IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.3.2022
COM(2022) 142 final
ANNESSI
tal-
Proposta tal-Kummissjoni għal
Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti sostenibbli u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE
{SEC(2022) 165 final} - {SWD(2022) 81 final} - {SWD(2022) 82 final} - {SWD(2022) 83 final}
ANNESS I
Parametri tal-prodott
Il-parametri li ġejjin jistgħu, kif xieraq, u meta meħtieġ, jiġu ssupplimentati minn oħrajn, jintużaw bħala bażi għat-titjib tal-aspetti tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 5(1):
(a)id-durabbiltà u l-affidabbiltà tal-prodott jew tal-komponenti tiegħu kif espressi permezz tal-ħajja garantita tal-prodott, il-ħajja teknika, iż-żmien medju bejn il-ħsarat, l-indikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-użu reali dwar il-prodott, ir-reżistenza għall-istress jew il-mekkaniżmi ta’ tqaddim;
(b)il-faċilità tat-tiswija u l-manutenzjoni kif espressa permezz ta’: il-karatteristiċi, id-disponibbiltà u l-ħin tal-konsenja tal-partijiet ta’ rikambju, il-modularità, il-kompatibbiltà mal-partijiet ta’ rikambju disponibbli b’mod komuni, id-disponibbiltà tal-istruzzjonijiet dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, in-numru ta’ materjali u komponenti użati, l-użu ta’ komponenti standard, l-użu ta’ standards ta’ kodifikazzjoni tal-komponenti u l-materjali għall-identifikazzjoni tal-komponenti u l-materjali, in-numru u l-kumplessità tal-proċessi u l-għodod meħtieġa, il-faċilità ta’ żarmar u armar mill-ġdid mhux distruttiv, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data dwar il-prodott, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għal hardware u software meħtieġa jew l-użu tagħhom;
(c)il-faċilità tal-aġġornament, tal-użu mill-ġdid, tal-manifattura mill-ġdid u tar-rinnovazzjoni kif espressa permezz ta’: in-numru ta’ materjali u komponenti użati, l-użu ta’ komponenti standard, l-użu ta’ standards ta’ kodifikazzjoni tal-komponenti u tal-materjali għall-identifikazzjoni tal-komponenti u tal-materjali, in-numru u l-kumplessità tal-proċessi u tal-għodod meħtieġa, il-faċilità taż-żarmar u tal-assemblaġġ mill-ġdid mhux distruttiv, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data dwar il-prodott, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-hardware u s-software meħtieġa u l-użu tagħhom, il-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-protokolli tat-test jew tagħmir tal-ittestjar mhux disponibbli b’mod komuni, id-disponibbiltà ta’ garanziji speċifiċi għal prodotti manifatturati mill-ġdid jew rinnovati, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għal teknoloġiji protetti bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew l-użu tagħhom, il-modularità;
(d)il-faċilità u l-kwalità tar-riċiklaġġ kif espressi permezz ta’: l-użu ta’ materjali faċilment riċiklabbli, l-aċċess sikur, faċli u mhux distruttiv għal komponenti u materjali riċiklabbli jew komponenti u materjali li fihom sustanzi perikolużi, il-kompożizzjoni tal-materjal u omoġeneità, il-possibbiltà ta’ separazzjoni b’purità għolja, in-numru ta’ materjali u komponenti użati, l-użu ta’ komponenti standard, l-użu ta’ standards ta’ kodifikazzjoni tal-komponenti u l-materjali għall-identifikazzjoni tal-komponenti u tal-materjali, in-numru u l-kumplessità tal-proċessi u l-għodod meħtieġa, il-faċilità ta’ żarmar u armar mill-ġdid mhux distruttiv, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data dwar il-prodott, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-hardware u s-software meħtieġa jew l-użu tagħhom;
