SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
4 ta’ Settembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ftehim qafas bejn l-ETUC, l-UNICE u ċ-ĊEEP dwar xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Għalliema li jkunu kisbu esperjenza professjonali fi ħdan ċerti istituzzjonijiet skolastiċi li l-funzjonament u l-organizzazzjoni tagħhom ma jaqgħux taħt l-Istat – Reklutaġġ għal żmien indeterminat fi ħdan istituzzjonijiet skolastiċi tal-Istat – Determinazzjoni tal-anzjanità għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa f’ċerti istituzzjonijiet skolastiċi li l-funzjonament u l-organizzazzjoni tagħhom ma jaqgħux taħt l-Istat – Differenza fit-trattament ibbażata fuq kriterju għajr in-natura determinata jew indeterminata tar-relazzjoni ta’ xogħol – Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Applikabbiltà – Assenza ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”
Fil-Kawża C‑543/23 [Gnattai] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Padova (il-Qorti Distrettwali ta’ Padova, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura
AR
vs
Ministero dell’Istruzione e del Merito,
fil-preżenza ta’:
Anief – Associazione Professionale e Sindacale,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, N. Jääskinen, A. Arabadjiev (Relatur), M. Condinanzi u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: G. Chiapponi, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal AR, minn G. Rinaldi u N. Zampieri, avvocati, |
|
– |
għal Anief – Associazione Professionale e Sindacale, minn A. Dal Ferro, F. Ganci u W. Miceli, avvocati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino u G. Palmieri, bħala aġenti, assistiti minn A. Berti Suman u L. Fiandaca, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Delaude u D. Recchia, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Ġunju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE, tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Turin fit‑18 ta’ Ottubru 1961, kif ireveduta (iktar ’il quddiem il-“Karta Soċjali Ewropea”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AR u l-Ministero dell’Istruzione e del Merito (il-Ministeru għall-Edukazzjoni u għall-Mertu, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Edukazzjoni”) dwar id-determinazzjoni tal-anzjanità tas-servizz tiegħu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jiġi evitat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi. |
|
4 |
Il-klawżola 2 ta’ dan il-ftehim qafas, intitolata “L-iskop”, tipprevedi, fil-punt 1 tagħha: “Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.” |
|
5 |
Il-klawżola 3 tal-imsemmi ftehim, intitolata “Definizzjonijiet”, hija fformulata kif ġej:
|
|
6 |
Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni”, tipprevedi:
[…]
|
Id-dritt Taljan
|
7 |
L-Artikolu 485 tad-decreto legislativo n 297 – Approvazione del testo unico delle disposizioni legislative vigenti in materia di istruzione, relative alle scuole di ogni ordine e grado (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 297 dwar l-approvazzjoni tat-test ikkonsolidat tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli fil-qasam tat-tagħlim relatat ma’ skejjel ta’ kull tip u ta’ kull livell) tas‑16 ta’ April 1994 (GURI Nru 115 tad‑19 ta’ Mejju 1994, Suppliment Ordinarju Nru 79.iktar ’il quddiem, id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994”) jipprovdi: “Il-perijodi ta’ servizz imwettqa minn għalliema b’kuntratti għal żmien determinat fi skejjel sekondarji tal-Istat jew assimilati, u fi skejjel tal-arti, inklużi dawk li jinsabu barra mill-pajjiż, għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala perijodi ta’ servizz imwettaq b’mod permanenti għal finijiet legali u salarjali […] 2. Għall-istess finijiet u bl-istess mod bħal fil-paragrafu 1, huma rrikonoxxuti, għall-persunal li hemm riferiment għalih hemmhekk, il-perijodi ta’ servizz imwettqa fi skejjel ta’ istuzzjonijiet tal-Istat għall-edukazzjoni tal-bniet, u dawk imwettqa bħala għalliema ta’ skejjel primarji permanenti u mhux permanenti fi skejjel primarji tal-Istat jew skejjel assimilati, inklużi dawk tal-istituzzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq u dawk li jinsabu barra mill-pajjiż, kif ukoll fi skejjel għall-adulti, skejjel issussidjati jew skejjel sussidjarji. 3. Għall-istess finijiet u bl-istess mod bħal fil-paragrafu 1, il-perijodi ta’ servizz irrikonoxxuti, għall-persunal li jgħallem fi skejjel primarji, bħala għalliem mhux permanenti fi skejjel primarji tal-Istat jew skejjel ta’ istituzzjonijiet tal-Istat għall-edukazzjoni tal-bniet jew skejjel assimilati, fi skejjel sekondarji u artistiċi tal-Istat jew skejjel omologi, fi skejjel għall-adulti, skejjel issussidjati jew skejjel sussidjarji, […]” |
