|
6.10.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 404/53 |
P9_TA(2020)0274
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-kwistjonijiet li jinħolqu rigward id-drittijiet fundamentali
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2020 dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-kwistjonijiet li jinħolqu rigward id-drittijiet fundamentali (2020/2022(INI))
(2021/C 404/03)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 16 u l-Artikolu 114 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 6, l-Artikolu 7, l-Artikolu 8, l-Artikolu 11, l-Artikolu 13, l-Artikolu 21, l-Artikolu 22, l-Artikolu 23, l-Artikolu 24, l-Artikolu 38 u l-Artikolu 47 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku) (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (“Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data”, (GDPR)) (2), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (“Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”) (3), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta' realtajiet tas-suq li qed jinbidlu (4), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (5) (“Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur”), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummisjoni (UE) 2018/334 tal-1 ta' Marzu 2018 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b'mod effettiv il-kontenut illegali online (6), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata fuq l-Internet (IOCTA) tal-Europol tat-18 ta' Settembru 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0172/2020), |
|
A. |
billi d-drittijiet fundamentali, bħall-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali, il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, kif ukoll il-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, jeħtieġ li jkollhom l-għeruq tagħhom fil-qalba ta' politika tal-UE li tirnexxi u fit-tul dwar is-servizzi diġitali; billi jeħtieġ li dawn id-drittijiet jiġu kkunsidrati kemm fit-test tal-liġi, kif ukoll fl-ispirtu tal-implimentazzjoni tagħhom; |
|
B. |
billi t-tipi ta' servizzi diġitali u r-rwoli tal-fornituri ta' servizz diġitali nbidlu drastikament minn meta ġiet adottata d-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 20 sena ilu; |
|
C. |
billi l-fiduċja tal-utenti tista' tinkiseb biss permezz ta' servizzi diġitali li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tagħhom, li mhux biss jiżguraw l-adozzjoni tas-servizzi, imma joffru wkoll vantaġġ kompetittiv u mudelli kummerċjali stabbli għall-kumpaniji; |
|
D. |
billi r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-fornituri kollha li joffru servizzi diġitali fit-territorju tal-UE ġew reċentement aġġornati u armonizzati madwar l-UE permezz tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; billi r-regoli dwar il-privatezza għall-komunikazzjoni elettronika, li huma subsett ta' servizzi diġitali, huma koperti mid-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika u bħalissa qed jiġu riveduti; |
|
E. |
billi l-ammont tat-tipi kollha ta' kontenut kondiviż li huwa ġġenerat mill-utenti u s-servizzi pprovduti permezz ta' pjattaformi online, inklużi s-servizzi tal-cloud, żdied b'mod esponenzjali u b'pass bla preċedent iffaċilitat minn teknoloġiji avvanzati; billi dan jinkludi kontenut illegali bħal immaġnijiet li juru materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal (CSAM) online u kontenut li huwa legali imma li jista' jkun ta' ħsara għas-soċjetà u d-demokrazija, bħad-diżinformazzjoni dwar ir-rimedji tal-COVID-19; |
|
F. |
billi d-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni online nfirxu dejjem aktar f'dawn l-aħħar snin peress li l-individwi u l-atturi li jfixklu jagħmlu użu minn pjattaformi online biex ixerrdu l-polarizzazzjoni, li min-naħa tagħha tintuża għal skopijiet politiċi; billi n-nisa, il-persuni ta' kulur, il-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi jew lingwistiċi jew li huma perċepiti bħala li jagħmlu parti minnhom u l-persuni LGBTIQ spiss ikunu fil-mira ta' diskors ta' mibegħda diskriminatorju, bullying, theddid u jkunu filagu online; |
|
G. |
billi din it-tendenza ġiet megħjuna minn pjattaformi online li l-mudell tan-negozju tagħhom huwa bbażat fuq il-ġbir u l-analiżi tad-data tal-utenti bil-għan li jiġu ġġenerati aktar traffiku u “clicks”, u, minħabba f'hekk, aktar data dwar it-tfassil ta' profili u b'hekk aktar profitt; billi din twassal għall-amplifikazzjoni tal-kontenut sensazzjonalista; billi d-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni jagħmlu ħsara lill-interess pubbliku billi jimminaw id-diskors pubbliku rispettuż u onest, u joħolqu theddid għas-sigurtà pubblika minħabba li jistgħu jinċitaw il-vjolenza fid-dinja reali; billi l-ġlieda kontra tali kontenut hija kruċjali sabiex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u jiġu difiżi l-istat tad-dritt u d-demokrazija fl-UE; |
|
H. |
billi l-midja soċjali u pjattaformi oħra ta' distribuzzjoni tal-kontenut jużaw tekniki tat-tfassil ta' profili biex ikollhom fil-mira u jxerrdu l-kontenut tagħhom, kif ukoll ir-reklami; billi d-data miġbura mit-traċċi diġitali ta' individwi tista' tiġi estratta b'modi li jippermettu inferenza preċiża ħafna ta' informazzjoni personali ferm intima, speċjalment meta tali data tingħaqad ma' settijiet oħra ta' data; billi l-iskandli ta' Cambridge Analytica u Facebook urew ir-riskji assoċjati ma' operazzjonijiet ta' pproċessar ta' data opaki ta' pjattaformi online billi żvelaw li ċerti votanti kienu fil-mira fuq livell mikro b'reklamar politiku u, xi drabi, anke b'diżinformazzjoni mmirata; |