(e)l-evitar ta’ soluzzjonijiet tekniċi li huma ta’ detriment għall-użu mill-ġdid, it-titjib, it-tiswija, il-manutenzjoni, ir-rinnovazzjoni, il-manifattura mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ prodotti u komponenti;
(f)l-użu ta’ sustanzi, waħedhom, bħala kostitwenti ta’ sustanzi jew f’taħlitiet, tul il-proċess tal-produzzjoni ta’ prodotti, jew li jwassal għall-preżenza tagħhom fi prodotti, inkluż ladarba dawn il-prodotti jsiru skart;
(g)il-konsum tal-enerġija, tal-ilma u ta’ riżorsi oħra fi stadju wieħed jew aktar taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, inkluż l-effett ta’ fatturi fiżiċi jew aġġornamenti tas-software u tal-firmware fuq l-effiċjenza tal-prodott u inkluż l-impatt fuq id-deforestazzjoni;
(h)l-użu jew il-kontenut ta’ materjali riċiklati;
(i)il-piż u l-volum tal-prodott u l-imballaġġ tiegħu, u l-proporzjon bejn il-prodott u l-imballaġġ;
(j)l-inkorporazzjoni ta’ komponenti użati
(k)il-kwantità, il-karatteristiċi u d-disponibbiltà ta’ oġġetti tal-konsum li huma meħtieġa għall-użu u l-manutenzjoni kif suppost;
(l)l-impronta ambjentali tal-prodott, espressa bħala kwantifikazzjoni, f’konformità mal-att delegat applikabbli, tal-impatti ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott, kemm jekk b’rabta ma’ kategorija tal-impatt ambjentali waħda jew aktar jew ma’ sett aggregat ta’ kategoriji tal-impatt;
(m)l-impronta tal-karbonju tal-prodott;
(n)ir-rilaxx tal-mikroplastik;
(o)l-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma jew fil-ħamrija rilaxxati fi stadju wieħed jew aktar taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott;
(p)l-ammonti ta’ skart iġġenerat, inkluż l-iskart mill-plastik u l-iskart mill-imballaġġ u l-faċilità tal-użu mill-ġdid tagħhom, u l-ammonti ta’ skart perikoluż iġġenerat;
(q)il-kundizzjonijiet tal-użu.
ANNESS II
Proċedura għad-definizzjoni tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni
Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni għandhom jiġu stabbiliti kif ġej:
(1)Analiżi teknika, ambjentali u ekonomika għandha tagħżel numru ta’ mudelli rappreżentattivi tal-prodott jew tal-prodotti inkwistjoni fis-suq u tidentifika l-għażliet tekniċi għat-titjib tal-prestazzjoni tal-prodott fir-rigward tal-parametri msemmija fl-Anness I - fid-dawl ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-prodott jew orizzontali - filwaqt li titqies il-vijabbiltà ekonomika tal-għażliet u jkunu evitati żieda sinifikanti f’impatti ambjentali oħra taċ-ċiklu tal-ħajja, u telf sinifikanti ta’ prestazzjoni jew siwi għall-konsumaturi.
L-analiżi teknika, ambjentali u ekonomika għandha tidentifika wkoll, għall-parametru li qed jiġi kkunsidrat, il-prodotti li jagħtu l-aħjar prestazzjoni u t-teknoloġiji disponibbli fis-suq.
Il-prestazzjoni tal-prodotti disponibbli fis-swieq internazzjonali u l-parametri referenzjarji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta’ pajjiżi oħra għandhom jitqiesu matul l-analiżi msemmija fl-ewwel subparagrafu kif ukoll meta jkunu qed jiġu stabbiliti r-rekwiżiti.
Abbażi ta’ din l-analiżi, u filwaqt li titqies il-fattibbiltà ekonomika u teknika, inkluż id-disponibbiltà ta’ riżorsi u teknoloġiji ewlenin, u l-potenzjal ta’ titjib, għandhom jiġu definiti livelli jew rekwiżiti mhux kwantitattivi.