|
8 |
L-Artikolu 1 tal-legge n. 62 – Norme per la parità scolastica e disposizioni sul diritto allo studio e all’istruzione (il-Liġi Nru 62 – Regoli għall-ugwaljanza fl-edukazzjoni u dispożizzjonijiet dwar id-dritt għall-istudju u għat-tagħlim) tal‑10 ta’ Marzu 2000 (GURI Nru 67 tal‑21 ta’ Marzu 2000, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 62/2000”), jipprovdi: “1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(2) tal-Kostituzzjoni, is-sistema edukattiva nazzjonali hija magħmula minn skejjel tal-Istat kif ukoll minn skejjel privati u komunali assimilati. L-għan prinċipali tar-Repubblika huwa li testendi l-provvista tal-edukazzjoni u li tiġġeneralizza d-domanda korrispondenti għat-tagħlim tul il-ħajja mit-tfulija. 2. Għall-finijiet kollha skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli, partikolarment fir-rigward tal-awtorità għall-għoti ta’ kwalifiki edukattivi legalment irrikonoxxuti, ‘skejjel assimilati’ għandha tinftiehem fis-sens ta’ istituzzjonijiet skolastiċi mhux tal-Istat – inklużi muniċipali – li, mil-livell tal-kindergarten ’il quddiem, jikkonformaw mar-regolamenti edukattivi ġenerali, jissodisfaw il-ħtiġijiet edukattivi tal-familji, u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità u effettività stabbiliti fil-paragrafi 4, 5, u 6. 3. L-iskejjel privati assimilati jibbenefikaw minn libertà totali fir-rigward tal-orjentazzjoni kulturali u pedagoġika didattika. Fid-dawl tal-kunċett edukattiv tal-iskola, it-tagħlim huwa ispirat mill-prinċipji fundamentali minquxa fil-Kostituzzjoni. Peress li l-iskejjel assimilati jipprovdu servizz pubbliku, huma għandhom jilqgħu lil dawk kollha li jaċċettaw il-kunċett edukattiv tagħhom u japplikaw, inklużi tfal tal-iskola u studenti b’diżabbiltà. Il-kunċett edukattiv għandu jiddetermina, fejn xieraq, l-orjentazzjoni kulturali jew reliġjuża. Madankollu, l-attivitajiet ekstrakurrikulari li jippreżupponu jew jeżiġu l-appartenenza għal ideoloġija jew twemmin reliġjuż partikolari ma humiex obbligatorji għall-istudenti. 4. L-assimilazzjoni hija rrikonoxxuta lill-iskejjel mhux tal-Istat li jitolbuha, li jimpenjaw ruħhom espressament li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
|
|
9 |
L-Artikolu 2(2) tad-Decreto-legge n. 255 – Disposizioni urgenti per assicurare l’ordinato avvio dell’anno scolastico 2001/2002 (id-Digriet-Liġi Nru 255 dwar dispożizzjonijiet urġenti sabiex jiġi żgurat il-bidu ordnat tas-sena skolastika 2001/2002) tat‑3 ta’ Lulju 2001 (GURI Nru 153 tal‑4 ta’ Lulju 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 255/2001”), jipprevedi li, minflok jorganizza kompetizzjonijiet pubbliċi sabiex jirrekluta b’mod indeterminat persunal inkarigat li jgħallem, il-Ministeru għall-Edukazzjoni għandu jirrikorri għal-listi ta’ riżerva permanenti, li issa huma disponibbli sakemm jiġu eżawriti, li fil-kuntest tagħhom “[l]-attivitajiet ta’ tagħlim imwettqa mill‑1 ta’ Settembru 2000 fl-iskejjel assimilati […] għandhom jitqiesu bl-istess mod bħall-attivitajiet ta’ tagħlim imwettqa fl-iskejjel tal-Istat.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
10 |
AR, għalliem awtorizzat jgħallem il-lingwa Taljana, l-istorja u l-ġeografija, ħadem fi skola “assimilata”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 62/2000, matul il-perijodu bejn is-sena 2002 u s-sena 2007, abbażi ta’ ħames kuntratti għal żmien determinat. |
|
11 |
