi ta’ tindif. Hija targumenta li eluf ta’ impriżi Russi fis-setturi kollha tal-ekonomija għandhom liċenzji tal-FSB u ma għandhom l-ebda rabta mal-parteċipazzjoni fil-gwerra tal-informazzjoni.

57

Għandu jiġi rrilevat li, fit-tieni fajl ta’ provi stabbilit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), li fuqu bbaża ruħu l-Kunsill sabiex jintroduċi l-kriterju (i), hemm silta mis-sit internet tal-FSB li tiddeskrivi d-diversi attivitajiet li jeħtieġu l-kisba ta’ liċenzja u li fiha l-FSB jiddistingwi seba’ tipi ta’ liċenzji.

58

Mis-sit internet tal-FSB jirriżulta li l-liċenzji tat-“tip 1” jikkonċernaw it-twettiq ta’ xogħlijiet marbuta mal-użu ta’ informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tal-Istat, il-liċenzji tat-“tip 2” l-attivitajiet relatati mal-ħolqien ta’ mezzi ta’ protezzjoni tal-informazzjoni li tinkludi informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tal-Istat u l-liċenzji tat- “tip 3” l-implimentazzjoni ta’ miżuri jew ta’ provvista ta’ servizzi fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigrieti tal-Istat. Dawn it-tliet tipi ta’ liċenzji jikkostitwixxu liċenzji “sigrieti tal-Istat” u jinħarġu skont ir-riżoluzzjoni tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa Nru 333, tal‑15 ta’ April 1995, li tapprova r-Regolament dwar il- “ħruġ ta’ liċenzji lill-impriżi, lill-istituzzjonijiet u lill-organizzazzjonijiet għat-twettiq ta’ attivitajiet relatati mal-użu ta’ informazzjoni li tikkostitwixxi sigrieti tal-istat, il-ħolqien ta’ mezzi għall-protezzjoni tal-informazzjoni, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri u/jew il-provvista ta’ servizzi għall-protezzjoni tas-sigrieti tal-Istat”. Il-liċenzji tat-“tip 4” jikkonċernaw attivitajiet regolati relatati ma’ għodod ta’ kriptaġġ (kriptografiċi) u jinħarġu skont ir-Riżoluzzjoni tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa Nru 313 tas‑16 ta’ April 2012 li tapprova r-Regolament dwar il-“ħruġ ta’ liċenzji għal attivitajiet relatati mal-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ għodod ta’ kriptaġġ (kriptografiċi), sistemi tal-kompjuter u sistemi ta’ telekomunikazzjoni protetti minn għodod ta’ kriptaġġ (kriptografiċi), eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, provvista ta’ servizzi fil-qasam tal-kriptaġġ tal-informazzjoni, tal-manutenzjoni teknika tal-għodod ta’ kodifikazzjoni (kriptografiċi), tas-sistemi tal-IT u tas-sistemi ta’ telekomunikazzjoni protetti permezz ta’ għodod ta’ kriptaġġ (kriptografiċi)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 313”). Il-liċenzji tat-“tip 5” jirrigwardaw l-attivitajiet ta’ żvilupp, ta’ produzzjoni, ta’ bejgħ u ta’ akkwist għall-bejgħ ta’ mezzi tekniċi speċjali intiżi sabiex tinkiseb informazzjoni sigrieta, il-liċenzji tat-“tip 6” l-attivitajiet intiżi sabiex jidentifikaw l-apparat elettroniku maħsub sabiex jikseb informazzjoni sigrieta u l-liċenzji tat-“tip 7” l-attivitajiet ta’ żvilupp u ta’ produzzjoni ta’ mezzi ta’ protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

59

Barra minn hekk, il-fatt li r-Regolament 313, imsemmi fit-tieni fajl ta’ provi, jipprevedi 28 liċenzja differenti tat-“tip 4” għall-attivitajiet marbuta ma’ għodda ta’ kriptaġġ ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill.

60

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-fatt li l-kriterju (i) jirrigwarda l-entitajiet li jeżerċitaw attivitajiet fis-Settur Russu tal-IT li għandhom, b’mod partikolari, liċenzja tal-FSB, ma jistax jiġi dedott li l-Kunsill qies li l-FSB kien joħroġ tip wieħed biss ta’ liċenzja.

61

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-kriterju (i) ma hijiex limitata għall-kundizzjoni li entità jkollha liċenzja tal-FSB, iżda timplika wkoll li l-FSB jopera fis-settur Russu tal-IT. B’hekk, il-fatt li impriżi li jaqgħu taħt setturi ekonomiċi oħra għandhom liċenzja tal-FSB ma huwiex rilevanti, sa fejn dawn ma humiex koperti mill-kriterju (i).

62

Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li ż-żamma ta’ liċenzji tal-FSB ma hijiex limitata għall-impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-IT għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-kriterju (i).

63

Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti li l-fatt li hija detentriċi ta’ liċenzja ta’ kriptaġġ tat-“tip 4” ma jimplikax neċessarjament li għandha wkoll liċenzja “sigrieti tal-Istat” ma huwiex rilevanti, sa fejn il-kriterju (i) jipprevedi b’mod ċar iż-żamma ta’ liċenzja waħda tal-FSB, irrispettivament mit-tip tagħha, mingħajr ma jeżiġi li din tkun liċenzja “sigrieti tal-Istat”.

64

Minn interpretazzjoni litterali tal-kriterju (i) jirriżulta li huma koperti minn dan il-kriterju l-entitajiet kollha li jeżerċitaw attivitajiet fis-Settur tal-IT Russu li għandhom liċenzja tal-FSB, irrispettivament mit-tip ta’ liċenzja. Din l-interpretazzjoni ma tistax timplika li l-adozzjoni ta’ dan il-kriterju hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sistema Russa ta’ għoti ta’ liċenzji.

65

B’hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-kriterju (i) jirrigwarda kull tip ta’ liċenzja maħruġa mill-FSB ma jfissirx li dan il-kriterju ma huwiex ċar jew preċiż.

66

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kriterju (i) ma huwiex preċiż biżżejjed sa fejn ma jirrigwardax attività preċiża tal-persuna kkonċernata, kif teżiġi l-ġurisprudenza.

67

Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 81 tas-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775), li fuqha tibbaża ruħha r-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat biss li, f’din il-kawża, “il-miżura suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni [kienet] miżura mmirata li tkopri mhux settur ekonomiku partikolari, iżda impriża individwali minħabba attività allegata speċifika”. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-miżura restrittiva individwali inkwistjoni kienet ġiet adottata b’applikazzjoni ta’ kriterju relatat mal-attività tal-persuna kkonċernata u li, għaldaqstant, l-argument tal-Kunsill li huwa kellu d-dritt li jadotta sanzjonijiet ekonomiċi ġenerali jew li jolqot ċerti setturi tal-ekonomija Iranjana, skont l-Artikolu 215(1) TFUE, ftit kien rilevanti. Peress li din is-sentenza ma tikkonċernax l-interpretazzjoni ta’ kriterju ta’ inklużjoni, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.

68

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel kundizzjoni tal-kriterju (i), l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju hija limitata għall-entitajiet li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’settur partikolari, jiġifieri s-Settur Russu tal-IT. Barra minn hekk, it-tieni kundizzjoni prevista minn dan il-kriterju, dwar iż-żamma ta’ liċenzja tal-FSB, timplika wkoll l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet, imsemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, li għalihom jinħarġu l-liċenzji.

69

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tispeċifikax dak li hija tqis bħala “attività preċiża” u li hija ma ssostnix li l-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-kriterju (i) għall-attivitajiet li jaqgħu taħt is-settur Russu tal-IT ma hijiex suffiċjentement preċiża.

70

Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

71

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kisba ta’ liċenzja hija kundizzjoni legali preliminari għall-eżerċizzju ta’ ċertu tip ta’ attività u li l-kriterju (i) japplika għalhekk għal attivitajiet legali. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li persuna ma tistax tiġi ssanzjonata minħabba obbligu legali, bħall-obbligu li jitħallsu taxxi, u li l-fatt li jkollha liċenzja sabiex teżerċita attività kummerċjali, b’mod partikolari f’settur irregolat, ma jikkostitwixxix motiv suffiċjenti sabiex tiġi imposta miżura restrittiva individwali.

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza msemmija mir-rikorrenti insostenn ta’ dan l-argument ma kinitx tikkonċerna l-legalità ta’ kriterju ta’ inklużjoni fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, iżda kienet intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill kienx ipproduċa provi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mill-kriterju ta’ inklużjoni inkwistjoni.

73

B’hekk, fis-sentenzi ċċitati mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali qieset li, sa fejn il-ħlas ta’ taxxi kien jikkostitwixxi obbligu legali applikabbli għall-persuni taxxabbli kollha, il-Kunsill ma jistax jiddeduċi mill-ħlas ta’ taxxi mill-persuna kkonċernata li hija kienet tissodisfa l-kriterju ta’ appoġġ finanzjarju għas-sistema ta’ pajjiż terz (sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Peftiev vs Il‑Kunsill, T‑441/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1041, punt 188, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Chyzh et vs Il‑Kunsill, T‑276/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:748, punt 169). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-fatt li kumpannija kienet teżerċita l-attivitajiet tagħha f’settur irregolat jew kien jimplika rabtiet mas-sistema inkwistjoni, iżda ma setax juri, bħala tali, li din il-kumpannija kienet qiegħda ssostni finanzjarjament din is-sistema (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Peftiev vs Il‑Kunsill, T‑441/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1041, punt 195), jew kien jeħtieġ awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu importati u esportati armi, li ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li hija kienet tibbenefika mill-iskema inkwistjoni (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, BelTechExport vs Il‑Kunsill, T‑765/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:669, punt 100).

74

Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott mis-sentenzi ċċitati mir-rikorrenti ma jistax jiġi dedott li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill ma setax jipprevedi kriterju ta’ inklużjoni li jinkludi ż-żamma ta’ liċenzja partikolari bħala kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-kriterju (i).

75

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tispjegax għal liema raġuni l-fatt li ż-żamma ta’ liċenzja tal-FSB hija neċessarja għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet leċiti fir-Russja huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-kriterju (i) fid-dawl tal-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali. Fi kwalunkwe każ, la d-Deċiżjoni 2014/145 u lanqas ir-Regolament Nru 269/2014 ma jissuġġettaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li isimhom huwa inkluż fil-listi inkwistjoni għall-kundizzjoni li dawn jeżerċitaw attività meqjusa bħala illegali fir-Russja.

76

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-kriterju (i) ikopri kull persuna li għandha liċenzja tal-FSB mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura legali jew illegali tal-attivitajiet tagħha ma jfissirx li dan il-kriterju ma huwiex suffiċjentement ċar jew prevedibbli.

77

Fir-raba’ lok, fin-nota ta’ adattament li tikkonċerna t-tielet atti ta’ żamma, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill interpreta l-kriterju (i) fis-sens li jippermettilha tinkludi fil-listi inkwistjoni l-ismijiet ta’ kumpanniji li ma kinux huma stess detenturi ta’ liċenzja tal-FSB, għas-sempliċi raġuni li tali liċenzja kienet miżmuma minn waħda mis-sussidjarji tagħhom. Hija ssostni li, fis-sitwazzjonijiet li jikkonċernaw strutturi ta’ impriżi kumplessi, li jinkludu kumpannija holding b’diversi sussidjarji, l-interpretazzjoni tal-kriterju (i) mill-Kunsill tista’ twassal sabiex il-grupp kollu ta’ impriżi u b’mod partikolari s-sussidjarji li ma jeżerċitawx l-attività tagħhom fis-settur ikkonċernat jew li ma għandhomx liċenzja mill-FSB jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, għas-sempliċi raġuni li entità waħda fi ħdan il-grupp jista’ jkollha liċenzja rilevanti.

78

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-kriterju (i) jirriżulta li dan jirrigwarda espliċitament il-“persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi”. Issa, it-tliet kunċetti użati fil-kriterju (i) għandhom jitqiesu li għandhom portata differenti.

79

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “entità”, l-għan tal-użu ta’ dan it-terminu huwa li jippermetti l-applikazzjoni tal-kriterju (i) għal kull “entità”, tkun xi tkun il-forma ġuridika tagħha.

80

F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, ir-rikorrenti, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-formulazzjoni tal-kriterju (i) fil-verżjoni Ingliża tiegħu, sa fejn tirreferi għal-“legal persons, entities or bodies”, sostniet li dan kellu jiġi interpretat bħala li japplika għal-“legal persons, legal entities or legal bodies”.

81

Madankollu, l-argument tar-rikorrenti li l-kunċett ta’ entità jirreferi biss għall-“entitajiet ġuridiċi” għandu bħala konsegwenza li dan il-kunċett jiġi limitat għal dak ta’ “persuna ġuridika” u jneħħi l-effett utli tal-enumerazzjoni li tinsab fil-kriterju (i). Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun suġġetta għal diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik li hija ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Interfel, C‑501/22 sa C‑504/22, EU:C:2023:531, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

B’hekk, il-kunċett ta’ “entità” ma jikkoinċidix ma’ dak ta’ persuna ġuridika u għandu jitqies li għandu portata iktar wiesgħa, sabiex jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ kull “entità” li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-kriterju (i) mingħajr ma jkun limitat mid-diversi strutturi ġuridiċi li jistgħu jeżistu fir-Russja jew mill-assenza ta’ personalità ġuridika.

83

B’hekk, għandu jitqies li kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha, għalkemm huma ġuridikament persuni distinti, jistgħu madankollu jifformaw entità waħda skont, b’mod partikolari, il-grad ta’ żamma jew l-intensità tal-kontroll eżerċitat mill-kumpannija omm.

84

L-użu tal-kelma “entità” fil-kriterju (i) jippermetti għalhekk li jsir riferiment għal grupp iffurmat minn kumpannija parent u s-sussidjarji li hija tikkontrolla jew li ma humiex awtonomi minnha.

85

F’dan ir-rigward, kif jirrileva l-Kunsill, kull interpretazzjoni oħra tal-kriterju (i) tippreġudika l-effett utli tiegħu u l-effettività tal-miżuri restrittivi billi tippermetti lil kumpannija tevita l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju permezz tal-ħolqien ta’ sussidjarja għall-finijiet tal-kisba u taż-żamma ta’ liċenzja tal-FSB.