|
I. |
billi l-algoritmi awtomatizzati li jiddeċiedu kif jittrattaw, jipprijoritizzaw, iqassmu u jħassru kontenut ta' partijiet terzi fuq pjattaformi online, inkluż matul kampanji politiċi u elettorali, spiss jirriproduċu tendenzi diskriminatorji eżistenti fis-soċjetà, u b'hekk iwasslu għal riskju għoli ta' diskriminazzjoni għall-persuni diġà affettwati; billi l-użu mifrux tal-algoritmi għat-tneħħija jew l-imblukkar ta' kontenut iqajjem ukoll tħassib dwar l-istat tad-dritt u mistoqsijiet rigward il-legalità, il-leġittimità u l-proporzjonalità; |
|
J. |
billi numru żgħir ta' fornituri tas-servizzi, li fil-maġġoranza tagħhom mhumiex Ewropej, għandhom setgħa sinifikanti fis-suq u jeżerċitaw influwenza fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi, is-soċjetajiet u d-demokraziji tagħna billi jikkontrollaw kif jiġu ppreżentati l-informazzjoni, is-servizzi u l-prodotti, u għalhekk għandhom impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom; billi d-deċiżjonjiet ta' dawn il-pjattaformi jista' jkollhom konsegwenzi estensivi għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, u għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja; |
|
K. |
billi l-approċċ tal-politika biex jiġi indirizzat il-kontenut illegali online fl-UE s'issa ffoka prinċipalment fuq il-kooperazzjoni volontarja u t-tneħħija mitluba b'ordni tal-qorti, iżda għadd dejjem akbar ta' Stati Membri qed jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali ulterjuri biex jindirizzaw il-kontenut illegali b'mod mhux armonizzat; billi dispożizzjonijiet li jindirizzaw ċerti tipi ta' kontenut illegali ġew inklużi fil-leġiżlazzjoni settorjali reċenti fil-livell tal-UE; |
|
L. |
billi approċċ purament awtoregolatorju tal-pjattaformi ma jipprovdix trasparenza, obbligu ta' rendikont u sorveljanza adegwati; billi approċċ bħal dan la jipprovdi informazzjoni xierqa lill-awtoritajiet pubbliċi, lis-soċjetà ċivili u lill-utenti dwar kif il-pjattaformi jindirizzaw kontenut u attivitajiet illegali u kontenut li jikser it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, u lanqas dwar kif jorganizzaw il-kontenut b'mod ġenerali; |
|
M. |
billi tali approċċ ma jistax jiggarantixxi konformità mad-drittijiet fundamentali u joħloq sitwazzjoni fejn ir-responsabbiltajiet ġudizzjarji huma parzjalment mgħoddija lil partijiet privati, u dan joħloq ir-riskju ta' interferenza mad-dritt għal-libertà ta' espressjoni; |
|
N. |
billi fl-UE s-sorveljanza u s-superviżjoni regolatorja huma speċifiċi għas-settur; billi koordinazzjoni ulterjuri u aktar komprensiva bejn il-korpi ta' sorveljanza differenti madwar l-UE tkun ta' benefiċċju; |
|
O. |
billi n-nuqqas ta' data pubblika robusta u komparabbli dwar il-prevalenza ta' kontenut illegali u dannuż online, dwar avviżi u t-tneħħija ordnata mill-qorti u awtoregolatorja tagħhom, u dwar is-segwitu mill-awtoritajiet kompetenti joħloq defiċit ta' trasparenza u responsabbiltà, kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku; billi hemm nuqqas ta' informazzjoni rigward l-algoritmi użati mill-pjattaformi u mis-siti web u l-mod kif il-pjattaformi jindirizzaw it-tneħħija żbaljata ta' kontenut; |
|
P. |
billi l-isfruttament sesswali tat-tfal online huwa wieħed mill-forom ta' kontenut illegali li huwa ffaċilitat minn żviluppi teknoloġiċi; billi l-ammont vast ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal li jiċċirkola online joħloq sfidi serji għad-detezzjoni, l-investigazzjoni u, fuq kollox, għall-isforzi ta' identifikazzjoni tal-vittmi; billi, skont l-Europol, ir-rapporti ta' kondiviżjoni online ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal li saru lill-NCMEC ibbażat fl-Istati Uniti żdiedu fl-aħħar sena b'106 %; |
|
Q. |
billi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), il-kontenut għandu jitneħħa wara deċiżjoni ġudizzjarja minn Stat Membru; billi l-fornituri ospitanti jistgħu jirrikorru għal għodod u teknoloġiji ta' tfittxija awtomatizzata biex jidentifikaw u jneħħu kontenut li jkun ekwivalenti għal kontenut preċedentement iddikjarat bħala illegali, iżda m'għandhomx ikunu obbligati jimmonitorjaw b'mod ġenerali l-informazzjoni li jaħżnu, jew ifittxu b'mod attiv fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali, kif previst fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE; |
|
R. |
billi identifikazzjoni elettronika fdata hija elementari biex jiġi żgurat aċċess sigur għas-servizzi diġitali u jitwettqu tranżazzjonijiet elettroniċi b'mod aktar sikur; billi attwalment 15-il Stat Membru biss innotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-iskema ta' identità elettronika tagħhom għar-rikonoxximent transfruntier fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 (7) (“ir-Regolament eIDAS”); |
|
S. |
billi l-internet u l-pjattaformi tal-internet għadhom post ewlieni għall-attivitajiet tal-gruppi terroristiċi, u jintużaw bħala għodda għat-tixrid tal-propaganda, għar-reklutaġġ u l-promozzjoni tal-attivitajiet tagħhom; |
|
1. |
Jemmen fil-benefiċċji soċjetali u ekonomiċi ċari ta' suq uniku diġitali li jiffunzjona għall-UE u l-Istati Membri tagħha; jilqa' dawn il-benefiċċji, u b'mod partikolari t-titjib fl-aċċess għall-informazzjoni u t-tisħiħ tal-libertà ta' espressjoni; jenfasizza l-obbligu importanti li tiġi żgurata ekosistema diġitali ġusta li fiha jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment il-libertà ta' espressjoni u ta' l-informazzjoni, in-nondiskriminazzjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, u s-sikurezza tal-utent tiġi żgurata online; jenfasizza l-fatt li l-interventi leġiżlattivi u interventi regolatorji oħra fis-suq uniku diġitali li għandhom l-għan li jiżguraw konformità ma' dan l-obbligu għandhom ikunu strettament limitati għal dak li huwa neċessarju; ifakkar li l-mekkaniżmi ta' tneħħija tal-kontenut li jintużaw barra l-garanziji ta' proċess dovut jiksru l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; |
