DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
25 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )
“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta pendent (ġojjell) – Żamma tad-disinn f’forma emendata – Artikolu 25(6) tar‑Regolament (KE) Nru 6/2002 – Interess ġuridiku – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża T‑329/20,
4B Company Srl, stabbilita f’Montegiorgio (l-Italja), irrappreżentata minn G. Brogi, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Scardocchia u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Deenz Holding Ltd, stabbilita f’Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda), irrappreżentata minn N. Alberti, avukat,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tad‑19 ta’ Marzu 2020 (Każ R 2449/2018‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn 4B Company u Deenz Holding,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta minn V. Tomljenović (Relatur), President, P. Škvařilová‑Pelzl u I. Nõmm, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Mejju 2020,
wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Awwissu 2020,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Awwissu 2020,
wara li rat id-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u r‑risposti għal din id-domanda ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 u s‑26 ta’ Marzu 2021,
tagħti l-preżenti
Digriet
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Fit‑12 ta’ Frar 2003, Pianegonda Srl Società Unipersonale, predeċessur fid-dritt tal-intervenjenti, Deenz Holding Ltd, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142). |
|
2 |
Id-disinn Komunitarju li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li huwa kkontestat f’dan il-każ huwa rrappreżentat fl-istampi li ġejjin: |
|
3 |
Id-disinn ikkontestat jikkonsisti f’pendent f’forma ta’ qalb imtawwal ikkaratterizzat mit-tnaqqix tal-kelma “pianegonda” b’ittri kapitali fuq in-naħa tal-lemin tal-parti ta’ quddiem u minn toqba li tinsab ukoll fuq il-parti ta’ quddiem, li tippermetti li jiddendel il-pendent ma’ ġiżirana jew katina. Barra minn hekk, iż-żewġ pjanċi f’folji li jifformaw il-qalb huma magħquda, filwaqt li jħallu spazju żgħir bejniethom fejn huwa wkoll possibbli li tiddaħħal ġiżirana jew katina. |
|
4 |
Il-prodotti li għalihom id-disinn ikkontestat huwa intenzjonat li japplika jaqgħu fil-klassi 11.01 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Pendenti (ġojjelli)”. |
|
5 |
Id-disinn ikkontestat ġie rreġistrat fl‑1 ta’ April 2003 bħala disinn Komunitarju bin-numru 2100–0001 u ppubblikat fil-Bullettin tad-disinni Komunitarji Nru 2003/01, tal-istess jum. |
|
6 |
Fl-20 ta’ Frar 2007, id-disinn ikkontestat ġie ttrasferit lil A. |
|
7 |
Fl‑14 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrenti, 4B Company Srl, ressqet, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat. |
|
8 |
Il-motiv invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien dak imsemmi fl-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
9 |
It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-użu fuq id-disinn ikkontestat tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea PIANEGONDA, li r-rikorrenti hija l-proprjetarja tagħha u li ġiet irreġistrata fid‑29 ta’ Novembru 2000 bin-numru 1417625 għal prodotti li jaqgħu b’mod partikolari fil-klassi 14 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, li jinkludu prodotti li jaqgħu taħt il-ġojjellerija. |
|
10 |
Fil‑21 ta’ Awwissu 2017, fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, A, filwaqt li rrikonoxxa li huwa l-proprjetarju tad-disinn ikkontestat, talab iż-żamma ta’ dan tal-aħħar f’forma emendata, skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 6/2002 u l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal‑21 ta’ Ottubru 2002 li timplimenta r-Regolament Nru 6/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14), mingħajr it-tnaqqix tal-kelma li tikkorrispondi għat-trade mark verbali PIANEGONDA. |
|
11 |
Fis‑17 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet kontra ż-żamma tad-disinn f’forma emendata minħabba li, fil-fehma tagħha, it-tneħħija tat-trade mark ma kinitx tippermetti li tinżamm l-identità tad-disinn. |
|
12 |
Fit‑8 ta’ Ġunju 2018, id-disinn ikkontestat ġie ċedut lill-intervenjenti. |
|
13 |
Fil‑15 ta’ Ottubru 2018, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għaż-żamma tad-disinn ikkontestat fil-forma emendata u laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, billi ddikjarat invalidu d-disinn ikkontestat kollu kemm hu, abbażi tal-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
14 |
Fit‑13 ta’ Diċembru 2018, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Hija talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u li t-talba tagħha għaż-żamma tad-disinn ikkontestat f’verżjoni emendata, nieqsa mit-trade mark verbali PIANEGONDA, tintlaqa’. |
|