Fl‑1 ta’ Settembru 2008, AR ġie rreklutat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni għal żmien indeterminat sabiex jeżerċita l-professjoni tiegħu ta’ għalliem fi skola tal-Istat. Fil-kuntest tar-riklassifikazzjoni tal-karriera ta’ dan l-għalliem, imwettqa matul dan ir-reklutaġġ, dan il-ministeru kklassifikah fil-kategorija ta’ remunerazzjoni li tikkorrispondi għal “sena ta’ anzjanità żero”. Fil-fatt, l-imsemmi ministeru qies, essenzjalment, li l-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 ma kienx jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-anzjanità tas-servizz tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, is-snin ta’ xogħol imwettqa fis-servizz ta’ din l-iskola assimilata. |
|
12 |
AR adixxa lit-Tribunale di Padova (il-Qorti Distrettwali ta’ Padova, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż sabiex il-Ministeru għall-Edukazzjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità fis-servizz li huwa kien kiseb minħabba l-impjieg tiegħu fi ħdan l-iskola assimilata, billi sostna li l-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 jikkostitwixxi ksur tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. |
|
13 |
Fil‑25 ta’ Frar 2022, l-assoċjazzjoni sindakali mingħajr skop ta’ lukru Anief – Associazione Professionale e Sindacale intervjeniet fil-proċedura quddiem din il-qorti. |
|
14 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, tliet tipi ta’ skejjel privati kienu rrikonoxxuti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni bħala ekwivalenti għall-iskejjel tal-Istat, jiġifieri l-iskejjel approvati, l-iskejjel legalment irrikonoxxuti u l-iskejjel omologi. Dan id-digriet leġiżlattiv kien jipprevedi, barra minn hekk, li l-esperjenza professjonali miksuba mill-għalliema fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom, b’mod partikolari, ma’ skejjel omologi u skejjel approvati, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-riklassifikazzjoni tal-karriera ta’ dawn l-għalliema fil-mument tar-reklutaġġ tagħhom għal żmien indeterminat minn dan il-ministeru. |
|
15 |
Il-Liġi Nru 62/2000 issostitwixxiet dawn it-tliet kategoriji ta’ skejjel privati b’kategorija waħda ta’ skejjel, imsejħa “skejjel assimilati”. Skont l-Artikolu 2(2) tad-Digriet-Liġi Nru 255/2001, l-esperjenza professjonali miksuba mill-għalliema fil-kuntest ta’ impjieg eżerċitat fi skola li, wara l‑1 ta’ Settembru 2000, tiġi rrikonoxxuta bħala skola assimilata għandha titqies, għall-finijiet tar-reklutaġġ għal żmien indeterminat ta’ dawn l-għalliema mill-istess Ministeru, bħala ekwivalenti għal dik miksuba fil-kuntest ta’ impjieg ma’ skejjel tal-Istat. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) jirriżulta li din l-ewwel esperjenza ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tar-riklassifikazzjoni tal-karriera tal-imsemmija għalliema mwettqa fil-mument tar-reklutaġġ tagħhom għal żmien indeterminat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, għad-determinazzjoni tal-kategorija ta’ anzjanità li għandhom jiġu kklassifikati fiha, minħabba, b’mod partikolari, l-assenza ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva li tippermetti tali teħid inkunsiderazzjoni. |
|
16 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà, mal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ dawn l-istess għalliema, tal-esperjenza professjonali miksuba fi skejjel assimilati. |
|
17 |
Fil-fatt, din l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni twassal sabiex l-għalliema li jkunu ħadmu fil-kuntest ta’ relazzjonijiet għal żmien determinat fl-iskejjel assimilati jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-għalliema li jkunu wettqu l-istess perijodu ta’ xogħol abbażi ta’ kuntratti għal żmien indeterminat fl-iskejjel tal-Istat, li l-esperjenza miksuba fit-tagħlim tagħhom tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tagħhom, minħabba li dawn l-ewwel għalliema ma jkunux għaddew minn kompetizzjoni ta’ aċċess għas-servizz pubbliku. |
|
18 |
Madankollu, is-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ għalliema jkunu paragunabbli, peress li ma hemm ebda differenza bejn il-funzjonijiet, it-taħriġ, il-kompiti u l-obbligi professjonali ta’ għalliem għal żmien indeterminat li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi skola tal-Istat u dawk ta’ għalliem għal żmien determinat li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi skola assimilata u peress li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) irrikonoxxiet li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ skejjel huma ugwali “f’kull aspett”. |
