European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2633

24.11.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2633

tat-23 ta’ Novembru 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1472 dwar Akkademja Diplomatika tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1472 (1), dwar Akkademja Diplomatika tal-Unjoni Ewropea (EUDA).

(2)

Skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/1472, il-Kunsill għandu jirrieżamina dik id-Deċiżjoni sal-31 ta’ Diċembru 2026. Għal dak l-għan, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jippreżenta, abbażi ta’ evalwazzjoni indipendenti u esterna, rapport dwar l-EUDA u dwar il-prestazzjoni tal-Kulleġġ tal-Ewropa fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-EUDA (ir-“rapport”).

(3)

Fis-6 ta’ Ottubru 2026, ir-Rappreżentant Għoli ppreżenta r-rapport lill-Kunsill. Ir-rapport fih għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-operat tal-EUDA.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1472 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1472 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Il-Kap tal-EUDA

1.   Il-Kap tal-EUDA (il-‘Kap’) għandu:

(a)

ikun responsabbli għall-ġestjoni ġenerali tal-EUDA;

(b)

ikun responsabbli għas-sorveljanza tal-involviment tal-EUDA man-network ta’ akkademji diplomatiċi nazzjonali u mad-diretturi tat-taħriġ tal-Ministeri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri;

(c)

ikun responsabbli biex jiżgura l-koordinazzjoni ġenerali tal-EUDA u l-konsistenza mal-prijoritajiet tal-PESK tal-Unjoni taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli, b’mod partikolari għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 10;

(d)

jiżgura l-produzzjoni regolari ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tal-programm ta’ taħriġ u l-komponenti tiegħu u jippreżenta dawk ir-rapporti lill-Kumitat ta’ Tmexxija;

(e)

jagħti pariri u jappoġġa l-ħidma tal-Kumitat ta’ Tmexxija, u jinforma lill-Kumitat ta’ Tmexxija dwar l-attivitajiet rilevanti l-oħra kollha rigward il-programm ta’ taħriġ;

(f)

jinforma lill-Kumitat ta’ Tmexxija bil-proposta tal-baġit għall-EUDA u dwar l-implimentazzjoni tal-baġit; u

(g)

jaħdem f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u jżomm kuntatti regolari mal-awtoritajiet rilevanti fl-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni u fl-Istati Membri.

2.   Il-Kap għandu jkun il-membru tal-persunal li jokkupa l-kariga ta’ ‘Kap tad-Diviżjoni’ tad-diviżjoni responsabbli għat-Tagħlim u l-Iżvilupp fis-SEAE.”

;

(2)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

Id-Direttur tal-EUDA

1.   Id-Direttur tal-EUDA (id-‘Direttur’) għandu jkun responsabbli għal:

(a)

it-tfassil u l-preżentazzjoni tal-abbozz tal-programm ta’ taħriġ lill-Kumitat ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni tiegħu;

(b)

l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-programm ta’ taħriġ, inkluż it-tfassil tal-korsijiet, il-monitoraġġ tal-programm, u l-mentoraġġ u l-coaching tal-parteċipazzjoni tal-EUDA;

(c)

rappurtar sistematiku tal-attivitajiet kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-EUDA lill-Kap u lill-Kumitat ta’ Tmexxija; u

(d)

ir-rappreżentanza tal-EUDA fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-programm ta’ taħriġ tagħha, inkluż il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikoli 9 u 10.

2.   Id-Direttur għandu jiġi impjegat mill-Kulleġġ tal-Ewropa wara proċess tal-għażla miftuħ, trasparenti u kompetittiv, li għandu jitwettaq permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ post battal li jsejjaħ għal kandidati li jikkorrispondu għal profil speċifiku, wara li tinkiseb l-approvazzjoni mir-Rappreżentant Għoli.”

;

(3)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-programm ta’ taħriġ għandu jiddefinixxi r-responsabbiltajiet tal-persunal tal-Kulleġġ tal-Ewropa inkarigat mill-eżekuzzjoni tal-programm.”

;

(4)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, u ma’ akkademji diplomatiċi fl-Istati Membri

L-EUDA għandha tikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni u tistabbilixxi rabtiet mill-qrib ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà u l-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża, u mal-akkademji diplomatiċi fl-Istati Membri.”

;

(5)

l-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi

L-EUDA għandha tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u atturi rilevanti oħrajn u tuża l-ħila esperta tagħhom, bħall-istituti ta’ edukazzjoni u taħriġ u akkademji diplomatiċi f’pajjiżi terzi.”

;

(6)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

jagħżel parteċipanti minn fost il-kandidati proposti mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u minn korpi oħra tal-Unjoni involuti fir-relazzjonijiet esterni.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Abbażi ta’ valutazzjoni mis-SEAE, il-Kumitat ta’ Tmexxija jista’ jiddeċiedi li jinnomina l-parteċipanti għall-EUDA, fuq bażi ta’ każ b’każ, u wara talbiet minn korpi oħra tal-Unjoni involuti fir-relazzjonijiet esterni minbarra.”

;

(7)

l-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Rieżami

1.   Il-Kunsill għandu jirrieżamina din id-Deċiżjoni sal-31 ta’ Diċembru 2026. Għal dak l-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jippreżenta, abbażi ta' evalwazzjoni indipendenti u esterna, rapport dwar l-EUDA u dwar il-prestazzjoni tal-Kulleġġ tal-Ewropa fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ tal-EUDA, sal-31 ta’ Awwissu 2026.

2.   Fuq talba tal-Kap, f’konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Tmexxija, evalwazzjoni indipendenti u esterna għandha tivvaluta lill-EUDA u l-prestazzjoni tal-benefiċjarju tal-għotja msemmi fl-Artikolu 5 sat-tmiem tat-tieni sena ta’ implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ imsemmija fl-Artikolu 3.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. HEYDON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1472 tal-21 ta' Mejju 2024 dwar Akkademja Diplomatika tal-Unjoni Ewropea (ĠU L, 2024/1472, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1472/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2633/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)