Kull limitu ta’ konċentrazzjoni għas-sustanzi kif imsemmi fl-Anness I, il-punt (f) għandu jkun ibbażat fuq analiżi bir-reqqa tas-sostenibbiltà tas-sustanzi u l-alternattivi identifikati tagħhom, u ma għandux ikollu effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent. Kull rekwiżit tal-prestazzjoni dwar sustanzi kif imsemmi fl-Anness I, il-punt (f), għandu jqis il-valutazzjonijiet eżistenti tas-sikurezza kimika mwettqa mill-korpi rilevanti tal-Unjoni għas-sustanzi kkonċernati, kif ukoll sikuri u sostenibbli permezz tal-kriterji tad-disinn għas-sustanzi kimiċi u għall-materjali żviluppati mill-Kummissjoni. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni proposti għandhom jikkunsidraw ukoll aspetti ta’ infurzabbiltà, bħal limiti ta’ detezzjoni analitika.
Meta rilevanti, l-analiżi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tqis l-impatti probabbli tat-tibdil fil-klima fuq il-prodott matul il-ħajja prospettiva tiegħu, u l-potenzjal tal-prodott li jtejjeb ir-reżiljenza għall-klima tul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu.
Trid issir analiżi tas-sensittività li tkopri l-fatturi rilevanti, bħall-prezz tal-enerġija jew riżorsi oħra, il-kost tal-materja prima u t-teknoloġiji meħtieġa, il-kostijiet tal-produzzjoni, ir-rati ta’ skont, u, meta xieraq, il-kostijiet ambjentali esterni, inkluż l-emissjonijiet evitati tal-gassijiet serra.
(2)Għall-iżvilupp tal-analiżijiet tekniċi, ambjentali u ekonomiċi, għandha titqies l-informazzjoni rilevanti disponibbli fil-qafas ta’ attivitajiet oħrajn tal-Unjoni u għandha tinkludi informazzjoni teknika użata bħala bażi għar-Regolament (KE) Nru 66/2010, id-Direttiva 2010/75/UE u l-kriterji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku, jew derivata minnhom.
Dan għandu japplika wkoll għall-informazzjoni disponibbli minn programmi eżistenti applikati f’partijiet oħrajn tad-dinja biex jiġi stabbilit ir-rekwiżit speċifiku tal-ekodisinn tal-prodotti nnegozjati mas-sħab ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea.
(3)Id-data tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni għandha, meta rilevanti, tqis iż-żmien meħtieġ biex jiġu adattati l-proċessi tad-disinn u tal-produzzjoni tal-prodott.
ANNESS III
Passaport Diġitali tal-Prodotti
(imsemmi fl-Artikolu 8)
Ir-rekwiżiti relatati mal-passaport tal-prodotti stabbiliti fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 4 għandhom jispeċifikaw liema informazzjoni għandha jew tista’ tiġi inkluża fil-passaport tal-prodotti minn fost l-elementi li ġejjin:
(a)l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 7(2) u 8(2) jew minn dritt ieħor tal-Unjoni applikabbli għall-grupp ta’ prodotti rilevanti;
(b)l-identifikatur uniku tal-prodott fil-livell indikat fl-att delegat applikabbli adottat skont l-Artikolu 4;
(c)in-Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Kummerċ Globali kif previst fl-istandard ISO/IEC 15459-6 jew ekwivalenti ta’ prodotti jew il-partijiet tagħhom;
(d)il-kodiċijiet rilevanti tal-komoditajiet, bħall-kodiċi TARIC kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87;
(e)id-dokumentazzjoni tal-konformità u l-informazzjoni meħtieġa skont dan ir-Regolament jew dritt ieħor tal-Unjoni applikabbli għall-prodott, bħad-dikjarazzjoni tal-konformità, id-dokumentazzjoni teknika jew iċ-ċertifikati tal-konformità;
(f)il-manwali tal-utent, l-istruzzjonijiet, it-twissijiet jew l-informazzjoni dwar is-sikurezza, kif meħtieġ minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni applikabbli għall-prodott;
(g)l-informazzjoni relatata mal-manifattur, bħall-identifikatur uniku tal-operatur tiegħu u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(7);
(h)l-identifikaturi uniċi tal-operatur minbarra dawk tal-manifattur;
(i)l-identifikaturi uniċi tal-faċilità;
(j)l-informazzjoni relatata mal-importatur, inkluż l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(3) u n-numru EORI tiegħu;
(k)l-isem, id-dettalji ta’ kuntatt u l-kodiċi ta’ identifikatur tal-operatur uniku tal-operatur ekonomiku stabbilit fl-Unjoni responsabbli għat-twettiq tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020, jew fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) […/…] dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, jew kompiti simili skont leġiżlazzjoni oħra tal-UE applikabbli għall-prodott.