86

Minn dan isegwi li, fil-każ fejn kumpannija omm iżżomm jew tikkontrolla waħda mis-sussidjarji tagħha b’mod li hija teżerċita influwenza determinanti fuqha, huma jifformaw grupp wieħed u għalhekk entità waħda fis-sens tal-kriterju (i). B’hekk, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni taħt il-kriterju (i) tal-entità fformata mill-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jkunu ssodisfatti meta tkun is-sussidjarja li teżerċita attivitajiet fis-settur Russu tal-IT u li jkollha liċenzja tal-FSB.

87

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, tali interpretazzjoni hija konformi mal-formulazzjoni tal-kriterju (i), li għandu jitqies li huwa suffiċjentement ċar u prevedibbli.

88

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

89

Ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni letterali tal-kriterju (i) magħmula mill-Kunsill tippermetti lil dan tal-aħħar jissanzjona kull kumpannija li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-IT b’liċenzja tal-FSB, mingħajr ma tiġi stabbilita rabta mal-“komunità tal-intelligence Russa” jew mal-gwerra tal-informazzjoni, li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mis-sanzjonijiet imposti fuq il-Federazzjoni Russa.

90

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il‑Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 52; ara wkoll is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2023, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill, T‑65/18 RENV, EU:T:2023:529, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Islentyeva vs Il‑Kunsill, T‑233/22, EU:T:2023:828, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

F’dan id-dawl, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mill-ġurisprudenza jirriżulta li għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-oqsma li jimplikaw min-naħa ta’ dan tal-aħħar għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom dan tal-aħħar huwa mitlub jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. B’hekk, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata; mill‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77, ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2023, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill, T‑65/18 RENV, EU:T:2023:529, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija bl-introduzzjoni tal-kriterju (i), għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2023/1218 jirriżulta li “[l]-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.” Skont il-premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tat‑23 ta’ Marzu 2023, “tenna wkoll li l-Unjoni tibqa’ impenjata li żżomm u żżid il-pressjoni kollettiva fuq il-[Federazzjoni Russa], inkluż permezz ta’ miżuri restrittivi ulterjuri possibbli”. Mill-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2023/1218 jirriżulta wkoll li “l-Kunsill […] qies […] li l-gwerra tal-informazzjoni tikkostitwixxi mezz ewlieni li bih ir-Russja timplimenta l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u twettaq ksur gravi tad-dritt internazzjonali u tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.”

93

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 2 tar-Regolament 2023/1215 jirriżulta li l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2023/1218, li tintroduċi l-kriterju (i), “b’reazzjoni għall-gwerra ta’ informazzjoni mwettqa [mill-Federazzjoni Russa] sabiex timplimenta l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.”

94

Ir-rwol tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni tal-Federazzjoni Russa fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina huwa muri minn bosta dokumenti u artikli tal-istampa fit-tieni fajl ta’ provi. Dan ir-rwol ġie enfasizzat ukoll minn diversi rapporti annessi mar-risposta, fosthom ir-Rapport tal‑2022 dwar l-attivitajiet tas-SEAE għall-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil barrani, ippubblikat fit‑2 ta’ Frar 2023; l-ewwel rapport tas-SEAE ta’ Frar 2023 dwar it-theddid ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u indħil barrani kif ukoll ir-rapport tas-SEAE u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) ta’ Diċembru 2022, intitolat “Foreign Information Manipulation and Interference (FIMI) and Cybersecurity – Threat landscape” (Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Indħil Barrani u Ċibersigurtà) – L-Istat tat-theddid) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

95

Peress li l-propaganda u l-kampanji ta’ diżinformazzjoni jistgħu jpoġġu f’dubju l-pedamenti tas-soċjetajiet demokratiċi u jifformaw parti integrali mill-armamenti tal-gwerra moderna, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jifformaw ukoll parti mill-kuntest tat-twettiq mill-Unjoni tal-għanijiet, b’mod partikolari paċifiċi, li l-Artikolu 3(1) u (5) TUE jassenjalha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 162).

96

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-gwerra tal-informazzjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa hija orkestrata mis-servizzi tas-sigurtà Russi fil-kuntest ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni mwettqa fuq l-internet, b’mod partikolari permezz tan-networks soċjali, jew permezz ta’ attakki ċibernetiċi.

97

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li diversi dokumenti prodotti fl-anness tar-risposta u tan-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkonfermaw il-parteċipazzjoni tas-servizzi tas-sigurtà Russi, b’mod partikolari tad-Direttorat Ġenerali tal-Intelligence (GRU), tal-FSB u tas-Servizz tal-Intelligence Barranija (SVR), f’operazzjonijiet ċibernetiċi ta’ diżinformazzjoni, ta’ indħil u ta’ destabbilizzazzjoni mwettqa barra mir-Russja. Bl-istess mod, diversi dokumenti fit-tieni fajl ta’ provi jiddeskrivu kif l-FSB huwa involut fil-gwerra tal-informazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Russi.

98

Min-naħa l-oħra, fil-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2023/1218, il-Kunsill ikkonstata li “[i]l-kumpaniji fis-settur tal-IT li [pprovdew] teknoloġija u software kritiċi lill-komunità tal-intelligence Russa” u li dawn l-impriżi għandhom liċenzja mill-FSB jew liċenzja speċjali “armi u u tagħmir militari”.

99

F’dan ir-rigward, diversi dokumenti prodotti mill-Kunsill u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jistabbilixxu li, sabiex iwettqu l-azzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-gwerra tal-informazzjoni, is-servizzi tas-sigurtà Russi huma assistiti minn impriżi privati Russi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-IT u b’mod partikolari fis-settur tal-IT u taċ-ċibersigurtà. Pereżempju, dawn id-dokumenti jiżvelaw li l-kumpanniji f’dan is-settur qed iwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp għas-servizzi tas-sigurtà Russi jew jipprovdulhom mezzi teknoloġiċi kif ukoll għajnuna għar-reklutaġġ.

100

Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement tikkontesta żewġ annessi tar-risposta, billi ssostni li dawn ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-kumpanniji tal-IT Russi, minn naħa, jipprovdu appoġġ għar-riċerka u għall-iżvilupp lis-servizzi ta’ sigurtà Russi u, min-naħa l-oħra, jorganizzaw kompetizzjonijiet u konferenzi sabiex jiffaċilitaw ir-reklutaġġ ta’ persunal minn dawn is-servizzi.

101

Issa, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li l-kontenut ta’ dawn iż-żewġ annessi huwa kkorroborat minn diversi provi oħra, prodotti bħala anness mar-risposta u man-nota ta’ intervent tal-Pajjiżi l-Baxxi, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti. Din tal-aħħar indikat ukoll, waqt is-seduta, li ċerti impriżi Russi tas-settur tal-IT kienu jassistu s-servizzi ta’ sigurtà Russi.

102

Għalhekk, il-Kunsill seta’ validament jibbaża ruħu fuq dawn il-provi sabiex jafferma l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn is-settur Russu tal-IT u s-servizzi tas-sigurtà Russi.

103

B’hekk, il-kriterju (i), sa fejn jirrigwarda l-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jeżerċitaw attivitajiet fis-settur Russu tal-IT li għandhom liċenzja tal-FSB jew liċenzja “armi u tagħmir militari”, huwa ta’ natura li jillimita l-mezzi li għandu l-Gvern tal-Federazzjoni Russa sabiex jimplimenta l-gwerra tiegħu tal-informazzjoni, peress li, billi għandhom rabta mas-servizzi ta’ sigurtà Russi, dawn il-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi jalimentaw, direttament jew indirettament, il-kapaċità ta’ dan il-gvern li jwettaq l-azzjonijiet tiegħu u l-politiki tiegħu intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

104

Minn dan isegwi li l-kriterju (i) jissodisfa b’mod koerenti l-għan li għandu jiġi segwit li tiżdied il-pressjoni eżerċitata fuq l-awtoritajiet Russi u ma jistax jitqies li huwa manifestament mhux xieraq fid-dawl ta’ dan l-għan, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq.

105

Barra minn hekk, huwa minħabba l-persistenza, jew saħansitra l-aggravazzjoni, tas-sitwazzjoni fl-Ukraina li l-Kunsill qies li kellu jwessa’ ċ-ċirku ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi billi introduċa l-kriterju (i), bl-għan li jżid il-pressjoni fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa billi jillimita l-kapaċitajiet tiegħu li jwettaq gwerra tal-informazzjoni. Issa, minn dan l-approċċ ibbażat fuq il-progressività ta’ ksur għad-drittijiet abbażi tal-effettività tal-miżuri jirriżulta li l-proporzjonalità tagħhom hija stabbilita (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support d’Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 126; tal‑25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il‑Kunsill, T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punt 104, u tal‑20 ta’ Novembru 2024, Uss vs Il‑Kunsill, T‑571/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:839, punt 78).

106

Il-kriterju (i) huwa neċessarju sabiex tiżdied il-pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina, b’mod partikolari permezz ta’ gwerra tal-informazzjoni, kif ukoll l-aggressjoni militari ta’ dan il-pajjiż. Għaldaqstant, il-kriterju (i) ma jidhirx manifestament sproporzjonat fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jiġi segwiti.

107

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

108

Ir-rikorrenti ssostni li l-kriterju (i) jista’ jitqies li huwa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità biss jekk jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet li ġġustifikaw l-introduzzjoni tiegħu, previsti fil-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2023/1218 u fil-premessa 2 tar-Regolament 2023/1215. L-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-kriterju (i) u dawn l-għanijiet tkun teħtieġ li jintwera, minn naħa, li l-entitajiet li joperaw fis-settur tal-IT huma detenturi ta’ liċenzja tal-FSB li tippermetti l-ipproċessar ta’ informazzjoni tal-livell ta’ sigurtà “sigriet tal-istat” jew ta’ liċenzja ta’ “armi u tagħmir militari” u, min-naħa l-oħra, li huma jiżviluppaw teknoloġija u softwer għall-“komunità tal-intelligence Russa” u li l-attivitajiet tagħhom jinkludu l-parteċipazzjoni fil-gwerra tal-informazzjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa.

109

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kriterju (i) għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi biss għall-entitajiet li effettivament jipparteċipaw fil-gwerra tal-informazzjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa.

110

Minn naħa, għandu jitqies li interpretazzjoni tal-kriterju (i) bħala li għandu japplika biss għall-entitajiet li effettivament jiżviluppaw teknoloġiji għas-servizzi ta’ sigurtà Russi jew li jipparteċipaw fil-gwerra tal-informazzjoni jkollha l-konsegwenza li tneħħi kull effett utli lil din tal-aħħar.

111

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni ta’ kunflitt li fiha huma involuti l-Federazzjoni Russa u l-Ukraina tirrendi fil-prattika partikolarment diffiċli l-aċċess għal ċerti sorsi, l-indikazzjoni espressa tas-sors primarju ta’ ċerta informazzjoni kif ukoll l-eventwali ġbir ta’ testimonjanzi minn persuni li jaċċettaw li jiġu identifikati. Id-diffikultajiet ta’ investigazzjoni li jsegwu jistgħu għalhekk jikkontribwixxu sabiex jipprekludu l-produzzjoni ta’ provi preċiżi u ta’ informazzjoni oġġettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 60).

112

Issa, essenzjalment, il-kollaborazzjoni tal-kumpaniji fis-settur Russu tal-IT mas-servizzi tas-sigurtà Russi sabiex iwettqu kampanji ta’ diżinformazzjoni hija intrinsikament sigrieta. B’hekk, fil-prattika, ikun estremament diffiċli, jekk mhux impossibbli, għall-Kunsill li jipproduċi l-prova ta’ tali kollaborazzjoni.

113

F’dan ir-rigward, fit-tieni fajl ta’ provi, ikkostitwit minn dokument ta’ ħidma tas-SEAE stabbilit insostenn tal-introduzzjoni tal-kriterju (i), is-SEAE indika li, fid-dawl tan-natura sigrieta tal-attivitajiet imwettqa mill-entitajiet li għandhom liċenzja tal-FSB jew liċenzja “armi u tagħmir militari”, “[l]-informazzjoni open source disponibbli [kienet] ta’ spiss insuffiċjenti sabiex torbot direttament lil dawn il-kumpanniji mas-servizzi tal-intelligence Russi, ħlief l-uniku dokument aċċessibbli għall-pubbliku li jikkonferma li dawn il-kumpanniji [kellhom tali] liċenzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

114

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-għan tal-miżuri restrittivi adottati abbażi tal-kriterju (i) huwa li tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa billi jiġu limitati l-kapaċitajiet tagħha li tmexxi l-gwerra tagħha tal-informazzjoni li tagħmel parti integrali mill-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina.

115

Għal dan l-għan, il-kriterju (i) huwa mmirat b’mod oġġettiv għall-entitajiet li joperaw fis-settur tal-IT li, għalkemm ma għandhomx rabta diretta mal-gwerra tal-informazzjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa, jistgħu madankollu jappoġġawha billi jipprovdu lis-servizzi tas-sigurtà Russi mezzi teknoloġiċi li jippermettulhom ikomplu bil-kampanji ta’ diżinformazzjoni tagħhom.

116

Fil-kuntest tas-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li għandu l-Kunsill, dan seta’ leġittimament iqis li l-introduzzjoni tal-kriterju (i) kienet tippermetti li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan intiż li tiżdied il-pressjoni fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa sa fejn dan il-kriterju jikkomprometti l-kapaċità ta’ tali entitajiet li jagħtu l-appoġġ tagħhom lis-servizzi ta’ sigurtà Russi u għalhekk li jillimitaw il-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar li jmexxu l-gwerra tal-informazzjoni tagħhom.

117

F’dan ir-rigward, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jipproduċi l-prova li l-miżuri restrittivi għandhom tali effett, iżda biss li dawn jista’ jkollhom tali effett(ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il‑Kunsill, C‑729/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:499, punt 66, u tal‑20 ta’ Novembru 2024, Uss vs Il‑Kunsill, T‑571/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:839, punt 83).

