IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.10.2025
COM(2025) 662 final
2025/0338(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2026, l-2027 u l-2028 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) (“ir-Regolament Bażiku”) jistabbilixxi l-objettivi li għandhom jiġu applikati fost l-oħrajn meta jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd, jiġifieri l-limiti ta’ qbid u tal-isforz tas-sajd. L-għan huwa li jiġi żgurat li s-sajd tal-UE jkun ekoloġikament kif ukoll ekonomikament u soċjalment sostenibbli. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolamenti (UE) 2018/973 u (UE) 2019/472 li jistabbilixxu pjanijiet pluriennali (“MAPs”, Multiannual Plans) għall-Baħar tat-Tramuntana u għall-Ilmijiet tal-Punent (“MAP tal-Baħar tat-Tramuntana” u “MAP tal-Ilmijiet tal-Punent”), li għal ċerti stokkijiet jispeċifikaw kif għandhom jintlaħqu dawk l-objettivi meta jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd.
L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti għall-biċċa l-kbira tal-istokkijiet kull sena u għal ċerti stokkijiet kull sentejn sa 4 snin.
Uħud mill-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti b’mod awtonomu mill-UE, filwaqt li xi wħud għandhom jiġu stabbiliti wara konsultazzjonijiet bilaterali jew multilaterali ma’ pajjiżi mhux tal-UE.
Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd għal ċerti:
–stokkijiet li għalihom l-opportunitajiet tas-sajd huma stabbiliti b’mod awtonomu mill-UE;
–stokkijiet li huma: (i) ġestiti b’mod konġunt mar-Renju Unit fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Majjistral, inklużi l-istokkijiet tal-baħar fond f’dawk iż-żoni; (ii) ġestiti b’mod konġunt man-Norveġja u mar-Renju Unit fil-Baħar tat-Tramuntana; (iii) ġestiti b’mod konġunt man-Norveġja fi Skagerrak-Kattegat; jew (iv) soġġetti għal konsultazzjonijiet mal-Istati kostali tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC, North-East Atlantic Fisheries Commission);
–stokkijiet ġestiti minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs, regional fisheries management organisations); u
–stokkijiet fl-ilmijiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE.
Approċċ sabiex jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd
L-opportunitajiet tas-sajd huma stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku li jirreferi għall-objettivi tal-PKS u għall-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent.
Il-Kummissjoni tippubblika komunikazzjoni ta’ kull sena li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-istatus tal-istokkijiet rilevanti bbażata fuq parir xjentifiku, u li tispjega l-approċċ tagħha biex tipproponi opportunitajiet tas-sajd. L-aktar komunikazzjoni annwali reċenti għandha t-titolu “Sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2026” (COM(2025) 296 final).
Il-Kummissjoni tipproponi opportunitajiet tas-sajd li huma bbażati fuq parir xjentifiku kif ukoll f’konformità mal-approċċ deskritt fil-komunikazzjoni annwali u f’din il-proposta.
Bejn it-28 ta’ Mejju u s-27 ta’ Ġunju 2025, bħala tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES, International Council for the Exploration of the Sea) ipprovda l-parir xjentifiku annwali jew pluriennali tiegħu dwar għadd ta’ stokkijiet koperti minn din il-proposta.
L-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-UE jiġu allokati fost l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Bażiku dwar il-prinċipju tal-istabbiltà relattiva.
L-opportunitajiet tas-sajd li għandhom jiġu proposti aktar tard
L-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet awtonomi tal-UE li għalihom għadu mhuwiex disponibbli parir xjentifiku huma mmarkati bħala “pm” (pro memoria) f’din il-proposta. Ladarba l-parir xjentifiku jkun disponibbli, din il-proposta se tiġi aġġornata permezz ta’ dokumenti informali tas-servizzi tal-Kummissjoni.
Bl-istess mod, l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet oħrajn se jiġu proposti fid-dawl tal-eżitu tal-konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE li għadhom ma ġewx konklużi u tal-laqgħat annwali tal-RFMOs li għadhom ma sarux. Fir-rigward ta’ dawk il-konsultazzjonijiet u l-laqgħat annwali tal-RFMOs, il-Kummissjoni tipproponi, u l-Kunsill jadotta, pożizzjonijiet li għandhom jiġu espressi f’isem l-UE. Fil-każ ta’ konsultazzjonijiet bilaterali mar-Renju Unit dwar stokkijiet kondiviżi u fil-każ ta’ laqgħat annwali tal-RFMOs, il-Kummissjoni tipproponi, u l-Kunsill jadotta, speċifikazzjonijiet tal-pożizzjonijiet pluriennali tal-UE.
Peress li l-konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE għadhom ma ġewx konklużi jew il-laqgħat annwali ta’ ċerti RFMOs għadhom ma sarux, it-test tal-premessi u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/202 huwa inkluż f’din il-proposta f’parentesi kwadri u l-opportunitajiet tas-sajd huma mmarkati bħala “pm”. Madankollu, id-dati u l-kontroreferenzi huma aġġornati għad-dispożizzjonijiet.
Ladarba jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet mal-pajjiżi mhux tal-UE jew ikunu saru l-laqgħat annwali tal-RFMOs, din il-proposta se tiġi aġġornata permezz ta’ dokumenti informali tas-servizzi tal-Kummissjoni.
Obbligu ta’ ħatt l-art
F’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament Bażiku, mill-1 ta’ Jannar 2019 l-istokkijiet kollha li għalihom hemm limiti ta’ qbid ġew soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art. Dan ifisser li l-qabdiet kollha, inklużi l-qabdiet taħt id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni, għandhom jiddaħħlu u jinżammu abbord il-bastimenti tas-sajd, jiġu rreġistrati, jinħattu l-art u jinqatgħu mill-kwoti, meta applikabbli. Madankollu, ir-Regolament Bażiku jipprevedi ċerti eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art. Abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni adottat regolamenti delegati li jispeċifikaw id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd li jippermettu skartar abbażi ta’ eżenzjonijiet de minimis jew marbuta mal-kapaċità ta’ sopravivenza għolja.
Mill-introduzzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art u f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Bażiku, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jirriflettu l-bidla mill-ammont li jinħatt l-art għall-ammont li jkun inqabad, minħabba li, fil-prinċipju, l-iskartar ma għadux aktar permess.
Meta titqies l-applikazzjoni meħtieġa tal-obbligu ta’ ħatt l-art, il-Kummissjoni tipproponi l-qabdiet totali permissibbli (TACs, Total Allowable Catches) abbażi tal-parir tal-ICES dwar il-qabdiet. Il-kwoti proposti tal-UE jqisu l-iskartar abbażi tal-eżenzjonijiet stabbiliti; dawn il-kwantitajiet mhumiex se jinħattu l-art u jinqatgħu mill-kwoti, u għalhekk jitnaqqsu mill-kwoti tal-UE. Sakemm isir il-kalkolu ta’ dawk il-kwantitajiet, il-kwoti tal-UE għal stokkijiet awtonomi tal-UE huma mmarkati bħala “pm” f’din il-proposta. Barra minn hekk, għall-istokkijiet li għalihom l-ICES jipprovdi biss parir dwar il-ħatt l-art, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi TACs abbażi ta’ dak il-parir.
Flessibbiltà minn sena għal sena
L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 jipprevedu flessibbiltà minn sena għal sena għal kwoti ta’ stokkijiet kemm b’“valutazzjonijiet analitiċi” kif ukoll b’“valutazzjonijiet prekawzjonarji”. F’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi liema stokkijiet mhux se jkunu soġġetti għall-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament, abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet u l-impenji maqbula ma’ pajjiżi mhux tal-UE.
Il-Kummissjoni tipproponi li l-flessibbiltà minn sena għal sena tiġi eskluża skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għall-istokkijiet: (i) b’valutazzjonijiet analitiċi b’bijomassa taħt il-Blim; (ii) b’valutazzjonijiet prekawzjonarji li għalihom l-ICES jirrakkomanda jew qabdiet żero jew is-sospensjoni tas-sajd fil-mira; (iii) li għalihom se jkunu permessi biss qabdiet aċċessorji jew sajd xjentifiku; u (iv) li għalihom l-UE u l-pajjiż jew il-pajjiżi mhux tal-UE rilevanti ma jkunux qablu dwar l-applikazzjoni ta’ flessibbiltà minn sena għal sena jew ikunu eskludew l-applikazzjoni ta’ tali flessibbiltà abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet.
L-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku jipprevedi aktar flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti. Madankollu, biex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li timmina l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku ma għandhomx japplikaw b’mod kumulattiv.
Il-flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku għandha tiġi eskluża wkoll għal stokkijiet li għalihom hija eskluża l-flessibbiltà minn sena għal sena skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.
Sajd rikreattiv
Is-sajd rikreattiv jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq l-istokkijiet fejn jirrappreżenta parti sinifikanti mill-qabdiet totali tal-istokkijiet. Għal stokkijiet bħal dawn, għalhekk jixraq li jitqiesu l-attivitajiet kollha li jista’ jkollhom impatt fuq l-istokk, irrispettivament minn jekk dawk l-attivitajiet humiex kummerċjali jew rikreattivi. Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS u, meta rilevanti, skont l-Artikolu 10(4) tal-MAP tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Artikolu 11 tal-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent, il-Kummissjoni tipproponi miżuri anke għas-sajd rikreattiv, inkluż mill-kosta.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Il-miżuri proposti huma konsistenti mal-objettivi u r-regoli stabbiliti fir-Regolament Bażiku, l-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 (“ir-Regolament dwar is-Sallura”).
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-UE
Il-miżuri proposti huma konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina”). Dik id-Direttiva għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-ilħuq ta’ status ambjentali tajjeb (GES, Good Environmental Status) b’mod partikolari għad-deskrittur 3, li jirrikjedi li l-ħut u l-frott tal-baħar kollu li jiġi sfruttat kummerċjalment ikun fil-limiti bijoloġiċi sikuri.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta tistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd u tallokahom lill-Istati Membri f’konformità mal-objettivi u mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Bażiku u l-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent kif ukoll l-eżiti ta’ ċerti laqgħat annwali tal-RFMOs li diġà saru. Konsegwentement, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet bijoloġiċi u soċjoekonomiċi, fis-sajd imħallat, meta possibbli.
Skont l-Artikolu 16(6) u (7) u l-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom jistgħu jiġu allokati lill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom f’konformità ma’ ċerti kriterji stabbiliti f’dawk l-Artikoli. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom il-marġni ta’ diskrezzjoni meħtieġ meta jqassmu l-kwoti allokati, f’konformità mal-mudell soċjali/ekonomiku preferut tagħhom għall-użu tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom.
•Għażla tal-istrument
Regolament meqjus l-aktar strument xieraq għax permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu stabbiliti rekwiżiti li japplikaw direttament għall-Istati Membri u għall-operaturi ekonomiċi rilevanti. Dan se jgħin biex ikun żgurat li r-rekwiżiti jiġu implimentati fil-ħin u b’mod armonizzat, u jwassal għal ċertezza legali akbar.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
(a)Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali tar-rispondenti
Il-Kummissjoni kkonsultat mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari permezz tal-kunsilli konsultattivi, abbażi tal-komunikazzjoni annwali tagħha “Sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2026”.
(b)Sommarju tat-tweġibiet u kif tqiesu
It-tweġibiet tal-partijiet ikkonċernati għall-komunikazzjoni annwali msemmija hawn fuq stabbilew il-fehmiet tagħhom dwar l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-qagħda tar-riżorsi u dwar ir-rispons xieraq tal-ġestjoni. Il-Kummissjoni qieset dawk it-tweġibiet meta fasslet din il-proposta.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-gruppi ta’ esperti tal-ICES u l-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet żviluppaw qafas għall-parir xjentifiku tal-ICES. Dak il-qafas huwa bbażat fuq l-aqwa xjenza disponibbli u ġie rieżaminat bejn il-pari minn esperti indipendenti. Il-parir xjentifiku tal-ICES jinħareġ abbażi ta’ dak il-qafas u bl-għan li jkunu jistgħu jiġu implimentati l-objettivi u r-regoli tar-Regolament Bażiku u l-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Il-parir xjentifiku tal-ICES essenzjalment jiddependi minn data:
–(i) Għall-istokkijiet li għalihom huma disponibbli settijiet ta’ data komprensivi, li jippermettu valutazzjonijiet analitiċi sħaħ, skont l-età/it-tul, l-ICES jipproduċi stimi tad-daqsijiet tal-istokkijiet u previżjonijiet dwar kif diversi xenarji ta’ sfruttament se jaffettwaw dawn id-daqsijiet tal-istokkijiet (“tabelli tax-xenarji tal-qbid”). Abbażi ta’ dan, l-ICES jistma aġġustamenti għall-opportunitajiet tas-sajd li se jġibu l-istokk f’livell li jista’ jipproduċi r-rendiment massimu sostenibbli (MSY, Maximum Sustainable Yield) b’mudell partikolari ta’ sajd u bil-kundizzjonijiet ambjentali medji kurrenti. Għal stokkijiet bħal dawn, meta possibbli, il-parir xjentifiku jistabbilixxi l-medda ta’ valuri tal-mortalità mis-sajd li jirriżultaw fl-MSY (“medda ta’ FMSY”), kif definit fl-MAPs.