L-atti delegati adottati skont l-Artikolu 4 għandhom jidentifikaw l-informazzjoni rilevanti għar-rekwiżiti tal-ekodisinn li l-manifatturi jistgħu jinkludu fil-passaport tal-prodotti flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 8(2), il-punt (a), inkluż informazzjoni dwar tikketti volontarji speċifiċi applikabbli għall-prodott. Dan għandu jinkludi jekk tkunx ingħatat Ekotikketta tal-UE lill-prodott f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 66/2010.
ANNESS IV
Kontroll intern tal-produzzjoni
(Modulu A)
1.Il-kontroll intern tal-produzzjoni huwa l-proċedura ta’ valutazzjoni ta’ konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 3, u 4, u jassigura, u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li l-prodott jissodisfa r-rekwiżiti tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 4.
2.Dokumentazzjoni teknika
Il-manifattur għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni għandha tagħmilha possibbli li tiġi vvalutata l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 4. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u tkopri sakemm ikun rilevanti għall-valutazzjoni, id-disinn, il-manifattura u t-tħaddim tal-prodott. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, kull meta jkun applikabbli, mill-anqas l-elementi li ġejjin:
–deskrizzjoni ġenerali tal-prodott u tal-użu maħsub tiegħu,
–disinn kunċettwali u disinji tal-manifattura u skemi tal-komponenti, tas-subassemblaġġ, taċ-ċirkwiti, eċċ.
–deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet meħtieġa biex wieħed jifhem id-disinji u l-iskemi msemmija u t-tħaddim tal-prodott,
–lista tal-istandards armonizzati, speċifikazzjoni komuni jew speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħrajn li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, applikati kompletament jew parzjalment, u deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti meta dawk l-istandards armonizzati ma jkunux ġew applikati. Fil-każ ta’ standards armonizzati applikati parzjalment, id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika l-partijiet li ġew applikati,
–ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn li saru, l-eżamijiet li twettqu, eċċ.,
–ir-riżultati tal-kejl imwettaq fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn, inkluż id-dettalji tal-konformità ta’ dan il-kejl meta mqabbla mar-rekwiżiti tal-ekodisinn stabbiliti fl-att delegat adottat skont l-Artikolu 4,
–rapporti tat-testijiet, u
–kopja tal-informazzjoni pprovduta f’konformità mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 7,
3.Manifattura
Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-proċess ta’ manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jassiguraw il-konformità tal-prodott mad-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2 u mar-rekwiżiti tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 4.
4.Il-markatura CE u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE
Il-manifattur għandu jwaħħal il-markatura tal-konformità meħtieġa ma’ kull prodott individwali li jissodisfa r-rekwiżiti tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 4.
Il-manifattur għandu jfassal dikjarazzjoni tal-konformità bil-miktub għal kull mudell ta’ prodott f’konformità mal-Artikolu 37 u jżommha, flimkien mad-dokumentazzjoni teknika, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal għaxar snin minn meta l-prodott ikun tqiegħed fis-suq jew tqiegħed fis-servizz. Id-dikjarazzjoni tal-konformità għandha tidentifika l-prodott li tkun tfasslet għalih.