118

Minn dan isegwi li l-kriterju (i), sa fejn ma jimponix fuq il-Kunsill l-obbligu li jistabbilixxi parteċipazzjoni effettiva tal-entità kkonċernata fil-gwerra tal-informazzjoni, ma huwiex manifestament mhux xieraq fid-dawl tal-għan imfittex mid-Deċiżjoni 2023/1218 u mir-Regolament 2023/1215 u għalhekk ma jistax jitqies li huwa sproporzjonat.

119

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni tal-kriterju (i) mill-Kunsill hija sproporzjonata sa fejn huwa ppreżuma l-eżistenza ta’ rabta bejn, minn naħa, l-entitajiet imsemmija u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ sigurtà Russi jew il-gwerra tal-informazzjoni, billi bbaża ruħu fuq iż-żamma ta’ liċenzja tal-FSB.

120

L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-interpretazzjoni tal-kriterju (i) mill-Kunsill hija sproporzjonata sa fejn iż-żamma ta’ liċenzja tal-FSB ma tippreżupponix li d-detentur tagħha jiżviluppa teknoloġiji intiżi għas-servizzi ta’ sigurtà Russi jew li jipparteċipa fil-gwerra tal-informazzjoni.

121

Fil-fatt, kif irrilevat fil-punt 118 iktar ’il fuq, il-fatt li l-kriterju (i) ma jeżiġix parteċipazzjoni effettiva tal-entità kkonċernata fil-gwerra tal-informazzjoni ma jistax jitqies li huwa sproporzjonat fid-dawl tal-għan imfittex mid-Deċiżjoni 2023/1218 u mir-Regolament 2023/1215.

122

F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni li tinsab fir-rapport tal-esperti prodott mir-rikorrenti fl-Anness C.5 tar-replika, li tgħid li ż-żamma ta’ kull tip ta’ liċenzja, fosthom il-liċenzji “sigrieti tal-Istat”, ma timplika ebda xogħol attiv mas-servizzi sigrieti jew mal-FSB, u lanqas parteċipazzjoni attiva fil-gwerra tal-informazzjoni, ma hijiex rilevanti.

123

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport tal-esperti, prodott bħala anness mar-replika, tfassal minn uffiċċju tal-avukati Russu fuq talba tar-rikorrenti.

124

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-qorti tal-Unjoni hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi u li l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fih hijiex kredibbli u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tħejjija tiegħu kif ukoll dawk tad-destinatarju tiegħu, u jiġi mistoqsi jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Għaldaqstant, għandu jitqies, kif għamel il-Kunsill, li, peress li dan ir-rapport ta’ espert ġie stabbilit għall-finijiet tad-difiża tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura, huwa għandu valur probatorju limitat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Klyuyev vs Il‑Kunsill, T‑731/15, EU:T:2018:90, punt 124).

126

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-entitajiet Russi tas-settur tal-IT għandu jkollhom liċenzja tal-FSB sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

127

Il-Kunsill jindika li, fid-dawl tal-għan li tiġi limitata l-kapaċità tas-servizzi tas-sigurtà Russi li jwettqu gwerra tal-informazzjoni, il-kriterju (i) jirrigwarda l-entitajiet tas-settur Russu tal-IT li għandhom liċenzja tal-FSB li jew jaħdmu mas-servizzi tas-sigurtà Russi, jew jiddependu mill-FSB, li jista’ jimmobilizzahom sabiex jappoġġaw l-attivitajiet ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari sabiex imexxu kampanji ta’ diżinformazzjoni.

128

Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-gwerra tal-informazzjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa, il-fatt li huwa l-FSB, servizz ta’ intelligence, li joħroġ il-liċenzji lill-impriżi Russi fis-settur tal-IT huwa element rilevanti. F’dan ir-rigward, diversi dokumenti prodotti fl-anness tar-risposta, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, juru l-kapaċità tal-FSB li jimmobilizza l-impriżi tal-IT Russi sabiex jassistih. Pereżempju, rapport bit-titolu “Kapersky and Beyond. Understanding Russia’s Approach to Cyber-Enabled Economic Warfare” (Kapersky u lil hinn. Il-fehim tal-approċċ tar-Russja għall-gwerra ċibernetika ekonomika), ippubblikat f’Ġunju 2018 mill-Foundation for Defense of Democracies u prodott fl-Anness B.18 tar-risposta, jispjega b’mod partikolari li “kwalunkwe entità fir-Russja attiva fis-settur tat-telekomunikazzjoni ta’ kull tip tista’ tintalab mill-FSB sabiex tassistih fl-operazzjonijiet tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

129

Barra minn hekk, skont rapport intitolat “Don’t Underestimate Economic Side of Russia’s Cyber Warfare” (Tissottovalutax l-Aspett Ekonomiku tal-Gwerra Ċibernetika tar-Russja), ippubblikat fil‑25 ta’ Ġunju 2018 fuq is-sit internet “thecypherbrief.com” u prodott fl-Anness B.25 tar-risposta, “[d]an ma huwiex kumbinazzjoni jekk il-liġi Russa tistabbilixxi l-[FSB] bħala awtorità li toħroġ il-liċenzji għall-attivitajiet ta’ kriptaġġ” u, “[b]it-tfassil tagħhom, il-liġijiet u r-regolamenti li jirregolaw is-sistemi ta’ informazzjoni, it-telekomunikazzjoni u l-kriptaġġ jagħtu lill-Kremlin u lis-servizzi tas-sigurtà tiegħu għodod biex jikkonsolidaw il-poter intern tagħhom u jwettqu attivitajiet aggressivi barra mill-pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

130

Bl-istess mod, artiklu intitolat "This $500 miljun Russian Cyber Mogul Planned To Take His Company Public – Then America Accused It Of Hacking For Putin’s Spies” (Din il-Persuna Importanti Kif Ukoll Għanja Russa tas-Settur Ċibernetiku li Għandha 500 Miljun Dollaru Kienet Ipprevediet li Tintroduċi l-Kumpannija Tagħha tiegħu fil-Borża Sakemm l-Istati Uniti jakkużawha b’Piraterija f’Isem l-Ispjunaġġ ta’ Putin [traduzzjoni mhux uffiċjali].), ippubblikata fit‑18 ta’ Awwissu 2021 fuq is-sit internet “forbes.com”, prodott fl-Anness N.1 tan-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jindika li “l-impriżi ċibernetiċi Russi ma għandhom l-ebda għażla oħra ħlief li jeżegwixxu l-ordnijiet tal-gvern u tal-apparat tas-sigurtà tiegħu” u li “[h]uwa impossibbli li jaħdmu f’dan l-ispazju mingħajr ma jkollhom relazzjonijiet mas-servizzi tas-sigurtà Russi”.

131

Għaldaqstant, għandu jitqies li, peress li l-entitajiet Russi tas-settur tal-IT huma dipendenti mill-FSB sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, dan għandu mezz ta’ pressjoni li jippermetti li jimmobilizzahom sabiex jipprovdi assistenza lis-servizzi tas-sigurtà Russi, b’mod partikolari fit-tmexxija tal-gwerra tal-informazzjoni.

132

Ir-rikorrenti, filwaqt li tibbaża ruħha fuq ir-rapport tal-espert prodott fl-Anness C.5 tar-replika, issostni li l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-liċenzji ma jawtorizzawx lill-FSB jimponi fuq l-impriżi tal-IT obbligu li jikkooperaw miegħu jew li jagħtuh assistenza.

133

Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ma allegax li jeżisti obbligu legali li jippermetti lill-FSB jimponi fuq l-impriżi tal-IT Russi li għandhom ikollhom liċenzja li jikkollaboraw miegħu. Il-Kunsill ibbaża ruħu fuq il-possibbiltà li l-FSB jagħmel pressjoni fuq dawn il-kumpaniji fid-dawl tar-rabta bejn is-settur tal-IT u s-servizzi tas-sigurtà Russi u r-relazzjoni ta’ dipendenza minħabba l-obbligu għall-impriżi f’dan is-settur li jkollhom liċenzja tal-FSB sabiex joperaw.

134

Barra minn hekk, il-Kunsill jinnota li d-dipendenza ta’ dawn l-impriżi fuq is-suq u fuq il-Gvern Russu hija msaħħa wkoll mill-fatt li huma jużaw standards Russi għall-għodod kriptografiċi tagħhom li huma suspettużi barra mill-pajjiż u li jagħmluhom ftit affidabbli fis-swieq barranin. Skont il-Kunsill, il-kumpanniji tal-IT Russi b’hekk jinsabu iżolati mis-suq dinji, u dan jagħmilhom iktar dipendenti fuq is-suq u fuq il-Gvern Russu.

135

F’dan ir-rigward, il-Kunsill ibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq artiklu intitolat “Russia’s FSB Is Making Life Harder for Blockchain” [i l-FSB Russu jagħmel il-ħajja iktar diffiċli għall-blockchain), ippubblikat fl‑14 ta’ Settembru 2021 fuq is-sit internet “coindesk.com” u prodott fl-Anness B.26 tar-risposta. Dan l-Artikolu jsemmi li l-impriżi Russi li jużaw it-teknoloġija tal-blockchain għandhom l-obbligu li jiksbu ċertifikazzjoni tal-għodod kriptografiċi tagħhom mill-FSB u li jużaw standards Russi għal għodod kriptografiċi, li huma meqjusa suspettużi barra mill-pajjiż.

136

Ir-rikorrenti sempliċement issostni li dan l-anness jikkonċerna biss settur speċifiku ħafna, jiġifieri dak li juża t-teknoloġija tal-blockchain.

137

Issa, dan l-argument ma huwiex ta’ natura li jikkontesta r-rilevanza ta’ dan l-anness peress li jikkostitwixxi eżempju li juri d-dipendenza tal-kumpanniji tal-IT Russi li jużaw għodod ta’ kriptaġġ fuq l-awtoritajiet Russi u b’mod partikolari l-FSB.

138

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, fost it-28 liċenzja tat-“tip 4” maħruġa skont ir-Regolament313 għal attivitajiet marbuta mal-kriptaġġ, waħda biss tippermetti l-iżvilupp ta’ għodod ta’ kriptaġġ. Hija ssostni li, sabiex ikun konformi mal-għan imsemmi fil-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2023/1218 u fil-premessa 2 tar-Regolament 2023/1215, il-kriterju (i) għandu jkopri biss l-impriżi tas-settur Russu ta’ IT li għandhom tali liċenzja, peress li huma biss jistgħu jipprovdu software ta’ kriptaġġ lis-servizzi tas-sigurtà Russi.

139

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan imfittex mill-kriterju (i) huwa li jillimita l-kapaċitajiet tas-servizzi ta’ sigurtà Russi li jmexxu l-gwerra tal-informazzjoni billi jadottaw miżuri restrittivi fir-rigward tal-impriżi tas-settur tal-ITli jistgħu jgħinuhom. Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din l-assistenza ma hijiex limitata għall-provvista ta’ softwer ta’ encrypting, iżda tikkonċerna wkoll il-provvista ta’ mezzi teknoloġiċi jew tekniċi oħra.

140

Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax għal liema raġuni impriża tas-settur tal-IT li għandha liċenzja tat-“tip 4” skont ir-Regolament 313 li jawtorizzaha, pereżempju, tiżviluppa jew tipproduċi sistemi ta’ informazzjoni jew ta’ telekomunikazzjoni li jużaw għodod ta’ kriptaġġ jew li timmodernizza, timmonta, tinstalla, tirregola jew issewwi għodod ta’ kriptaġġ, ma tkunx f’pożizzjoni li tassisti lis-servizzi tas-sigurtà Russi fit-tmexxija tal-gwerra tal-informazzjoni.

141

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kapaċità tal-FSB li jagħmel pressjoni fuq l-entitajiet Russi tas-settur tal-IT ma tiddependix mit-tip ta’ liċenzja li huma għandhom.

142

L-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti dwar it-tipi differenti ta’ liċenzji maħruġa mill-FSB u d-distinzjoni bejn il-liċenzji tat-“tip 4” relatati mal-attivitajiet ta’ kriptaġġ u l-liċenzji “sigrieti tal-Istat” għalhekk ma humiex rilevanti. L-istess japplika għall-iżviluppi li jidhru fir-rapport tal-esperti anness mar-replika li jgħidu li l-liċenzji tal-FSB ma jinħarġux bl-għan li jikkollaboraw ma’ dan tal-aħħar.

143

Minn dan jirriżulta li l-kundizzjoni prevista mill-kriterju (i) dwar iż-żamma ta’ liċenzja tal-FSB jew ta’ liċenzja “armi u tagħmir militari”, sa fejn din tippermetti li jiġu koperti mhux biss l-entitajiet tas-settur Russu tal-IT li jipparteċipaw effettivament fil-gwerra tal-informazzjoni, iżda wkoll dawk li jistgħu jiġu mmobilizzati mis-servizzi ta’ sigurtà Russi sabiex jassistuhom, hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn dan il-kriterju, imfakkar fil-punt 114 iktar ’il fuq, li jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kapaċitajiet tal-Federazzjoni Russa li tmexxi l-gwerra tal-informazzjoni.

144

Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq indħil sproporzjonat tal-libertà ta’ intrapriża

145

Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-kumpanniji tal-IT Russi kollha jiġu ssanzjonati, minħabba li huma obbligati li jkollhom liċenzja tal-FSB sabiex jeżerċitaw l-attività tagħhom, huwa ta’ indħil sproporzjonat għal-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta.

146

Skont l-Artikolu 16 tal-Karta: “[i]l-libertà ta’ intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta.”

147

Skont il-ġurisprudenza, il-libertà ta’ intrapriża, bħal drittijiet fundamentali oħrajn, ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta u l-eżerċizzju tagħha jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni, sakemm tali restrizzjonijiet effettivament jilħqu l-imsemmija għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 220).

148

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 16 tal-Karta, li jiddistingwi ruħu mill-kliem tal-libertajiet fundamentali l-oħra stabbiliti fit-Titolu II tagħha filwaqt li joqrob lejn il-kliem ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Titolu IV ta’ din l-istess Karta, il-libertà ta’ intrapriża tista’ tiġi suġġetta għal firxa wiesa’ ta’ interventi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

149

Il-miżuri restrittivi għandhom, bħala definizzjoni, effetti li jaffettwaw, b’mod partikolari, l-eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet professjonali, u b’hekk jikkawżaw dannu lill-partijiet li ma għandhomx responsabbiltà għas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet. Dan huwa a fortiori l-effett tal-miżuri restrittivi mmirati lejn l-entitajiet imsemmija minnhom (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata, sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 221).

