|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1165 |
16.6.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1165
tat-13 ta’ Ġunju 2025
li jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fid-dokument tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar u d-dikjarazzjoni għal movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali tad-dar li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2023 dwar regoli speċifiċi relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut, pjanti għat-tħawwil, patata taż-żrigħ, makkinarju u ċertu vetturi mħaddma għal skopijiet agrikoli jew ta’ forestrija, kif ukoll movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali tad-dar lejn l-Irlanda ta’ Fuq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2023/1231 jistabbilixxi regoli speċifiċi relatati, fost l-oħrajn, mal-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali tad-dar definiti fl-Artikolu 2, il-punt (24) tiegħu, jiġifieri klieb, qtates u inmsa tad-dar, li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, inklużi garanziji bil-miktub li jkunu ġew ipprovduti mir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 12(1), il-punt (a) tiegħu (il-garanziji bil-miktub). |
|
(2) |
B’mod partikolari, l-Artikolu 12(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2023/1231 jipprevedi li l-annimali tad-dar li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit iridu jkunu akkumpanjati minn dokument tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar ivvalidat mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, u dikjarazzjoni ffirmata mis-sid jew minn persuna awtorizzata li tiddikjara li l-annimali tad-dar ma jkunux se jiġu sussegwentement imċaqilqa mill-Irlanda ta’ Fuq lejn Stat Membru (id-dikjarazzjoni). |
|
(3) |
Il-garanziji bil-miktub iridu jiżguraw li l-annimali tad-dar, li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit, ma jżidux ir-riskju għas-saħħa tal-annimali fil-gżira tal-Irlanda jew jaffettwaw l-istatus sanitarju tagħha, jew iżidu r-riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali fis-suq intern jew jimminaw l-integrità tagħha. Iridu jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit jieħdu azzjoni effettiva biex inaqqsu kemm jista’ jkun il-possibbiltà li l-annimali tad-dar jiġu mċaqilqa mill-Irlanda ta’ Fuq lejn Stat Membru, ippruvata permezz ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri uffiċjali biex jiġi deċiż liema miżuri għandhom jittieħdu fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità. |
|
(4) |
Barra minn hekk, il-garanziji bil-miktub iridu jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit japplikaw ir-rekwiżiti relatati mal-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali tad-dar fir-Renju Unit biex jipproteġu l-istatus tas-saħħa tal-annimali tiegħu, u jwettqu kontrolli effettivi tad-dokumenti u tal-identità fuq l-annimali tad-dar li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit; jimplimentaw sistema ta’ detezzjoni u notifika bikrija għall-infezzjoni bl-Echinococcus multilocularis f’annimali ospitanti definittivi selvaġġi, u jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe detezzjoni bħal din; u jimplimentaw sistema ta’ detezzjoni u notifika bikrija għall-infezzjoni bil-virus tar-rabja f’annimali suxxettibbli miżmuma u selvaġġi, u jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe suspett jew detezzjoni ta’ infezzjoni bil-virus tar-rabja. |
|
(5) |
Fl-ittra tiegħu tal-15 ta’ April 2025 (l-ittra), ir-Renju Unit jiddikjara li klieb, qtates u inmsa tad-dar li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ma jżidux ir-riskju għas-saħħa tal-annimali fil-gżira tal-Irlanda jew jaffettwaw l-istatus sanitarju tagħha, u lanqas ma jżidu r-riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali fis-suq intern jew jimminaw l-integrità tagħha. Fl-ittra, ir-Renju Unit jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-proċeduri uffiċjali fis-seħħ fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità sabiex tittieħed azzjoni effettiva mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit biex titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà li l-annimali tad-dar jiġu mċaqilqa mill-Irlanda ta’ Fuq lejn Stat Membru. |
|
(6) |
Fl-ittra, ir-Renju Unit jiddikjara wkoll li, mill-4 ta’ Ġunju 2025, japplika rekwiżiti relatati mal-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali tad-dar fir-Renju Unit biex jipproteġi l-istatus tas-saħħa tal-annimali tiegħu u li l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit jwettqu kontrolli effettivi tad-dokumenti u tal-identità fuq l-annimali tad-dar li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit. Fl-ittra, ir-Renju Unit jiddikjara wkoll li: (a) mill-4 ta’ Ġunju 2025 se jimplimenta sistema ta’ detezzjoni u notifika bikrija għall-infezzjoni bl-Echinococcus multilocularis f’annimali ospitanti definittivi selvaġġi; (b) l-awtoritajiet kompetenti tiegħu se jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe detezzjoni bħal din; (c) mill-4 ta’ Ġunju 2025 se jimplimenta sistema ta’ detezzjoni u notifika bikrija għall-infezzjoni bil-virus tar-rabja f’annimali suxxettibbli miżmuma u selvaġġi; u li (d) l-awtoritajiet kompetenti tiegħu se jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe suspett jew detezzjoni ta’ infezzjoni bil-virus tar-rabja. |