|
2. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta approċċ regolatorju mfassal apposta sabiex tindirizza d-differenzi li għadhom jippersistu bejn id-dinja online u dik offline u l-isfidi li jirriżultaw mid-diversità tal-atturi u s-servizzi offruti online; iqis, f'dan ir-rigward, li huwa essenzjali li jiġu applikati approċċi regolatorji differenti għall-kontenut illegali u legali; jenfasizza li l-kontenut illegali online u r-reati bl-użu tal-internet għandhom jiġu indirizzati bl-istess rigorożità u abbażi tal-istess prinċipji legali bħall-kontenut illegali u l-imġiba kriminali offline, u bl-istess garanziji għaċ-ċittadini; ifakkar li d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku hija l-qafas legali għas-servizzi online fis-suq intern li jirregola l-ġestjoni tal-kontenut; |
|
3. |
Iqis li huwa neċessarju li l-kontenut illegali jitneħħa malajr u b'mod konsistenti sabiex jiġu indirizzati r-reati u l-ksur tad-drittijiet fundamentali; iqis li l-kodiċijiet ta' kondotta volontarji jindirizzaw il-kwistjoni b'mod parzjali biss; |
|
4. |
Jistieden lill-fornituri ta' servizz diġitali jneħħu l-kontenut minn fuq l-internet b'mod diliġenti, proporzjonat u mhux diskriminatorju, u b'kunsiderazzjoni xierqa fiċ-ċirkostanzi kollha għad-drittijiet fundamentali tal-utenti u jqisu l-importanza fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u tal-informazzjoni f'soċjetà miftuħa u demokratika bil-għan li jiġi evitat li jitneħħa l-kontenut li mhuwiex illegali; jitlob lill-fornituri ta' servizz diġitali, li fuq l-inizjattiva tagħhom stess ikunu jixtiequ jirrestrinġu ċertu kontenut legali tal-utenti tagħhom, jesploraw il-possibbiltà li jimmarkaw dak il-kontenut, aktar milli jneħħuh minn fuq l-internet, u b'hekk jagħtu lill-utenti l-opportunità li jagħżlu li jaċċessaw dak il-kontenut b'mod li jkunu responsabbli huma nfushom; |
|
5. |
Jieħu l-pożizzjoni li kwalunkwe miżura ta' tneħħija ta' kontenut b'mandat legali fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandha tikkonċerna biss il-kontenut illegali, kif definit fil-liġi tal-UE u dik nazzjonali, u li l-leġiżlazzjoni m'għandhiex tinkludi kunċetti u termini mhux definiti peress li dan joħloq inċertezza legali għall-pjattaformi online u jpoġġi d-drittijiet fundamentali u l-libertà ta' espressjoni f'riskju; |
|
6. |
Jirrikonoxxi, madankollu, li l-ekosistema diġitali kurrenti tinkoraġġixxi wkoll imġiba problematika, bħall-mikrommirar ibbażat fuq karatteristiċi li jesponu vulnerabbiltajiet fiżiċi jew psikoloġiċi, it-tixrid ta' diskors ta' mibegħda, kontenut razzist u diżinformazzjoni, kwistjonijiet emerġenti bħall-abbuż organizzat ta' pjattaformi multipli, u l-ħolqien ta' kontijiet jew manipulazzjoni ta' kontenut online minn algoritmi; jinnota bi tħassib li xi mudelli kummerċjali huma bbażati fuq il-wiri ta' kontenut sensazzjonali u polarizzanti lill-utenti sabiex jiżdied il-ħin ta' viżwalizzazzjoni tagħhom u b'hekk il-profitti tal-pjattaformi online; jenfasizza l-effetti negattivi ta' tali mudelli ta' negozju fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi u għas-soċjetà kollha kemm hi; jitlob li jkun hemm trasparenza fil-politiki ta' monetizzazzjoni tal-pjattaformi online; |
|
7. |
Jenfasizza, għalhekk, li t-tixrid ta' tali kontenut ta' ħsara għandu jkun ikkontrollat; jemmen bis-sħiħ li l-ħiliet fil-litteriżmu medjatiku, il-kontroll tal-utenti fuq il-kontenut propost lilhom u l-aċċess pubbliku għal kontenut u edukazzjoni ta' kwalità għolja huma kruċjali f'dan ir-rigward; jilqa' għalhekk l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jinħoloq Osservatorju Ewropew għall-Midja Diġitali li jappoġġja servizzi indipendenti li jivverifikaw il-fatti malajr, iżid l-għarfien pubbliku dwar id-diżinformazzjoni online u jappoġġja l-awtoritajiet pubbliċi inkarigati mill-monitoraġġ tal-midja diġitali; |
|
8. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw inizjattivi edukattivi u tal-midja indipendenti u tas-servizz pubbliku fir-rigward tal-litteriżmu medjatiku u kampanji mmirati ta' sensibilizzazzjoni fis-soċjetà ċivili; jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil kontenut dannuż fil-kuntest ta' minorenni li jużaw l-internet, b'mod speċjali fir-rigward tal-esponiment tagħhom għall-bullying ċibernetiku, il-fastidju sesswali, il-pornografija, il-vjolenza jew il-ħsara fuqhom infushom; |
|
9. |
Jinnota li peress li l-attivitajiet online ta' individwu jippermettu li jkun hemm għarfien profond dwar il-personalità tiegħu u jagħmluha possibbli li dan jiġi mmanipulat, il-ġbir ġenerali u indiskriminat tad-data personali rigward kull użu ta' servizz diġitali jinterferixxi b'mod sproporzjonat mad-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali; jenfasizza, b'mod partikolari, l-impatt negattiv potenzjali tar-reklami mmirati fil-livell mikro u li jagħrfu l-imġiba u tal-valutazzjonijiet tal-individwi, speċjalment minorenni u gruppi vulnerabbli, billi jindaħlu fil-ħajja privata tal-individwi, u joħolqu mistoqsijiet dwar il-ġbir u l-użu tad-data użata biex jiġi ppersonalizzat ir-reklamar, jiġu offruti prodotti jew servizzi jew jiġu stabbiliti l-prezzijiet; jikkonferma li d-dritt tal-utenti li ma jkunux soġġetti għal traċċar mifrux meta jużaw is-servizzi diġitali ġie inkluż fil-GDPR u għandu jiġi infurzat kif xieraq fl-UE kollha; jinnota li l-Kummissjoni pproponiet li tagħmel it-trattament immirat tal-kontenut soġġett għal deċiżjoni opt-in fil-proposta tagħha għal regolament ġdid dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta' data personali f'komunikazzjoni elettronika (2017/0003(COD)); |