Jekk tintalab, għandha tkun magħmula disponibbli kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità lill-awtoritajiet rilevanti.
5.Rappreżentant awtorizzat
L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punt 4 jistgħu jiġu ssodisfati mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u fir-responsabbiltà tiegħu, dment li dan ikun speċifikat fil-mandat.
ANNESS V
Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE
(imsemmija fl-Artikolu 37)
Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
(1)Nru … (identifikazzjoni unika tal-prodott)
(2)L-isem u l-indirizz tal-manifattur u, meta applikabbli, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu;
(3)Din id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE tinħareġ fir-responsabbiltà unika tal-manifattur.
(4)L-għan tad-dikjarazzjoni (deskrizzjoni tal-prodott suffiċjenti għall-identifikazzjoni mhux ambigwa tiegħu u li tippermetti t-traċċabbiltà; meta meħtieġ għall-identifikazzjoni tal-prodott fertilizzanti tal-UE, din tista’ tinkludi immaġni);
(5)L-għan tad-dikjarazzjoni deskritta hawn fuq huwa konformi ma’ dan ir-Regolament, mal-att delegat adottat skont l-Artikolu 4 u, meta applikabbli, ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni;
(6)ir-referenzi għall-istandards armonizzati rilevanti jew għall-ispeċifikazzjonijiet komuni użati jew ir-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-oħrajn li fir-rigward tagħhom tiġi ddikjarata l-konformità;
(7)meta applikabbli, il-korp notifikat … (isem, numru) wettaq … (deskrizzjoni tal-intervent) u ħareġ iċ-ċertifikat jew id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni … (numru);
(8)meta xieraq, ir-referenza għal leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li tipprevedi t-twaħħil tal-markatura CE li tiġi applikata; u
(9)l-identifikazzjoni u l-firma tal-persuna awtorizzata li torbot lill-manifattur jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.
(10)Informazzjoni addizzjonali:
Iffirmata għal u f’isem:
(il-post u d-data tal-ħruġ):
(l-isem, il-funzjoni) (firma):
ANNESS VI
Kontenut tal-atti delegati
(imsemmi fl-Artikolu 4)
L-atti delegati adottati skont l-Artikolu 4 iridu jispeċifikaw l-elementi tekniċi li ġejjin:
(1)id-definizzjoni tal-gruppi ta’ prodotti koperti;
(2)ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-gruppi ta’ prodotti koperti, f’konformità mal-Artikolu 4 u abbażi tal-parametri msemmija fl-Anness I;
(3)meta rilevanti, il-parametri msemmija fl-Anness I li għalihom ma huwa meħtieġ l-ebda rekwiżit tal-ekodisinn;
(4)l-istandards jew il-metodi tat-test, tal-kejl jew tal-kalkolu li għandhom jintużaw skont l-Artikolu 32;
(5)meta rilevanti, il-metodi tranżizzjonali, l-istandards armonizzati, li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew l-ispeċifikazzjonijiet komuni li għandhom jintużaw;
(6)il-modulu ta’ valutazzjoni tal-konformità li għandu jintuża skont l-Artikolu 4, it-tieni subparagrafu, kif stabbilit fl-Anness II tad-Deċiżjoni 768/2008/KE. Meta l-modulu li għandu jiġi applikat ikun differenti mill-modulu stabbilit fl-Anness IV, il-fatturi li jwasslu għall-għażla ta’ dik il-proċedura speċifika.