|
(7) |
Peress li r-Renju Unit ipprovda l-garanziji bil-miktub fl-ittra, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fid-dokument tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar, u dwar il-kontenut tad-dikjarazzjoni. |
|
(8) |
Id-dokument tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar jenħtieġ li, b’mod partikolari, jinkludi informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-annimal tad-dar u tas-sid tiegħu u jiġi ffirmat minn rappreżentant tal-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit li joħroġ id-dokument tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar, sabiex tiġi ċċertifikata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1), il-punti (c) u (d), tar-Regolament (UE) 2023/1231. Id-dikjarazzjoni mis-sid tal-annimal tad-dar jew mill-persuna awtorizzata jenħtieġ li, b’mod partikolari, tinkludi informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-annimal tad-dar u tas-sid tiegħu jew tal-persuna awtorizzata li tivvjaġġa b’dan l-annimal tad-dar, kif ukoll impenn li l-annimal tad-dar li jidħol fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ma jiġix sussegwentement imċaqlaq mill-Irlanda ta’ Fuq lejn Stat Membru, f’konformità mal-Artikolu 12(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2023/1231. |
|
(9) |
Fl-interess taċ-ċertezza legali u biex jiġi evitat tfixkil bla bżonn għad-dħul ta’ annimali tad-dar fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza. |
|
(10) |
Il-garanziji bil-miktub ipprovduti mir-Renju Unit jiddikjaraw li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 12(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1231 se jiġu ssodisfati mill-4 ta’ Ġunju 2025. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika [retroattivament] minn dik id-data. Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fid-dokument tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar għal movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali tad-dar li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit, u dwar il-kontenut tad-dikjarazzjoni ffirmata mis-sid jew minn persuna awtorizzata (id-dikjarazzjoni) imsemmija fl-Artikolu 12(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2023/1231.
Artikolu 2
Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fid-dokument tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar
Id-dokument tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
il-post tat-transponder, imsemmi fl-Artikolu 12(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/1231, u jew id-data tal-impjantazzjoni fl-annimal tad-dar jew id-data tal-qari tat-transponder, kif ukoll il-kodiċi alfanumeriku uniku muri minnu; |
|
(b) |
l-isem, l-ispeċi, ir-razza, is-sess, il-kulur, id-data tat-twelid kif imniżżla mis-sid u fattizzi jew karatteristiċi partikolari jew distintivi tal-annimal tad-dar; |
|
(c) |
l-isem, l-informazzjoni ta’ kuntatt u l-firma tas-sid; |
|
(d) |
l-isem, l-informazzjoni ta’ kuntatt u l-firma ta’ rappreżentant tal-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit li joħorġu d-dokument tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar; |
|
(e) |
in-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar li jikkonsisti mill-kodiċi ISO tar-Renju Unit, segwit minn kodiċi alfanumeriku uniku. |
Artikolu 3
Informazzjoni li trid tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni
Id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-isem u l-firma tas-sid jew tal-persuna li hija awtorizzata bil-miktub mis-sid biex twettaq il-moviment mhux kummerċjali tal-annimal tad-dar f’isem is-sid; |
|
(b) |
il-post u d-data tal-ħruġ; |
|
(c) |
il-kodiċi alfanumeriku uniku muri mit-transponder li jidentifika kull annimal tad-dar; |
|
(d) |
in-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar li jakkumpanja kull annimal tad-dar; |
|
(e) |
impenn mis-sid jew mill-persuna awtorizzata li l-annimal tad-dar li jidħol fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ma jiġix sussegwentement imċaqlaq mill-Irlanda ta’ Fuq lejn Stat Membru. |
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-4 ta’ Ġunju 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 165, 29.6.2023, p. 103, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1231/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1165/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)