150

Għalkemm huwa ċertament minnu li miżuri restrittivi bbażati fuq kriterju bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ jillimitaw inkontestabbilment id-drittijiet li r-rikorrenti tibbenefika minnhom skont l-Artikolu 16 tal-Karta, il-libertà ta’ intrapriża invokata mir-rikorrenti tista’ madankollu tkun suġġetta għal limitazzjonijiet, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, minn naħa, “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mi[ll-]Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, min-naħa l-oħra, “[b]la ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”. B’hekk, sabiex tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni għandha tissodisfa tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, il-limitazzjoni għandha tkun prevista mil-liġi. Fi kliem ieħor, il-miżura inkwistjoni għandu jkollha bażi legali. It-tieni, il-limitazzjoni għandha jkollha għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. It-tielet, il-limitazzjoni ma għandhiex tkun eċċessiva. Minn naħa, hija għandha tkun neċessarja u proporzjonali għall-għan li għandu jintlaħaq. Min-naħa l-oħra, il-“kontenut essenzjali”, jiġifieri s-sustanza tad-dritt jew tal-libertà inkwistjoni ma għandhiex tiġi ppreġudikata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Gazprom Neft vs Il‑Kunsill, T‑735/14 u T‑799/14, EU:T:2018:548, punti 160 sa 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151

Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ.

152

L-ewwel nett, peress li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi abbażi tal-kriterju (i) hija prevista mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni 2014/145 u tar-Regolament Nru 269/2014, il-limitazzjoni għal-libertà ta’ intrapriża li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju hija prevista mil-liġi.

153

It-tieni, għandu jitfakkar li l-kriterju (i) jissodisfa għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni, ta’ natura li jiġġustifika tali limitazzjonijiet. Fil-fatt, dan il-kriterju għandu l-għan li jżid il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa billi jiġġieled kontra l-gwerra tal-informazzjoni orkestrata minn din tal-aħħar fis-servizz tal-gwerra tagħha ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u li jillimita l-kapaċitajiet tas-servizzi tas-sigurtà Russi li jwettqu kampanji ta’ diżinformazzjoni billi jimmiraw lejn entitajiet li jistgħu jikkollaboraw magħhom. F’din il-perspettiva, il-kriterju (i) huwa konformi mal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll li tippromwovi soluzzjoni paċifika għall-kriżi f’dan il-pajjiż, li jaqgħu taħt l-għan iktar wiesgħa taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 21 TUE, kif ukoll mal-għanijiet u mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, ta’ natura li jiġġustifikaw konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 150; tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Vnesheconombank vs Il‑Kunsill, C‑731/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:500, punt 87, u tad‑29 ta’ Mejju 2024, Vinokurov vs Il‑Kunsill, T‑302/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:325, punt 197). B’hekk, il-kriterju (i) jagħmel parti mir-reazzjoni tal-Unjoni, bil-mezzi paċifiċi għad-dispożizzjoni tagħha u bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(5) TUE, quddiem aggressjoni mwettqa bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u, konsegwentement (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 164).

154

It-tielet nett, fid-dawl tal-importanza primordjali ta’ dawn l-għanijiet, il-Kunsill seta’ jqis, mingħajr ma jaqbeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-indħil għal-libertà ta’ intrapriża li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju (i) kien xieraq u neċessarju, sabiex tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa. Għaldaqstant, tali indħil ma jistax jitqies, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija, bħala intervent sproporzjonat u intollerabbli li jindaħal fis-sustanza stess tal-libertà ta’ intrapriża tal-entitajiet koperti minn dan il-kriterju. Fil-fatt, dawn il-miżuri ma jipprekludux lill-impriżi Russi tas-settur tal-IT milli jeżerċitaw l-attivitajiet kummerċjali tagħhom.

155

Għaldaqstant, il-kriterju (i) ma jistax jitqies li huwa ta’ indħil b’mod sproporzjonat għal-libertà ta’ intrapriża.

156

Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

157

Fir-rikors u fl-ewwel nota ta’ adattament, ir-rikorrenti ssostni li l-motiv li ġġustifika l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, li jinsab fl-atti inizjali u fl-ewwel u fit-tieni att ta’ żamma, ma huwiex suffiċjentement preċiż u konkret, sa fejn jillimita ruħu għal riproduzzjoni tal-kriterju ta’ inklużjoni u ma jinkludi ebda informazzjoni speċifika għas-sitwazzjoni individwali tagħha. Il-Kunsill ikkuntenta ruħu b’motivazzjoni ġenerali u sterjotipata, li hija komuni għall-kumpanniji kollha, bl-eċċezzjoni ta’ waħda biss, li l-ismijiet tagħha ġew inklużi fil-listi inkwistjoni b’applikazzjoni tal-kriterju (i).

158

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa ddikjarat fl-Artikolu 47 tal-Karta, jirrikjedi li l-parti kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha, jew permezz tal-qari tad-deċiżjoni stess, jew permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-motivi magħmula fuq talba tagħha (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Sberbank of Russia vs Il‑Kunsill, T‑732/14, EU:T:2018:541, punt 112, u l-ġurisprudenza ċċitata).

159

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’tali mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tagħhom u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ April 2021, Il‑Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 47 u ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2024, Shamalov vs Il‑Kunsill, T‑651/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:576, punt 37).

160

Il-motivazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Bħala konsegwenza, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 122, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 64).

161

Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ppreċiżat li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma kellhiex biss tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill ikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata kellha tkun is-suġġett ta’ tali miżura (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata, sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 66).

162

Il-motivazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi ma tistax, bħala prinċipju, tikkonsisti biss f’formulazzjoni ġenerali u sterjotipata, iżda għandha, għall-kuntrarju, tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni rilevanti hija applikabbli għall-parti kkonċernata (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il‑Kunsill, T‑346/14, EU:T:2016:497, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2019, Stavytskyi vs Il‑Kunsill, T‑290/17, EU:T:2019:37, punt 47).

163

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tesprimi formalment ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tesprimi motivi żbaljati. Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att huma irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑30 ta’ Novembru 2022, PKK vs Il‑Kunsill, T‑316/14 RENV u T‑148/19, EU:T:2022:727, punt 234 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti mqajma fir-replika intiżi sabiex jikkontestaw l-eżattezza fattwali tal-motivazzjoni jirrigwardaw fir-realtà l-kwistjoni tal-fondatezza tal-motiv ta’ inklużjoni. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv u ser jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tielet motiv.

165

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Kunsill, li r-rikorrenti ma tallegax li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem ir-raġuni għall-inklużjoni ta’ isimha fl-atti inizjali u fl-ewwel u fit-tieni atti ta’ żamma.

166

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma ssostnix li hija ma kinitx taf il-kuntest li fih ġew adottati dawn l-atti u l-għanijiet li kienu jipproponu li jilħqu, jiġifieri, kif jirriżulta mill-premessi tad-Deċiżjoni 2023/1218 u tar-Regolament 2023/1215, li tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa billi jiġu adottati miżuri restrittivi b’reazzjoni għall-gwerra tal-informazzjoni implimentata minn din tal-aħħar għas-servizz tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina.

167

Fit-tielet lok, mill-qari tal-motiv li jinsab fl-atti inizjali kif ukoll fl-ewwel u fit-tieni atti ta’ żamma, iċċitat fil-punt 8 iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li l-Kunsill inkluda u żamm isem ir-rikorrenti fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterju (i), fatt li din tal-aħħar ma tikkontestax.

168

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill, f’dan il-motiv, ma llimitax ruħu li jirriproduċi t-titolu tal-kriterju (i). Fil-fatt, l-indikazzjonijiet li r-rikorrenti hija entità attiva fis-settur Russu tal-IT li għandha liċenzja tal-FSB jikkostitwixxu informazzjoni speċifika għas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti.

169

Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura allegatament sterjotipata tal-motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-motiv li jinsab fl-atti inizjali kif ukoll fl-ewwel u fit-tieni att ta’ żamma huma l-istess bħal dawk li abbażi tagħhom persuni oħra msemmija fil-listi inkwistjoni ġew suġġetti għal miżuri restrittivi, dawn huma madankollu intiżi sabiex jiddeskrivu s-sitwazzjoni konkreta tar-rikorrenti, li, bl-istess mod bħal entitajiet Russi oħra tas-settur tal-IT, hija detentriċi ta’ liċenzja tal-FSB (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 115; tal‑15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il‑Kunsill, T‑346/14, EU:T:2016:497, punt 82, u tat‑30 ta’ Jannar 2019, Stavytskyi vs Il‑Kunsill, T‑290/17, EU:T:2019:37, punt 56).

170

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-ismijiet ta’ entitajiet oħra li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-kriterju (i) ġew inklużi fil-listi inkwistjoni għal raġunijiet analogi għal dak użat għall-inklużjoni ta’ isimha ma jfissirx li l-motivazzjoni tal-atti inizjali u tal-ewwel u tat-tieni att ta’ żamma ma kinitx relatata wkoll mas-sitwazzjoni proprja tagħha.

171

Għaldaqstant, mill-motivazzjoni tal-atti inizjali u tal-ewwel u tat-tieni att ta’ żamma jirriżulta li r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li wasslu lill-Kunsill jinkludi u jżomm isem ir-rikorrenti fil-listi inkwistjoni huma indikati b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermettu lir-rikorrenti tifhimhom u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha f’dan ir-rigward.

172

Minn dan isegwi li d-disa’ motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

173

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-tielet motiv għandu jitqies bħala li huwa bbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u mhux fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-Kunsill għandu ċertu setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jiddetermina, każ b’każ, jekk humiex issodisfatti l-kriterji legali li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-qrati tal-Unjoni għandhom iwettqu stħarriġ, bħala prinċipju sħiħ, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

174

L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha ġew adottati jew miżmuma miżuri restrittivi, li għandha portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fil-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas wieħed minnhom meqjus bħala suffiċjenti fih innifsu biex issostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati (ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175

Tali evalwazzjoni għandha titwettaq billi l-provi u l-informazzjoni jiġu eżaminati fil-kuntest li jagħmlu parti minnu u mhux b’mod iżolat. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova impost min-naħa tiegħu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita li l-persuna suġġetta għal miżura restrittiva ssodisfat, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, il-kundizzjonijiet previsti mill-kriterju applikatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176

Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177

Sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma ta’ isem persuna fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill ma huwiex ipprojbit milli jibbaża ruħu fuq l-istess provi li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, l-inklużjoni mill-ġdid jew iż-żamma preċedenti ta’ isem il-persuna kkonċernata fuq din il-lista, sakemm, minn naħa, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ma jkunux inbidlu u, min-naħa l-oħra, il-kuntest ma jkunx żviluppa b’tali mod li dawn il-provi jkunu saru obsoleti (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tad‑29 ta’ Mejju 2024, Belavia vs Il‑Kunsill, T‑116/22, EU:T:2024:334, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, l-evoluzzjoni tal-kuntest tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tas-sitwazzjoni tal-pajjiż li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita s-sistema ta’ miżuri restrittivi kif ukoll tas-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, tal-assenza tat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

178

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-kuntest tal-miżuri inkwistjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u l-livell ta’ prova li jista’ jintalab mill-Kunsill għandu jiġi adattat minħabba d-diffikultà ta’ aċċess għal provi u għal elementi ta’ informazzjoni oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Prigozhin vs Il‑Kunsill, T‑723/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:317, punt 102 u ġurisprudenza ċċitata) u tal‑20 ta’ Novembru 2024, Zubitskiy vs Il‑Kunsill, T‑1074/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:840, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata)

179

Fl-assenza ta’ setgħat investigattivi f’pajjiżi terzi, l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet tal-Unjoni għandha, fil-fatt, tkun ibbażata fuq sorsi ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, rapporti, stqarrijiet tal-istampa, rapporti tas-servizzi sigrieti jew sorsi ta’ informazzjoni simili oħrajn (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180

Fir-rigward tal-kuntest ġenerali marbut mas-sitwazzjoni tal-Ukraina, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina baqgħet. Bl-istess mod, il-miżuri restrittivi kienu għadhom iġġustifikati fid-dawl tal-għan imfittex mill-introduzzjoni tal-kriterju (i), jiġifieri li tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa billi tiġi miġġielda l-gwerra tal-informazzjoni orkestrata minn din tal-aħħar għas-servizz tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2024, Uss vs Il‑Kunsill, T‑571/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:839, punti 134 u 135, u tal‑20 ta’ Novembru 2024, Zubitskiy vs Il‑Kunsill, T‑1074/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:840, punti 110 u 111).

181

Fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni skont il-kriterju (i) tippreżupponi li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel waħda, li hija entità li teżerċita attivitajiet fis-settur Russu tal-IT u, it-tieni waħda, li hija għandha liċenzja tal-FSB.

Fuq l-atti inizjali u l-ewwel atti ta’ żamma

182

Ir-rikorrenti ssostni li l-inklużjoni u ż-żamma ta’ isimha fil-listi inkwistjoni huma bbażati fuq allegazzjonijiet mhux sostnuti u żbaljati u li l-Kunsill ma weriex li hija kienet taqa’ taħt il-kriterju (i).

183

Ir-rikorrenti ssostni li hija ġiet indikata fl-atti inizjali u fl-ewwel atti ta’ żamma bħala persuna ġuridika jew “entità ġuridika” u li, bħala kumpannija holding, hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mill-kriterju (i).

184

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fl-atti inizjali u fl-ewwel atti ta’ żamma, ir-rikorrenti hija inkluża taħt l-isem “Positive Group PJSC, magħruf mod ieħor bl-isem ta’ Positive technologies, magħruf mod ieħor bl-isem ta’ Gruppa Pozitiva”. Ir-raġuni għall-inklużjoni ta’ isimha, li tinsab fil-punt 8 iktar ’il fuq, tindika li hija “amministrata miċ-Ċentru tal-FSB “tikkostitwixxi entità li topera fis-settur tal-IT Russu b’liċenzja [mill-FSB]”.