|
10. |
Iqis li reklamar politiku qarrieqi jew mhux ċar huwa klassi speċjali ta' theddid online minħabba li jinfluwenza l-mekkaniżmi ewlenin li jippermettu l-funzjonament tas-soċjetà demokratika tagħna, b'mod speċjali meta dan il-kontenut jiġi sponsorjat minn partijiet terzi, inklużi atturi barranin; jissottolinja li meta t-tfassil ta' profili jintuża fuq skala li tippermetti li l-immirar politiku fil-livell mikro jimmanipula l-imġiba fil-votazzjoni, dan jista' jimmina b'mod serju l-pedamenti tad-demokrazija; jistieden, għalhekk, lill-fornituri ta' servizz diġitali jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jidentifikaw u jimmarkaw il-kontenut imtella' minn bots soċjali u jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi linji gwida dwar l-użu ta' tali teknoloġiji diġitali persważivi fil-kampanji elettorali u fil-politika tar-reklamar politiku; jappella, f'dan ir-rigward, għall-istabbiliment ta' rekwiżiti ta' trasparenza stretti għall-wiri ta' reklamar politiku mħallas; |
|
11. |
Iqis li huwa neċessarju li l-kontenut illegali jitneħħa b'mod konsistenti u mingħajr dewmien bla bżonn sabiex jiġi indirizzat il-ksur, speċjalment dak relatat mat-tfal u l-kontenut terroristiku, u l-ksur tad-drittijiet fundamentali bis-salvagwardji neċessarji stabbiliti, bħat-trasparenza tal-proċess, id-dritt għal appell u l-aċċess għal rimedju ġudizzjarju effettiv; iqis li l-kodiċijiet ta' kondotta volontarji u l-kundizzjonijiet tal-użu kuntrattwali standard ma għandhomx infurzar adegwat u wrew li huma jindirizzaw il-kwistjoni biss b'mod parzjali; jenfasizza li r-responsabbiltà aħħarija għall-infurzar tal-liġi, għad-deċiżjoni dwar il-legalità ta' attivitajiet online kif ukoll għall-għoti ta' ordnijiet lill-fornituri ta' servizzi ta' hosting biex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut illegali jaqgħu f'idejn l-awtoritajiet kompetenti indipendenti; |
|
12. |
Jirrikonoxxi l-fatt li, filwaqt li n-natura illegali ta' ċerti tipi ta' kontenut tista' faċilment tiġi stabbilita, id-deċiżjoni hija aktar diffiċli għal tipi oħra ta' kontenut peress li jirrikjedu li jitqiesu f'kuntest; iwissi li l-għodod awtomatizzati kurrenti mhumiex kapaċi janalizzaw b'mod kritiku u jifhmu b'mod adegwat l-importanza tal-kuntest għal biċċiet speċifiċi ta' kontenut, u dan jista' jwassal għal tneħħija mhux meħtieġa u jagħmel ħsara lil-libertà ta' espressjoni u l-aċċess għal informazzjoni varjata, inkluż dwar fehmiet politiċi, u b'hekk jirriżulta f'ċensura; jenfasizza li r-rieżami uman tar-rapporti awtomatizzati mill-fornituri tas-servizzi jew mill-kuntratturi tagħhom ma jsolvix għalkollox din il-problema, speċjalment jekk jiġi esternalizzat lil persunal privat li ma jkollux biżżejjed indipendenza, kwalifiki u obbligu ta' rendikont; |
|
13. |
Jinnota bi tħassib li l-kontenut illegali online jista' jiġi mmultiplikat b'mod faċli u rapidu, u dan għalhekk jamplifika l-impatt negattiv tiegħu f'perjodu ta' żmien qasir ħafna; għalhekk jemmen li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali ma għandu jkollu l-ebda obbligu fuq il-fornituri ta' servizzi ta' hosting jew intermedjarji tekniċi oħra biex jużaw għodod awtomatizzati għall-moderazzjoni tal-kontenut; |
|
14. |
Ifakkar li l-kontenut illegali online m'għandux jitneħħa biss mill-pjattaformi online, iżda għandu jiġi segwit mill-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura fejn ikunu kkonċernati atti kriminali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tobbliga lill-pjattaformi online jirrapportaw reati serji lill-awtorità kompetenti meta jiksbu għarfien effettiv ta' tali reat; f'dan ir-rigward, jiskopri li f'xi Stati Membri, il-problema ewlenija mhijiex il-fatt li dawn għandhom biss każijiet mhux solvuti, imma anke każijiet mhux mibdija; jitlob li jitneħħew l-ostakli biex jitressqu lmenti quddiem l-awtoritajiet kompetenti; huwa konvint li, minħabba n-natura mingħajr fruntieri tal-internet u d-disseminazzjoni rapida tal-kontenut illegali online, għandha titjieb il-kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u tkun ibbażata fuq il-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-ordni legali tal-UE u l-prinċipji stabbiliti tal-kooperazzjoni transfruntiera u l-fiduċja reċiproka; jistieden lill-Istati Membri jarmaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji tagħhom bl-għarfien espert, ir-riżorsi u l-għodod meħtieġa biex ikunu jistgħu jittrattaw b'mod effettiv u effiċjenti l-għadd dejjem akbar ta' każijiet li jinvolvu kontenut illegali online u r-riżoluzzjoni tat-tilwim rigward it-tneħħija ta' kontenut minn fuq l-internet, u biex itejbu l-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tas-servizzi diġitali; |
|
15. |