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Marzu 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, iddikjara d-disinn ikkontestat invalidu sa fejn kien juża t-trade mark verbali PIANEGONDA u laqa’ t-talba għaż-żamma taħt forma emendata tad-disinn ikkontestat, billi ppreveda r-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru u l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Bullettin tad-disinni Komunitarji. |
Talbiet tal-partijiet
|
16 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
17 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
18 |
L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Fid-dritt
|
19 |
Skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin, ex officio, wara li jinstemgħu l-partijiet prinċipali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku. |
|
20 |
B’hekk, il-Qorti Ġenerali għandha, jekk ikun il-każ, tieħu konjizzjoni ex officio tal-kwistjoni tal-eżistenza tal-interess ġuridiku tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2014, Fuchs vs UASI – Il-Kompliċi (Stilla f’ċirku), T‑342/12, EU:T:2014:858, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li tingħata lill-partijiet l-opportunità li jesprimu ruħhom f’dan ir-rigward. |
|
21 |
F’dan il-każ, peress li l-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà relatata mal-interess ġuridiku tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tagħti deċiżjoni skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
22 |
B’risposta għad-domanda tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostniet li hija kellha interess li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn hija opponiet it-talba għaż-żamma tad-disinn ikkontestat fil-forma emendata, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx laqgħet din l-oppożizzjoni. Barra minn hekk, id-disinn ikkontestat fil-forma emendata tiegħu ma josservax il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlatur, peress li t-tneħħija tat-tnaqqix tat-trade mark PIANEGONDA tqiegħed inkwistjoni l-karattru individwali tal-imsemmi disinn. Barra minn hekk, id-disinn ikkontestat fil-forma emendata tiegħu jista’ jiġi konfuż mat-trade mark PIANEGONDA, sa fejn din kienet minn dejjem assoċjata mal-forma tal-“qalb” irrappreżentat mill-imsemmi disinn. |
|
23 |
L-intervenjenti ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti ma għandhiex iktar interess ġuridiku, peress li, bħala proprjetarja tat-trade mark PIANEGONDA, l-interessi tagħha ma humiex affettwati mid-disinn ikkontestat fil-forma emendata tiegħu, li ma għadux jirriproduċi l-imsemmija trade mark. |
|
24 |
L-EUIPO jsostni li, peress li r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità invokata mir-rikorrenti kienet dik imsemmija fl-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba l-preżenza tat-trade mark PIANEGONDA fuq id-disinn ikkontestat, l-allegazzjoni tar-rikorrenti diġà ntlaqgħet b’mod sħiħ mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward ma ġietx ikkontestata quddiem il-Bord tal-Appell. |
|
25 |
Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa rilevanti li qabel kollox tiġi eżaminata l-istruttura tas-sistema implimentata mir-Regolament Nru 6/2002 u, fuq din il-bażi, li sussegwentement tittratta l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti għandhiex interess ġuridiku f’dan il-każ. |
Fuq is-sistema implimentata mir-Regolament Nru 6/2002
|
26 |
Fil-kuntest ta’ din il-kawża, wieħed għandu jiffoka fuq ċerti elementi tas-sistema implimentata mir-Regolament Nru 6/2002, jiġifieri, minn naħa, ir-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju skont l-Artikolu 25(1)(e) tal-imsemmi regolament u ż-żamma tiegħu f’forma emendata skont l-Artikolu 25(6) ta’ dan ir-regolament. |
It-tiġdid tar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju
|
27 |
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li ġej: “Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali”. |
|
28 |
L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002 jiddefinixxu ż-żewġ kriterji indikati fl-Artikolu 4(1) tiegħu, jiġifieri dak tan-novità u dak tal-karattru individwali tad-disinn. |
|
29 |
Skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità. |
|
30 |
Skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jagħti lill-utent avżat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mogħtija lil dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar prijorità, qabel id-data tal-prijorità. |
|
31 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi: “1. Disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu fil-każijiet li ġejjin biss: […] b) jekk ma jwettaqx il-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 4 sa 9; […]
[…] 3. Ir-raġunijiet ipprovduti fil-paragrafu(1)(d), (e) u (f) jistgħu jiġu invokati biss mill-applikant għad-dritt ta’ iktar qabel jew mill-pussessur tiegħu. […]” |
|