–(ii) Għall-istokkijiet li għalihom hija disponibbli inqas data, l-ICES ma jipprovdix xenarji ta’ qbid iżda jidentifika xejriet aktar fit-tul fir-reklutaġġ, fil-bijomassa u fil-mortalità mis-sajd. Abbażi ta’ dan, huwa jistma l-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-MSY, abbażi ta’ indikaturi tal-MSY.
–(iii) Għal stokkijiet oħrajn li għalihom hija disponibbli data limitata, meta jagħti pariri dwar il-livell ta’ opportunitajiet tas-sajd, l-ICES jibbaża fuq l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd u japplika ċerta metodoloġija. Għal stokkijiet bħal dawn li għalihom hemm aktar data disponibbli, l-ICES jidentifika xejriet aktar fit-tul fir-reklutaġġ, fil-bijomassa u fil-mortalità mis-sajd, iżda ma jistmax l-indikaturi tal-MSY. Għal stokkijiet bħal dawn li dwarhom hemm l-inqas data disponibbli, l-ICES jidentifika x-xejriet fil-qabdiet jew fil-ħatt l-art.
Il-valutazzjonijiet tal-ICES għall-istokkijiet fil-punti (i) u (ii) jissejħu “valutazzjonijiet analitiċi” u l-parir jissejjaħ “parir dwar l-MSY”. Il-valutazzjonijiet għall-istokkijiet fil-punt (iii) jissejħu “valutazzjonijiet prekawzjonarji” u l-parir jissejjaħ “parir ta’ prekawzjoni”.
Għall-istokkijiet fil-punt (i), l-ICES jippubblika parir kull sena. Madankollu, għall-istokkijiet fil-punti (ii) u (iii), l-ICES la jwettaq valutazzjoni tal-istokk u lanqas jippubblika parir fuq bażi annwali. Għal stokkijiet fil-punti (ii) u (iii), l-ICES jivvaluta xejriet aktar fit-tul. Għalhekk, l-ICES iqis li l-istatus ivvalutat ta’ dawk l-istokkijiet mhux se jkun soġġett għal bidliet kbar matul il-perjodu tal-għoti tal-pariri. Għal dawk l-istokkijiet, il-parir ippubblikat mill-ICES huwa l-aqwa parir xjentifiku disponibbli għall-perjodu kollu tal-għoti tal-pariri. Għall-istokkijiet awtonomi tal-UE li għalihom l-ICES jippubblika parir li jibqa’ validu għal diversi snin, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu stabbiliti TACs annwali li jkopru l-perjodu kollu tal-għoti ta’ parir, jiġifieri perjodu minn sentejn sa 3 snin (“TACs pluriennali”).
Wieħed mill-objettivi tal-PKS huwa li l-istokkijiet jiġu rrestawrati għal livelli li jistgħu jimplimentaw l-MSY u li jinżammu f’dawk il-livelli. Dan l-objettiv huwa inkorporat b’mod ċar fl-Artikolu 2(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament Bażiku, li jipprevedi li dan “għandu jintlaħaq […] sa mhux aktar tard mill-2020 għall-istokkijiet kollha”. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet fil-mira jiġu stabbiliti taħt l-MAPs, u għall-istokkijiet fil-mira mhux koperti mill-MAPs, abbażi tal-parir tal-MSY.
L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet fil-mira fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Punent u li għalihom hemm parir dwar l-MSY għandhom jiġu stabbiliti wkoll abbażi tal-MAPs rilevanti. Dawk jiddefinixxu medda ta’ valuri tal-mortalità mis-sajd li jirriżultaw fl-MSY (“medda tal-FMSY”) u għalhekk joffru grad ta’ flessibbiltà f’kundizzjonijiet speċifiċi. Il-Kummissjoni talbet lill-ICES jipprovdi parir xjentifiku li jista’ jintuża biex tiġi implimentata l-flessibbiltà, inkluż biex jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dik il-flessibbiltà humiex issodisfati. Il-medda superjuri tal-valuri tal-FMSY tista’ tintuża biex jiġu stabbiliti t-TACs, jekk il-bijomassa tal-istokk inkwistjoni tkun ogħla mill-MSY Btrigger, u biss jekk, abbażi ta’ parir xjentifiku jew evidenza, ikun meħtieġ biex:
–jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-MAP rilevanti fil-każ ta’ sajd imħallat; jew
–tiġi evitata ħsara serja għal stokk ikkawżat minn dinamika tal-istokk fi ħdan l-ispeċijiet jew bejn l-ispeċijiet; jew
–jiġu limitati l-varjazzjonijiet minn sena għal sena.
Meta l-bijomassa tal-istokk tkun taħt MSY Btrigger, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti f’livell li jikkorrispondi għall-mortalità mis-sajd li titnaqqas proporzjonalment biex jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.
Skont l-Artikolu 4(6) tal-MAP tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Artikolu 4(7) tal-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet fil-mira għandhom jiġu stabbiliti biex jiġi żgurat li jkun hemm probabbiltà ta’ inqas minn 5 % li l-bijomassa taqa’ taħt Blim. Meta jkun hemm disponibbli parir dwar l-MSY, u dak il-parir ikun ibbażat fuq valutazzjonijiet analitiċi sħaħ, ibbażati fuq l-età/it-tul, fil-parir tiegħu l-ICES jista’ jindika probabbiltajiet bħal dawn għal żmien qasir. Sabiex jiġi żgurat li tinkiseb il-probabbiltà, il-mortalità mis-sajd tal-istokk fil-mira jista’ jkollha titnaqqas kif xieraq jew is-sajd fil-mira jaf ikollu jiġi sospiż.
Għall-istokkijiet fil-mira b’valutazzjonijiet prekawzjonarji u li għalihom ma jkunx disponibbli parir dwar l-MSY, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu stabbiliti opportunitajiet tas-sajd abbażi tal-parir ta’ prekawzjoni, li huwa l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u li huwa parir f’konformità mal-approċċ ta’ prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd.
L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji huma proposti abbażi tal-parir dwar l-MSY, meta disponibbli. Għal stokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji b’valutazzjonijiet prekawzjonarji u li għalihom ma jkunx disponibbli parir dwar l-MSY, din il-proposta terġa’ tagħmel użu mill-parir ta’ prekawzjoni. L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Punent iridu jiġu stabbiliti wkoll abbażi tal-MAPs rilevanti.
Meta jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji, għandhom jitqiesu wkoll kunsiderazzjonijiet tas-sajd imħallat skont l-Artikolu 5(3) tal-MAPs tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Ilmijiet tal-Punent u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku, flimkien mal-Artikolu 2(1) u (5), il-punti (c) u (f), ta’ dak ir-Regolament.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-Artikolu 43(3) tat-TFUE jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd.
Din il-proposta tfittex li tevita approċċi għal żmien qasir favur is-sostenibbiltà fit-tul. Il-proposta tqis l-inizjattivi mill-partijiet ikkonċernati u mill-kunsilli konsultattivi li ġew rieżaminati b’mod pożittiv mill-ICES. Il-proposta ta’ riforma tal-PKS tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt (SEC(2011) 891) li qieset li għalkemm l-ilħuq tal-objettiv tal-MSY kien kundizzjoni meħtieġa għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali, dawk it-tliet objettivi ma jistgħux jintlaħqu waħedhom.
Fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-RFMOs u għall-istokkijiet li huma ġestiti b’mod konġunt ma’ pajjiżi mhux tal-UE, essenzjalment din il-proposta timplimenta miżuri miftiehma fil-livell internazzjonali. Kwalunkwe aspett rilevanti għall-valutazzjoni tal-impatti possibbli tal-opportunitajiet tas-sajd jiġi ttrattat fit-tħejjija u fit-twettiq ta’ negozjati internazzjonali li fihom jiġu miftiehma l-opportunitajiet tas-sajd tal-UE ma’ pajjiżi mhux tal-UE.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tikkonforma mad-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari dawk rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-monitoraġġ u l-konformità se jiġu żgurati f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
•
Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Stokkijiet awtonomi tal-UE
|
TAC
(speċi kif ukoll żoni tal-ICES u żoni oħrajn)
|
Kodiċi tat-TAC
|
TAC proposta għall-2026 (tunnellati)
|
Bidla fit-TAC proposta mill-2025
|
Spjegazzjoni
|
|
Petriċa
(Lophiidae)
In-Nofsinhar tal-Golf tal-Biskalja u l-ilmijiet Iberiċi
8c, 9 u 10; l-ilmijiet tal-UE tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF, Fishery Committee for the Eastern Central Atlantic) 34.1.1
|
ANF/8C3411
|
5 340
|
–2 %
|
L-ICES jipprovdi parir dwar l-MSY għal żewġ speċijiet differenti ta’ petriċa f’din iż-żona: petriċa tat-tbajja’ (Lophius budegassa) u petriċa kbira (Lophius piscatorius).
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC jiġi stabbilit fil-livell tas-somma tal-parir dwar l-MSY u tal-valur tal-punt tal-FMSY għaż-żewġ speċijiet.
|
|
Merluzz
(Merluccius merluccius)
In-Nofsinhar tal-Golf tal-Biskalja u l-ilmijiet Iberiċi
8c, 9 u 10; l-ilmijiet tal-UE tas-CECAF 34.1.1
|
HKE/8C3411
|
17 445
|
Tiġdid
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li jiġġeddu t-TAC għall-2025 u li t-TAC tiġi stabbilita skont il-parir dwar l-MSY, bejn il-valur tal-punt FMSY u l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY (“MSY Fupper”). Hija tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita fil-medda superjuri tal-FMSY, bejn il-punt FMSY u l-MSY Fupper, f’konformità mal-Artikolu 4(5), il-punt (a), tal-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent u filwaqt li jitqies li l-merluzz huwa l-aktar speċi limitata fis-sajd imħallat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita taħt l-MSY Fupper: (i) sabiex jiġi protett l-istokk fit-tul, li għalih ġew stabbiliti TACs ogħla mill-valur tal-punt tal-Fupper mill-2022; u (ii) bħal fis-sajd li għandu fil-mira l-merluzz, il-pollakkju huwa qabda aċċessorja u l-bijomassa ta’ dak l-istokk imsemmi l-aħħar tibqa’ taħt l-Itrigger u naqset minn 2023 għal 2024 skont l-ICES.
|
|
Sawrell
(Trachurus spp.)
L-ilmijiet Iberiċi
9
|
JAX/09.
|
56 520
|
–5 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY.
|
|
Megrims
(Lepidorhombus spp.)