|
19 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni, tal-esperjenza miksuba fi skejjel assimilati ma huwiex iġġustifikat mill-fatt li dawn l-iskejjel jikkostitwixxu stabbilimenti privati. Fil-fatt, il-kompetenza li tirriżulta mill-esperjenza hija indipendenti mill-kwalità privata jew pubblika tal-persuna li timpjega. Barra minn hekk, il-leġiżlatur nazzjonali ppermetta t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-anzjanità, tal-perijodi ta’ tagħlim imwettqa ma’ persuni li jimpjegaw kemm privati kif ukoll pubbliċi, inklużi dawk imwettqa mill-għalliema għal żmien determinat fl-iskejjel tal-Istat. |
|
20 |
Dan in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni lanqas ma huwa ġġustifikat mid-differenzi bejn il-modalitajiet ta’ reklutaġġ tal-għalliema fl-iskejjel assimilati u l-modalitajiet ta’ reklutaġġ tal-għalliema fl-iskejjel tal-Istat. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni pubblika li tagħti aċċess għat-tagħlim għal żmien indeterminat fl-iskejjel tal-Istat ma hijiex rilevanti, peress li l-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-anzjanità waqt ir-reklutaġġ għal żmien indeterminat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa kemm fi skejjel li fihom l-għalliema jiġu rreklutati permezz ta’ kompetizzjoni kif ukoll fi skejjel fejn dan ma huwiex il-każ. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni, tax-xogħol ta’ tagħlim imwettaq fi skejjel assimilati jmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħmel differenza ta’ trattament inġustifikata bejn l-għalliema tal-iskejjel assimilati u l-għalliema, b’mod partikolari, tal-iskejjel preċedenti omologi u akkreditati, ikkonvertiti fi “skejjel assimilati” matul is-sena 2000. Fil-fatt, l-esperjenza miksuba fi ħdan skola assimilata hija ta’ kwalità u ta’ valur ogħla minn dik miksuba fi skejjel privati oħra. Madankollu, hija biss din l-aħħar esperjenza li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ ċerta anzjanità tas-servizz. |
|
22 |
Barra minn hekk, dan l-Artikolu 485 imur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn jagħmel differenza fit-trattament bejn l-għalliema tal-iskejjel assimilati u l-għalliema għal żmien determinat tal-iskejjel tal-Istat. |
|
23 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-Karta hija applikabbli għal din il-kawża, peress li, minn naħa, din għandha l-għan li tiddetermina jekk in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħol għal żmien determinat imwettaq fl-iskejjel assimilati, prevista fl-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, huwiex konformi mal-għan tal-Ftehim qafas li tittejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat, billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 3(1) ta’ dan il-ftehim qafas. Barra minn hekk, att tad-dritt nazzjonali huwa att ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, peress li jikkonċerna qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea. Din il-kawża, li tikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ tagħlim imwettqa mill-għalliema għal żmien determinat għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tagħhom waqt ir-reklutaġġ tagħhom mill-Ministeru għall-Edukazzjoni bħala għalliema għal żmien indeterminat, taqa’ mingħajr dubju taħt l-“implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 51(1), peress li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. F’dan ir-rigward, għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, kif sanċiti wkoll mill-Artikolu 157 TFUE, mill-Artikolu 14 tal-KEDB, mill-Karta Soċjali Ewropea kif ukoll mid-Direttivi 2000/43 u 2000/78. |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Padova (il-Qorti Distrettwali ta’ Padova) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tielet domanda
Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet domanda
|
25 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni Ewropea ssostni, b’mod partikolari, li t-tielet domanda hija inammissibbli sa fejn il-qorti tar-rinviju ma stabbilixxiet ebda rabta bejn l-Artikolu 21 tal-Karta, imsemmi f’din id-domanda, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
26 |