185

Minn dan isegwi li r-rikorrenti hija msemmija fl-atti inizjali u fl-ewwel atti ta’ żamma bħala entità, indikata kemm minn isimha, kif ukoll mill-isem Positive Technologies.

186

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, sabiex tippreżenta l-attivitajiet tagħha, tipprovdi hija stess, fl-Annessi A.13 sa A.22 tar-rikors, estratti mis-sit internet ta’ Positive Technologies, “ptsecurity.com”, li hija tippreżenta bħala s-sit internet “tagħha”.

187

Bħala eżempju, fl-Annessi A.13 u A.14 tar-rikors, huwa indikat li “Positive Technologies hija l-ewwel u l-unika impriża taċ-ċibersigurtà fir-Russja li saret pubblika fil-Borża ta’ Moska” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

188

Barra minn hekk, kif jirrileva l-Kunsill, id-dikjarazzjoni ppubblikata fl-istampa fit‑23 ta’ Ġunju 2023, wara l-adozzjoni tal-atti inizjali, li tinsab fl-Anness B.29 tar-risposta, saret mir-rappreżentanti ta’ Positive Technologies u ssemmi “id-deċiżjoni tal-U[njoni] li timponi sanzjonijiet fir-rigward ta’ Positive Technologies” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, ir-rikorrenti tindika li hija l-awtur ta’ din id-dikjarazzjoni.

189

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Anness B.29 jinkludi erba’ artikli tal-istampa estratti minn diversi siti internet, ippubblikati fit‑23 u fl‑24 ta’ Ġunju 2023, li jirrigwardaw is-sanzjonijiet imposti fuq Positive Technologies u li jsemmu din id-dikjarazzjoni. Skont l-artikli ppubblikati fuq is-siti tal-internet “rg.ru”, “xakep.ru” u fuq is-sit internet ta’ MNIPA, id-dikjarazzjoni hija attribwita lil Positive Technologies. Fuq is-sit internet “cnews.ru”, id-dikjarazzjoni hija attribwita lir-rappreżentanti tar-rikorrenti.

190

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti spjegat li Positive Technologies kienet isem kummerċjali li jindika l-grupp kollu kkostitwit minnha stess bħala kumpannija holding u s-sussidjarji kollha tagħha u li s-sit internet “ptsecurity.com” kien intiż sabiex jippreżenta l-attivitajiet kollha tal-grupp Positive Technologies.

191

Għandu jitqies li, billi ppreżentat is-sit internet “ptsecurity.com” bħala s-sit internet “tagħha” u billi għamlet dikjarazzjonijiet f’isem Positive Technologies, ir-rikorrenti tirrikonoxxi, impliċitament, iżda neċessarjament, li ma hemmx distinzjoni bejn l-entità Positive Technologies u hija.

192

Minn dan isegwi li l-persuna indikata fl-atti inizjali u fl-ewwel atti ta’ żamma, li għandu jiġi stabbilit li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-kriterju (i), hija r-rikorrenti bħala entità, imsejħa b’mod ieħor Positive Technologies jew Gruppa Pozitiva, u mhux ir-rikorrenti bħala kumpannija jew persuna ġuridika.

193

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni prevista mill-kriterju (i), għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li hija teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-settur Russu tal-IT.

194

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors, ir-rikorrenti tippreżenta ruħha bħala li teżerċita attivitajiet fil-qasam tal-provvista ta’ soluzzjonijiet ta’ ċibersigurtà u ta’ sigurtà tal-informazzjoni u bħala li tipproponi b’mod partikolari soluzzjonijiet u sistemi ta’ software lil impriżi sabiex tipproteġi ruħha kontra l-attakki tal-IT malizzjużi. Sabiex tispjega l-attivitajiet tagħha, hija tipproduċi wkoll, fl-Annessi A.13 sa A.22 tar-rikors, estratti mis-sit internet ta’ Positive Technologies, “ptsecurity.com”.

195

Fir-rikors, ir-rikorrenti tindika li hija ma tikkontestax l-eżattezza tad-dokumenti bin-numri 1 u 6 li jinsabu fl-ewwel fajl ta’ provi, li huma estratti minn databases pubbliċi fuq l-impriżi, iżda hija tirrileva li dawn id-dokumenti ma humiex rilevanti fir-rigward tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni.

196

Issa, mid-dokument Nru 1 li jinsab fl-ewwel fajl ta’ provi, li jinkludi l-paġna ta’ informazzjoni dwar ir-rikorrenti li tirriżulta mid-database ta’ impriżi Ready Ratios, jirriżulta li din tal-aħħar teżerċita prinċipalment l-attivitajiet ta’ kumpannija holding. Dan id-dokument jindika li hija teżerċita wkoll attivitajiet ta’ programmazzjoni tal-IT, attivitajiet ta’ konsulenza fl-IT, attivitajiet oħra tal-IT u ta’ servizzi tal-IT kif ukoll attivitajiet għall-ħolqien u l-użu ta’ databases u ta’ riżorsi ta’ informazzjoni.

197

Barra minn hekk, id-dokument Nru 6 li jinsab fl-ewwel fajl ta’ provi, li jinkludi estratt mir-reġistru Russu tal-impriżi “Spark-Interfax” dwar ir-rikorrenti, juri b’mod partikolari li r-rikorrenti teżerċita attivitajiet fis-settur Russu tal-IT.

198

Għaldaqstant, dawn id-dokumenti, sa fejn jiddeskrivu l-attivitajiet tar-rikorrenti, huma rilevanti sa fejn ippermettew lill-Kunsill jistabbilixxi li hija kienet “entità li topera fis-settur tal-IT Russu” u li hija kienet tissodisfa l-ewwel kundizzjoni tal-kriterju (i).

199

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill stabbilixxa b’mod suffiċjenti, abbażi tal-ewwel fajl ta’ provi, li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti inizjali u tal-ewwel atti ta’ żamma, ir-rikorrenti kienet “entità li topera fis-settur tal-IT Russu” u li hija kienet tissodisfa, minħabba f’hekk, l-ewwel kundizzjoni prevista mill-kriterju (i).

200

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni prevista mill-kriterju (i), ir-rikorrenti ssostni li ebda wieħed mid-dokumenti li jinsabu fl-ewwel fajl ta’ provi ma huwa suffiċjenti sabiex juri li hija għandha liċenzja tal-FSB u li hija tiżviluppa teknoloġija u software għas-servizzi tas-sigurtà Russi li jiffaċilitaw il-gwerra tal-informazzjoni.

201

Għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti kienet tissodisfa t-tieni kundizzjoni tal-kriterju (i), dwar iż-żamma ta’ liċenzja tal-FSB, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq id-dokument Nru 2, li jinsab fl-ewwel fajl ta’ provi. Dan id-dokument huwa silta minn preżentazzjoni PowerPoint ippubblikata fis-sit internet “ptsecurity.com”, meqjusa bħala s-sit internet uffiċjali tar-rikorrenti, li turi diversi liċenzji miżmuma minn Positive Technologies, fosthom liċenzja tal-FSB.

202

Ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-valur probatorju tad-dokument Nru 2 li jinsab fl-ewwel fajl ta’ provi. Hija ssostni li dan id-dokument, li bilkemm jista’ jinqara u bid-data tal‑2019, ma jagħti ebda informazzjoni dwar it-tip ta’ liċenzja li, skont il-Kunsill, hija għandha. Hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, hija ma għandha l-ebda liċenzja mill-FSB.

203

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li mill-ewwel fajl tal-provi jirriżulta li, għalkemm id-dokument Nru 2 huwa datat l‑2019, il-Kunsill aċċeda għalih fit‑13 ta’ Frar 2023. Issa, ir-rikorrenti ma tqajjem ebda argument intiż li jsostni li l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit internet “ptsecurity.com” kienet obsoleta fid-data li fiha l-Kunsill aċċeda għaliha, jiġifieri qabel l-adozzjoni tal-atti inizjali u tal-ewwel atti ta’ żamma.

204

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-riproduzzjoni tal-liċenzji li jinsabu fid-dokument Nru 2 hija effettivament ta’ kwalità ħażina, huwa madankollu indikat b’mod ċar f’din il-paġna internet tas-sit “ptsecurity.com” li Positive Technologies għandha liċenzja tal-FSB.

205

F’dan ir-rigward, sa fejn il-kriterju (i) jirrigwarda kull tip ta’ liċenzja maħruġa mill-FSB, il-fatt li t-tip ta’ liċenzja tal-FSB ma jkunx jista’ jinqara b’mod ċar fuq id-dokument Nru 2 huwa irrilevanti.

206

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-kontenut tad-dokument Nru 2 huwa kkorroborat mis-siltiet tas-sit internet “ptsecurity.com”, prodotti fl-Annessi B.27 u B.28 tar-risposta.

207

Madankollu għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

208

Barra minn hekk, l-istħarriġ tal-legalità fil-mertu li għandha twettaq il-Qorti Ġenerali għandu jitwettaq, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kontenzjuż marbut mal-miżuri restrittivi, fid-dawl mhux biss tal-elementi li jinsabu fir-raġunijiet tal-atti kontenzjużi, iżda wkoll fid-dawl ta’ dawk li l-Kunsill jipprovdi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, lill-Qorti Ġenerali sabiex jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

209

Il-fatt li element ikun ġie kkomunikat bħala element li jiskaġuna mill-persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi ma jipprekludix li dan l-element jiġi eventwalment invokat kontriha sabiex tiġi kkonstatata l-fondatezza tal-motivi li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2018, Kim et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑533/15 u T‑264/16, EU:T:2018:138, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Mordashova vs Il‑Kunsill, T‑497/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:604, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

210

L-Anness B.27 tar-risposta fih estratt mis-sit internet “ptsecurity.com”, tal‑20 ta’ Novembru 2014, bit-titlu “Positive Technologies received a license from the FSB, allowing work with Cryptograc protection tools” (Positive Technologies kisbet liċenzja mill-FSB li tawtorizzaha taħdem b’għodod ta’ protezzjoni kriptografiċi). F’dan l-istess estratt, Positive Technologies ħabbret it-tiġdid ta’ liċenzja tal-FSB maħruġa sabiex jitwettqu xogħlijiet marbuta mal-użu ta’ informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tal-Istat.

211

L-Anness B.28 tar-risposta jinkludi wkoll estratt mis-sit internet “ptsecurity.com”, tal‑2018, li fih hemm lista tal-liċenzji u taċ-ċertifikati miżmuma minn Positive Technologies, fosthom “liċenzja tal-FSB tar-Russja sabiex taħdem b’għodod ta’ protezzjoni kriptografiċi” u “liċenzja tal-FSB tar-Russja sabiex jitwettqu xogħlijiet li jużaw informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tal-Istat””[traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll il-kopji ta’ dawn iż-żewġ liċenzji.

212

Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-estratti tas-sit internet “ptsecurity.com”, prodotti mill-Kunsill fl-Annessi B.27 u B.28 tar-risposta, ma jikkonċernawhiex. Minn naħa, hija ssostni li d-dikjarazzjoni ppubblikata fl‑20 ta’ Novembru 2014, li tinsab fl-Anness B.27 ta’ din in-nota, ma tistax tikkonċernaha, sa fejn hija ġiet irreġistrata bħala impriża fis‑27 ta’ Settembru 2017. Min-naħa l-oħra, in-numru ta’ reġistrazzjoni u n-numru ta’ identifikazzjoni fiskali li jidher fuq il-liċenzji, prodotti fl-Anness B.28 ta’ din in-nota, ma humiex tiegħu u dawn il-liċenzji huma datati 28 ta’ April 2015 u 10 ta’ Novembru 2014, qabel id-data ta’ reġistrazzjoni tagħha.

213

Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li hija inkluża fil-listi inkwistjoni bħala persuna ġuridika.

214

Fil-fatt, għandu jitfakkar li r-raġuni għall-inklużjoni tikkonċerna lir-rikorrenti, li altrimenti tissejjaħ Positive Technologies, bħala entità u mhux bħala persuna ġuridika.

215

Minn dan isegwi li d-data ta’ reġistrazzjoni tar-rikorrenti bħala persuna ġuridika ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-entità kkonċernata għandhiex liċenzja.

216

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti, sabiex tiddeskrivi l-attivitajiet tagħha, tibbaża ruħha fuq estratt mis-sit internet “ptsecurity.com” prodott fl-Anness A.14 tar-rikors u ddatat l-2023 u tirrileva li, “[k]if indikat fis-sit internet [tagħha]: [m]inn issa 21 snin, l-għan ewlieni [tagħha] huwa li tipprevjeni attakki minn pirati tal-kompjuter”. Barra minn hekk, minn estratt minn dan l-istess sit internet, prodott mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Anness N.7 tan-nota ta’ intervent tiegħu, intitolat “About Company”, jirriżulta li Positive Technologies inħolqot fl-2002.

217

B’hekk, mis-siltiet mis-sit internet “ptsecurity.com”, prodotti fl-Annessi B.27 u B.28 tar-risposta, jirriżulta li l-entità kkonċernata, jiġifieri r-rikorrenti li b’mod ieħor tissejjaħ Positive Technologies, għandha liċenzja tal-FSB.

218

Barra minn hekk, sabiex jiġi stabbilit li n-numru ta’ identifikazzjoni fiskali li jidher fuq il-liċenzji prodotti fl-Anness B.28 tar-risposta ma huwiex tagħha, ir-rikorrenti tipproduċi, fl-Anness C.15 tar-replika, traduzzjoni tal-kopji ta’ dawn il-liċenzji.

219

Minn din it-traduzzjoni jirriżulta li n-numru ta’ identifikazzjoni fiskali li jidher fuq dawn il-liċenzji jikkorrispondi għal dak ta’ Pozitiv Teknolodzhiz, kif jidher ukoll fl-estratt tad-database “Ready Ratios” dwar din tal-aħħar, prodott fl-Anness D.2 tal-kontroreplika. L-Anness B.28 tar-risposta jistabbilixxi li Pozitiv Teknolodzhiz kellha, mill‑10 ta’ Novembru 2014, liċenzja maħruġa mill-FSB sabiex taħdem b’għodod ta’ protezzjoni kriptografiċi, kif ukoll, mit‑28 ta’ April 2015, liċenzja maħruġa mill-FSB għall-belt u għar-reġjun ta’ Moska (ir-Russja) sabiex twettaq xogħlijiet li jużaw informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tal-Istat.