In-Nofsinhar tal-Golf tal-Biskalja u l-ilmijiet Iberiċi
8c, 9 u 10; l-ilmijiet tal-UE tas-CECAF 34.1.1
|
LEZ/8C3411
|
4 986
|
+12 %
|
L-ICES jipprovdi parir dwar l-MSY għal żewġ speċijiet differenti ta’ megrims f’din iż-żona: Lepidorhombus whiffiagonis u Lepidorhombus Boscii.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita fil-livell tas-somma tal-parir dwar l-MSY u tal-valur tal-punt tal-FMSY għaż-żewġ speċijiet.
|
|
Barbun tat-tbajja’
(Pleuronectes platessa)
Il-Kattegat
|
PLE/03AS.
|
2 349
|
Tiġdid
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Din it-TAC tirrappreżenta proporzjon (34 %) tal-parir tal-ICES għall-barbun tat-tbajja’ fil-Kattegat u fil-Baħar Baltiku. Dik iċ-ċifra hija bbażata fuq id-distribuzzjoni tal-qabdiet fl-2024 stabbilita fil-parir tal-ICES.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY u taħt il-valur l-aktar baxx fil-medda tal-MSY (“MSY Flower”). Hija tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita taħt l-MSY Flower, peress li fis-sajd li għandu fil-mira l-iskampu, il-bakkaljaw u l-lingwata huma qabdiet aċċessorji u hemm parir ta’ qabdiet żero għall-istokkijiet tal-aħħar.
|
|
Barbun tat-tbajja’
Il-Golf tal-Biskalja u l-ilmijiet Iberiċi
8, 9 u 10; L-ilmijiet tal-Unjoni tas-CECAF 34.1.1
|
PLE/8/3411
|
Għall-2026, l-2027 u l-2028:
99
|
–20 %
|
L-ICES ma jistax jipprovdi informazzjoni dwar id-daqs tal-istokk jew il-pressjoni tas-sajd, u jipprovdi parir ta’ prekawzjoni għal dan l-istokk. L-aktar parir reċenti ppubblikat mill-ICES huwa validu għall-2026, l-2027 u l-2028.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TACs għall-2026, l-2027 u l-2028 jiġu stabbiliti f’konformità mal-parir ta’ prekawzjoni.
|
|
Pollakkju
Il-Golf tal-Biskalja
8a, 8b, 8d u 8e
|
POL/8ABDE.
|
Għall-2026 u l-2027:
712
|
–26 %
|
Il-parir tal-ICES ikopri tliet TACs.
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk. L-aktar parir reċenti ppubblikat mill-ICES huwa validu għall-2026 u l-2027.
F’dak il-parir, l-ICES jinnota li l-indiċi tal-bijomassa ta’ dak l-istokk jibqa’ taħt l-Itrigger (79 % tal-Itrigger u 104 % tal-Iloss ) u naqas b’11 % mill-2023 sal-2024.
Barra minn hekk, f’valutazzjoni fir-rigward ta’ dawk it-TACs għall-2026 u l-2027, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF, Scientific, Technical and Economic Committee on Fisheries) irrieżamina rapport tal-esperti taħt kuntratt dwar dawk it-TACs. Skont ir-rapport tal-esperti taħt kuntratt, u jekk wieħed jassumi mġiba medja tas-sajd fl-2021-2023:
-jekk dawk it-TACs jiġu stabbiliti għall-2026 u l-2027 b’mod kumulattiv fil-livell irrakkomandat mill-ICES (jiġifieri 703 tunnellati), l-obbligu li l-qabdiet aċċessorji kollha jinħattu l-art, inklużi l-qabdiet aċċessorji ta’ dak l-istokk, iwassal biex bastiment tas-sajd wieħed jew aktar f’sajd imħallat jieqfu mis-sajd anke jekk xorta jkollhom kwota għal speċijiet oħra, li min-naħa tiegħu jwassal għal għeluq qabel iż-żmien ta’ ċertu sajd;
-speċifikament: (i) is-sajd Franċiż rilevanti fil-Golf tal-Biskalja huwa projettat li jagħlaq fil-11 ta’ Settembru; (ii) is-sajd Spanjol rilevanti fil-Baħar tal-Kantabrija fil-5 ta’ Settembru; u (iii) is-sajd Spanjol rilevanti fl-ilmijiet Iberiċi fit-13 ta’ Settembru;
-dak l-għeluq mistenni jwassal għal tnaqqis mil-lat tal-valur totali tal-ħatt l-art għall-ispeċijiet kollha għas-segmenti tal-flotta rilevanti ta’ 32 %, 28 % u 27 % rispettivament, u għal “effetti sinifikanti fuq il-prestazzjoni soċjoekonomika tagħhom”; u
-it-TACs meħtieġa biex is-sajd ikun jista’ jopera sal-aħħar tas-sena huma projettati li jkunu 834 tunnellata, 148 tunnellata u 164 tunnellata rispettivament.
|
|
|
|
|
|
Fil-valutazzjoni tiegħu: “L-STECF josserva li d-data użata biex titwettaq din l-analiżi ma tkoprix jew tirrappreżenta x-xejriet tas-sajd attwali f’dan ir-reġjun peress li s-sena tad-data tal-2024 ma kinitx disponibbli. Fin-nuqqas ta’ din id-data, intużat medja tal-2021 – 2023 bħala valur indikatur biex jiġu deskritti x-xejriet tas-sajd attwali. L-STECF konxju li l-2024 x’aktarx kienet sena b’xejriet tas-sajd differenti meta mqabbla mas-snin preċedenti, mhux l-inqas minħabba l-għeluq tas-sajd Franċiż fi Frar 2024 (simulat fir-rapport ad hoc … [rapport]), u tnaqqis sostanzjali fit-TAC tal-pollakkju.” Madankollu, fil-valutazzjoni tiegħu, l-STECF innota wkoll li r-“rapport tlesta kif xieraq fid-dawl tad-data disponibbli”.
Skont l-Artikolu 5(3) tal-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent, u sabiex jintlaħaq bilanċ bejn iż-żamma tas-sajd imħallat, fid-dawl tal-impatti soċjoekonomiċi potenzjalment severi jekk ma jsirx dan, u l-ħtieġa li jinkiseb status bijoloġiku tajjeb għal dak l-istokk, filwaqt li titqies id-diffikultà tas-sajd tal-istokkijiet kollha f’sajd imħallat fl-MSY, il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li jiġu stabbiliti dawk it-TACs għall-2026 u l-2027 b’mod esklużiv għall-qabdiet aċċessorji u b’mod kumulattiv fil-livell ta’ ħatt l-art reċenti (fl-2024, skont l-ICES, jiġifieri 923 tunnellata).
Kif stabbilit fir-rapport tal-esperti taħt kuntratt, jekk it-TACs jiġu stabbiliti f’tali livell:
-(i) is-sajd Franċiż rilevanti fil-Golf tal-Biskalja mistenni jagħlaq fis-16 ta’ Diċembru; (ii) is-sajd Spanjol rilevanti fil-Baħar tal-Kantabrija fil-22 ta’ Settembru; u (iii) s-sajd Spanjol rilevanti fl-ilmijiet Iberiċi fit-30 ta’ Novembru; u
-dak l-għeluq mistenni jwassal għal tnaqqis mil-lat tal-valur totali tal-ħatt l-art għall-ispeċijiet kollha għas-segmenti rilevanti tal-flotta ta’ 5 %, 23 % u 7 % rispettivament.
Barra minn hekk, peress li dawk it-TACs huma esklużivament għall-qabdiet aċċessorji, huwa propost li tiġi eskluża l-flessibbiltà minn sena għal sena skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għal dawk it-TACs.
|
|
Pollakkju
Il-Baħar tal-Kantabrija
8c
|
POL/08C.
|
Għall-2026 u l-2027:
80
|
–26 %
|
Ara l-ispjegazzjoni ta’ hawn fuq għall-pollakkju fil-Golf tal-Biskalja.
|
|
Pollakkju
L-ilmijiet Iberiċi
9 u 10; L-ilmijiet tal-Unjoni tas-CECAF 34.1.1
|
POL/9/3411
u POL/93411P (kwantità addizzjonali għall-Portugall)
|
Għall-2026 u l-2027:
98
u 33 (kwantità addizzjonali għall-Portugall)
|
–26 %
u -26 %
|
Ara l-ispjegazzjoni ta’ hawn fuq għall-pollakkju fil-Golf tal-Biskalja.
|
|
Spnotta
Il-Golf tal-Biskalja
8a u 8b
|
Mhux applikabbli
|
Mhux applikabbli
|
Mhux applikabbli
|
L-ICES jipprovdi parir dwar l-MSY għal dan l-istokk u għal din iż-żona.
Barra minn hekk, fis-sajd li għandu fil-mira l-ispnotta, il-pollakkju huwa qabda aċċessorja u l-bijomassa ta’ dak l-istokk imsemmi l-aħħar għadha taħt l-Itrigger u naqset mill-2023 sal-2024 skont l-ICES.
Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi:
-li, meta jiddeterminaw il-kwoti tagħhom għas-sajd kummerċjali, Franza u Spanja għandhom jiżguraw b’mod konġunt li s-somma ta’ dawk il-kwoti, tal-qbid skartat kummerċjali, tal-ħatt l-art rikreattiv u tal-qbid skartat mejjet rikreattiv ma taqbiżx l-MSY Flower għat-tneħħija totali għad-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES (il-Golf tal-Biskalja), jiġifieri 5 286 tunnellata; u
-li jinżamm il-limitu tal-qabda ta’ ħuta waħda għal kull sajjied u għal kull ġurnata għas-sajd rikreattiv.
|
|
Lingwata komuni
(Solea solea)
Il-Golf tal-Biskalja
8a u 8b
|
SOL/8AB.
|
2 482
|
–1 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir tal-MSY u mal-valur tal-punt tal-FMSY, imnaqqas proporzjonalment biex jitqies it-tnaqqis attwali fil-bijomassa (il-bijomassa għall-2026 hija prevista li tkun madwar 91 % tal-MSY Btrigger u b’riżultat ta’ dan il-qabda totali rakkomandata tikkorrispondi għall-valur tal-punt tal-FMSY imnaqqas b’9 %).
|
|
Lingwata
In-Nofsinhar tal-Golf tal-Biskalja u l-ilmijiet Iberiċi
8c, 8d, 8e, 9 u 10; L-ilmijiet tal-Unjoni tas-CECAF 34.1.1
|
SOO/8CDE34
|
Għall-2026 u l-2027:
388
|
–28 %
|
It-TAC tkopri tliet speċijiet ta’ lingwata f’din iż-żona; lingwata komuni (Solea solea) u żewġ speċijiet ta’ lingwata oħrajn.
L-ICES jipprovdi biss parir dwar l-MSY għal-lingwata komuni f’din iż-żona. L-aktar parir reċenti ppubblikat mill-ICES huwa validu għall-2026 u l-2027.
Għall-2026 u l-2027, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita subTAC għal-lingwata komuni, jiġifieri għall-ispeċi li l-ICES tipprovdi parir dwarha. Il-Kummissjoni tipproponi li s-subTAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY (jiġifieri 190 tunnellata). Tipproponi wkoll li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir għal-lingwata komuni u filwaqt li jitqiesu l-ishma tal-qbid għat-tliet speċijiet tal-lingwata (49 % lingwata komuni u 51 % speċijiet ta’ lingwata oħrajn). L-ishma tal-qbid huma bbażati fuq l-ishma tal-qbid bejn l-2022 u l-2024 stabbiliti fil-parir tal-ICES.
|
|
Merlangu
Il-Golf tal-Biskalja
8
|
WHG/08.
|
Għall-2026 u l-2027:
990
|
–27 %
|
L-ICES jipprovdi parir dwar l-MSY għall-merlangu fis-subżona 8 u fid-diviżjoni 9a tal-ICES (il-Golf tal-Biskalja u l-ilmijiet Iberiċi). L-aktar parir reċenti ppubblikat mill-ICES huwa validu għall-2026 u l-2027.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TACs għall-2026 u l-2027 jiġu stabbiliti f’konformità mal-parir dwar l-MSY.
|
L-istokkijiet elenkati fl-Anness 36, it-Tabella F, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet elenkati fl-Anness 36, it-tabella F, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”). Dak l-Anness jelenka stokkijiet li huma preżenti biss fl-ilmijiet ta’ Parti waħda.
|
TAC
(speċi kif ukoll żoni tal-ICES u żoni oħrajn)
|
Kodiċi tat-TAC
|
TAC proposta għall-2026 (tunnellati)
|
Bidla fit-TAC proposta mill-2025
|
Spjegazzjoni
|
|
Paġella ħamra
(Pagellus bogaraveo)
L-ilmijiet tal-Azores
10
|
SBR/10-
|
382
|
–3 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk. L-aktar parir reċenti ppubblikat mill-ICES huwa validu għall-2026 u l-2027.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC għall-2026 tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY.
|
|
Raja ondjata Il-Golf tal-Biskalja
8
- TAC skont it-TAC għar-rebekkini u r-raj fi 8 u f’9
|
RJU/8-C.