Barra minn hekk, l-imsemmija domanda tirrigwarda d-differenza fit-trattament bejn, minn naħa, l-għalliema impjegati għal żmien determinat fi skejjel assimilati, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 62/2000, u, min-naħa l-oħra, l-għalliema, li huma wkoll impjegati għal żmien determinat, fi skejjel privati li ppreċedew il-ħolqien tal-iskejjel assimilati kif ukoll tal-iskejjel tal-Istat. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u kkonkretizzat mill-Ftehim qafas biss fir-rigward tad-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, bl-esklużjonio ta’ differenza fit-trattament bejn ċerti kategoriji ta’ persunal għal żmien determinat. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jitqies li, sa fejn l-argument espost fil-punt preċedenti jirrigwarda l-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-Ftehim qafas għal differenza fit-trattament bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-problema taqa’ taħt il-mertu tat-tielet domanda u mhux taħt l-ammissibbiltà tagħha, b’mod li hemm lok li tiġi eżaminata fil-kuntest tal-eżami tal-mertu ta’ din id-domanda (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Consiglio nazionale delle Ricerche, C‑439/23, EU:C:2024:773, punt 27 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti nazzjonali tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa li għandha għarfien tagħhom (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Għalhekk, huwa indispensabbli, kif isostni l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju tkun tinkludi espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju esponiet b’mod suffiċjenti r-rabta li hija tistabbilixxi bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, u ppreċiżat ir-raġunijiet li għalihom l-interpretazzjoni ta’ dawn il-prinċipji jidhrilha li hija neċessarja. |
|
31 |
Minn dan isegwi li t-tielet domanda hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
32 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob li jiġu interpretati l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Dumitrescu et vs Il-Kummissjoni u Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑567/22 P sa C‑570/22 P, EU:C:2024:336, punti 65 u 66). |
|
34 |
Fir-rigward tad-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, dawn il-prinċipji ġew implimentati u kkonkretizzati mid-Direttiva 1999/70, u b’mod partikolari mill-klawżola 4 tal-Ftehim qafas li jinsab fl-anness ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑11 ta’ Novembru 2010, Vino, C‑20/10, EU:C:2010:677, punt 56, kif ukoll is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Presidenza del Consiglio dei Ministri et (Riċerkaturi universitarji), C‑40/20 u C‑173/20, EU:C:2022:985, punt 87). |
|
35 |
F’dan il-każ, sa fejn l-ewwel u t-tielet domanda jirrigwardaw tali differenza fit-trattament, dawn għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl ta’ din id-direttiva u tal-Ftehim qafas. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 20, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2025, Melbán u Sergamo, C‑623/23 u C‑626/23, EU:C:2025:358, punt 49). |
|
36 |
Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità u tar-remunerazzjoni tal-għalliema waqt ir-reklutaġġ tagħhom għal żmien indeterminat fi skola tal-Istat, ta’ perijodi ta’ servizz preċedentement imwettqa minn dawn l-għalliema fil-kuntest ta’ impjieg għal żmien determinat f’ċerti istituzzjonijiet skolastiċi li l-funzjonament u l-organizzazzjoni tagħhom ma jaqgħux taħt l-Istat, iżda li huma assimilati, skont din il-leġiżlazzjoni, ma’ istituzzjonijiet skolastiċi tal-Istat, minkejja li l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprevedi li l-perijodi ta’ servizz imwettqa mill-għalliema impjegati f’istituzzjonijiet skolastiċi tal-Istat, b’mod partikolari għal żmien indeterminat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità tagħhom u tar-remunerazzjoni tagħhom. |
|
37 |
Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Ftehim qafas għal għalliem li jinsab fis-sitwazzjoni ta’ AR, għandu jitfakkar li dan il-ftehim qafas japplika għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom. Is-sempliċi fatt li ħaddiem ikun kiseb il-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat ma jeskludix il-possibbiltà għalih li jinvoka, f’ċerti ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-klawżola 4 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punti 33 u 34, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2024, Consiglio nazionale delle Ricerche, C‑439/23, EU:C:2024:773, punt 38). |