220

Issa, l-ewwel nett, id-dokument Nru 1 li jinsab fl-ewwel fajl ta’ provi huwa kkostitwit mill-paġna ta’ informazzjoni dwar ir-rikorrenti li tirriżulta mid-database ta’ impriżi “Ready Ratios”, tat‑13 ta’ Frar 2023. Dan id-dokument juri li Pozitiv Teknolodzhiz hija sussidjarja tar-rikorrenti u li huma kellhom l-istess direttur ġenerali mis‑6 ta’ Awwissu 2021.

221

It-tieni nett, bħala anness mal-kontroreplika, il-Kunsill ipproduċa l-paġni ta’ informazzjoni li jirriżultaw mid-database tal-impriżi Ready Ratios datati 15 ta’ Marzu 2024 dwar ir-rikorrenti u Pozitiv Teknolodzhiz, li minnhom jirriżulta li huma għandhom l-istess direttur ġenerali u wkoll l-istess indirizz u l-istess fundatur u li din tal-aħħar ġiet irreġistrata fid‑9 ta’ Ottubru 2007.

222

It-tielet nett, mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tar-rikorrenti dwar is-sena finanzjarja 2021 kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati intermedji tar-rikorrenti dwar l-ewwel trimestru tal-2023, annessi mal-kontroreplika, jirriżulta li Pozitiv Teknolodzhiz hija waħda mis-sussidjarji tagħha, li tagħha hija għandha 100 % tal-azzjonijiet.

223

Għaldaqstant, kif indikat fil-punti 83 sa 85 iktar ’il fuq, fid-dawl ta’ dan il-grad ta’ detenzjoni, anki jekk Pozitiv Teknolodzhiz hija persuna ġuridika ġuridikament distinta mir-rikorrenti, il-Kunsill seta’ validament jqis li r-rikorrenti kienet teżerċita influwenza determinanti fuq din is-sussidjarja u li din tal-aħħar ma kinitx entità awtonoma fil-konfront tar-rikorrenti.

224

Għalhekk għandu jitqies, kif jirriżulta mill-punt 86 iktar ’il fuq, li l-kundizzjonijiet għall-inklużjoni taħt il-kriterju (i) tar-rikorrenti bħala entità huma sodisfatti, sa fejn huwa stabbilit li s-sussidjarja tagħha Pozitiv Teknolodzhiz għandha liċenzja tal-FSB.

225

Minn dan isegwi li l-fatt li n-numru ta’ identifikazzjoni fiskali li jidher fuq il-liċenzji tal-FSB prodotti fl-Annessi B.27 u B.28 tar-risposta ma jikkorrispondix għal dak tar-rikorrenti bħala persuna ġuridika huwa irrilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit li r-rikorrenti bħala entità tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ inklużjoni skont il-kriterju (i).

226

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li r-rikorrenti, li kieku kienet tissejjaħ Positive Technologies, kienet entità li kellha liċenzja tal-FSB.

227

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra tal-appellanti.

228

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq dikjarazzjoni tad-direttur tal-operazzjonijiet tagħha sabiex issostni li hija ma għandha ebda liċenzja mill-FSB. F’din id-dikjarazzjoni tat‑12 ta’ Settembru 2023, id-direttur tal-operazzjonijiet tar-rikorrenti jiċċertifika li Positive Group PAO, li n-numru ta’ identifikazzjoni fiskali tagħha huwa l-9718077239, ma għandhiex u qatt ma kellha liċenzja maħruġa mill-FSB jew minn kwalunkwe awtorità governattiva oħra.

229

Għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti bħala persuna ġuridika u mhux l-entità msemmija fl-atti inizjali u fl-ewwel atti ta’ żamma.

230

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li mid-dokument Nru 1 tal-ewwel fajl ta’ provi li jinkludu l-paġna ta’ informazzjoni li tirriżulta mid-database tal-impriżi Ready Ratios li jikkonċernaha, bid-data tat‑13 ta’ Frar 2023, jirriżulta li hija ma għandha ebda liċenzja. Hija tirrileva li din il-paġna ta’ informazzjoni ssemmi dejjem il-liċenzji miżmuma mill-impriżi kkonċernati u l-attivitajiet li għalihom huma nħarġu.

231

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-liċenzja tal-FSB li tidher fid-dokument Nru 2 hija miżmuma minn Pozitiv Teknolodzhiz, sussidjarja tar-rikorrenti. B’hekk, il-fatt li din il-liċenzja ma tidhirx fuq l-estratt mid-database tal-impriżi Ready Ratios dwar ir-rikorrenti bħala persuna ġuridika ma jistax jistabbilixxi li l-entità msemmija fil-motiv ta’ inklużjoni ma kellhiex liċenzja tal-FSB.

232

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dokument Nru 1, li jinkludi l-paġna ta’ informazzjoni li tikkonċernaha li tirriżulta mid-database ta’ impriżi Ready Ratios huwa iktar reċenti u għalhekk iktar rilevanti mid-dokument Nru 2, li ma għadux disponibbli minn Settembru 2023. Sabiex jiġi stabbilit li d-dokument Nru 2 huwa obsolet u ma għadux aċċessibbli minn Settembru 2023, hija tipproduċi, fl-Anness C.14 tar-replika, paġna tas-sit internet “pt.security.com” tat‑8 ta’ Frar 2024 li tindika “not found” (ma nstabx).

233

Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-anness ma għandu ebda saħħa probatorja. Minn naħa, xejn ma jippermetti li jiġi affermat li l-paġna internet li tinsab fl-Anness C.14 tar-replika tikkorrispondi għall-paġna tas-sit internet “pt.security.com” riprodotta fid-dokument Nru 2. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tad-data ta’ dan l-anness, ma jistax jiġi eskluż li l-eventwali rtirar tal-paġna tas-sit internet “pt.security.com” li fuqha kienu jinsabu l-liċenzji miżmuma minn Positive Technologies hija wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

234

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjoni li hija ppubblikat fl-istampa, prodotta fl-Anness B.29 tar-risposta, ma tistax tiġi interpretata bħala rikonoxximent tal-fatt li hija għandha liċenzja tal-FSB.

235

L-Anness B.29 tar-risposta jinkludi erba’ artikli tal-istampa ppubblikati fuq diversi siti tal-internet, imsemmija fil-punt 189 iktar ’il fuq, dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi sanzjonijiet fuq Positive Technologies. Is-siti internet “rg.ru” u “xakep.ru” u s-sit internet ta’ MNIPA jsemmu dikjarazzjoni, attribwita lil Positive Technologies, li tgħid li “[i]d-deċiżjoni tal-U[njoni] li timponi sanzjonijiet fir-rigward ta’ Positive Technologies hija bbażata fuq il-fatt li din l-impriża għandha liċenzja tal-FSB tal-Federazzjoni Russa”[traduzzjoni mhux uffiċjali] u li skontha “[t]inkiseb liċenzja mill-FSB bħala prerekwiżit għall-ħidma tal-atturi ewlenin kollha tas-suq taċ-ċibersigurtà” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għandu jitfakkar, kif ġie rrilevat fil-punt 188 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti tindika li hija l-awtur ta’ din id-dikjarazzjoni. Iċ-ċitazzjoni hija kemxejn differenti fl-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “cnews.ru”, li skontu “[i]r-rappreżentanti [tar-rikorrenti] qalu li d-deċiżjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-impriża kienet ibbażata fuq il-fatt li hija kellha liċenzja tal-FSB”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

236

Issa, minn naħa, fir-rikors, ir-rikorrenti tippreżenta ruħha hija stess, taħt l-isem ta’ Positive Technologies, bħala waħda mill-mexxejja tas-suq taċ-ċibersigurtà, li jimplika, skont din id-dikjarazzjoni, li hija għandha liċenzja tal-FSB. Min-naħa l-oħra, imkien f’din id-dikjarazzjoni mar-rikorrenti tikkontesta li hija għandha liċenzja tal-FSB, u huwa dan li hija tirrikonoxxi bħala r-raġuni għall-inklużjoni ta’ isimha jew ta’ Positive Technologies fil-listi inkwistjoni.

237

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill ma stabbilixxiex li hija kienet tipparteċipa b’mod effettiv fil-gwerra tal-informazzjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa, u lanqas li hija kienet tiżviluppa teknoloġiji għas-servizzi ta’ sigurtà Russi, huwa biżżejjed li jitfakkar li din ma hijiex kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-kriterju (i).

238

Fil-fatt, il-Kunsill ma kellux għalfejn jipproduċi l-prova ta’ kollaborazzjoni effettiva tar-rikorrent mas-servizzi ta’ sigurtà Russi u dan l-argument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala ineffettiv.

239

F’dan ir-rigward, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw id-dokumenti Nri 3 sa 5 li jinsabu fl-ewwel fajl tal-provi huma wkoll ineffettivi. Fil-fatt, dawn id-dokumenti jsemmu s-sanzjonijiet adottati mill-Istati Uniti tal-Amerika fir-rigward tar-rikorrenti fl‑2021, minħabba l-fatt li hija organizzat konferenzi annwali li ntużaw bħala post ta’ reklutaġġ għall-FSB u għall-GRU. Issa, dawn id-dokumenti ma humiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-kriterju (i).

240

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni fl-atti inizjali u fl-ewwel atti ta’ żamma meta qies li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju (i) u, għaldaqstant, meta inkludiet isem din tal-aħħar fil-listi inkwistjoni u billi żammitu.

Fuq it-tieni atti ta’ żamma

241

Għandu jitfakkar li, fit-tieni atti ta’ żamma, isem ir-rikorrenti nżamm fil-listi inkwistjoni għall-istess raġuni bħal dik li tinsab fl-atti inizjali u fl-ewwel atti ta’ żamma.

242

Fin-nota ta’ adattament dwar it-tieni atti ta’ żamma, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Mejju 2024, ir-rikorrenti sempliċement tirreferi għall-argumenti li hija kienet invokat fir-rigward tal-atti inizjali u tal-ewwel atti ta’ żamma.

243

Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 184 sa 240 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta żamm l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi inkwistjoni fit-tieni atti ta’ żamma.

Fuq it-tielet atti ta’ żamma

244

Permezz tal-adozzjoni tat-tielet atti ta’ żamma, il-Kunsill żamm l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi inkwistjoni taħt l-isem “Positive Group PJSC, magħruf mod ieħor bl-isem ta’ Positive technologies, magħruf mod ieħor bl-isem ta’ Gruppa Pozitiva”, u biddel ir-raġuni għall-inklużjoni abbażi tal-kriterju (i). Dan il-motiv, iċċitat fil-punt 24 iktar ’il fuq, jindika li r-rikorrenti hija kumpannija holding ta’ konglomerat li jinkludi Pozitiv Teknolodzhiz, li hija attiva fis-settur Russu tal-IT u li għandha liċenzja tal-FSB, u li, konsegwentement, ir-rikorrenti hija entità attiva fis-settur Russu tal-IT u għandha liċenzja tal-FSB.

245

Barra minn hekk, sabiex jiġġustifika l-adozzjoni tat-tielet atti ta’ żamma fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq it-tielet fajl ta’ provi.

246

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni prevista mill-kriterju i), għandu jiġi kkonstatat li d-dokument Nru 3 li jinsab fit-tielet fajl ta’ provi fih estratt mill-paġna ta’ informazzjoni dwar Pozitiv Teknolodzhiz li tirriżulta mid-database ta’ impriżi Ready Ratios li tindika li hija teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-programmazzjoni tal-IT.

247

Barra minn hekk, id-dokumenti Nri 6 u 7 li jinsabu fit-tielet fajl ta’ provi huma paġni tas-sit internet “pt.security.com”, tat‑3 ta’ Lulju 2024, li jistabbilixxu li Pozitiv Teknolodzhiz hija sussidjarja miżmuma 100 % mir-rikorrenti u li hija topera fis-settur Russu tal-IT.

248

Minn dan jirriżulta li Pozitiv Teknolodzhiz hija sussidjarja kompletament ikkontrollata mir-rikorrenti li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-Settur Russu tal-IT.

249

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-punti 220 sa 223 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti għandha 100 % tas-sussidjarja tagħha Pozitiv Teknolodzhiz, li huma għandhom l-istess direttur u għandhom l-istess indirizz, fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax, u li l-Kunsill seta’ għalhekk validament jqis li huma kienu jifformaw entità waħda.

250

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill stabbilixxa b’mod suffiċjenti, abbażi tat-tielet fajl ta’ provi, li, fid-data tal-adozzjoni tat-tielet atti ta’ żamma, ir-rikorrenti kienet “entità li topera fis-settur tal-IT Russu” u li hija kienet tissodisfa, minħabba f’hekk, l-ewwel kundizzjoni prevista mill-kriterju (i), fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax.

251

Fit-tieni lok, fin-nota ta’ adattament li tikkonċerna t-tielet atti ta’ żamma, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li hija kienet tissodisfa t-tieni kundizzjoni prevista mill-kriterju (i), dwar iż-żamma ta’ liċenzja tal-FSB.

252

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li isimha ma jistax jiġi inkluż fil-listi inkwistjoni abbażi ta’ allegata żamma ta’ liċenzja tal-FSB minn waħda mis-sussidjarji tagħha. Interpretazzjoni litterali tal-kriterju (i) teżiġi li l-entità kkonċernata tkun hija stess detentur ta’ liċenzja mill-FSB. Hija ssostni li, f’relazzjoni ta’ kumpannija omm u sussidjarja, kull entità hija ġuridikament distinta u l-aġir tas-sussidjarja ma jistax jiġi awtomatikament imputat lill-kumpannija omm tagħha. Liċenzja tagħti awtorizzazzjoni biss lill-persuna ġuridika li lilha tkun inħarġet liċenzja.

253

Minn naħa, għandu jitfakkar li t-tielet atti ta’ żamma ma jirrigwardawx lir-rikorrenti bħala “persuna ġuridika” jew “entità ġuridika”, iżda bħala “entità”. Għaldaqstant, il-fatt li r-rikorrenti għandha personalità ġuridika distinta mis-sussidjarja tagħha huwa irrilevanti sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ inklużjoni abbażi tal-kriterju (i).

