14.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 8/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/24

tat-13 ta’ Jannar 2020

li jawtorizza estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid u l-bidla tal-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(3)

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283, il-Kummissjoni trid tissottometti abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ ikel ġdid u li jaġġorna l-lista tal-Unjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/827/KE (3) awtorizzat, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97, it-tqegħid taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) fis-suq tal-Unjoni bħala ingredjent tal-ikel ġdid biex jintuża fi prodotti tal-ħobż.

(5)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/50/UE (4) awtorizzat, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97, l-estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid biex jintuża fil-kategoriji tal-ikel addizzjonali kif ġej: prodotti moħmija; ċereali tal-kolazzjon; taħlitiet tal-frott, tal-ġewż u taż-żrieragħ, u żrieragħ taċ-chia ppakkjati minn qabel.

(6)

Fit-18 ta’ Settembru 2015, inħarġet ittra ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Irlanda (5), f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għal estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid biex jintuża f’kategoriji addizzjonali ta’ ikel, speċifikament, f’xorb magħmul minn taħlita ta’ meraq tal-frott u xorb magħmul minn taħlita ta’ frott/ħaxix.

(7)

Fis-17 ta’ Ottubru 2017, inħarġet ittra ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Awstrija (7), f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97, għal estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid biex jintużaw f’kategorija addizzjonali tal-ikel, speċifikament, pejsts tal-frott.

(8)

Fit-2 ta’ Novembru 2017, inħarġet ittra ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Spanja (8), f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97, għal estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid biex jintużaw f’kategoriji addizzjonali tal-ikel, speċifikament, platti ppreparati sterilizzati abbażi ta’ ħbub taċ-ċereali, ħbub psewdoċerealiċi u/jew bus u ħemes.

(9)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2354 (9) awtorizzat, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97, estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid biex jintużaw f’kategorija addizzjonali tal-ikel, speċifikament, fil-jogurt.

(10)

Fit-13 ta’ April 2017, il-kumpanija Zentis GmbH & Co. KG ressqet talba f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 lill-awtorità kompetenti tal-Ġermanja biex tbiddel il-kundizzjonijiet tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia bħala ikel ġdid (Salvia hispanica). L-applikazzjoni talbet li jiġi estiż l-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) f’kategoriji addizzjonali tal-ikel, speċifikament, deżerti tal-frott, frott imħallat mal-ħalib tal-ġewż tal-Indi li jinsabu f’kontenitur b’żewġ kompartimenti, preparazzjonijiet tal-frott li jservu ta’ bażi għall-prodotti tal-ħalib u preparazzjonijiet tal-frott li jiġu mħallta ma’ prodotti tal-ħalib, u biex jiżdied il-livell tal-użu massimu ta’ żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) f’kategorija tal-ikel diġà awtorizzata, speċifikament il-pejsts tal-frott.

(11)

Fit-12 ta’ Settembru 2017, il-kumpanija Sanchis Mira S.A. ressqet talba f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 lill-awtorità kompetenti ta’ Spanja għal estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid fiċ-ċikkulata. Fil-25 ta’ Settembru 2017, l-awtorità kompetenti ta’ Spanja ħarġet ir-rapport ta’ valutazzjoni inizjali tagħha. F’dak ir-rapport, l-awtorità kkonkludiet li l-estensjoni tal-użu u l-livell tal-użu massimu propost taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) jissodisfaw il-kriterji għal ikel ġdid stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(12)

Fis-17 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni għaddiet ir-rapport ta’ valutazzjoni inizjali lill-Istati Membri l-oħra. Stat Membru wieħed qajjem oġġezzjonijiet, u qajjem dubji dwar is-sikurezza ġenerali tal-ikel ġdid fid-dawl tal-valutazzjoni mill-Bord tal-NDA tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) tal-2009 (10), li saret minħabba li l-konsum djetetiku taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) dejjem qiegħed jiżdied mill-għadd dejjem jikber ta’ użi awtorizzati. L-Istat Membru li qed joġġezzjona enfasizza li filwaqt li l-użi individwali, inkluż l-użu propost fiċ-ċikkulata għal 3 %, jista’ jkun sikur, hemm bżonn li jiġi vvalutat il-konsum djetetiku ġenerali mill-użi awtorizzati kollha sa mill-2009, inkluża t-talba attwali għall-estensjoni tal-użu, u jekk hemm bżonn, tiġi riveduta l-valutazzjoni tas-sikurezza tal-Bord NDA tal-2009.