|
38 |
Peress li AR isostni quddiem il-qorti tar-rinviju li huwa s-suġġett ta’ differenza fit-trattament fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ tagħlim imwettqa bħala ħaddiem għal żmien determinat, għandu jitqies li l-Ftehim qafas japplika, bħala prinċipju, għal għalliem li jinsab fis-sitwazzjoni ta’ AR. |
|
39 |
Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jipprekludi li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli, għas-sempliċi raġuni li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. Il-punt 4 ta’ din il-klawżola jistabbilixxi l-istess projbizzjoni fir-rigward tal-kriterji ta’ perijodi ta’ anzjanità marbuta ma’ kundizzjonijiet partikolari tal-impjieg (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Consiglio nazionale delle Ricerche, C‑439/23, EU:C:2024:773, punt 31). |
|
40 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li regoli dwar il-perijodi ta’ servizz li għandhom jitwettqu għall-klassifikazzjoni f’kategorija ta’ remunerazzjoni, bħal dawk previsti fl-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Consiglio nazionale delle Ricerche, C‑439/23, EU:C:2024:773, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Dan premess, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u kkonkretizzat mill-klawżola 4 tal-Ftehim qafas biss fir-rigward tad-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. |
|
42 |
Fil-fatt, din il-klawżola tapplika l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward ta’ ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat biss sabiex tiġi prekluża l-possibbiltà li relazzjoni ta’ impjieg ta’ dan it-tip tintuża minn min jimpjega sabiex iċċaħħad lill-ħaddiema minn drittijiet li huma rrikonoxxuti lil ħaddiema għal żmien indeterminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín, C‑177/18, EU:C:2020:26, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Presidenza del Consiglio dei Ministri et (Riċerkaturi universitarji), C‑40/20 u C‑173/20, EU:C:2022:985, punt 88). |
|
43 |
Minn dan isegwi li differenza fit-trattament li hija bbażata fuq kriterju differenti minn dak għal żmien determinat jew indeterminat tar-relazzjoni ta’ xogħol ma taqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fil-klawżola 4 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín, C‑177/18, EU:C:2020:26, punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif enfasizzat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 32 sa 35 tal-konklużjonijiet tagħha, id-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 ma hijiex ibbażata fuq in-natura ddeterminata jew indeterminata tat-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol iżda fuq in-natura tal-iskola li fiha tkun inkisbet l-esperjenza professjonali mill-ħaddiema kkonċernati. |
|
45 |
Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ xogħol imwettqa bħala għalliem għal żmien determinat fi “skola assimilata”, fil-kuntest tar-riklassifikazzjoni tal-karriera tal-għalliema mwettqa waqt ir-reklutaġġ tagħhom għal żmien indeterminat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, tirriżulta mill-assenza ta’ indikazzjoni ta’ “skejjel assimilati” f’dan l-Artikolu 485. |
|
46 |
Għaldaqstant, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ xogħol imwettqa bħala għalliem fi skola assimilata tikkonċerna kemm ix-xogħol imwettaq għal żmien determinat kif ukoll ix-xogħol imwettaq għal żmien indeterminat f’dawn l-iskejjel. |
|
47 |
Dan il-fatt huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali stess, li jsostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dritt nazzjonali la jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni “tas-servizz imwettaq għal żmien determinat u lanqas ta’ dak ipprovdut għal żmien indeterminat fl-iskejjel assimilati”. |
|
48 |
