5.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/98


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1087

tat-2 ta’ Ġunju 2023

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-lambda ċjalotrina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

Il-lambda ċjalotrina ddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18. Għalhekk, skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, hija meqjusa approvata skont dak ir-Regolament, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE.

(2)

L-approvazzjoni tal-lambda ċjalotrina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18 (“l-approvazzjoni”) se tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2023. Fl-24 ta’ Marzu 2022, tressqet applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni (“l-approvazzjoni”).

(3)

Fis-16 ta’ Settembru 2022, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tal-Greċja infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għandha twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4)

L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tista’, skont il-każ, tirrikjedi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(5)

Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi trid tħejji u tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni x’aktarx li se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni. Għalhekk jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni. Meta jitqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni u għat-tħejjija u l-preżentazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-opinjoni tagħha, u ż-żmien meħtieġ biex jiġi deċiż jekk tistax tiġġedded l-approvazzjoni tal-lambda ċjalotrina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Marzu 2026.

(7)

Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, il-lambda ċjalotrina tibqa’ approvata għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-lambda ċjalotrina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18 stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE hija posposta għall-31 ta’ Marzu 2026.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).