(13)

Skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283, kwalunkwe talba għat-tqegħid ta’ ikel ġdid fis-suq tal-Unjoni li titressaq lil Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97, u li dwarha ma tkunx ittieħdet id-deċiżjoni finali qabel l-1 ta’ Jannar 2018, għandha tiġi ttrattata bħala applikazzjoni li tressqet skont ir-Regolament (UE) 2015/2283.

(14)

Filwaqt li t-talbiet għall-estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) tressqu lill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97, l-applikazzjonijiet jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2015/2283.

(15)

Fit-2 ta’ Frar 2018, il-kumpanija Parry’s Pots Limited (PPL) talbet lill-Kummissjoni biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid, fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikazzjoni talbet li jiżdied il-livell ta’ użu massimu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) f’kategorija tal-ikel diġà awtorizzata, speċifikament, il-pejsts tal-frott.

(16)

Fit-12 ta’ Ġunju 2018, il-kumpanija Naturkost Übelhör GmbH & Co. KG talbet lill-Kummissjoni biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid, fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikazzjoni talbet li jiġi estiż l-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) f’kategoriji addizzjonali tal-ikel, speċifikament, iċ-ċikkulata u l-prodotti taċ-ċikkulata.

(17)

Fil-15 ta’ Ġunju 2018, il-kumpanija Majami Sp.zo.o.Sp.k. talbet lill-Kummissjoni biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid, fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikazzjoni talbet li jiġi estiż l-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) f’kategorija tal-ikel addizzjonali, speċifikament, il-prodotti tal-ħelu.

(18)

Fis-16 ta’ Lulju 2018, il-kumpanija The Chia Co talbet lill-Kummissjoni biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid, fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikazzjoni talbet li jiġi estiż l-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) f’kategoriji addizzjonali tal-ikel kif ġej: prodotti tal-ħelu, ħlief chewing gums; prodotti tal-ħalib u analogi; silġ li jittiekel; prodotti tal-frott u tal-ħxejjex; ċereali u prodotti taċ-ċereali; oġġetti moħmija; ħxejjex aromatiċi, ħwawar, sopop u brodi, zlazi, insalati, pejsts mielħa għal mal-ħobż u prodotti tal-proteina; ikel sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż; ikel li fih dikjarazzjonijiet dwar in-nuqqas jew il-preżenza mnaqqsa tal-glutina; xarbiet mhux alkoħoliċi; oġġetti melħin u ikliet ħfief lesti biex jittieklu; u deżerti.

(19)

Fit-3 ta’ Awwissu 2018, il-kumpanija Materne SAS ressqet talba lill-Kummissjoni biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid, fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikazzjoni talbet li jiġi estiż l-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) f’kategoriji addizzjonali tal-ikel, speċifikament, compotes tal-frott u/jew tal-ħxejjex u/jew biċ-ċereali.

(20)

Fid-9 ta’ Jannar 2019, il-kumpanija RFH Produktion AB ressqet talba lill-Kummissjoni biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid, fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikazzjoni talbet li jiġi estiż l-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) f’kategorija tal-ikel addizzjonali, speċifikament, il-pudini.

(21)

F’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283 u fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta’ talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ diversi użi estiżi ta’ żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica), l-użi awtorizzati ġodda f’dawn l-aħħar snin, u ż-żieda potenzjali li tirriżulta mill-konsum djetetiku taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica), il-Kummissjoni kkonsultat lill-Awtorità fis-16 ta’ Lulju 2018, fejn talbitha twettaq valutazzjoni dwar l-esponiment djetetiku ġenerali għall-estensjonijiet potenzjali kollha tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid.

(22)

Fl-14 ta’ Marzu 2019, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika “Is-sikurezza taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica L.) bħala ikel ġdid għal użi estiżi skont ir-Regolament (UE) 2015/2283” (11). Dik l-opinjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(23)