Min-naħa l-oħra, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta wkoll, essenzjalment, li, minbarra l-fatt li d-dritt nazzjonali jipprevedi li x-xogħol imwettaq mill-għalliema għal żmien indeterminat fi skejjel tal-Istat u l-anzjanità korrispondenti huma riflessi fir-remunerazzjoni tagħhom, l-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ xogħol imwettqa bħala għalliem għal żmien determinat f’dawn l-iskejjel, fil-kuntest tar-riklassifikazzjoni tal-karriera ta’ dawn l-għalliema tal-aħħar fil-mument tar-reklutaġġ tagħhom għal żmien indeterminat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. |
|
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki kieku kellu jitqies li l-għalliema li kienu ġew impjegati għal żmien determinat fl-iskejjel “assimilati”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 62/2000, qabel ma ġew irreklutati għal żmien indeterminat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, u l-għalliema impjegati għal żmien indeterminat fl-iskejjel tal-Istat jaħdmu “fl-istess istituzzjoni”, fis-sens tal-punt 2 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, u li dawn iż-żewġ gruppi ta’ ħaddiema jinsabu, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjonijiet paragunabbli, b’tali mod li dawn l-aħħar għalliema jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli”, fis-sens ta’ dan il-punt 2 tal-klawżola 3, għandu jitqies li differenza fit-trattament bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 485 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv ma taqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fil-klawżola 4 ta’ dan il-ftehim qafas. |
|
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità u tar-remunerazzjoni tal-għalliema waqt ir-reklutaġġ tagħhom għal żmien indeterminat f’istituzzjoni skolastika tal-Istat, ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa preċedentement minn dawn l-għalliema fil-kuntest ta’ impjieg għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat f’ċerti istituzzjonijiet skolastiċi li l-funzjonament u l-organizzazzjoni tagħhom ma jaqgħux taħt l-Istat, iżda li huma assimilati, skont din il-leġiżlazzjoni, ma’ istituzzjonijiet skolastiċi tal-Istat, minkejja li l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprevedi li l-perijodi ta’ servizz imwettqa mill-għalliema impjegati fl-istituzzjonijiet skolastiċi tal-Istat, b’mod partikolari għal żmien indeterminat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità tagħhom u tar-remunerazzjoni tagħhom. |
Fuq it-tieni domanda
|
51 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg, sanċiti b’mod partikolari mill-KEDB u mill-Karta Soċjali Ewropea. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni), C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u l-Karta Soċjali Ewropea (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, CU u ND (Assistenza soċjali – Diskriminazzjoni indiretta), C‑112/22 u C‑223/22, EU:C:2024:636, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni domanda sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-KEDB u tal-Karta Soċjali Ewropea. |
|
53 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni, li l-qorti tar-rinviju ma esponietx bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE kif ukoll tad-Direttivi 2000/43 u 2000/78 jidhrilha li hija neċessarja jew utli għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal din it-tilwima. |
|
54 |
Għaldaqstant, it-tieni domanda hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE kif ukoll tad-Direttivi 2000/43 u 2000/78. |
|
55 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, sanċiti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità u tar-remunerazzjoni tal-għalliema waqt ir-reklutaġġ tagħhom għal żmien indeterminat fi ħdan istituzzjoni skolastika tal-Istat, ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa preċedentement minn dawn l-għalliema meta kienu impjegati għal żmien determinat f’ċerti stabbilimenti skolastiċi li l-funzjonament u l-organizzazzjoni tagħhom ma jaqgħux taħt l-Istat, iżda li huma assimilati, skont din il-leġiżlazzjoni, ma’ istituzzjonijiet skolastiċi tal-Istat, minkejja li l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni, għal dawn l-istess finijiet, ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa mill-imsemmija għalliema meta dawn kienu impjegati għal żmien determinat f’istituzzjonijiet skolastiċi oħra, b’mod partikolari, dawk tal-Istat. |