Jissottolinja li biċċa speċifika ta' kontenut tista' titqies bħala illegali fi Stat Membru wieħed iżda tkun koperta mid-dritt għal-libertà ta' espressjoni f'ieħor; jenfasizza li, sabiex jiġu protetti l-libertà tal-kelma, jiġu evitati l-kunflitti tal-liġijiet, jiġi evitat imblukkar ġeografiku mhux iġġustifikat u ineffettiv u jitqiegħed fil-mira suq uniku diġitali armonizzat, il-fornituri ta' servizzi ta' hosting m'għandhomx ikunu meħtieġa jneħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal informazzjoni li tkun legali fl-Istat Membru li jkunu stabbiliti fih, jew fejn ikun jgħix jew stabbilit ir-rappreżentant legali maħtur tagħhom; ifakkar li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jinfurzaw biss ordnijiet ta' tneħħija minn awtoritajiet kompetenti indipendenti indirizzati lill-fornituri tas-servizzi stabbiliti fit-territorju tagħhom; iqis li huwa neċessarju li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni; jappella għal djalogu strutturat bejn l-Istati Membri sabiex jiġi determinat ir-riskju ta' tipi speċifiċi ta' kontenut u jiġu identifikati differenzi potenzjali fil-valutazzjoni ta' tali riskji bejn l-Istati Membri; |
|
16. |
Jissottolinja li l-kontenut illegali għandu jitneħħa fejn jiġi ospitat, u li intermedjarji ta' sempliċi mezz ta' trażmissjoni ma għandhomx jiġu meħtieġa jimblukkaw l-aċċess għall-kontenut; |
|
17. |
Jemmen bis-sħiħ li l-qafas legali kurrenti tal-UE li jirregola s-servizzi diġitali għandu jiġi aġġornat bil-ħsieb li jindirizza l-isfidi ppreżentati mill-frammentazzjoni bejn l-Istati Membri u t-teknoloġiji ġodda, bħall-prevalenza tat-tfassil ta' profili u t-teħid tad-deċiżjonijiet algoritmiku li jippenetra fl-oqsma kollha tal-ħajja, kif ukoll li jiżgura ċ-ċarezza legali u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni u d-dritt għall-privatezza b'mod li jilqa' għall-isfidi tal-futur meta wieħed iqis l-iżvilupp rapidu tat-teknoloġija; |
|
18. |
Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tintroduċi approċċ armonizzat li jindirizza l-obbligi għall-fornituri ta' servizz diġitali, inklużi għall-intermedjarji online, sabiex jiġu evitati l-frammentazzjoni tas-suq intern u l-infurzar inkonsistenti tar-regolamenti; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti u effettivi għas-suq intern kollu kemm hu, filwaqt li tevita milli toħloq piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa ġodda u żżomm is-suq uniku diġitali miftuħ, ġust, sikur u kompetittiv għall-parteċipanti kollha tiegħu; jenfasizza li r-reġim ta' responsabbiltà għall-fornituri ta' servizz diġitali jrid ikun proporzjonat, ma jridx ikun ta' żvantaġġ għall-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju, u ma jridx jillimita b'mod mhux raġonevoli l-innovazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni; |
|
19. |
Iqis li r-riforma għandha tibni fuq il-pedament sod tal-liġi eżistenti tal-UE u f'konformità sħiħa magħha, speċjalment ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika, li bħalissa qed tiġi riveduta, u tirrispetta s-supremazija tal-istrumenti speċifiċi għas-settur l-oħra bħad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva; jissottolinja li l-modernizzazzjoni tar-regoli tal-kummerċ elettroniku tista' taffettwa d-drittijiet fundamentali; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun viġilanti ħafna fl-approċċ tagħha u jħeġġiġha tintegra wkoll l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fir-reviżjoni tagħha; |
|
20. |
Jenfasizza li l-kapaċità prattika tal-utenti individwali biex jifhmu u jinnavigaw il-kumplessità tal-ekosistemi tad-data hija limitata ħafna, u bl-istess mod il-kapaċità tagħhom li jidentifikaw jekk l-informazzjoni li jirċievu u s-servizzi li jużaw humiex disponibbli għalihom fuq l-istess termini bħal utenti oħra; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tqiegħed it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni fil-qalba tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali; |
|
21. |
Jinsisti li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jrid ikollu l-għan li jiżgura livell għoli ta' trasparenza fir-rigward tal-funzjonament tas-servizzi online u ambjent diġitali ħieles mid-diskriminazzjoni; jenfasizza li, minbarra l-qafas regolatorju b'saħħtu eżistenti li jipproteġi l-privatezza u d-data personali, huwa meħtieġ obbligu għall-pjattaformi online biex jiġi żgurat l-użu leġittimu tal-algoritmi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżviluppa reġim ibbażat fuq id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku li jinkwadra b'mod ċar ir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi biex jindirizza r-riskji ffaċċjati mill-utenti tagħhom u jipproteġi d-drittijiet tagħhom u jipprevedi obbligu ta' trasparenza u spjegabbiltà tal-algoritmi, penali għall-infurzar ta' tali obbligi, il-possibbiltà ta' intervent mill-bniedem u miżuri oħra bħal awditi indipendenti annwali u testijiet tal-istress speċifiċi li jassistu u jinfurzaw il-konformità; |
|
22. |
Jenfasizza li xi fornituri ta' servizz diġitali għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw l-utenti mingħajr ambigwità b'mod ekwivalenti għas-servizzi offline; jinnota ġbir mhux meħtieġ ta' data personali, bħan-numri tal-mowbajls, minn pjattaformi online fil-punt tar-reġistrazzjoni għal servizz, spiss ikkawżat mill-użu ta' possibbiltajiet ta' reġistrazzjoni unika; jissottolinja li l-GDPR jiddeskrivi b'mod ċar il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, u b'hekk jillimita d-data li tinġabar għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-iskop; jirrakkomanda li l-pjattaformi online li jappoġġjaw servizz ta' reġistrazzjoni unika b'sehem tas-suq dominanti għandhom ikunu meħtieġa li mill-inqas ikollhom sistema waħda ta' identità miftuħa bbażata fuq qafas nonproprjetarju, deċentralizzat u interoperabbli; |
|
23. |