254

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-applikazzjoni tal-kriterju (i) ma timplikax li l-aġir ta’ sussidjarja jiġi imputat lill-kumpannija omm tagħha. Għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-kriterju (i) ma teħtieġx il-prova ta’ aġir partikolari la min-naħa tar-rikorrenti u lanqas min-naħa tas-sussidjarja tagħha, iżda biss li tiġi stabbilita ż-żamma ta’ liċenzja tal-FSB mill-entità milquta mill-miżuri restrittivi.

255

Għaldaqstant, l-argument li jgħid li l-fatt li liċenzja mogħtija lil persuna ġuridika ma tistax tintuża minn entità oħra, jiġifieri kumpannija omm jew sussidjarja oħra, huwa ineffettiv.

256

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-punt 249 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill validament qies li Pozitiv Teknolodzhiz u r-rikorrenti kienu jifformaw entità waħda.

257

Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kif jirriżulta mill-punt 86 iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni taħt il-kriterju (i) tar-rikorrenti bħala entità huma sodisfatti, meta jiġi stabbilit li s-sussidjarja tagħha Pozitiv Teknolodzhiz tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet.

258

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li t-tielet fajl tal-provi ma fih ebda informazzjoni rilevanti dwar il-fatt li Pozitiv Teknolodzhiz għandha liċenzja tal-FSB.

259

Sabiex jistabbilixxi li Pozitiv Teknolodzhiz kellha liċenzja mill-FSB, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq diversi dokumenti li jinsabu fit-tielet fajl ta’ provi. Id-dokument Nru 2, li kien diġà jinsab fl-ewwel fajl ta’ provi u msemmi fil-punt 201 iktar ’il fuq, huwa estratt minn preżentazzjoni PowerPoint ippubblikata fis-sit internet ta’ Positive Technologies, “ptsecurity.com”, li turi diversi liċenzji miżmuma minn Positive Technologies, fosthom liċenzja tal-FSB. Id-dokument Nru 8, identiku għal dak imsemmi fil-punt 211 iktar ’il fuq, jinkludi estratt minn dan l-istess sit internet, bid-data tal‑2018 u li l-Kunsill aċċeda għalih fit‑3 ta’ Lulju 2024, li fih tinsab lista tal-liċenzji u taċ-ċertifikati miżmuma minn Positive Technologies, fosthom “liċenzja tal-FSB tar-Russja sabiex taħdem b’għodod ta’ protezzjoni kriptografiċi” u “liċenzja tal-FSB tar-Russja sabiex jitwettqu xogħlijiet li jużaw informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tal-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll il-kopji ta’ dawn iż-żewġ liċenzji. Id-dokument Nru 9, identiku għal dak imsemmi fil-punt 210 iktar ’il fuq, jinkludi wkoll estratt mis-sit internet “ptsecurity.com”, tal‑20 ta’ Novembru 2014 u li għalih il-Kunsill kellu aċċess f’Novembru 2023, intitolat “Positive Technologies received a license from the FSB, allowing work with Cryptograc protection tools” (Positive Technologies kisbet liċenzja mill-FSB li tawtorizzah jaħdem b’għodod ta’ protezzjoni kriptografiċi), li jindika l-attivitajiet li għalihom inħarġet din il-liċenzja. F’dan l-istess estratt, Positive Technologies ħabbret it-tiġdid ta’ liċenzja tal-FSB maħruġa sabiex jitwettqu xogħlijiet marbuta mal-użu ta’ informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tal-Istat.

260

Ir-rikorrenti ssostni li d-dokument Nru 2 bilkemm jista’ jinqara u li ma jippermettix li jiġi ddeterminat it-tip ta’ liċenzja kkonċernata, la min għandu din il-liċenzja, u lanqas jekk il-liċenzja kinitx għadha valida fid-data tal-adozzjoni tat-tielet atti ta’ żamma.

261

Issa, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punti 204 u 205 iktar ’il fuq, li l-paġna tal-internet tas-sit ta’ Positive Technologies, li tinsab fid-dokument Nru 2, tindika li din tal-aħħar għandha liċenzja tal-FSB u li l-fatt li t-tip ta’ liċenzja ma jkunx jista’ jinqara huwa irrilevanti.

262

Fit-tielet fajl ta’ provi, id-dokument Nru 2 huwa kkompletat mid-dokument Nru 8 li jinkludi lista li turi b’mod ċar id-diversi liċenzji miżmuma minn Positive Technologies kif ukoll kopja ta’ żewġ liċenzji tal-FSB li r-rikorrenti pproduċiet traduzzjoni tagħhom fl-Anness C.15 tar-replika.

263

Issa, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 219 iktar ’il fuq, in-numru ta’ identifikazzjoni fiskali li jidher fuq dawn il-liċenzji jikkorrispondi għal dak ta’ Pozitiv Teknolodzhiz, imsemmi fl-estratt tad-database Ready Ratios dwar dan l-aħħar kontenut fid-dokument Nru 3 tat-tielet fajl tal-provi.

264

Fir-rigward tal-ewwel liċenzja tal-FSB relatata ma’ attivitajiet li jużaw għodod kriptografiċi, li ngħatat mill-FSB lil Pozitiv Teknolodzhiz fl‑10 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma weriex li din il-liċenzja kienet għadha fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tat-tielet atti ta’ żamma.

265

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-liċenzja tal-FSB li tinsab fid-dokument Nru 8 ingħatat mill-FSB għal żmien illimitat u li l-Kunsill seta’ raġonevolment jikkonkludi li Pozitiv Teknolodzhiz kienet għadha proprjetarja tagħha fid-data tal-adozzjoni tat-tielet atti ta’ żamma.

266

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kriterju (i) li jipprevedi ż-żamma ta’ liċenzja tal-FSB tkun xi tkun, l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura ta’ din il-liċenzja ta’ kriptaġġ huma ineffettivi.

267

Fir-rigward tat-tieni liċenzja tal-FSB maħruġa mill-FSB lil Pozitiv Teknolodzhiz fit‑28 ta’ April 2015 u valida sat‑8 ta’ April 2020, sabiex jitwettqu xogħlijiet li jużaw informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tal-Istat, ir-rikorrenti ssostni li din skadiet.

268

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni d-dokument Nru 9 li jinsab fit-tielet fajl ta’ provi, li jindika li din il-liċenzja kienet ingħatat lil Pozitiv Teknolodzhiz wara talba għat-tiġdid ta’ liċenzja preċedenti. Il-Kunsill jindika li huwa għalhekk probabbli li Pozitiv Teknolodzhiz talbet u kisbet tiġdid ġdid ta’ din il-liċenzja.

269

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li d-dokument Nru 9 huwa tal‑2014 ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li ma għadux rilevanti fid-data tal-adozzjoni tat-tielet atti ta’ żamma. Fil-fatt, dan id-dokument jippermetti li jiġi stabbilit li, fl‑-2014, Positive Technologies kienet tħabbar it-tiġdid ta’ din it-tieni liċenzja tal-FSB.

270

Issa, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 175 u 176 iktar ’il fuq, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa fir-rigward tar-rikorrenti fid-data tal-adozzjoni tat-tielet atti ta’ żamma u li huwa jissodisfa l-oneru tal-prova jekk huwa jsemmi sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 111, 177 u 179 iktar ’il fuq, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-diffikultà ta’ aċċess għall-provi jew għal ċerta informazzjoni, b’mod partikolari, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ kunflitt bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukraina.

271

F’dan ir-rigward, mill-estratt mid-database Ready Ratios dwar Pozitiv Teknolodzhiz, prodott fl-anness tal-kontroreplika, jirriżulta li l-parti li tikkonċerna l-liċenzji miżmuma minnha tneħħiet b’applikazzjoni tal-liġi federali Russa u tinkludi l-kliem “l-aċċess għal din l-informazzjoni huwa ristrett”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

272

Issa, il-Kunsill seta’ raġonevolment iqis li ma kienx ikun neċessarju li din il-parti titneħħa jekk Pozitiv Teknolodzhiz ma kellha ebda liċenzja.

273

Minn dan isegwi li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq numru ta’ elementi suffiċjentement kredibbli sabiex ikun jista’ raġonevolment iqis li Pozitiv Teknolodzhiz kienet talbet it-tiġdid tat-tieni liċenzja sabiex twettaq xogħlijiet li jużaw informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tal-Istat wara l-2020 u li hija kienet għadha detentriċi tagħha fid-data tal-adozzjoni tat-tielet atti ta’ żamma.

274

Issa, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element li jista’ jikkonfuta din l-evalwazzjoni. Mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta, hija affermat diversi drabi li ma kellhiex informazzjoni dwar il-kwistjoni jekk Pozitiv Teknolodzhiz kellhiex jew le liċenzja tal-FSB.

275

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dokumenti li jinsabu fit-tielet fajl ta’ provi jistabbilixxu suffiċjentement skont il-liġi li Pozitiv Teknolodzhiz, sussidjarja miżmuma kompletament mir-rikorrenti, kienet detentriċi ta’ liċenzja tal-FSB fid-data tal-adozzjoni tat-tielet atti ta’ żamma.

276

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Kunsill stabbilixxa li r-rikorrenti, magħrufa wkoll bħala Positive Technologies, kienet entità li kellha liċenzja tal-FSB u li hija kienet tissodisfa t-tieni kundizzjoni prevista mill-kriterju (i).

277

Għaldaqstant, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni fit-tielet atti ta’ żamma meta qies li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju (i) u, għaldaqstant, billi żamm isem din tal-aħħar fil-listi inkwistjoni.

278

Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu li jsir eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi inkwistjoni

279

Ir-raba’ motiv jinqasam, essenzjalment, f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u, it-tieni waħda, fuq il-ksur mill-Kunsill tal-obbligu li jsir eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tiegħu ta’ inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi inkwistjoni.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

280

Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha billi bagħtilha tard it-tieni fajl ta’ provi.

281

Minn naħa, ir-rikorrenti tirrileva li t-tieni fajl ta’ provi, tas‑16 ta’ Mejju 2023, jiġifieri qabel l-adozzjoni tal-atti inizjali, ma ġiex trażmess lilha mill-Kunsill bi tweġiba għat-talba tagħha tat‑13 ta’ Lulju 2023 li jiġi kkomunikat lilha l-fajl li fuqu hija bbażata l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi annessi mal-atti inizjali. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, sa fejn it-tieni fajl ta’ provi ġie trażmess lilha wara t-talba tagħha tal‑25 ta’ Settembru 2023 għal aċċess għad-dokumenti li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, huwa kien jinkludi elementi ġodda li jiġġustifikaw din iż-żamma. Il-Kunsill għalhekk kellu l-obbligu li jipprovdilha dawn il-provi qabel l-adozzjoni tal-ewwel atti ta’ żamma.

282

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fost l-istħarriġ ta’ miżuri restrittivi, il-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fost dawn id-drittijiet fundamentali tidher, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2024, CRA vs Il‑Kunsill, T‑201/23, EU:T:2024:697, punti 59 u 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

283

Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, id-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li jifforma parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tgħarraf, b’mod utli u b’mod effettiv, il-fehma tagħha waqt proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward tagħha li tista’ taffettwa ħażin l-interessi tagħha (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punti 75 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 79).

284

Fir-rigward tar-rispett tad-dritt għal smigħ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fir-rigward tad-deċiżjoni inizjali li jinżamm isem persuna jew entità f’lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li l-fondi tagħhom huma ffriżati, il-Kunsill ma huwiex meħtieġ li jikkomunika bil-quddiem lill-persuna jew lill-entità kkonċernata r-raġunijiet li fuqhom ikun beħsiebu jibbaża din l-inklużjoni. Fil-fatt, tali miżura, sabiex ma tikkompromettix l-effettività tagħha, għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża u tiġi applikata b’mod immedjat. Fuq talba mressqa lill-Kunsill, il-persuna jew l-entità kkonċernata għandha wkoll id-dritt li ssemma’ l-fehma tagħha dwar dawn l-elementi ladarba l-att ikun ġie adottat (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

285

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni, b’mod partikolari, ta’ żamma tal-isem ta’ persuna f’lista li tinsab fl-anness għal att li jirrigwarda miżuri restrittivi, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeżiġi li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi li hija għandha kontra l-imsemmija persuna sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha, sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk ikunx utli li tressaq każ quddiem il-qorti tal-Unjoni. Matul din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuna li turi effettivament il-fehma tagħha fir-rigward tar-raġunijiet adottati fir-rigward tagħha (sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2016, Mikhalchanka vs Il‑Kunsill, T‑693/13, EU:T:2016:283, punti 46 u 47, u tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 u 112).

286

Id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tal-atti li jżommu l-isem ta’ persuna jew ta’ entità fuq lista ta’ persuni jew entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi huwa meħtieġ meta l-Kunsill ikun żamm, fid-deċiżjoni li żżomm l-inklużjoni ta’ ismu f’din il-lista, provi ġodda kontra din il-persuna, jiġifieri provi li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni tal-isem tiegħu f’din l-istess lista (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

287

Madankollu, meta ż-żamma ta’ isem il-persuna jew l-entità kkonċernata f’lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi tkun ibbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-att inizjali mingħajr ma jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni provi ġodda fil-konfront tagħha, il-Kunsill ma huwiex obbligat, sabiex jirrispetta d-dritt għal smigħ tagħha, li jikkomunikalha mill-ġdid il-provi inkriminanti (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata fihom, u tal‑4 ta’ Settembru 2024, Shamalov vs Il‑Kunsill, T‑651/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:576, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata fihom).

288

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li t-tieni fajl ta’ provi jinkludi dokument ta’ ħidma mfassal mis-SEAE li għandu bħala suġġett: “UKRAINE […], Underlying/supporting evidence – Horizontal Evidence Pack – status based IT – territorial integrity regime” (UKRAINA […], provi sottostanti/ta’ sostenn – Fajl ta’ Provi orizzontali – status ibbażat fuq l-IT – reġim ta’ integrità territorjali). Dan id-dokument ta’ ħidma ġie ppreżentat lill-Kunsill insostenn tal-intenzjoni ta’ dan tal-aħħar li jintroduċi kriterju ġdid għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li joperaw fis-settur Russu tal-IT li għandhom liċenzja maħruġa mill-FSB jew mill-Ministeru Russu għall-Industrija u l-Kummerċ. Dan id-dokument jinkludi diversi sorsi relatati mat-theddid Russu fil-qasam tal-informazzjoni u l-IT, il-liċenzji tal-FSB u l-liċenzja tal-“armi u t-tagħmir militari” maħruġa mill-Ministeru Russu għall-Industrija u l-Kummerċ.