32 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 6/2002, l-EUIPO għandu jipproċedi għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju sa fejn jikkonstata, wara l-eżami previst fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament, li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti proċedurali relatati mal-preżentata u li tali applikazzjoni ma tkunx ġiet miċħuda skont l-Artikolu 47 tal-istess regolament. Konformement mal-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 47, l-EUIPO jiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jekk jikkonstata li d-disinn kopert minn din l-applikazzjoni ma jikkorrispondix għad-definizzjoni tad-disinn stabbilita fl-Artikolu 3(a) tal-istess regolament, jiġifieri d-dehra tal-prodott jew ta’ parti mill-prodott li jagħtuh il-karatteristiċi tal-prodott innifsu, jew jekk l-imsemmi disinn huwiex kuntrarju għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità. |
|
33 |
Barra minn hekk, mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-applikazzjonijiet kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet formali u li jkunu kisbu data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandhom jiddaħħlu fir-reġistru tad-disinni Komunitarji. B’hekk huwa ppreċiżat li s-sistema ta’ reġistrazzjoni ma hijiex ibbażata fuq eżami intiż għad-determinazzjoni minn qabel ir-reġistrazzjoni ta’ jekk id-disinn jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni, li huwa ta’ natura li jnaqqas għall-minimu l-modalitajiet tar-reġistrazzjoni u proċeduri oħra li għandhom jiġu segwiti mill-applikant. |
|
34 |
L-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li, “[b]la ħsara għall-Artikolu 25(2), (3), (4) u (5), kull persuna naturali jew legali, kif ukoll awtorità pubblika mogħtija s-setgħa li tagħmel dan, jistgħu jissottomettu lill-[EUIPO] applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ l-invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat”. |
|
35 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sistema implimentata mir-Regolament Nru 6/2002 għar-reġistrazzjoni tad-disinni Komunitarji hija bbażata fuq il-prinċipju li l-applikazzjonijiet kollha li jissodisfaw kundizzjonijiet formali huma inklużi fir-reġistru tad-disinni Komunitarji. Il-konsegwenza ta’ dan il-prinċipju hija li huwa biss wara talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju li jkun ġie rreġistrat li dan jista’ jiġi ddikjarat invalidu, b’mod partikolari, jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-imsemmi regolament, fuq talba ta’ kwalunkwe persuna, jew jekk jintuża sinjal distintiv preċedenti, fuq talba tal-proprjetarju ta’ dan is-sinjal. |
Fuq id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju skont l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002 u ż-żamma tiegħu f’forma emendata skont l-Artikolu 25(6) ta’ dan ir-regolament
|
36 |
Kif tfakkar fil-punt 31 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju jiġi ddikjarat invalidu jekk, f’dan id-disinn, jintuża sinjal distintiv preċedenti u d-dritt tal-Unjoni Ewropea jew il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li tirregola dan is-sinjal tagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi dan l-użu. L-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li r-raġuni għall-invalidità prevista fl-Artikolu 25(1)(e) ta’ dan ir-regolament tista’ tiġi invokata biss mill-applikant jew mill-proprjetarju tas-sinjal distintiv preċedenti. |
|
37 |
Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat li jkun ġie ddikjarat invalidu skont l-Artikolu 25(1)(b), (e), (f) jew (g) tal-istess regolament jista’ jinżamm f’forma emendata, jekk f’din l-għamla, jissodisfa l-kriterji għall-għoti tal-protezzjoni u tinżamm l-identità tad-disinn. It-terminu “jinżamm f’għamla emendata” jirreferi b’mod partikolari għar-reġistrazzjoni akkumpanjata mir-rinunzja parzjali min-naħa tal-proprjetarju ta’ disinn Komunitarju rreġistrat jew ir-reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ deċiżjoni tal-EUIPO li tiddikjara l-invalidità parzjali ta’ disinn Komunitarju rreġistrat. |
|
38 |
Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 2245/2002, disinn Komunitarju li jkun inżamm f’forma emendata għandu jiġi rreġistrat f’din il-forma fir-reġistru u ppubblikat fil-Bullettin tad-disinni Komunitarji wara rinunzja parzjali mill-proprjetarju jew tar-reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ deċiżjoni tal-EUIPO li tiddikjara l-invalidità parzjali tad-dritt fuq id-disinn. |
|
39 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 6/2002, sa fejn jirrakkomanda ż-żamma tad-disinn li kien is-suġġett ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 25(1)(e) ta’ dan ir-regolament, huwa intiż għall-protezzjoni tal-interessi tal-proprjetarju ta’ dan id-disinn. Bl-istess mod, sa fejn tali żamma hija suġġetta għal rinunzja parzjali, wara annullament tad-disinn inkwistjoni skont l-Artikolu 25(1)(e) tal-imsemmi regolament, l-imsemmi paragrafu 6 jirrigwarda wkoll il-protezzjoni tal-interessi tal-proprjetarju tas-sinjal li l-użu tiegħu wassal għall-annullament tad-disinn fil-forma inizjali tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt stess li tiġi prevista l-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni tad-disinn inkwistjoni f’forma emendata, bħala soluzzjoni alternattiva għall-invalidità tad-disinn kollu kemm hu, jikkostitwixxi modulazzjoni tas-sanzjoni prevista intiża sabiex tiżgura l-proporzjonalità tiegħu. |