Jissottolinja li fejn ċertu tip ta' identifikazzjoni uffiċjali tkun meħtieġa offline, jeħtieġ li tinħoloq sistema ekwivalenti ta' identifikazzjoni elettronika online sigura; jemmen li l-identifikazzjoni online tista' tittejjeb billi tiġi infurzata l-interoperabbiltà transfruntiera tal-identifikazzjonijiet elettroniċi tar-Regolament eIDAS fl-Unjoni Ewropea kollha; jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-ħolqien ta' sistema ta' reġistrazzjoni Ewropea unika bħala alternattiva għal sistemi privati ta' reġistrazzjoni unika u tintroduċi obbligu għas-servizzi diġitali li dejjem joffru wkoll għażla ta' reġistrazzjoni manwali, stabbilita b'mod awtomatiku; jissottolinja li dan is-servizz għandu jiġi żviluppat sabiex il-ġbir ta' data ta' reġistrazzjoni identifikabbli mill-fornitur tas-servizz tar-reġistrazzjoni jkun teknikament impossibbli u d-data miġbura tinżamm għal minimu assolut; jirrakkomanda, għalhekk, li l-Kummissjoni tesplora wkoll il-ħolqien ta' sistema ta' verifika għall-utenti tas-servizzi diġitali, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali u l-verifika tal-età, b'mod speċjali għall-minorenni, li la għandha tintuża kummerċjalment u lanqas ma għandha tintuża biex jiġu traċċati l-utenti bejn is-siti; jenfasizza li dawn is-sistemi ta' reġistrazzjoni u ta' verifika għandhom japplikaw biss għal servizzi diġitali li jeħtieġu identifikazzjoni personali, awtentikazzjoni jew verifika tal-età; ifakkar li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiggarantixxu li l-identifikazzjonijiet elettroniċi jkunu siguri, trasparenti, jipproċessaw biss id-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-utent u jintużaw għal skop leġittimu biss u ma jintużawx kummerċjalment, u lanqas ma jintużaw biex irażżnu l-aċċess ġenerali għall-internet jew biex jittraċċaw l-utenti bejn is-siti; |
|
24. |
Iqis li huwa indispensabbli li jkun hemm armonizzazzjoni sħiħa u kjarifika tar-regoli dwar ir-responsabbiltà fil-livell tal-UE biex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-utenti madwar l-UE; jemmen li dawn ir-regoli għandhom iżommu eżenzjonijiet tar-responsabbiltà għal intermedjarji li ma jkollhomx għarfien effettiv tal-attività illegali jew informazzjoni fuq il-pjattaformi tagħhom; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-liġijiet nazzjonali reċenti li jindirizzaw id-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni jwasslu għal frammentazzjoni dejjem akbar tar-regoli u għal livell aktar baxx ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE; |
|
25. |
Għal dan il-għan, jappella għal proposti leġiżlattivi li jżommu s-suq uniku diġitali miftuħ u kompetittiv billi jipprovdu rekwiżiti armonizzati għal fornituri ta' servizz diġitali biex japplikaw proċeduri u salvagwardji proċedurali effettivi, koerenti, trasparenti u ġusti biex jiġi indirizzat il-kontenut illegali f'konformità mal-liġi nazzjonali u Ewropea, inkluż permezz ta' proċedura armonizzata ta' avviż u azzjoni; |
|
26. |
Jemmen, f'dan ir-rigward, li huwa kruċjali għall-pjattaformi online li jkunu forniti b'regoli, rekwiżiti u salvagwardji ċari fir-rigward tar-responsabbiltà għal kontenut ta' partijiet terzi; jipproponi li jitwaqqaf qafas regolatorju komuni sabiex jidentifika u jneħħi b'mod effiċjenti l-kontenut illegali; |
|
27. |
Jenfasizza li r-regoli dwar il-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni għandhom ikunu kkomplementati b'rekwiżiti għall-pjattaformi biex jieħdu miżuri speċifiċi li jkunu proporzjonati mal-livell ta' firxa tagħhom kif ukoll il-kapaċitajiet tekniċi u operattivi tagħhom sabiex tiġi indirizzata b'mod effettiv l-apparizzjoni ta' kontenut illegali fuq is-servizzi tagħhom; għalhekk jirrikonoxxi, fejn ikun teknoloġikament fattibbli, abbażi ta' ordnijiet sostanzjati b'mod suffiċjenti minn awtoritajiet pubbliċi kompetenti indipendenti, u b'kunsiderazzjoni sħiħa tal-kuntest speċifiku tal-kontenut, li l-fornituri ta' servizz diġitali jistgħu jkunu meħtieġa jwettqu tfittxijiet perjodiċi għal biċċiet distinti ta' kontenut li qorti tkun diġà ddikjarat bħala illegali, dment li l-monitoraġġ u t-tfittxija tal-informazzjoni kkonċernata permezz ta' tali inibizzjoni jkunu limitati għall-informazzjoni li twassal messaġġ li l-kontenut tiegħu jibqa' essenzjalment mhux mibdul meta mqabbel mal-kontenut li jkun wassal għas-sejba tal-illegalità u li jkun fih l-elementi speċifikati fl-inibizzjoni li, f'konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Ottubru 2019 fil-Kawża C-18/18 (8), ikunu identiċi jew ekwivalenti sal-punt li ma jkunx meħtieġ li l-fornitur ospitanti jwettaq valutazzjoni indipendenti ta' dak il-kontenut; |
|
28. |
Isostni li l-għażla tal-miżuri konkreti għandha titħalla f'idejn il-pjattaformi; jappoġġja approċċ ibbilanċjat ibbażat fuq djalogu mal-partijiet interessati u valutazzjoni tar-riskji mġarrba mill-pjattaformi, kif ukoll katina ċara ta' responsabbiltà biex jiġu evitati piżijiet regolatorji mhux meħtieġa għall-pjattaformi u restrizzjonijiet mhux meħtieġa u sproporzjonati fuq id-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni, inkluż dwar ideat politiċi, u d-dritt għall-privatezza; jenfasizza li ċerti obbligi jistgħu jiġu speċifikati aktar mil-leġiżlazzjoni settorjali; jenfasizza li kwalunkwe miżura stabbilita għal dan il-għan ma tistax tikkostitwixxi, la de jure u lanqas de facto, rekwiżit ta' monitoraġġ ġenerali; |
|
29. |