- TAC skont SRX/89-C.
|
33
|
Tiġdid
|
L-ICES ma jistax jipprovdi informazzjoni dwar id-daqs tal-istokk jew il-pressjoni tas-sajd, u jipprovdi parir ta’ prekawzjoni għal dan l-istokk. L-aktar parir reċenti ppubblikat mill-ICES huwa validu għall-2025 u l-2028.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC għall-2026 tiġi stabbilita b’mod esklużiv għall-qabdiet aċċessorji fl-istess livell bħal dik stabbilita mill-Kunsill fl-2024 abbażi tal-parir validu għall-2025-2028.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li għall-2026 jinżammu l-kwantitajiet addizzjonali għas-sajd sentinella biex ikun permess il-ġbir tad-data bbażata fuq is-sajd fl-istess livell bħal dak għall-2025. Dawk il-kwantitajiet addizzjonali għandhom l-għan li jtejbu d-data xjentifika bbażata fuq is-sajd disponibbli.
|
|
Raja ondjata L-ilmijiet Iberiċi
9
- TAC skont it-TAC għar-rebekkini u r-raj fi 8 u f’9
|
RJU/9-C.
- TAC skont SRX/89-C.
|
50
|
Tiġdid
|
L-ICES ma jistax jipprovdi informazzjoni dwar id-daqs tal-istokk jew il-pressjoni tas-sajd, u jipprovdi parir ta’ prekawzjoni għal dan l-istokk. L-aktar parir reċenti ppubblikat mill-ICES huwa validu għall-2025 u l-2028.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC b’mod esklużiv għall-qabdiet aċċessorji għall-2026 tiġi stabbilita fl-istess livell bħal dik stabbilita mill-Kunsill fl-2024 abbażi tal-parir validu għall-2025 sal-2028.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li għall-2026 tinżamm il-kwantità addizzjonali għas-sajd sentinella biex ikun permess il-ġbir tad-data bbażata fuq is-sajd fl-istess livell bħal dak għall-2025. Dik il-kwantità addizzjonali għandha l-għan li ttejjeb id-data xjentifika bbażata fuq is-sajd disponibbli.
|
Sallura
L-ICES jipprovdi pariri għall-medda naturali kollha tas-sallura (Anguilla anguilla), li tinkludi l-Atlantiku tal-Grigal u l-Mediterran. Minħabba l-istatus kritiku tas-sallura, l-ICES:
–(i) Għal dawn l-aħħar żewġ deċennji, b’mod konsistenti ta parir li l-mortalità antropoġenika tas-sallura tinżamm kemm jista’ jkun qrib iż-żero fil-medda naturali tagħha kollha.
–(ii) Ilu mill-2021 jagħti l-parir li, meta jiġi applikat l-approċċ prekawzjonarju, għandu jkun hemm qabdiet żero ta’ sallura fil-ħabitats kollha. Dan jikkonċerna kemm il-qabdiet rikreattivi kif ukoll dawk kummerċjali u jinkludi l-qabdiet ta’ frieħ tas-sallura għar-ristokkjar u għall-akkwakultura.
–(iii) Fit-30 ta’ Mejju 2022, ta parir li minkejja l-isforzi tal-Istati Membri, ma sar l-ebda progress ġenerali fl-ilħuq tal-objettiv ta’ ħrib tal-bijomassa tas-sallura tal-fidda ta’ 40 % madwar l-UE kollha, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament dwar is-Sallura. Barra minn hekk, l-ICES ta parir li l-isforzi ta’ konservazzjoni għandhom ikunu ffukati fuq il-miżuri li skont id-definizzjoni, għandhom probabbiltà kbira li jnaqqsu l-mortalità u jżidu l-ħrib.
Il-parir tal-ICES għall-2026 se jiġi ppubblikat fl-4 ta’ Novembru 2025.
Fir-regolamenti annwali dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-ilmijiet tal-baħar u salmastri tal-UE tal-Atlantiku tal-Grigal, ġie stabbilit perjodu ta’ għeluq konsekuttiv ta’ 3 xhur għas-sajd tas-sallura (mill-2018 sal-2022). Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/194 estenda l-perjodu ta’ għeluq għal 6 xhur għal kwalunkwe attività tas-sajd tas-sallura fl-ilmijiet tal-baħar u salmastri tal-UE tal-Atlantiku tal-Grigal. Barra minn hekk, dan ipprojbixxa wkoll is-sajd rikreattiv kollu tas-sallura f’dawk l-ilmijiet. Ir-Regolamenti tal-Kunsill (UE) 2024/257 u (UE) 2025/202 żammew dawk il-miżuri u, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tas-sallura tal-fidda li temigra mill-Baħar Baltiku lejn il-Baħar tat-Tramuntana, irrikjedew li l-Istati Membri kostali tas-subżona 3 tal-ICES, jiġifieri d-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja, għandhom jaqblu dwar perjodi ta’ għeluq effettivi għas-sallura tal-fidda. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2024/257 jiċċara l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga għas-sajd limitat kontinwu tas-sallura matul il-perjodu ta’ migrazzjoni tas-sallura.
Minħabba l-istat kritiku kontinwu tas-sallura, il-Kummissjoni tipproponi li għall-2026 jinżammu l-miżuri għas-sallura stabbiliti fir-Regolament (UE) 2025/202. Din il-proposta se tiġi aġġornata wara li l-ICES ikun ippubblika l-parir xjentifiku tiegħu għas-sallura fil-Grigal tal-Atlantiku u fil-Mediterran għall-2026.
2025/0338 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2026, l-2027 u l-2028 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Kunsill se jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, inklużi ċerti kundizzjonijiet li jkunu marbuta b’mod funzjonali ma’ dawk l-opportunitajiet tas-sajd, kif xieraq. F’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-objettivi u r-regoli tal-politika komuni tas-sajd (PKS), kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament, u r-Regolamenti (UE) 2018/973 u (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxu pjanijiet pluriennali (MAPs, Multiannual Plans) għal ċerti stokkijiet mistada fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Ilmijiet tal-Punent u li jisfruttaw dawk l-istokkijiet. F’konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu allokati fost l-Istati Membri biex tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk ta’ ħut jew tip ta’ sajd.
(2)Il-qabdiet totali permissibbli (TACs, Total Allowable Catches) jenħtieġ li jiġu stabbiliti, f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013: (i) abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli; (ii) abbażi ta’ perspettiva fit-tul; (iii) filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet reġjonali; u (iv) fid-dawl tal-opinjonijiet mogħtija matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
(3)Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-istokkijiet kollha li għalihom hemm limiti ta’ qbid kienu soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art mill-1 ta’ Jannar 2019, għalkemm japplikaw ċerti eżenzjonijiet. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolamenti Delegati (UE) 2023/2459 u (UE) 2023/2623 li jistabbilixxu d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd.
(4)L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet koperti mill-obbligu ta’ ħatt l-art jenħtieġ li jqisu l-fatt li l-iskartar fil-prinċipju ma għadux permess. Għalhekk, meta disponibbli, dawn jenħtieġ li jkunu bbażati fuq iċ-ċifra tal-parir xjentifiku għall-qabdiet totali kif stipulat mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES, International Council for the Exploration of the Sea). Il-kwantitajiet li b’eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art jistgħu jibqgħu jiġu skartati jenħtieġ li jitnaqqsu minn dik iċ-ċifra ssuġġerita għall-qabdiet totali. Barra minn hekk, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet li għalihom l-ICES jipprovdi biss parir dwar il-ħatt l-art, jenħtieġ li jiġu stabbiliti abbażi ta’ dak il-parir.
(5)L-MAPs stabbiliti bir-Regolament (UE) 2018/973 u (UE) 2019/472 jistabbilixxu miri u miżuri għall-ġestjoni fit-tul tal-istokkijiet koperti minn dawk l-MAPs. L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1) ta’ dawk ir-Regolamenti (“stokkijiet fil-mira”) jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mal-medda ta’ valuri tal-mortalità mis-sajd li jirriżultaw f’rendiment massimu sostenibbli (MSY, Maximum Sustainable Yield) (“meded tal-FMSY”), jew f’livell aktar baxx, u, meta rilevanti, f’konformità mas-salvagwardji tal-bijomassa previsti f’dawk ir-Regolamenti. Il-meded tal-FMSY ġew stabbiliti fil-parir rilevanti tal-ICES. L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet fil-mira li għalihom ma jistgħux jiġu ddeterminati l-meded tal-FMSY, kif ukoll għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) ta’ dawk ir-Regolamenti (“stokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji”), jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew, meta ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni xjentifika adegwata, f’konformità mal-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (8), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
(6)Skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (UE) 2018/973 u l-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2019/472, jenħtieġ li jiġu stabbiliti opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet fil-mira biex jiġi żgurat li jkun hemm probabbiltà ta’ inqas minn 5 % li l-bijomassa taqa’ taħt il-punt ta’ referenza tal-limitu tal-bijomassa (Blim).
(7)F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/973 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/472, meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ta’ kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet fil-mira hija: (i) taħt l-MSY Btrigger għandhom jiġu adottati miżuri ta’ rimedju, b’mod partikolari l-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livell li jikkorrispondi għall-mortalità mis-sajd li titnaqqas proporzjonalment biex jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa; u (ii) taħt il-Blim, għandhom jittieħdu aktar miżuri ta’ rimedju biex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu ta’ dak l-istokk għal livelli ogħla minn dawk li kapaċi jipproduċu l-MSY. B’mod partikolari, dawk il-miżuri ta’ rimedju jistgħu jinkludu s-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk inkwistjoni u t-tnaqqis adegwat tal-opportunitajiet tas-sajd għal dawk l-istokkijiet jew stokkijiet oħrajn fis-sajd.
(8)Hemm ċerti stokkijiet li għalihom l-ICES jagħti l-parir li ma jsir l-ebda qbid jew isir ammont baxx ta’ qbid, jew l-ICES jipprevedi li probabbiltà ta’ inqas minn 5 % tal-bijomassa li taqa’ taħt il-Blim tista’: (i) tinkiseb biss b’qabdiet baxxi; (ii) tinkiseb biss b’qabdiet żero; jew (iii) lanqas biss tista’ tinkiseb b’qabdiet żero. Madankollu, jekk it-TACs għal dawk l-istokkijiet ikunu ġew stabbiliti f’dawk il-livelli, l-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha, inklużi l-qabdiet aċċessorji minn dawk l-istokkijiet f’sajd imħallat, jista’ jwassal biex bastiment tas-sajd wieħed jew aktar jieqfu mis-sajd anke jekk xorta jkollhom kwota għal speċijiet oħra, li min-naħa tiegħu jista’ jwassal għal għeluq qabel iż-żmien ta’ ċertu sajd. Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolamenti (UE) 2018/973 u (UE) 2019/472 u l-Artikolu 16(4) r-Regolament (UE) Nru 1380/2013, flimkien mal-Artikolu 2(1) u (5), il-punti (c) u (f), ta’ dak ir-Regolament u sabiex jintlaħaq bilanċ bejn iż-żamma tas-sajd imħallat, fid-dawl tal-impatti soċjoekonomiċi potenzjalment severi jekk ma jsirx dan, u l-ħtieġa li jinkiseb status bijoloġiku tajjeb għal dawk l-istokkijiet, filwaqt li titqies id-diffikultà li jiġu mistada l-istokkijiet kollha f’sajd imħallat f’MSY, jixraq li jiġu stabbiliti TACs speċifiċi għall-qabdiet aċċessorji għal dawk l-istokkijiet. Jenħtieġ li dawk it-TACs ta’ qabdiet aċċessorji jiġu stabbiliti f’livelli li: (i) jiġi evitat ir-riskju ta’ għeluq qabel iż-żmien tas-sajd minħabba n-nuqqas ta’ kwota tal-bastimenti tas-sajd għall-istokkijiet li jinqabdu bħala qabdiet aċċessorji, fejn tali għeluq qabel iż-żmien jista’ jkollu impatti soċjoekonomiċi severi fuq perjodu ta’ żmien qasir; filwaqt li fl-istess ħin (ii) tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-istokkijiet ikkonċernati, meta n-nuqqas ta’ konservazzjoni tal-istokkijiet jista’ jkollu impatti ambjentali u soċjoekonomiċi severi fit-tul, kif ukoll impatti soċjoekonomiċi assoċjati fuq perjodu ta’ żmien qasir. Dawk it-TACs ta’ qabdiet aċċessorji jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll fil-livelli bbażati fuq evidenza speċifika, affidabbli u verifikabbli rigward l-għeluq potenzjali qabel iż-żmien, l-impatti soċjoekonomiċi potenzjali fuq perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll l-impatti ambjentali fit-tul. Sabiex jitnaqqsu l-qabdiet tal-istokkijiet li għalihom jiġu stabbiliti t-TACs tal-qabdiet aċċessorji, l-opportunitajiet tas-sajd imħallat għall-attivitajiet tas-sajd li fihom jinqabad b’mod aċċessorju l-ħut minn dawn l-istokkijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livelli li jgħinu biex il-bijomassa tal-istokkijiet vulnerabbli tirkupra għal livelli sostenibbli.