F’dik l-opinjoni, l-Awtorità kkonkludiet, bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni għal valutazzjoni ġenerali tas-sigurtà mingħajr restrizzjonijiet jew prekawzjonijiet rigward il-livelli tal-użu, li l-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) f’ikel li waqt il-manifattura, l-ipproċessar jew il-preparazzjoni tiegħu, ma jirrikjedix trattament bis-sħana ta’ 120 °C jew iktar, inkluż ikel bhaċ-ċikkulata, il-pejsts tal-frott, id-deżerti tal-frott, il-frott imħallat mal-ħalib tal-ġewż tal-Indi f’kontenitur b’żewġ kompartimenti, il-preparazzjonijiet tal-frott li jkunu ta’ bażi għall-prodotti tal-ħalib, il-preparazzjonijiet tal-frott biex jitħalltu ma’ prodotti tal-ħalib, il-prodotti tal-ħelu (li ma jinkludux iċ-chewing gum), il-prodotti tal-ħalib u analogi, is-silġ li jittiekel, il-prodotti tal-frott u tal-ħxejjex, ix-xorb mhux alkoħoliku u l-compotes minn frott u/jew ħaxix u/jew biċ-ċereali, huma sikuri mingħajr restrizzjonijiet u prekawzjonijiet speċifiċi rigward il-livelli tal-użu tagħhom. Għaldaqstant, dik l-opinjoni xjentifika tagħti raġunijiet suffiċjenti biex tistabbilixxi li l-użi msemmija hawn fuq taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) huma konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. B’hekk huwa xieraq li l-kundizzjonijiet tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica), kif inhuma elenkati fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid li huwa awtorizzat, jiġu emendati sabiex jinkludu l-kategoriji tal-ikel kollha msemmija hawn fuq, u biex jitneħħa l-issettjar tal-livelli massimi kif ukoll ir-rekwiżit ta’ tikkettar speċifiku korrispondenti relatat mal-konsum massimu ta’ kuljum. Barra minn hekk, għalkemm l-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) fil-pudini ma ġiex inkluż b’mod espliċitu fil-valutazzjoni tal-Awtorità, l-opinjoni tagħti raġunijiet suffiċjenti biex tiġi awtorizzata wkoll l-estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) għall-pudini li fil-manifattura, fl-ipproċessar jew fil-preparazzjoni tagħhom ma jirrikjedux trattament bis-sħana ta’ 120 °C jew iktar. Il-pudini jridu jitqiesu bħala subkategorija ta’ prodotti normalment magħrufa bħala deżerti, li s-soltu jingħataw togħma u jkunu ħelwin.

(24)

Fl-istess opinjoni, l-Awtorità qieset studju wieħed, li l-Awtorità sabet hi stess mid-dokumentazzjoni xjentifika disponibbli pubblikament, u li ma kienx parti mill-evidenza mressqa mill-applikanti bħala sostenn għall-estensjonijiet proposti tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica), li indikaw il-formazzjoni possibbli tal-akrilammid meta ż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) jintużaw f’ikel li fil-manifattura, fl-ipproċessar jew fil-preparazzjoni tagħhom jirrikjedu trattament bis-sħana ta’ 120 °C jew iktar.

(25)

F’dik l-opinjoni, l-Awtorità qieset li hija meħtieġa informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikanti u/jew mid-dominju pubbliku, biex jiġi indirizzat il-potenzjal għall-formazzjoni tal-akrilammid meta ikel li jkun fih iż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) jingħata trattament bis-sħana ta’ 120 °C jew iktar. F’konformità mal-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2015/2283, l-Awtorità talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikant rilevanti dwar il-formazzjoni potenzjali tal-kontaminanti tal-proċess li tista’ tiġi ffurmata matul l-ipproċessar u l-produzzjoni ta’ ikel (fil-livell tal-manifattur) u/jew meta ikel li tiżdiedlu ż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) huwa suġġett għal tisjir (trattament bis-sħana fil-livell tal-konsumatur). Il-perjodu stabbilit għall-provvediment tal-informazzjoni addizzjonali jispiċċa f’Marzu 2020. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni ta’ din it-tip fl-applikazzjonijiet ippreżentati, l-Awtorità ddifferiet l-evalwazzjoni ta’ dawk l-estensjonijiet tal-użu ta’ żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) f’ikel li fil-manifattura, fl-ipproċessar jew fil-preparazzjoni tiegħu jirrikjedi trattament bis-sħana ta’ 120 °C jew iktar (prodotti tal-forn, ċereali u prodotti taċ-ċereali, ħxejjex aromatiċi, ħwawar, taħwir tal-ikel, sopop u brodijiet, zlazi, insalati, pejsts mielħa għal mal-ħobż, prodotti tal-proteina, ikel maħsub bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż kif definit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), ikel li juri dikjarazzjonijiet dwar in-nuqqas jew il-preżenza mnaqqsa ta’ glutina f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 828/2014 (13), ikel ħafif u mielaħ jew deżerti lesti biex jittieklu) sa meta l-informazzjoni addizzjonali ssir disponibbli. Dan wara li l-Kummissjoni, f’dan l-istadju, ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-opinjoni tal-Awtorità meħtieġa skont l-Artikolu 12(1) (a) u (c) tar-Regolament (UE) 2015/2283 għall-approvazzjoni tal-estensjoni tal-użi li jinvolvu t-trattament taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) ta’ 120 °C jew aktar. B’hekk, se tittieħed deċiżjoni oħra dwar dawn l-użi wara l-pubblikazzjoni tal-opinjoni rilevanti tal-Awtorità.