Jenfasizza l-ħtieġa għal salvagwardji xierqa u obbligi ta' proċess dovut, inkluż rekwiżit għas-sorveljanza u l-verifika tal-bniedem, flimkien mal-proċeduri ta' kontra avviż, biex is-sidien tal-kontenut u l-persuni li jtellgħu l-materjal ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom b'mod adegwat u fil-ħin, u biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet ta' tneħħija jew ta' mblukkar ikunu legali, preċiżi, fondati sew, jipproteġu lill-utenti u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali; jenfasizza li l-persuni li jissottomettu sistematikament u ripetutament avviżi żbaljati jew abbużivi għandhom jiġu sanzjonati; ifakkar li minbarra l-proċeduri ta' kontroavviż u s-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qrati min-naħa tal-pjattaformi skont is-sistema interna tal-ilmenti, għandha tibqa' disponibbli l-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju effettiv biex jiġi ssodisfat id-dritt għal rimedju effettiv; |
|
30. |
Jappoġġja l-preservazzjoni tal-qafas kurrenti dwar ir-responsabbiltà limitata għal kontenut u l-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini, iżda jqis li hija essenzjali koordinazzjoni mtejba għat-talbiet ta' tneħħija bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; jissottolinja li l-kontenut illegali għandu jitneħħa minn fejn ikun ospitat; jenfasizza li tali talbiet għandhom ikunu soġġetti għal salvagwardji legali sabiex jiġi evitat l-abbuż u jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza li t-talbiet ta' tneħħija min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu speċifiċi u jiddikjaraw b'mod ċar il-bażi ġuridika għat-tneħħija; jenfasizza li mekkaniżmu effettiv ta' sorveljanza u infurzar, inklużi sanzjonijiet proporzjonati li jqisu l-kapaċitajiet tekniċi u operattivi tagħhom, għandu japplika għal dawk il-fornituri tas-servizzi li jonqsu milli jikkonformaw mal-ordnijiet legali; |
|
31. |
Ifakkar li l-fornituri ta' servizz diġitali jeħtiġilhom li ma jkunux legalment meħtieġa li jżommu d-data personali tal-utenti jew tal-abbonati tagħhom għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, sakemm ma tiġix ordnata żamma mmirata minn awtorità kompetenti indipendenti b'rispett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-QĠUE; ifakkar ukoll li tali żamma tad-data għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ fir-rigward tal-kategoriji ta' data li għandha tinżamm, il-mezzi ta' komunikazzjoni affettwati, il-persuni kkonċernati u l-perjodu ta' żamma adottat; |
|
32. |
Jemmen li sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu jintroduċi regoli li jkollhom l-għan li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu tal-fornituri ta' servizz diġitali jkunu ċari, trasparenti, ġusti u jkunu disponibbli b'mod faċli u aċċessibbli għall-utenti; jiddeplora l-fatt li l-kundizzjonijiet tal-użu ta' xi pjattaformi tal-kontenut iġiegħlu lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jużaw kontijiet personali biex jinvestigaw ċerti lmenti, u dan joħloq theddida kemm għal dawn l-investigazzjonijiet kif ukoll għas-sik urezza personali, u jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar effiċjenti bejn l-Istati Membri rigward is-segwitu tal-infurzar tal-liġi dwar kontenut illegali senjalat; ifakkar li l-ordnijiet ta' tneħħija minn awtoritajiet kompetenti indipendenti jridu jkunu dejjem ibbażati fuq il-liġi, mhux fuq il-kundizzjonijiet tal-użu tal-fornituri tas-servizzi; |
|
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-utenti jkollhom aċċess għal kontenut varjat u ta' kwalità online bħala mezz biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu infurmati b'mod adegwat; jistenna li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jiżgura li l-kontenut tal-midja ta' kwalità jkun faċli biex jiġi aċċessat u faċli biex jinstab fuq il-pjattaformi ta' partijiet terzi u li t-tneħħija ta' kontenut tkun konformi mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u tkun limitata għal kontenut li jkun mingħajr dubju illegali jew li jkun instab li huwa illegali minn awtorità kompetenti indipendenti; jenfasizza li l-kontenut legali m'għandu jkun soġġett għall-ebda tneħħija legali jew obbligi ta' mblukkar; |
|
34. |
Jappoġġja djalogu akbar bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti bil-għan li jiġu żviluppati, evalwati u mtejba l-approċċi ta' liġijiet mhux vinkolanti, bħall-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni tal-UE, sabiex jiġu indirizzati aktar il-kategoriji tal-kontenut legali, inkluża d-diżinformazzjoni; jistenna li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida, inklużi regoli ta' aktar trasparenza dwar il-moderazzjoni tal-kontenut u l-politika ta' reklamar fi strument speċifiku li jakkumpanja l-Att dwar is-Servizzi Diġitali biex tiżgura li t-tneħħija u l-imblukkar tal-kontenut legali abbażi tat-termini u l-kundizzjonijiet ikunu limitati għall-minimu assolut; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas li jipprojbixxi lill-pjattaformi milli jeżerċitaw it-tieni saff ta' kontroll fuq il-kontenut li jkun ipprovdut taħt ir-responsabbiltà ta' fornitur tas-servizzi tal-midja u li jkun soġġett għal standards speċifiċi u ta' sorveljanza; |
|
35. |
Jenfasizza, barra minn hekk, li l-utenti għandhom jingħataw aktar għażla u kontroll fir-rigward tal-kontenut li jaraw, inklużi aktar għażliet dwar il-mod kif il-kontenut jiġi kklassifikat lilhom u l-possibbiltà li jagħżlu li ma jipparteċipawx fi kwalunkwe ġestjoni ta' kontenut; jemmen bis-sħiħ li d-disinn u l-prestazzjoni ta' tali sistemi ta' rakkomandazzjoni għandhom ikunu faċli għall-utent u soġġetti għal trasparenza sħiħa; |
|
36. |
Iqis li l-obbligu ta' rendikont, kemm fis-settur privat kif ukoll pubbliku, u t-tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza jirrikjedu data robusta dwar l-inċidenza u l-indirizzar ta' attivitajiet illegali u t-tneħħija ta' kontenut illegali online, kif ukoll data robusta dwar l-algoritmi tal-ġestjoni tal-kontenut ta' pjattaformi online; |