Meta għandhom jintużaw moduli differenti ta’ valutazzjoni tal-konformità, imsemmija fl-Anness II tad-Deċiżjoni 768/2008/KE, skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni għall-istess prodott, il-modulu definit fl-att delegat adottat skont l-Artikolu 4 għandu jipprevali għar-rekwiżit tal-ekodisinn ikkonċernat;
(7)ir-rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-manifatturi, inkluż dwar l-elementi tad-dokumentazzjoni teknika biex jippermettu l-verifika tal-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti tal-ekodisinn. Meta rilevanti, kwalunkwe rekwiżit ta’ informazzjoni addizzjonali skont l-Artikoli 30 u 31;
(8)id-dati ta’ implimentazzjoni, kwalunkwe miżura jew perjodu mqassma fi stadji jew tranżitorji, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-impatti possibbli fuq l-SMEs jew fuq gruppi ta’ prodotti speċifiċi mmanifatturati primarjament mill-SMEs;
(9)it-tul tal-perjodu tranżitorju li matulu l-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz tal-prodotti, li jikkonformaw mar-regolamenti fis-seħħ fit-territorju fid-data tal-adozzjoni tal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 4;
(10)id-data għall-evalwazzjoni u r-reviżjoni possibbli tal-att delegat, filwaqt li jitqies il-progress teknoloġiku.
ANNESS VII
Kriterji għall-miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni
(imsemmija fl-Artikolu 18)
Il-lista mhux eżawrjenti li ġejja ta’ kriterji indikattivi tista’ tintuża biex jiġu vvalutati l-miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni bħala alternattiva għal att delegat adottat skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament:
1.
Grad ta’ ftuħ tal-parteċipazzjoni
Il-miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni jridu jkunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ kull operatur li jqiegħed fis-suq prodott kopert mill-miżura ta’ awtoregolamentazzjoni, inkluż operaturi ta’ pajjiżi terzi, fil-fażijiet preparatorji u fil-fażijiet ta’ implimentazzjoni. L-operaturi ekonomiċi li jkollhom l-intenzjoni li jistabbilixxu miżura ta’ awtoregolamentazzjoni għandhom iħabbru lill-pubbliku l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu dan qabel ma jinbeda l-proċess tal-iżvilupp tal-miżura.
2.
Sostenibbiltà u valur miżjud
Il-miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni jridu jwieġbu għall-objettivi tal-politika ta’ dan ir-Regolament u jridu jkunu konsistenti mad-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-iżvilupp sostenibbli. Il-miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni jrid ikollhom approċċ integrat għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, tas-saħħa, tal-kwalità tal-ħajja u tal-interessi ekonomiċi.
3.
Rappreżentattività
L-industrija u l-assoċjazzjonijiet tagħha li jieħdu sehem f’miżura ta’ awtoregolamentazzjoni jridu jirrappreżentaw maġġoranza kbira tas-settur ekonomiku rilevanti, f’konformità mal-Artikolu 18(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b). Trid tingħata attenzjoni biex ikun żgurat ir-rispett għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ftehimiet antikompetittivi.
4.
Objettivi kwantifikati u mqassma fi stadji
L-objettivi definiti mill-firmatarji fil-miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni tagħhom iridu jiġu stabbiliti b’termini ċari u mhux ambigwi, u jibdew minn linja bażi definita tajjeb. Jekk il-miżura ta’ awtoregolamentazzjoni tkun tkopri perjodu twil ta’ żmien, iridu jiġu inklużi miri temporanji. Irid ikun possibbli li jsir monitoraġġ tal-konformità mal-objettivi u mal-miri temporanji b’mod affordabbli u kreddibbli permezz ta’ indikaturi ċari u affidabbli.
5.
Involviment tas-soċjetà ċivili
Biex tkun żgurata t-trasparenza, iridu jiġu ppubblikati miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni, inkluż online u b’mezzi elettroniċi oħra għat-tixrid tal-informazzjoni.
Il-partijiet ikkonċernati, inkluż l-Istati Membri, l-industrija, l-NGOs ambjentali u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jridu jiġu mistiedna jikkummentaw dwar miżura ta’ awtoregolamentazzjoni.
6.