(9)Sabiex jiġi ggarantit, sa fejn huwa possibbli, l-użu tal-opportunitajiet tas-sajd f’sajd imħallat f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jixraq li tiġi stabbilita riżerva komuni għall-iskambji ta’ kwoti għall-Istati Membri li ma għandhomx kwota biex ikopru l-qabdiet aċċessorji inevitabbli tagħhom f’ċerti żoni.
(10)F’konformità mal-Artikoli 2(2) u 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għal stokkijiet li mhumiex koperti mir-Regolamenti (UE) 2018/973 u (UE) 2019/472, meta tkun disponibbli informazzjoni xjentifika adegwata, jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti f’konformità mal-valur tal-punt tal-FMSY u, meta rilevanti, f’livelli li jirrestawraw l-istokkijiet ogħla mil-livelli li kapaċi jipproduċu l-MSY. Meta tali informazzjoni ma tkunx disponibbli, jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti skont l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd.
(11)Għal ċerti stokkijiet, il-parir tal-ICES jibqa’ validu għal diversi snin, u dak il-parir jibqa’ l-aqwa parir xjentifiku disponibbli għall-perjodu kollu tal-għoti tal-pariri. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti TACs annwali li jkopru l-perjodu kollu tal-għoti tal-pariri (“TACs pluriennali”). Madankollu, jekk parir ġdid tal-ICES isir disponibbli matul dak il-perjodu, jenħtieġ li jiġi żgurat li t-TACs pluriennali jibqgħu konsistenti mal-parir il-ġdid, malajr kemm jista’ jkun wara l-pubblikazzjoni ta’ tali parir ġdid tal-ICES. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li t-tnaqqis annwali miċ-ċifra suġġerita għall-qabdiet totali biex jitqiesu l-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art jibqa’ konsistenti mad-data disponibbli.
(12)F’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/472, Spanja u Franza għandhom jiżguraw b’mod konġunt li, meta jiddeterminaw il-kwoti tagħhom għas-sajd kummerċjali għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax) fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES, is-somma ta’ dawk il-kwoti, il-qbid skartat kummerċjali, il-ħatt l-art rikreattiv u l-qbid skartat mejjet rikreattiv ma jaqbżux l-inqas valur fil-medda tal-FMSY (“MSY Flower”) għat-tneħħija totali għal dik iż-żona, jiġifieri 5 286 tunnellata. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-applikazzjoni korretta tal-objettivi u tar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u fir-Regolament (UE) 2019/472, l-Istati Membri jenħtieġ li jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni dwar dawk il-kwoti.
(13)Jenħtieġ li jinżammu miżuri addizzjonali għas-sajd rikreattiv għall-ispnotta fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES, fid-dawl tal-impatt sinifikanti tas-sajd rikreattiv fuq il-mortalità mis-sajd għal dak l-istokk.
(14)Hemm ċerti stokkijiet li għalihom l-ICES jagħti pariri dwar qabdiet ogħla minn livell baxx. Madankollu, jekk it-TACs għal dawk l-istokkijiet ikunu ġew stabbiliti f’dawk il-livelli, l-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha, inklużi l-qabdiet aċċessorji minn dawk l-istokkijiet f’sajd imħallat, jista’ jwassal biex bastiment tas-sajd wieħed jew aktar jieqfu mis-sajd anke jekk xorta jkollhom kwota għal speċijiet oħra, li min-naħa tiegħu jista’ jwassal għal għeluq qabel iż-żmien ta’ ċertu sajd. Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolamenti (UE) 2018/973 u (UE) 2019/472 u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, flimkien mal-Artikolu 2(1) u (5), il-punti (c) u (f) ta’ dak ir-Regolament u sabiex jintlaħaq bilanċ bejn iż-żamma tas-sajd imħallat, fid-dawl tal-impatti soċjoekonomiċi potenzjalment severi jekk ma jsirx dan, u l-ħtieġa li jinkiseb status tajjeb għal dawk l-istokkijiet, filwaqt li titqies id-diffikultà li jinqabdu l-istokkijiet kollha f’sajd imħallat f’MSY, jixraq li jiġu stabbiliti TACs speċifiċi għall-qabdiet aċċessorji għal dawk l-istokkijiet. Jenħtieġ li dawk it-TACs ta’ qabdiet aċċessorji jiġu stabbiliti f’livelli li: (i) jiġi evitat ir-riskju ta’ għeluq qabel iż-żmien tas-sajd minħabba n-nuqqas ta’ kwota tal-bastimenti tas-sajd għall-istokkijiet li jinqabdu bħala qabdiet aċċessorji, fejn tali għeluq qabel iż-żmien jista’ jkollu impatti soċjoekonomiċi severi fuq perjodu ta’ żmien qasir; filwaqt li fl-istess ħin (ii) tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-istokkijiet ikkonċernati, meta n-nuqqas ta’ konservazzjoni tal-istokkijiet jista’ jkollu impatti ambjentali u soċjoekonomiċi severi fit-tul, kif ukoll impatti soċjoekonomiċi assoċjati fuq perjodu ta’ żmien qasir. Dawk it-TACs ta’ qabdiet aċċessorji jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll abbażi ta’ evidenza speċifika, affidabbli u verifikabbli rigward l-għeluq potenzjali qabel iż-żmien, l-impatti soċjoekonomiċi potenzjali fuq perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll l-impatti ambjentali fit-tul. Sabiex jitnaqqsu l-qabdiet tal-istokkijiet li għalihom jiġu stabbiliti t-TACs tal-qabdiet aċċessorji, l-opportunitajiet tas-sajd imħallat għall-attivitajiet tas-sajd li fihom jinqabad b’mod aċċessorju l-ħut minn dawn l-istokkijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livelli li jgħinu biex il-bijomassa tal-istokkijiet vulnerabbli tirkupra għal livelli sostenibbli.
(15)Skont il-parir rilevanti tal-ICES, il-qabdiet rikreattivi tal-pollakkju (Pollachius pollachius) fis-subżona 8 u fid-diviżjoni 9a tal-ICES mhumiex negliġibbli. Għalhekk jixraq li jiġu stabbiliti limiti għall-qabdiet rikreattivi tal-pollakkju fis-subżoni 8, 9 u 10 tal-ICES u ż-żona 34.1.1 fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF, Fishery Committee for the Eastern Central Atlantic).
(16)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-pubblikazzjoni mill-ICES tal-parir xjentifiku tiegħu dwar is-sallura għall-2026.] [F’Mejju 2022, l-ICES innota li minkejja l-isforzi tal-Istati Membri biex tiġi rkuprata s-sallura (Anguilla anguilla), ma sar l-ebda progress ġenerali fl-ilħuq tal-objettiv ta’ ħrib tal-bijomassa tas-sallura tal-fidda ta’ 40 % madwar l-Unjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007, u li ma ġiet osservata l-ebda xejra ċara għall-mortalità. F’Novembru 2025, l-ICES ta parir għal darb’oħra li meta jiġi applikat l-approċċ prekawzjonarju, jenħtieġ li jkun hemm qabdiet żero tas-sallura fil-ħabitats kollha u fl-istadji kollha tal-ħajja, tul il-medda naturali tagħha, li tinkludi l-Atlantiku tal-Grigal u l-Mediterran. Dan jikkonċerna kemm il-qabdiet rikreattivi kif ukoll dawk kummerċjali u jinkludi l-qabdiet ta’ frieħ tas-sallura għar-ristokkjar u għall-akkwakultura.]
(17)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-pubblikazzjoni mill-ICES tal-parir xjentifiku tiegħu dwar is-sallura għall-2026.] [Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/194 estenda għal 6 xhur il-perjodu ta’ għeluq għal kwalunkwe attività tas-sajd tas-sallura kummerċjali fl-ilmijiet tal-baħar u salmastri tal-Unjoni tal-Atlantiku tal-Grigal. Dan ipprojbixxa wkoll is-sajd rikreattiv kollu tas-sallura f’dawk l-ilmijiet. Tqies li perjodu ta’ għeluq ta’ 6 xhur jipproteġi aħjar l-istokk mill-miżuri tal-Unjoni u dawk nazzjonali implimentati sal-2022. Tqies ukoll li l-perjodu ta’ għeluq estiż jgħin biex ikompli jintlaħaq l-objettiv ta’ ħrib ta’ mill-inqas 40 % tas-sallura tal-fidda stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007. Ir-Regolamenti tal-Kunsill (UE) 2024/257 u (UE) 2025/202 żammew dawk il-miżuri filwaqt li ċċaraw il-kriterji għall-istabbiliment tal-perjodu ta’ għeluq u d-deroga possibbli għas-sajd tas-sallura limitat kontinwu matul il-perjodu ta’ migrazzjoni tas-sallura. Minħabba l-istat kritiku kontinwu tas-sallura, jixraq li dawk il-miżuri jinżammu fl-2026.]
(18)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-pubblikazzjoni mill-ICES tal-parir xjentifiku tiegħu dwar is-sallura għall-2026.] [Skont ir-Regolament (KE) Nru 1100/2007, ir-ripopolazzjoni tal-ferħ tas-sallura hija miżura ta’ konservazzjoni magħżula minn ċerti Stati Membri fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tas-sallura tagħhom. Sabiex dawk l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu jimplimentaw dik il-miżura, jistgħu jkunu meħtieġa qabdiet tal-ferħ tas-sallura fl-ilmijiet tal-baħar u salmastri tal-Unjoni tal-Atlantiku tal-Grigal fiż-żmien xieraq tas-sena u possibbilment matul il-perjodu ta’ migrazzjoni ewlieni tagħhom. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jħallu li jitkompla s-sajd għall-frieħ tas-sallura, esklużivament għar-ripopolazzjoni, għal 50 jum addizzjonali matul il-perjodu ta’ migrazzjoni ewlieni tal-ferħ tas-sallura.]
(19)Fil-parir tiegħu għal ċerti stokkijiet ta’ elażmobranki (rebekkini, klieb il-baħar, raj) għall-2026, l-ICES jirrakkomanda qabdiet żero, minħabba l-istat ta’ konservazzjoni batut tagħhom jew saħansitra meta attività tas-sajd limitata tista’ twassal għal riskju serju għall-konservazzjoni. Għalhekk, is-sajd ta’ speċijiet bħal dawn jenħtieġ li jkun ipprojbit. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(4), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta’ ħatt l-art ma japplikax għal speċijiet li għalihom is-sajd huwa pprojbit. Meta jinqabdu b’mod aċċidentali, jenħtieġ li dawk l-ispeċijiet ma ssirilhomx ħsara u jenħtieġ li jinħelsu minnufih. L-iskartar ta’ tali elażmobranki mhuwiex meqjus li jżid il-mortalità mis-sajd tagħhom b’mod sinifikanti u jappoġġa l-konservazzjoni ta’ dawk l-istokkijiet peress li għandhom rati għoljin ta’ sopravivenza meta jiġu skartati.
(20)Sabiex jiġi mmassimizzat l-użu tal-opportunitajiet tas-sajd, jixraq li titħalla l-implimentazzjoni ta’ arranġament flessibbli bejn ċerti żoni tat-TAC fejn l-istess stokk bijoloġiku huwa kkonċernat.
(21)L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 jipprevedu flessibbiltà minn sena għal sena għal kwoti ta’ stokkijiet soġġetti kemm għal “TACs prekawzjonarji” kif ukoll għal “TACs analitiċi”. Skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill irid jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li għalihom ma għandhomx japplikaw l-Artikoli 3 jew 4 ta’ dak ir-Regolament, abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet u l-impenji milħuqa ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi aktar flessibbiltà minn sena għal sena għall-istokkijiet kollha li huma soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art. Sabiex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li tillimita l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, jenħtieġ li l-flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma tapplikax b’mod kumulattiv. Fl-aħħar nett, il-flessibbiltà minn sena għal sena skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jenħtieġ li tiġi eskluża wkoll għal stokkijiet li għalihom hija eskluża l-flessibbiltà minn sena għal sena skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.