|
37. |
Jappella, f'dan ir-rigward, għal obbligu ta' rappurtar pubbliku annwali, komprensiv u konsistenti għall-pjattaformi, proporzjonat mal-livell ta' firxa u l-kapaċitajiet operattivi tagħhom, b'mod aktar speċifiku dwar il-proċeduri ta' moderazzjoni tal-kontenut tagħhom, inkluża informazzjoni dwar miżuri adottati kontra attivitajiet illegali online u data standardizzata dwar l-ammont ta' kontenut imneħħi u r-raġunijiet u l-bażijiet legali sottostanti, it-tip u l-ġustifikazzjoni tat-talbiet ta' tneħħija rċevuti, l-għadd ta' talbiet li t-twettiq tagħhom kien irrifjutat u r-raġunijiet għal dan; jenfasizza li tali rapporti, li jkopru azzjonijiet meħuda f'sena partikolari, għandhom jiġu ppreżentati sa tmiem l-ewwel kwart tas-sena ta' wara; |
|
38. |
Jappella, barra minn hekk, għal obbligu ta' rappurtar pubbliku annwali għall-awtoritajiet nazzjonali, inkluża data standardizzata dwar l-għadd ta' talbiet ta' tneħħija u l-bażijiet ġuridiċi tagħhom, dwar l-għadd ta' talbiet ta' tneħħija li kienu soġġetti għal rimedji amministrattivi jew ġudizzjarji, dwar l-eżitu ta' dawn il-proċeduri, billi jissemmew il-każijiet li fihom, kontenut jew attivitajiet speċifikati jkunu ġew identifikati ħażin bħala illegali, u dwar l-għadd totali ta' deċiżjonijiet li jimponu penali, inkluża deskrizzjoni tat-tip ta' penali imposta; |
|
39. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-frammentazzjoni u n-nuqqas dokumentat ta' riżorsi finanzjarji u umani għall-korpi ta' superviżjoni u ta' sorveljanza; jappella għal kooperazzjoni miżjuda bejn l-Istati Membri fir-rigward tas-sorveljanza regolatorja tas-servizzi diġitali; |
|
40. |
Iqis li sabiex jiġi garantit infurzar xieraq tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, is-sorveljanza tal-konformità mal-proċeduri, is-salvagwardji proċedurali u l-obbligi ta' trasparenza stabbiliti f'dan l-att għandhom jiġu armonizzati fis-suq uniku diġitali; jappoġġja, f'dan ir-rigward, infurzar b'saħħtu u rigoruż minn struttura ta' sorveljanza indipendenti tal-UE li jkollha l-kompetenza li timponi multi abbażi ta' valutazzjoni ta' sett definit b'mod ċar ta' fatturi, bħall-proporzjonalità, miżuri tekniċi u organizzattivi, u negliġenza; jemmen li dan għandu jinkludi l-possibbiltà li l-multi jkunu bbażati fuq perċentwal tal-fatturat globali annwali tal-kumpanija; |
|
41. |
Jenfasizza li l-awditi tal-politiki interni u tal-algoritmi tal-fornituri ta' servizz diġitali għandhom isiru b'kunsiderazzjoni xierqa għad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari għad-drittijiet fundamentali tal-utenti tas-servizzi, filwaqt li titqies l-importanza tan-nondiskriminazzjoni u l-libertà ta' espressjoni u tal-informazzjoni f'soċjetà miftuħa u demokratika, u mingħajr ma tiġi ppubblikata data kummerċjalment sensittiva; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġi vvalutat, hekk kif isir ilment jew inizjattiva tal-korpi ta' sorveljanza, jekk u kif il-fornituri ta' servizz diġitali jamplifikaw il-kontenut, pereżempju permezz ta' magni ta' rakkomandazzjoni u karatteristiċi ta' ottimizzazzjoni bħal awtokompletar u trending; |
|
42. |
Iqis li r-rapporti ta' trasparenza mfassla mill-pjattaformi u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku u analizzati għal tendenzi strutturali fit-tneħħija, id-detezzjoni u l-imblukkar fil-livell tal-UE; |
|
43. |
Jissottolinja l-importanza li tingħata s-setgħa lill-utenti biex jinfurzaw id-drittijiet fundamentali tagħhom stess online, inkluż permezz ta' proċeduri ta' lmenti faċilment aċċessibbli, imparzjali, trasparenti, effiċjenti u mingħajr ħlas, mekkaniżmi ta' rappurtar għal kontenut illegali u imġiba kriminali għall-individwi u l-kumpaniji, rimedji legali, miżuri edukattivi u sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data u s-sikurezza online għat-tfal; |
|
44. |
Jemmen li l-esperjenza tal-passat uriet l-effettività tal-fatt li l-mudelli tan-negozju innovattiv jitħallew javvanzaw u li s-suq uniku diġitali jissaħħaħ billi jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi diġitali u billi tiġi evitata l-introduzzjoni ta' ostakli nazzjonali ġodda u mhux ġustifikati, u li l-kontinwazzjoni ta' dan l-approċċ tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq intern; iqis, barra minn hekk, li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jista' joffri opportunitajiet biex jiġu żviluppati l-għarfien u l-ħiliet taċ-ċittadini fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni filwaqt li fl-istess ħin jiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, inkluż billi jissalvagwardja s-sikurezza online; |
|
45. |
Jenfasizza l-indispensabbiltà ta' standards miftiehma ta' sigurtà essenzjali fiċ-ċiberspazju sabiex is-servizzi diġitali jipprovdu l-benefiċċji sħaħ tagħhom liċ-ċittadini; jinnota għalhekk il-ħtieġa urġenti li l-Istati Membri jieħdu azzjoni koordinata biex jiżguraw l-iġjene ċibernetika bażika u biex jipprevjenu perikli evitabbli fiċ-ċiberspazju, inkluż permezz ta' miżuri leġiżlattivi; |
|
46. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(3) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(4) ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69.
(5) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92.
(7) Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
(8) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Ottubru 2019, Eva Glawischnig-Piesczek vs Facebook Ireland Limited, C-18/18, ECLI:EU:C:2019:821.