|
40 |
Fi kliem ieħor, kif il-Bord tal-Appell ikkunsidra korrettament, l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 6/2002 jippermetti li tinżamm ir-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju billi jitneħħa l-element ivvizzjat b’irregolarità. |
|
41 |
Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti, li kienet talbet l-invalidità tad-disinn ikkontestat skont l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002, għandhiex interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti
|
42 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din il-persuna għandha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat li jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ppreżentatu (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2009, Antwerpse Bouwwerken vs Il‑Kummissjoni, T‑195/08, EU:T:2009:491, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
F’dan il-każ, minn naħa, ir-rikorrenti, proprjetarja tat-trade mark verbali PIANEGONDA, talbet l-invalidità tad-disinn ikkontestat billi invokat ir-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba l-fatt li, fl-imsemmi disinn, kien sar użu mill-imsemmija trade mark. |
|
44 |
Għalhekk għandu jiġi rrilevat li, fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-rikorrenti ma sostnietx li d-disinn ikkontestat ma kienx jissodisfa ż-żewġ kriterji ddefiniti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, jiġifieri, rispettivament, dak tan-novità u dak tal-karattru individwali tad-disinn, anki jekk il-possibbiltà li tintalab fuq din il-bażi l-invalidità ta’ disinn Komunitarju hija miftuħa għal kull persuna fiżika jew ġuridika, skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punt 10 iktar ’il fuq, A, il-predeċessur legali tal-intervenjenti, proprjetarju tad-disinn ikkontestat, talab iż-żamma ta’ dan tal-aħħar f’forma emendata, skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 6/2002 u l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 2245/2002, mingħajr it-tnaqqix tal-kelma korrispondenti għat-trade mark verbali PIANEGONDA. |
|
46 |
Għaldaqstant, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddeċidiet fuq żewġ talbiet, jiġifieri dik għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mir-rikorrenti, li ntlaqgħet, u dik tal-intervenjenti, li sadanittant saret l-aventi kawża ta’ A, li ġiet miċħuda. |
|
47 |
Fil-fatt, meta ddeċidiet dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mir-rikorrenti, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet obbligata tiddeċiedi dwar il-kwistjoni dwar jekk sinjal preċedenti kienx użat fid-disinn ikkontestat u jekk il-proprjetarju tas-sinjal inkwistjoni kellux id-dritt li jipprojbixxi dan l-użu. |
|
48 |
Fid-deċiżjoni tagħha tal‑15 ta’ Ottubru 2018, imsemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkonstatat l-eżistenza tat-trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea PIANEGONDA, li kienet preżenti fid-disinn ikkontestat u kienet tindika prodotti li għalihom kien intiż id-disinn ikkontestat, u, għaldaqstant, iddikjarat l-invalidità tal-imsemmi disinn, abbażi tal-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
49 |
Minn din il-perspettiva, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat sodisfazzjon lir-rikorrenti, li kienet talbet biss l-invalidità tad-disinn ikkontestat abbażi tal-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
50 |
Madankollu, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddeċidiet ukoll dwar it-talba mressqa mill-intervenjenti, proprjetarja tad-disinn ikkontestat, ibbażata fuq l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 6/2002, intiża sabiex l-imsemmi disinn jinżamm f’forma emendata, mingħajr it-tnaqqix tal-kelma li tikkorrispondi għat-trade mark verbali PIANEGONDA. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet din it-talba, ċertament, wara li tat lir-rikorrenti l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet, inkwantu proprjetarja tal-imsemmija trade mark preċedenti. |
|
51 |
Għaldaqstant, meta d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet ir-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat fil-forma emendata, dan kien bi tweġiba għat-talba tal-proprjetarju tiegħu għaż-żamma tar-reġistrazzjoni tal-imsemmi disinn, wara r-rinunzja parzjali magħmula mill-imsemmi proprjetarju. |
|
52 |
Din il-parti tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li tiċħad l-inklużjoni tad-disinn ikkontestat fil-forma emendata ma tistax għalhekk titqies bħala deċiżjoni li tilqa’ talba tar-rikorrenti, anki jekk, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha, din kienet iddeċidiet kontra ż-żamma tad-disinn ikkontestat fil-forma emendata, minħabba l-allegata assenza ta’ novità u ta’ karattru individwali tal-imsemmi disinn emendat. |
|