(22)Meta stokk jiġi mistad minn Stat Membru wieħed biss, jixraq li dak l-Istat Membru jingħata s-setgħa li jistabbilixxi TAC għal dak l-istokk, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Setgħa bħal din hija xierqa dment li meta jiġi ddeterminat il-livell tat-TAC, l-Istat Membru jikkonforma mal-objettivi u mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u fir-Regolamenti (UE) 2018/973 u (UE) 2019/472. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-applikazzjoni korretta tal-objettivi u tar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u fir-Regolamenti (UE) 2018/973 u (UE) 2019/472, l-Istati Membri jenħtieġ li jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni dwar dawk it-TACs. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF, Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries) jivvaluta dawk it-TACs, u f’każ li l-STECF jivvaluta li dawk it-TACs mhumiex konformi mal-objettivi u mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u fir-Regolamenti (UE) 2018/973 u (UE) 2019/472, jenħtieġ li l-Istati Membri jemendaw it-TACs abbażi tal-parir tal-STECF.
(23)Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd għal-lingwata fil-Kanal tal-Punent (id-diviżjoni 7e tal-ICES) f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/472.
(24)Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-limiti massimi tal-isforz tas-sajd għat-tonn (Thunnus thynnus) f’parti miż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT, International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas), speċifikament fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant ta’ 45° W, f’konformità mal-Artikoli 6, 11, 13 u 16 tar-Regolament (UE) 2023/2053 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(25)L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b’mod partikolari l-Artikoli 33 u 34 ta’ dak ir-Regolament, dwar ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet u tal-isforz tas-sajd, u n-notifika tad-data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-kodiċijiet li l-Istati Membri jridu jużaw meta jibagħtu d-data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament.
(26)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-NEAFC.] [Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2024, il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC, North-East Atlantic Fisheries Commission) adottat TAC għall-Partijiet Kontraenti għall-NEAFC għas-sebasti (Sebastes mentella) għall-2025 fl-ilmijiet internazzjonali tas-subżoni 1 u 2 tal-ICES, li jistgħu jiġu mistada fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Novembru 2025. Il-kwota tal-Unjoni għas-sebasti f’dik iż-żona għall-2025 jenħtieġ li tiġi stabbilita fil-livell ta’ dik it-TAC. Barra minn hekk, ladarba t-TAC tintuża kollha mill-Partijiet Kontraenti għall-NEAFC u s-sajd jingħalaq, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprojbixxu s-sajd dirett għas-sebasti minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom.]
(27)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-NEAFC.] [Il-kavalli (Scomber scombrus), l-istokkafixx (Micromesistius poutassou) u l-aringa Atlantu‑Skandjana (Clupea harengus) fl-Atlantiku tal-Grigal huma soġġetti għal konsultazzjonijiet mal-Istati kostali dwar il-ġestjoni tas-sajd għal dawk l-istokkijiet, u huma stokkijiet ġestiti wkoll mill-NEAFC. L-Unjoni ħadet sehem f’dawk il-konsultazzjonijiet abbażi tal-pożizzjonijiet approvati mill-Kunsill fl-10 ta’ Ottubru 2024. L-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’rekords maqbula għall-aringa Atlantu-Skandjana fil-Grigal tal-Atlantiku għall-2025 iffirmati fit-18 ta’ Ottubru 2024, għall-istokkafixx fil-Grigal tal-Atlantiku għall-2025 iffirmati fis-16 ta’ Ottubru 2024, u għall-kavall fil-Grigal tal-Atlantiku għall-2025 iffirmati wkoll fit-22 ta’ Ottubru 2024. Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2024, l-NEAFC adottat rakkomandazzjonijiet dwar miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għall-2025 għall-aringa Atlantu-Skandjana, l-istokkafixx u l-kavall. Għalhekk jixraq li t-TACs għall-aringa Atlantu-Skandjana, l-istokkafixx u l-kavall fl-Atlantiku tal-Grigal għall-2025 jiġu stabbiliti fil-livell tal-opportunitajiet tas-sajd maqbula fir-rekords maqbula tal-istati kostali rispettivi u r-rakkomandazzjonijiet tal-NEAFC.]
(28)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-ICCAT.] [Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2024, il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT, International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas) żammet il-miżuri eżistenti għal ċerti stokkijiet fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT. Barra minn hekk, l-ICCAT żiedet it-TACs għall-2025 meta mqabbla mal-2024 għat-tonn obeż (Thunnus obesus) u l-pixxispad tal-Atlantiku tat-Tramuntana (Xiphias gladius). Barra minn hekk, l-ICCAT mexxiet l-għeluq għall-użu tal-irkaptu biex jinġema’ l-ħut (FADs, Fish Aggregating Devices) għas-sajd għat-tonn tropikali għal aktar tard fis-sena u qassret it-tul tiegħu għal 45 jum. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(29)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tas-CAMLR.] [Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2024, il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CAMLR, Conservation of Antarctic Marine Living Resources) adottat limiti ta’ qbid għall-istokkijiet fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR għall-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2024 sat-30 ta’ Novembru 2025. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(30)Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2025, il-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC, Indian Ocean Tuna Commission) stabbiliet il-miżuri li ġejjin fiż-Żona ta’ Kompetenza tagħha għall-2026: (i) żammet il-miżuri eżistenti adottati għat-tonna safra (Thunnus albacares); (ii) irrieżaminat il-limiti ta’ qbid għat-tonn obeż; u (iii) adottat limiti ta’ qbid għall-palamit (Katsuwonus pelamis). Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni. [Il-kwota tal-Unjoni għall-palamit fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC għall-2026 jenħtieġ li tiġi allokata lill-Istati Membri f’konformità mal-ftehim milħuq bejn l-Istati Membri kkonċernati dwar il-koeffiċjent tal-allokazzjoni għal dak l-istokk, li jqis [X]].
(31)Il-laqgħa annwali tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO, South Pacific Regional Fisheries Management Organisation) hija ppjanata li ssir mit-2 sas-6 ta’ Marzu 2026. Konsegwentement, il-miżuri eżistenti fiż-żona tal-Konvenzjoni SPRFMO li huma marbuta b’mod funzjonali mat-TACs jenħtieġ li jinżammu temporanjament sakemm issir il-laqgħa annwali u jiġu stabbiliti t-TACs għall-2026.
(32)Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2025, il-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali (IATTC, Inter-American Tropical Tuna Commission) biddlet uħud mill-miżuri eżistenti applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-IATTC filwaqt li żammet l-għadd ta’ FADs għall-2026. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.
(33)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tas-CCSBT.] [Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2023, il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (CCSBT, Commission for the Conservation of Southern Bluefin Tuna) adottat it-TAC għat-tonna tan-Nofsinhar (Thunnus maccoyii) għal perjodu ta’ 3 snin mill-2024 sal-2026. Dik il-miżura jenħtieġ li tiġi implimentata fid-dritt tal-Unjoni għall-2025.]
(34)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-SEAFO.] [Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2024, l-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk (SEAFO, South-East Atlantic Fisheries Organisation) għall-perjodu 2025-2026 żammet it-TACs fiż-żona tal-Konvenzjoni SEAFO stabbiliti għall-2024. Madankollu, it-TAC għall-pixxisinna Patagonjan (Dissostichus eleginoides) fis-subżona D tas-SEAFO żdiedet bi 13-il tunnellata għall-2025 meta mqabbla mal-2024. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(35)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-WCPFC.] [Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2024, il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC, Western and Central Pacific Fisheries Commission) żammet għall-2025 il-miżuri adottati għall-2024. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(36)Fis-47 laqgħa annwali tagħha fl-2025, l-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO, Northwest Atlantic Fisheries Organisation) adottat opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet fiż-żona tal-Konvenzjoni NAFO għall-2026. Għall-2026, hija żammet ukoll miżuri marbuta b’mod funzjonali mal-opportunitajiet tas-sajd tal-klamar tal-pinen qosra (Illex illecebrosus) fis-subżoni 3 u 4 tan-NAFO u tal-barbun denbu isfar (Limanda ferruginea) fid-diviżjonijiet 3LNO tan-NAFO, bl-għan li jiġu mminimizzati l-livelli ta’ qabdiet aċċessorji ta’ speċijiet mhux fil-mira u li mingħajrhom, l-opportunitajiet tas-sajd għal dawk l-istokkijiet ikollhom jitnaqqsu biex jiġu protetti l-ispeċijiet mhux fil-mira. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.
(37)Fil-laqgħa annwali tiegħu tal-2025, il-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan (SIOFA, Southern Indian Ocean Fisheries Agreement) irreveda l-miżuri eżistenti għall-klieb il-baħar tal-fond, inkluż l-għeluq eżistenti taż-żoni tas-sajd u l-lista ta’ speċijiet ta’ klieb il-baħar li għalihom huwa pprojbit is-sajd dirett fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA. Barra minn hekk, is-SIOFA adotta miżura ġdida għas-sajd bentiku, li tinkludi l-għeluq ta’ ċerti żoni għall-attivitajiet kollha tas-sajd tal-qiegħ u f’ċerti żoni biss li jippermettu sajd bil-konz tal-qiegħ. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.
(38)Skont l-Artikolu 498(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), l-Unjoni u r-Renju Unit iridu jorganizzaw konsultazzjonijiet kull sena biex jaqblu, sal-10 ta’ Diċembru ta’ kull sena, dwar it-TACs għas-sena ta’ wara għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Jekk tali TACs ma jiġux konklużi sal-10 ta’ Diċembru, il-Partijiet iridu minnufih jerġgħu jibdew il-konsultazzjonijiet bil-għan kontinwat li jintlaħaq qbil dwar it-TACs, kif meħtieġ mill-Artikolu 499(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
(39)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.] [Fl-2024, l-Unjoni u r-Renju Unit organizzaw konsultazzjonijiet bilaterali dwar l-istabbiliment ta’ għadd kbir ta’ TACs għall-2025 għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Dawk il-konsultazzjonijiet twettqu skont l-Artikolu 498(2), (4) u (6) tal-Ftehim tal-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. L-Unjoni ħadet sehem f’dawk il-konsultazzjonijiet abbażi tal-pożizzjoni tal-Unjoni approvata mill-Kunsill fis-7 ta’ Ottubru 2024, u f’konformità mad-dokumenti informali tas-servizzi tal-Kummissjoni approvati mill-Kunsill fil-5, fit-8 u fid-19 ta’ Novembru u fit-2 ta’ Diċembru 2024. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’rekord bil-miktub iffirmat fis-6 ta’ Diċembru 2024. Għalhekk, l-opportunitajiet tas-sajd rilevanti jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livelli stabbiliti f’dak ir-rekord bil-miktub, u l-miżuri l-oħrajn marbuta b’mod funzjonali mal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti wkoll f’dak ir-rekord bil-miktub jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(40)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni, ir-Renju Unit u n-Norveġja.] [Fl-2024, l-Unjoni, ir-Renju Unit u n-Norveġja kellhom konsultazzjonijiet trilaterali dwar sitt stokkijiet kondiviżi u ġestiti b’mod konġunt li jinsabu fiż-żoni taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom, bl-għan li jintlaħaq qbil dwar il-ġestjoni ta’ dawk l-istokkijiet, inkluż l-opportunitajiet tas-sajd għall-2025. Dawk il-konsultazzjonijiet saru bejn l-4 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2024, abbażi tal-pożizzjoni tal-Unjoni approvata mill-Kunsill fis-7 ta’ Ottubru 2024, u f’konformità mad-dokument informali tas-servizzi tal-Kummissjoni approvat mill-Kunsill fit-8 ta’ Novembru 2024. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’rekord maqbul iffirmat mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet fit-2 ta’ Diċembru 2024. L-opportunitajiet tas-sajd rilevanti jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell maqbul mar-Renju Unit u man-Norveġja, u jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dak ir-rekord maqbul jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(41)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u n-Norveġja.] [L-Unjoni kellha konsultazzjonijiet bilaterali man-Norveġja dwar seba’ stokkijiet kondiviżi u ġestiti b’mod konġunt fi Skagerrak (il-bakkaljaw (Gadus morhua), il-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus), l-aringa (Clupea harengus), il-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis), il-barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa), il-laċċ ikħal (Sprattus sprattus) u l-merlangu (Merlangius merlangus)), biex jaqblu dwar il-ġestjoni ta’ dawk l-istokkijiet u l-opportunitajiet tas-sajd għall-2025, kif ukoll dwar l-iskambju ta’ kwoti u l-arranġamenti dwar l-aċċess. Dawk il-konsultazzjonijiet, imwettqa abbażi tal-pożizzjoni tal-Unjoni approvata mill-Kunsill fl-4 ta’ Ottubru 2024, ġew konklużi fil-5 ta’ Diċembru 2024 u l-eżitu ġie ddokumentat fi tliet rekords maqbula ffirmati mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni fil-5 ta’ Diċembru 2024. L-opportunitajiet tas-sajd rilevanti jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell maqbul man-Norveġja, u jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dawk ir-rekords maqbula jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(42)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka.] [F’konformità mal-proċedura prevista fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, u l-Protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu, il-Partijiet qablu li jistabbilixxu l-livell tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Greenland għall-2025 fil-livell maqbul u previst f’dak il-Protokoll ta’ implimentazzjoni, li jrid jiġi kkonfermat permezz ta’ skambju ta’ ittri, kif previst fl-Artikolu 12(8) ta’ dak il-Ftehim, wara l-applikazzjoni, fuq bażi proviżorja, tal-Protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu mill-Partijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd rilevanti jiġu stabbiliti fil-livell stabbilit fil-Protokoll ta’ implimentazzjoni, u filwaqt li jitqiesu t-trasferimenti lejn in-Norveġja maqbula fil-konsultazzjonijiet bilaterali għas-sajd bejn l-Unjoni u n-Norveġja għall-2025.]