Monitoraġġ u rapportar
Spettur indipendenti jrid jimmonitorja l-konformità tal-firmatarji mal-miżura ta’ awtoregolamentazzjoni. Il-miżura ta’ awtoregolamentazzjoni trid tagħti s-setgħa lill-ispettur indipendenti biex jivverifika l-konformità mar-rekwiżiti tal-miżura ta’ awtoregolamentazzjoni. Din trid ukoll tistabbilixxi l-proċedura biex jintgħażel spettur indipendenti u kif se jkun żgurat li l-ispettur ma jkollux kunflitt ta’ interess u jkollu l-ħiliet meħtieġa biex jivverifika l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-miżura ta’ awtoregolamentazzjoni.
Kull sena, kull firmatarju jrid jirrapporta l-informazzjoni u d-data kollha meħtieġa biex l-ispettur indipendenti jivverifika b’mod affidabbli l-konformità tal-firmatarju mal-miżura ta’ awtoregolamentazzjoni.
L-ispettur indipendenti jrid ifassal rapport ta’ konformità fi tmiem kull perjodu ta’ rapportar ta’ sena.
Meta firmatarju ma jkunx ikkonforma mar-rekwiżiti tal-miżura ta’ awtoregolamentazzjoni, dan irid jieħu azzjoni korrettiva.
7.
Kosteffettività tal-amministrazzjoni ta’ miżura ta’ awtoregolamentazzjoni
Il-kost tal-amministrazzjoni tal-miżura ta’ awtoregolamentazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ, ma jridx iwassal għal piż amministrattiv sproporzjonat, meta mqabbel mal-objettivi tagħhom u ma’ strumenti ta’ politika disponibbli oħrajn.
ANNESS VIII
Tabella ta’ korrelazzjoni
|
Id-Direttiva 2009/125/KE
|
Dan ir-Regolament
|
|
Artikolu 1
|
Artikolu 1
|
|
Artikolu 2
|
Artikolu 2
|
|
Artikolu 3
|
-
|
|
Artikolu 4
|
Artikolu 23
|
|
Artikolu 5
|
Artikoli 37-39
|
|
Artikolu 6
|
Artikolu 3
|
|
Artikolu 7
|
Artikoli 63 sa 65
|
|
Artikolu 8
|
Artikoli 21, 36
|
|
Artikolu 9
|
Artikolu 34
|
|
Artikolu 10
|
-
|
|
Artikolu 11
|
Artikolu 5(6)
|
|
Artikolu 12
|
Artikolu 62
|
|
Artikolu 13
|
Artikolu 19
|
|
Artikolu 14
|
Artikolu 7
|
|
Artikolu 15
|
Artikoli 4 u 5
|
|
-
|
Artikoli 8-15
|
|
Artikolu 16
|
Artikolu 16
|
|
Artikolu 17
|
Artikolu 18
|
|
Artikolu 18
|
Artikolu 17
|
|
-
|
Artikolu 20
|
|
|
Artikolu 22
|
|
|
Artikoli 24-33
|
|
|
Artikolu 35
|
|
|
Artikoli 40-61
|
|
|
Artikolu 66
|
|
Artikolu 19
|
Artikolu 67
|
|
Artikolu 20
|
Artikolu 68
|
|
Artikolu 21
|
Artikolu 69
|
|
Artikolu 22
|
-
|
|
Artikolu 23
|
-
|
|
Artikolu 24
|
Artikolu 70
|
|
Artikolu 25
|
Artikolu 71
|
|
Artikolu 26
|
-
|
|
ANNESS I
|
Artikoli 5, 7, ANNESS I
|
|
ANNESS II
|
ANNESS II
|
|
-
|
ANNESS III
|
|
ANNESS III
|
-
|
|
ANNESS IV
|
ANNESS IV
|
|
ANNESS V
|
-
|
|
ANNESS VI
|
ANNESS V
|
|
ANNESS VII
|
ANNESS VI
|
|
ANNESS VIII
|
ANNESS VII
|
|
ANNESS IX
|
-
|
|
ANNESS X
|
ANNESS VIII
|