(26)

L-opinjoni tal-Awtorità identifikat ukoll żewġ rapporti ta’ każijiet, mid-dokumentazzjoni xjentifika disponibbli, ta’ rabta bejn il-konsum ta’ żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) u reazzjonijiet allerġiċi, u abbażi ta’ din l-evidenza kkonkludiet li l-konsum taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) jista’ jipprovoka reazzjonijiet allerġiċi. Meta wieħed iqis li, sal-lum, ġew irrapportati biss dawk iż-żewġ każijiet ta’ allerġiji, fid-dawl tal-konsum vast taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) u l-preżenza tagħhom fl-Unjoni kif ukoll fis-suq globali għal ħafna snin, il-Kummissjoni tqis li l-ebda rekwiżit ta’ tikkettar speċifiku dwar ir-reazzjonijiet allerġiċi potenzjali mal-konsum ta’ żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) ma jenħtieġ li jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat, sakemm tinkiseb aktar evidenza xjentifika dwar il-potenzjal allerġeniku taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) li tinkiseb u tiġi vvalutata mill-Awtorità.

(27)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat, kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/2283, u inkluża fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, li tirreferi għaż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid, hija emendata kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/827/KE tat-13 ta’ Ottubru 2009 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq taż-żrieragħ tal-Chia (Salvia hispanica) bħala ingredjent alimentari ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 11.11.2009, p. 14).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/50/UE tat-22 ta’ Jannar 2013 li tawtorizza estensjoni tal-użu taż-żerriegħa tal-Chia (Salvia hispanica) bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 21, 24.1.2013, p. 34).

(5)  Ittra tat-18 ta’ Settembru 2015 (https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/novel-food_authorisation_2015_auth-letter_chia-seeds-2_mt.pdf).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(7)  Ittra tas-17 ta’ Ottubru 2017 (https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/novel-food_authorisation_2017_auth-letter_chia-seeds_mt.pdf).

(8)  Ittra tat-2 ta’ Novembru 2017 (https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/novel-food_authorisation_2017_auth-letter_chia-seeds-ext-steri_mt.pdf).

(9)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2354 tal-14 ta’ Diċembru 2017 li tawtorizza l-estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-Chia (Salvia hispanica) bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 336, 16.12.2017, p. 49).

(10)  EFSA Journal 2009; 7(4):996.

(11)  EFSA Journal 2019; 17(4):5657.

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

(13)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 828/2014 tat-30 ta’ Lulju 2014 dwar ir-rekwiżiti għall-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi rigward in-nuqqas jew il-preżenza mnaqqsa ta’ glutina fl-ikel (ĠU L 228, 31.7.2014, p. 5).


ANNESS

L-entrata għal “Żerriegħa taċ-chia (Salvia hispanica)” fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat) fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 hija sostitwita b’dan li ġej:

Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet fejn jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti addizzjonali tat-tikkettar speċifiku

Rekwiżiti oħrajn

“Żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica)

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Id-denominazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun ‘Żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica)’”

 

Prodotti mill-ħobż

5 % (żrieragħ taċ-chia sħaħ jew mitħuna)

Prodotti moħmija

10 % żrieragħ taċ-chia sħaħ

Ċereali tal-kolazzjon

10 % żrieragħ taċ-chia sħaħ

Ikliet sterilizzati lesti biex jittieklu magħmulin mill-ħbub taċ-ċereali, mill-ħbub psewdoċerealiċi u/jew mill-bus u mill-ħemes

5 % żrieragħ taċ-chia sħaħ

Taħlitiet tal-frott, tal-ġewż u taż-żrieragħ

 

Żrieragħ taċ-chia preimballata kif inhi

 

Prodotti tal-ħelu (inklużi ċikkulata u prodotti taċ-ċikkulata), esklużi chewing gums

 

Prodotti tal-ħalib (inkluż il-jogurt) u analogi

 

Silġ li jittiekel

 

Prodotti tal-frott u tal-ħaxix (inklużi pejsts tal-frott, compotes biċ-ċereali jew mingħajr, preparazzjonijiet tal-frott li jservu ta’ bażi jew biex jitħalltu ma’ prodotti tal-ħalib, deżerti tal-frott, frott imħallat mal-ħalib tal-ġewż tal-Indi għal kontenitur b’żewġ kompartimenti)

 

Xarbiet mhux alkoħoliċi (inkluż meraq tal-frott u xorb b’taħlita ta’ frott/ħaxix)

 

 

Pudini li ma jeħtiġux trattament bis-sħana ta’ 120 °C jew aktar fil-manifattura, fl-ipproċessar jew fil-preparazzjoni tagħhom