(43)It-Trattat tad-9 ta’ Frar 1920 relatat ma’ Spitsbergen (Svalbard) (“it-Trattat ta’ Pariġi tal-1920”) jagħti aċċess ugwali u nondiskriminatorju għar-riżorsi fl-inħawi ta’ Svalbard lill-Partijiet kollha ta’ dak it-Trattat, inkluż fir-rigward tas-sajd. Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar dak l-aċċess ġiet deskritta f’diversi notes verbales lin-Norveġja, b’dawk l-aktar reċenti datati s-26 ta’ Frar 2021, it-28 ta’ Ġunju 2021, l-1 ta’ Awwissu 2022 u s-26 ta’ Ottubru 2023. Fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għall-granċ tal-Artiku (Chionoecetes spp.) madwar Svalbard, jixraq li jiġi limitat l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd li huma awtorizzati jwettqu tali attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jiġi żgurat li l-isfruttament tal-granċ tal-Artiku madwar Svalbard ikun konsistenti ma’ regoli ta’ ġestjoni nondiskriminatorji stabbiliti min-Norveġja, li għandha sovranità u ġuriżdizzjoni fiż-żona f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar u t-Trattat ta’ Pariġi tal-1920. L-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd bħal dawn fost l-Istati Membri hija limitata għall-2026. Fl-Unjoni, ir-responsabbiltà primarja li tiġi żgurata l-konformità mal-liġi applikabbli hija tal-Istati Membri tal-bandiera.
(44)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-istokkijiet fl-Artiku tal-Grigal se jiġu aġġornati ladarba tkun disponibbli l-informazzjoni rilevanti.] [Fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għall-bakkaljaw fl-Artiku tal-Grigal, jixraq tiġi stabbilita l-kwota tal-Unjoni għall-2025 għall-bakkaljaw fl-ilmijiet ta’ Svalbard u fl-ilmijiet internazzjonali tas-subżona 1 u d-diviżjoni 2b tal-ICES abbażi tat-TAC ta’ referenza għal dak l-istokk u s-sehem storiku tas-sajd tal-Unjoni ta’ 2,8274 %. Dik il-kwota tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi allokata lill-Istati Membri f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/277/KEE, soġġetta għall-adattamenti meħtieġa minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni kif stabbilit fl-Anness 36, it-tabella E, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.]
(45)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela se jiġu aġġornati ladarba ssir disponibbli l-informazzjoni rilevanti.] [F’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Unjoni indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva ’l barra mill-kosta tal-Guyana Franċiża, approvata f’isem l-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1565, jeħtieġ li jiġi stabbilit l-għadd massimu tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal-lutjan li huma disponibbli għall-Venezwela fl-ilmijiet tal-Unjoni għall-2025.]
(46)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex l-Istati Membri individwali jkunu awtorizzati jimmaniġġjaw l-allokazzjonijiet tal-isforz tas-sajd f’konformità ma’ sistema ta’ kilowatt-jiem, biex tagħti jiem addizzjonali fuq il-baħar għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd u għat-titjib tal-kopertura tal-osservaturi xjentifiċi, kif ukollbiex tistabbilixxi formati ta’ spreadsheets għall-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar it-trasferiment tal-jiem fuq il-baħar bejn il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(47)Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni kontinwa u tiġi evitata l-inċertezza legali matul il-perjodu bejn it-tmiem tas-sena u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena sussegwenti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-projbizzjonijiet u l-istaġuni magħluqa jenħtieġ li jkomplu japplikaw fil-bidu tal-2027 sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2027. Għall-istess raġunijiet, id-dispożizzjonijiet li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2027 jew il-31 ta’ Diċembru 2028 jenħtieġ li jkomplu japplikaw fil-bidu tal-2028 jew tal-2029 sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2028 jew għall-2029.
(48)Sabiex jiġi evitat li jiġu interrotti l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġi ssalvagwardjat l-għajxien tas-sajjieda, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika b’effett mill-1 ta’ Jannar 2026. Għal raġunijiet ta’ urġenza u biex tiġi pprovduta ċertezza legali mill-aktar fis possibbli, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.
(49)Ċerti miżuri internazzjonali li joħolqu jew li jirrestrinġu l-opportunitajiet tas-sajd għall-Unjoni ġew adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) rilevanti fl-aħħar tal-2025 u saru applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jimplimentaw miżuri bħal dawn fid-dritt tal-Unjoni b’hekk jenħtieġ li japplikaw b’mod retroattiv. B’mod partikolari, peress li l-istaġun tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR huwa mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Novembru, u peress li ċerti opportunitajiet jew projbizzjonijiet tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR huma stabbiliti għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Diċembru 2025, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw minn dik id-data. Barra minn hekk, l-istaġun tas-sajd għall-pixxisinna fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA jibda mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Novembru, u billi t-TACs għal dak il-grupp ta’ speċijiet huma stabbiliti għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Diċembru 2025, it-TACs jenħtieġ li japplikaw minn dik id-data. Applikazzjoni retroattiva bħal din ma tippreġudikax il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi peress li hija pprojbita għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Parti Kontraenti li jistadu mingħajr awtorizzazzjoni fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR u fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA,
ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni.
2.L-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu:
(a)il-limiti ta’ qbid għas-sena 2026 u, meta speċifikat f’dan ir-Regolament, għall-2027 u għall-2028 ukoll;
(b)il-limiti tal-isforz tas-sajd għas-sena 2026, ħlief il-limiti tal-isforz tas-sajd stabbiliti fl-Anness II, li għandhom japplikaw mill-1 ta’ Frar 2026 sal-31 ta’ Jannar 2027;
(c)opportunitajiet tas-sajd għall-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2025 sat-30 ta’ Novembru 2026 għal ċerti stokkijiet fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR u għal ċerti stokkijiet fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA; u
(d)opportunitajiet tas-sajd għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-31 ta’ Mejju 2027 fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Paċifiku tat-Tramuntana (NPFC, North Pacific Fisheries Commission).
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd li ġejjin:
(a)bastimenti tas-sajd tal-Unjoni; u
(b)bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Unjoni.
2.Dan ir-Regolament japplika wkoll għal:
(a)ċertu sajd rikreattiv kif imsemmi b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament; u
(b)sajd kummerċjali minn fuq ix-xatt.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)“bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz u li huwa rreġistrat fih;
(b)“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-kuntest tar-rikreazzjoni, tat-turiżmu jew tal-isport;
(c)“ilmijiet internazzjonali” tfisser ilmijiet li ma jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tal-ebda Stat;
(d)“qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser:
(i)fis-sajd soġġett għall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art imsemmija fl-Artikolu 15(4) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-kwantità ta’ ħut li jista’ jinħatt l-art minn kull stokk kull sena;
(ii)fl-attivitajiet tas-sajd l-oħrajn kollha, il-kwantità ta’ ħut li jista’ jinqabad minn kull stokk kull sena;
(e)“kwota” tfisser proporzjon minn TAC li huwa allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz;
(f)“valutazzjoni analitika” tfisser evalwazzjoni kwantitattiva tax-xejriet fi stokk partikolari, imsejsa fuq data dwar il-bijoloġija u l-isfruttament tal-istokk, inkluż abbażi ta’ indikaturi, li r-rieżami xjentifiku jkun indika li hija ta’ kwalità tajba biżżejjed biex tipprovdi pariri xjentifiċi;
(g)“TAC analitika” tfisser TAC li għaliha tkun disponibbli valutazzjoni analitika;
(h)“TAC prekawzjonarja” tfisser TAC li għaliha ma tkunx disponibbli valutazzjoni analitika, u pjuttost tkun disponibbli valutazzjoni bbażata fuq l-approċċ prekawzjonarju jew ma tkun disponibbli l-ebda valutazzjoni;
(i)“daqs tal-malja” tfisser id-daqs tal-malji tax-xbieki tas-sajd kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (34), tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(j)“reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni” tfisser ir-reġistru stabbilit mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(k)“ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd” tfisser il-ġurnal ta’ abbord imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(l)“baga strumentata” tfisser baga mmarkata b’mod ċar b’numru ta’ referenza uniku li jippermetti l-identifikazzjoni ta’ sidha u mgħammra b’sistema ta’ rintraċċar bis-satellita biex timmonitorja l-pożizzjoni tagħha;
(m)“baga operazzjonali” tfisser kwalunkwe baga strumentata, attivata minn qabel, mixgħula u mqiegħda fuq il-baħar fuq irkaptu mitluq għal riħu sabiex jinġema’ l-ħut (FAD) jew injam jgħum fil-wiċċ, li tittrażmetti l-pożizzjonijiet u informazzjoni oħra disponibbli bħal stimi minn ekosonda.