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni setgħet biss tkun is-suġġett ta’ appell mill-parti li t-talbiet tagħha ma ntlaqgħux, jiġifieri l-intervenjenti. |
|
54 |
Fl-ewwel lok, minn dan jirriżulta li r-rikorrenti, li t-talbiet tagħha kienu ntlaqgħu mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u li ma kinitx ikkontestat id-deċiżjoni ta’ din, tista’ biss tinvoka interess li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell sa fejn dan tal-aħħar kien ikkontesta t-talbiet tiegħu milqugħa mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata annullat id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, madankollu, il-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jirriproduċi d-dispożittiv tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sa fejn id-disinn ikkontestat huwa ddikjarat invalidu sa fejn juża t-trade mark preċedenti PIANEGONDA. |
|
56 |
Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti fl-oriġini tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, intiża sabiex id-disinn ikkontestat jiġi ddikjarat invalidu minħabba l-użu tat-trade mark preċedenti PIANEGONDA, intlaqgħet ukoll bid-deċiżjoni kkontestata. |
|
57 |
Għalhekk, f’dak li jirrigwarda t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kemm id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni taw sodisfazzjon lir-rikorrenti. Għaldaqstant, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax ikollu konsegwenzi legali fir-rigward tar-rikorrenti, sa fejn l-allegazzjonijiet li hija sostniet fil-kuntest tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002, intlaqgħu b’mod sħiħ ukoll mill-Bord tal-Appell. |
|
58 |
Għaldaqstant, dan ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, mogħtija mill-Bord tal-Appell, ma jista’ jikseb, permezz tar-riżultat tiegħu, ebda benefiċċju għar-rikorrenti. |
|
59 |
Fit-tieni lok, għalkemm, fil-kuntest tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li, essenzjalment, laqgħet it-talbiet tagħha, hija lanqas ma tista’ titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar laqgħet it-talba għaż-żamma tad-disinn ikkontestat fil-forma emendata, li kienet tressqet mill-proprjetarju tiegħu. |
|
60 |
Fil-fatt, li tiġi ammessa tali possibbiltà jkun ifisser li r-rikorrenti titħalla tindaħal fil-parti tal-proċedimenti li tikkonċerna t-talba tal-proprjetarju tad-disinn ikkontestat, u dan lil hinn mill-proċeduri li r-rikorrenti kienet bdiet, li kienet tikkonċerna talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
61 |
Fit-tielet lok, fil-kuntest tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni ksur tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 6/2002, filwaqt li t-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(e) tal-istess regolament. B’hekk, permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tfittex li tbiddel is-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha kif ukoll ir-raġunijiet invokati insostenn tagħha. |
|
62 |
Issa, kif jirriżulta mill-proċedura indikata fil-punti 30 sa 34 iktar ’il fuq, sabiex issostni l-invalidità tad-disinn ikkontestat abbażi tal-assenza ta’ karattru individwali, ir-rikorrenti għandha tressaq talba għal annullament quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO li hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ tali talba. Fil-fatt, hija d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li għandha tiddikjara l-invalidità ta’ disinn li ġie rreġistrat minħabba nuqqas ta’ novità jew ta’ karattru individwali jew għal kwalunkwe raġuni oħra ta’ invalidità. |
|
63 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma għandhiex interess li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata. |
|
64 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti. |
|
65 |
Fil-fatt, il-fatt li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn id-disinn ikkontestat kif emendat u t-trade mark PIANEGONDA, jekk jitqies li huwa każ, ma huwiex rilevanti fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
66 |
Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi differenti invokati mir-rikorrenti ma humiex relatati mal-imsemmija talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija ressqet. Il-fatt li r-rikorrenti tixtieq tara d-disinn annullat fit-totalità tiegħu b’mod partikolari minħabba t-tilwim bejnha u l-intervenjenti, u dan anki barra mill-proċedura li tat lok għad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jikkostitwixxi interess eżistenti u attwali sabiex tikseb l-annullament tagħha. |
|
67 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Dwar l-ispejjeż
|
68 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
69 |
Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO u mill-intervenjenti. |
|
Għal dawn ir-raġunijiet, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla) tordna: |
|
|
|
Magħmul fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Ottubru 2021. Reġistratur E. Coulon Presidenta V. Tomljenović |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.