289

Għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Kunsill, li t-tieni fajl ta’ provi jikkostitwixxi dokument ta’ ħidma tas-SEAE stabbilit insostenn tal-introduzzjoni tal-kriterju (i), iżda ma jinkludi ebda element relatat mas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti jew mal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, fatt li din tal-aħħar ammettiet waqt is-seduta.

290

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li tirrigwarda persuna speċifika, li għandu jiġi rrispettat anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura, ma jistax jiġi traspost fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 29 TUE u ta’ dik prevista fl-Artikolu 215 TFUE li twassal, bħal f’dan il-każ, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ portata ġenerali. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni ma tobbliga lill-Kunsill jinforma lil kull persuna potenzjalment koperta minn kriterju ġdid ta’ portata ġenerali bl-adozzjoni ta’ dan il-kriterju (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2023, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill, T‑65/18 RENV, EU:T:2023:529, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

291

Għaldaqstant, sa fejn it-tieni fajl ta’ provi ma kien jinkludi ebda prova inkriminanti li serviet bħala bażi għall-inklużjoni u għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jikkomunikah lil din tal-aħħar skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 284 sa 286 iktar ’il fuq, kemm bi tweġiba għat-talba tar-rikorrent tat‑13 ta’ Lulju 2023 kif ukoll qabel l-adozzjoni tal-ewwel atti ta’ żamma. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod utli ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

292

Konsegwentement, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tal-Kunsill intiżi sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tagħha.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur mill-Kunsill tal-obbligu li jwettaq eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tiegħu ta’ inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi inkwistjoni

– Dwar l-ewwel atti ta’ żamma

293

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu, previst fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145 u fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 269/2014, li jwettaq eżami regolari tad-deċiżjonijiet tiegħu ta’ inklużjoni fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, sabiex jiżgura li dawn il-miżuri jkunu għadhom xierqa. Hija ssostni li eżami xieraq tal-provi prodotti insostenn tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni kien juri li hija ma kellhiex liċenzja mill-FSB u kellha twassal għall-irtirar ta’ isimha mil-listi inkwistjoni.

294

L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 jiddisponi: “[d]in id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti”. L-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 269/2014 isemmi li: “Il-lista fl-Anness I għandha tiġi rieżaminata f’intervalli regolari u għallanqas kull 12-il xahar.”

295

Għandu jitfakkar li l-miżuri restrittivi huma ta’ natura kawtelatorja u, mid-definizzjoni tagħhom stess, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan relatat magħhom. Huwa għalhekk li l-Kunsill huwa obbligat iwettaq, matul l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi tiegħu, evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt ta’ tali miżuri, sabiex jiddetermina jekk dawn ippermettewx li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati fil-lista kontenzjuża jew jekk għadux possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija persuni u entitajiet (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad‑29 ta’ Mejju 2024, Belavia vs Il‑Kunsill, T‑116/22, EU:T:2024:334, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

296

Għandu jitfakkar li, Sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem persuna fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill ma huwiex ipprojbit milli jibbaża ruħu fuq l-istess provi li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, l-inklużjoni mill-ġdid jew iż-żamma preċedenti ta’ isem il-persuna kkonċernata fil-lista, sakemm, minn naħa, il-motivi għall-inklużjoni jkunu għadhom l-istess u, min-naħa l-oħra, il-kuntest ma jkunx żviluppa b’tali mod li dawn il-provi jkunu saru obsoleti. L-imsemmi kuntest jinkludi mhux biss is-sitwazzjoni tal-pajjiż li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita s-sistema ta’ miżuri restrittivi, iżda wkoll is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tad‑29 ta’ Mejju 2024, Belavia vs Il‑Kunsill, T‑116/22, EU:T:2024:334, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

297

F’dan il-każ, l-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tas‑26 ta’ Ġunju 2023, imsemmi fil-punt 9 iktar ’il fuq, kien jinforma lill-persuni, lill-entitajiet u lill-korpi suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti mill-atti inizjali li huma setgħu jindirizzaw lill-Kunsill, qabel l‑14 ta’ Lulju 2023, talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom kien ġie inkluż fil-listi annessi ma’ dawn l-atti.

298

Issa, minn naħa, ir-rikorrenti ma għamlitx użu mill-possibbiltà offruta lilha li tressaq quddiem il-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni wara l-adozzjoni tal-atti inizjali.

299

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jadotta l-ewwel atti ta’ żamma, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-istess raġuni bħal dik li ġġustifikat l-adozzjoni tal-atti inizjali u li bbaża ruħu fuq l-ewwel fajl ta’ provi, mingħajr ma ġew prodotti provi ġodda fil-konfront tar-rikorrenti.

300

Barra minn hekk, mill-analiżi tat-tielet motiv jirriżulta li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra, fid-data tal-adozzjoni tal-ewwel atti ta’ żamma, li l-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina kienet għadha teżisti u li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-kriterju (i).

301

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu ta’ eżami mill-ġdid qabel l-adozzjoni tal-ewwel atti ta’ żamma.

– Dwar it-tieni atti ta’ żamma

302

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill, qabel l-adozzjoni tat-tieni atti ta’ żamma, ma eżaminax mill-ġdid jekk ir-raġuni għall-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni kinitx għadha rilevanti u ma ħax inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet li hija kienet ifformulat, bi ksur tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 2014/145 u tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 269/2014. Fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tal‑1 ta’ Novembru 2023, hija spjegat b’mod ċar li l-fehim żbaljat mill-Kunsill tas-sistema Russa ta’ għoti ta’ liċenzji kien wassal lil dan tal-aħħar sabiex japplika b’mod żbaljat il-kriterju (i) u hija wriet li hija ma kinitx taqa’ taħt dan il-kriterju.

303

Ir-rikorrenti tindika li l-Kunsill sempliċement afferma, fl-ittra tiegħu tat‑13 ta’ Marzu 2024, li huwa ma setax jaċċetta l-interpretazzjoni tiegħu tal-kriterju (i), mingħajr ma jidħol f’diskussjoni, u mingħajr ma jipprovdi spjegazzjoni. Il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni prova li tikkonċernaha, jiġifieri l-estratt mid-database Ready Ratios, li juri li hija ma kellha ebda liċenzja mill-FSB. Hija ssostni li, kieku l-Kunsill kien eżamina l-informazzjoni li hija kienet ipprovdiet u kien wettaq eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tiegħu, huwa ma kienx iżomm isimha fil-listi inkwistjoni.

304

L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Nru 2014/145 u l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 269/2014 jipprevedi kif ġej [rispettivament]:

“Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna, entità jew korp kkonċernati kif meħtieġ

Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jagħmel rieżami tad-deċiżjonijiet tiegħu u jinforma b’dan lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp.”

305

Meta jiġu fformulati osservazzjonijiet mill-persuna kkonċernata dwar l-espożizzjoni tal-motivi, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u tal-eventwali elementi li jiskaġunaw mehmuża magħhom (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 114, u tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Arbuzov vs Il‑Kunsill, T‑258/17, EU:T:2018:331, punt 61).

306

Għalkemm ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ jeżiġi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippermettu lill-persuna kkonċernata minn att li jikkawża preġudizzju tesponi l-fehma tagħha b’mod utli, ma jistax jiġi impost fuq l-imsemmija istituzzjonijiet li jaqblu miegħu (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 330, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Mordashova vs Il‑Kunsill, T‑497/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:604, punt 70).

307

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-Kunsill ma kkonkludiex li hemm l-assenza ta’ fondatezza tal-proroga tal-miżuri restrittivi, u lanqas ma qies utli li jwettaq verifiki fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti, ma jistax jimplika li tali osservazzjonijiet ma ttiħdux inkunsiderazzjoni (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, Mordashova vs Il‑Kunsill, T‑497/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:604, punt 71; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 331).

308

Barra minn hekk, il-Kunsill ma huwiex obbligat iwieġeb għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-persuna jew mill-entità kkonċernata qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi previsti (sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, C‑225/17 P, EU:C:2019:82, punt 92, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Mordashova vs Il‑Kunsill, T‑497/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:604, punt 72).

309

F’dan il-każ, l-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal‑14 ta’ Settembru 2023, imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq, kien jinforma lill-persuni u lill-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti mill-ewwel atti ta’ żamma li huma setgħu jindirizzaw lill-Kunsill, qabel it‑2 ta’ Novembru 2023, talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom kien ġie inkluż fil-listi annessi ma’ dawn l-atti. Barra minn hekk, fil‑31 ta’ Ottubru 2023, b’risposta għal talba tar-rikorrenti, il-Kunsill bagħtilha mill-ġdid kopja tal-ewwel fajl ta’ provi u kkomunikalha t-tieni fajl ta’ provi. Fl‑1 ta’ Novembru 2023, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tagħha li żżomm isimha fil-listi inkwistjoni permezz tal-ewwel atti ta’ żamma.

310

Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill wieġeb għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u ċaħad it-talba tagħha għal eżami mill-ġdid. Essenzjalment, il-Kunsill irrileva li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-interpretazzjoni tal-kriterju (i) u dawk dwar il-fatt li hija ma kellhiex liċenzja tal-FSB kienu identiċi għall-argumenti mqajma fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u huwa rrefera għall-argumenti tagħha ppreżentati fir-risposta. Hija tenniet ukoll li mill-ewwel fajl ta’ provi kien jirriżulta li r-rikorrenti, bħala entità, kellha liċenzja tal-FSB.

311

Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 306 u 307 iktar ’il fuq, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill li kiser l-obbligu tiegħu li jeżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tagħha qabel l-adozzjoni tat-tieni atti ta’ żamma.

312

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 308 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax validament tikkritika lill-Kunsill talli ma bediex diskussjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kriterju (i) u l-iżviluppi relatati mal-liċenzji “sigrieti tal-Istat” li jinsabu fir-rapport tal-esperti anness mar-replika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan ir-rapport tal-esperti, bid-data tas‑7 ta’ Frar 2024, ma kienx ġie prodott mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tal‑1 ta’ Novembru 2023.

– Dwar it-tielet atti ta’ żamma

313

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill, qabel l-adozzjoni tat-tielet atti ta’ żamma, kiser l-obbligu li jwettaq eżami xieraq tad-deċiżjoni li ismu jinżamm fil-listi inkwistjoni, iktar u iktar peress li huwa jammetti, fir-raġuni għal inklużjoni emendata li tinsab f’dawn l-atti, li hija ma hijiex detentriċi ta’ liċenzja tal-FSB u għalhekk li hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-kriterju (i). Hija tirrileva li l-Kunsill, fl-ittra tiegħu tat‑13 ta’ Settembru 2024, żamm l-evalwazzjoni tiegħu li kienet teżisti rabta bejn iż-żamma ta’ liċenzja tal-FSB u l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tas-servizzi ta’ sigurtà Russi, minkejja d-diversi provi u spjegazzjonijiet li hija kienet ipprovdiet.

314

Għandu jiġi rrilevat li l-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tat‑13 ta’ Marzu 2024, imsemmi fil-punt 18 iktar ’il fuq, kien jinforma lill-persuni u lill-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti mit-tieni atti ta’ żamma li huma setgħu jindirizzaw lill-Kunsill, qabel it‑3 ta’ Ġunju 2024, b’talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom kien ġie inkluż fil-listi annessi ma’ dawn l-atti. Fil‑31 ta’ Mejju 2024, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tagħha li żżomm isimha fil-listi inkwistjoni permezz tat-tieni atti ta’ żamma.

315

Fis‑16 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jżomm isimha fil-listi inkwistjoni abbażi ta’ motivazzjoni emendata u kkomunika lir-rikorrenti t-tielet fajl ta’ provi. Fil‑31 ta’ Lulju 2024, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kunsill osservazzjonijiet dwar l-intenzjoni ta’ dan tal-aħħar li jżomm ismu fil-listi inkwistjoni fid-dawl tal-motivazzjoni emendata.

316

Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill wieġeb għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti li jinsabu fl-ittri tal‑31 ta’ Mejju u tal‑31 ta’ Lulju 2024 u ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid. Il-Kunsill indika li l-motivazzjoni mmodifikata kienet tirrifletti l-pożizzjoni tiegħu sa mill-adozzjoni tal-atti inizjali, jiġifieri li r-rikorrenti u s-sussidjarja tagħha Pozitiv Tecknolodzhiz kienu jifformaw entità waħda u li l-ewwel waħda kellha liċenzja tal-FSB għaliex din il-liċenzja kienet ingħatat lit-tieni waħda. Huwa rrileva li t-tielet fajl ta’ provi kien fih biżżejjed provi li Pozitiv Tecknolodzhiz kellha liċenzja tal-FSB. Huwa rrefera għall-argumenti tiegħu ppreżentati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors filwaqt li enfasizza li huwa kien ibbaża ruħu fuq diversi provi insostenn tal-evalwazzjoni tiegħu li l-entitajiet attivi fis-settur Russu tal-IT li għandhom liċenzja tal-FSB setgħu de facto jiġu mmobilizzati sabiex isostnu s-servizzi ta’ sigurtà u żied li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet provi ta’ natura li jikkontestaw din l-evalwazzjoni.

317

Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 306 u 307 iktar ’il fuq, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill li kiser l-obbligu tiegħu li jeżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tiegħu qabel l-adozzjoni tat-tielet atti ta’ żamma u d-dritt għal smigħ tiegħu.

318

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill issodisfa l-obbligi tiegħu dwar, minn naħa, l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fid-dawl tat-tiġdid tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-dritt tagħha għal smigħ matul il-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tal-atti ta’ żamma.

319

Min dan isegwi għalhekk li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, ir-raba’ motiv.

320

Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir‑rikors għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

321

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

322

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

323

F’dan il-każ, billi r-rikorrent tilef, huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kunsill, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar. Ir-Renju ta’ l-Olanda għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ilan Mironovich Shor huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Settembru 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.