|
56 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta sitwazzjoni legali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet possibbilment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria, C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati, abbażi tal-Artikolu 51(1) tagħha, lill-Istati Membri biss meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 51(2) tal-Karta jispeċifikaw li din tal-aħħar la testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, la toħloq kompetenza ġdida jew kompitu ġdid għall-Unjoni u lanqas ma timmodifika l-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fid-dawl tal-Karta, tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Consulmarketing, C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali inkwistjoni, li tmur lil hinn mill-affinità bejn l-oqsma inkwistjoni jew l-effetti indiretti ta’ wieħed mill-oqsma fuq l-ieħor (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín, C‑177/18, EU:C:2020:26, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali taqax taħt l-“implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, hemm lok li jiġi vverifikat, fost fatturi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandhiex bħala għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk hija għandhiex għanijiet oħra minbarra dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk tista’ taffettwa indirettament lil dan tal-aħħar, kif ukoll jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika dwar il-qasam jew leġiżlazzjoni li tista’ taffettwah (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín, C‑177/18, EU:C:2020:26, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel u tat-tielet domanda preliminari, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, peress li d-differenza fit-trattament li tagħmel din id-dispożizzjoni nazzjonali ma hijiex ibbażata fuq in-natura determinata jew indeterminata tat-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiema kkonċernati. Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, ma hemmx għaldaqstant rabta diretta bejn l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 485 u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita f’din il-klawżola. |
|
61 |
Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-imsemmi Artikolu 485 għandu rabta ma’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni. |
|
62 |
Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li “timplimenta d-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. |
|
63 |
Konsegwentement, id-differenza fit-trattament li tagħmel il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-garanziji tal-Karta u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 20 u 21 tagħha. |
|
64 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tieni domanda. |
Fuq ir-raba’ domanda
|
65 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq din il-qorti l-obbligu li ma tapplikax l-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 fil-każ fejn din id-dispożizzjoni nazzjonali titqies li hija inkompatibbli ma’ dan id-dritt. |
|
66 |
Fid-dawl tar-risposti mogħtija lill-ewwel sat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
67 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, |
|
għandha tiġi interpretata fis-sens li: |
|
ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità u tar-remunerazzjoni tal-għalliema waqt ir-reklutaġġ tagħhom għal żmien indeterminat f’istituzzjoni skolastika tal-Istat, ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa preċedentement minn dawn l-għalliema fil-kuntest ta’ impjieg għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat f’ċerti istituzzjonijiet skolastiċi li l-funzjonament u l-organizzazzjoni tagħhom ma jaqgħux taħt l-Istat, iżda li, skont din il-leġiżlazzjoni, huma assimilati ma’ istituzzjonijiet skolastiċi tal-Istat, minkejja li l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprevedi li l-perijodi ta’ servizz imwettqa mill-għalliema impjegati fl-istituzzjonijiet skolastiċi tal-Istat, b’mod partikolari għal żmien indeterminat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità tagħhom u tar-remunerazzjoni tagħhom. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.