Artikolu 4
Żoni tas-sajd
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet taż-żoni tas-sajd li ġejjin:
(a)“żoni tal-ICES (il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar)” tfisser iż-żoni ġeografiċi speċifikati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)“Skagerrak” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata fil-Punent minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Hanstholm sal-fanal ta’ Lindesnes u fin-Nofsinhar minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Skagen sal-fanal ta’ Tistlarna u minn dak il-punt għall-eqreb punt tal-kosta Żvediża;
(c)“Kattegat” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata fit-Tramuntana minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Skagen sal-fanal ta’ Tistlarna u minn dak il-punt għall-eqreb punt tal-kosta Żvediża u fin-Nofsinhar minn linja miġbuda minn Hasenøre sa Gnibens Spids, minn Korshage sa Spodsbjerg u minn Gilbjerg Hoved sa Kullen;
(d)“unità funzjonali 16 tas-subżona 7 tal-ICES” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata minn lossodromi li b’mod sekwenzjali jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin:
–53°30'N 15°00'W,
–53°30'N 11°00'W,
–51°30'N 11°00'W,
–51°30'N 13°00'W,
–51°00'N 13°00'W,
–51°00'N 15°00'W;
(e)“unità funzjonali 25 tad-diviżjoni 8c tal-ICES” tfisser iż-żona tal-baħar ġeografika kkonfinata minn lossodromi li sekwenzjalment jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin:
–43°00'N 9°00'W,
–43°00'N 10°00'W,
–43°30'N 10°00'W,
–43°30'N 9°00'W,
–44°00'N 9°00'W,
–44°00'N 8°00'W,
–43°30'N 8°00'W;
(f)“unità funzjonali 26 tad-diviżjoni 9a tal-ICES” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata minn lossodromi li jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin b’mod sekwenzjali:
–43°00'N 8°00'W,
–43°00'N 10°00'W,
–42°00'N 10°00'W,
–42 00'N 8°00'W;
(g)“unità funzjonali 27 tad-diviżjoni 9a tal-ICES” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata minn lossodromi li jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin b’mod sekwenzjali:
–42°00'N 8°00'W,
–42°00'N 10°00'W,
–38°30'N 10°00'W,
–38°30'N 9°00'W,
–40°00'N 9°00'W,
–40°00'N 8°00'W;
(h)“unità funzjonali 30 tad-diviżjoni 9a tal-ICES” tfisser iż-żona ġeografika taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Spanja fil-Golf ta’ Cádiz u fl-ilmijiet tal-madwar tad-diviżjoni 9a tal-ICES;
(i)“unità funzjonali 31 tad-diviżjoni 8c tal-ICES” tfisser iż-żona tal-baħar ġeografika kkonfinata minn lossodromi li sekwenzjalment jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin:
–43°30'N 6°00'W,
–44°00'N 6°00'W,
–44°00'N 2°00'W,
–43°30'N 2°00'W;
(j)“Golf ta’ Cádiz” tfisser iż-żona ġeografika tad-diviżjoni 9a tal-ICES li tinsab fil-Lvant tal-lonġitudni 7 23' 48″ W;
(k)“Żona tal-Konvenzjoni CAMLR (il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar tal-Antartiku;
(l)“żoni tas-CECAF (il-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant)” tfisser iż-żoni ġeografiċi li huma speċifikati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(m)“żona tal-Konvenzjoni IATTC (il-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni għat-Tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni tal-1949 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u r-Repubblika tal-Costa Rica (Konvenzjoni ta’ Antigua);
(n)“żona tal-Konvenzjoni ICCAT (il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku;
(o)“Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC (il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Ftehim għall-istabbiliment tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan;
(p)“Żona tal-Konvenzjoni tan-NAFO (Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral)” u “żoni ta-NAFO” tfisser iż-żoni ġeografiċi definiti fil-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal;
(q)“Żona Regolatorja tan-NAFO” tfisser dik il-parti taż-Żona tal-Konvenzjoni NAFO li tinsab lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(r)“żona tal-Konvenzjoni NPFC” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fit-Tramuntana tal-Oċean Paċifiku;
(s)“żona tal-Konvenzjoni SEAFO (l-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd fix-Xlokk tal-Oċean Atlantiku;
(t)“Żona tal-Ftehim SIOFA (il-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan;
(u)“Żona tal-Konvenzjoni SPRFMO (l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku;
(v)“żona tal-Konvenzjoni WCPFC (il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u fil-Paċifiku Ċentrali)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokkijiet tal-Ħut Migratorju Ħafna fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent;
(w)“ibħra internazzjonali tal-Baħar Bering” tfisser iż-żona ġeografika tal-ibħra miftuħa tal-Baħar Bering ’il barra minn 200 mil nawtiku mil-linji bażi li minnhom titkejjel il-wisa’ tal-baħar territorjali tal-Istati kostali tal-Baħar Bering;
(x)“żona kondiviża bejn iż-żoni tal-Konvenzjoni IATTC u WCPFC” tfisser iż-żona ġeografika definita mil-limiti li ġejjin:
–il-lonġitudni 150° W,
–il-lonġitudni 130° W,
–il-latitudni 4° S,
–il-latitudni 50° S.
TITOLU II
OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI
Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 5
TACs u allokazzjonijiet
1.It-TACs għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, l-allokazzjoni tagħhom fost l-Istati Membri u, meta xieraq, il-kundizzjonijiet marbuta magħhom b’mod funzjonali huma stabbiliti fl-Anness I.
2.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistgħu jiġu awtorizzati mill-Istat kostali kkonċernat biex jistadu fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tas-sajd tal-Gżejjer Faeroe, Greenland, in-Norveġja u fiż-żona tas-sajd fl-inħawi ta’ Jan Mayen soġġetti għat-TACs stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament, l-Anness V, il-Parti A ta’ dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u f’atti delegati adottati mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak ir-Regolament.
3.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistgħu jiġu awtorizzati mir-Renju Unit biex jistadu fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tas-sajd tiegħu soġġetti għat-TACs fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, u soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) 2017/2403 u f’atti delegati adottati mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 6
TACs li jridu jiġu ddeterminati mill-Istati Membri
1.It-TACs stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament għandhom, fejn speċifikat f’dak l-Anness, jiġu ddeterminati mill-Istat Membru kkonċernat.
2.It-TACs li jridu jiġu ddeterminati minn Stat Membru msemmi fil-paragrafu 1 għandhom:
(a)ikunu konsistenti mal-objettivi u mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u fir-Regolamenti (UE) 2018/973 u 2019/472, b’mod partikolari l-objettiv tal-isfruttament sostenibbli tal-istokk; u
(b)jirriżultaw fi sfruttament tal-istokk li:
(i)jekk tkun disponibbli valutazzjoni analitika, ikun konformi mal-MSY, bi probabbiltà kemm jista’ jkun għolja; jew
(ii)jekk valutazzjoni analitika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompluta, ikun konsistenti mal-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd.
3.Sal-15 ta’ Marzu kull Stat Membru kkonċernat għandu jippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:
(a)it-TACs li jkun iddetermina;
(b)id-data li jkun ġabar, ivvaluta u uża bħala bażi għall-istabbiliment tat-TACs; u
(c)id-dettalji dwar kif it-TACs iddeterminati jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.
4.Meta xieraq, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-STECF:
(a) jivvaluta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (b) u (c); u
(b) jivvaluta jekk it-TACs iddeterminati mill-Istati Membri jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.
5. Jekk, skont il-parir tal-STECF, l-informazzjoni ppreżentatata mill-Istati Membri titqies insuffiċjenti, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni ġdida, flimkien ma’ informazzjoni ta’ sostenn li tiġġustifika dik l-informazzjoni l-ġdida fir-rigward tal-parir tal-STECF, mhux aktar tard minn xahar wara l-pubblikazzjoni tal-parir tal-STECF.
6. Jekk, skont il-parir tal-STECF, it-TACs iddeterminati mill-Istati Membri ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jemendaw, abbażi tal-parir tal-STECF, it-TACs li jkunu ddeterminaw u għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni dawn it-TACs emendati, flimkien ma’ informazzjoni ta’ sostenn li tiġġustifika t-TACs emendati abbażi tal-parir tal-STECF, mhux aktar tard minn xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ dak il-parir, meta rilevanti, flimkien mad-data l-ġdida msemmija fil-paragrafu 5.
Artikolu 7
Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art tal-qabdiet u tal-qabdiet aċċessorji
1.Il-qabdiet li mhumiex soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandhom jinżammu abbord jew jinħattu l-art biss jekk dawn:
(a)ikunu saru minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru li jkollu kwota għalihom u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita; jew
(b)jifformaw sehem minn kwota tal-Unjoni li ma tkunx ġiet allokata fost l-Istati Membri u li ma tkunx ġiet eżawrita.
2.Għall-finijiet tad-deroga mill-obbligu li l-qabdiet għandhom jinqatgħu mill-kwoti rilevanti, kif previst fl-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-istokkijiet ta’ speċijiet mhux fil-mira fil-limiti bijoloġiċi sikuri msemmija f’dak l-Artikolu huma identifikati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 8
Mekkaniżmu tal-iskambji tal-kwoti għat-TACs għal qabdiet aċċessorji inevitabbli
1.Sabiex jitqies l-obbligu ta’ ħatt l-art u sabiex isiru disponibbli kwoti għal ċerti qabdiet aċċessorji lil Stati Membri mingħajr kwota, il-mekkaniżmu tal-iskambju tal-kwoti stabbilit fil-paragrafi 2 sa 5 għandu japplika għat-TACs identifikati fl-Anness IA.
2.6 % ta’ kull kwota allokata mit-TACs għall-bakkaljaw (Gadus morhua) fil-Baħar Ċeltiku (COD/7XAD34), il-bakkaljaw fil-Punent tal-Iskozja (COD/5BE6A), il-merlangu (Merlangius merlangus) fil-Baħar tal-Irlanda (WHG/07A.) u l-barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) fid-diviżjonijiet 7h, 7j u 7k tal-ICES (PLE/7HJK.), u 3 % ta’ kull kwota mit-TAC għall-merlangu tal-Punent tal-Iskozja (WHG/56-14), allokati għal kull Stat Membru, għandhom ikunu disponibbli għal riżerva komuni tal-iskambju ta’ kwoti (“ir-riżerva komuni”), li għandha tiftaħ fl-1 ta’ Jannar. L-Istati Membri mingħajr kwota għandu jkollhom aċċess esklużiv għar-riżerva komuni sal-31 ta’ Marzu.
3.Il-kwantitajiet li jittieħdu mir-riżerva komuni ma jistgħux jiġu skambjati jew ittrasferiti għas-sena ta’ wara. Wara l-31 ta’ Marzu, kwalunkwe kwantità mhux użata għandha tiġi rritornata lill-Istati Membri li inizjalment ikunu kkontribwew għar-riżerva komuni.
4.L-Istati Membri mingħajr kwota għandhom jipprovdu kwoti ta’ ritorn għall-istokkijiet elenkati fl-Anness IA, il-Parti C, sakemm l-Istat Membru mingħajr kwota u l-Istat Membru li jikkontribwixxi għar-riżerva komuni ma jiftehmux mod ieħor.
5.Il-kwoti msemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu ta’ valur kummerċjali ekwivalenti, iddeterminat abbażi ta’ rata tal-kambju tas-suq jew rati tal-kambju aċċettabbli reċiprokament oħrajn. Fin-nuqqas ta’ alternattivi, il-valur kummerċjali ekwivalenti għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezzijiet medji tal-Unjoni mis-sena ta’ qabel, kif previst mill-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura.
6.Meta l-mekkaniżmu tal-iskambju tal-kwoti stabbilit fil-paragrafi 2 sa 5 ma jħallix lill-Istati Membri jkopru l-qabdiet aċċessorji inevitabbli tagħhom sa grad simili, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiftiehmu fuq skambji ta’ kwoti skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, filwaqt li jiżguraw li l-kwoti skambjati jkunu ta’ valur kummerċjali ekwivalenti.
Artikolu 9
Limiti tal-isforz tas-sajd fil-Kanal tal-Punent
1.Għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1(2), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament, il-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd għal-lingwata fil-Kanal tal-Punent (fid-diviżjoni 7e tal-ICES) huma stabbiliti fl-Anness II.
2.Fuq talba ta’ Stat Membru f’konformità mal-Anness II, il-punt 7.4, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li permezz tiegħu talloka lil dak l-Istat Membru numru ta’ jiem fuq il-baħar minbarra dawk imsemmija fl-Anness II, il-punt 5, li matulhom jista’ jawtorizza bastiment tas-sajd taħt il-bandiera tiegħu biex ikun preżenti fid-diviżjoni 7e tal-ICES meta jkun qiegħed iġorr abbord kwalunkwe rkaptu regolat. Il-Kummissjoni għandha tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 59(2) ta’ dan ir-Regolament.
3.Fuq talba ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li bih talloka lil dak l-Istat Membru massimu ta’ 3 ijiem fuq il-baħar bejn l-1 ta’ Frar 2026 u l-31 ta’ Jannar 2027, minbarra dawk imsemmija fil-punt 5 tal-Anness II, li fih bastiment tas-sajd jista’ jkun preżenti fid-diviżjoni 7e tal-ICES abbażi ta’ programm imtejjeb ta’ kopertura tal-osservaturi xjentifiċi, kif imsemmi fil-punt 8.1 tal-Anness II. Hija għandha tagħmel allokazzjoni bħal din abbażi tad-deskrizzjoni sottomessa minn dak l-Istat Membru f’konformità mal-Anness II, il-punt 8.3 u wara konsultazzjoni mal-STECF. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59(2) ta’ dan ir-Regolament.
[L-Artikoli 10, 15 sa 18 ta’ dan ir-Regolament se jiġu aġġornati wara l-konklużjoni tal-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, kif ukoll bejn l-Unjoni, ir-Renju Unit u n-Norveġja.]
[Artikolu 10
Miżuri għas-sajd tal-ispnotta fid-diviżjonijiet 4b, 4c u 6a tal-ICES u s-subżona 7 tal-ICES
1.Għandu jkun ipprojbit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, kif ukoll għal kwalunkwe tip ta’ sajd kummerċjali minn fuq ix-xatt li jistadu għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax) fid-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES u fis-subżona 7 tal-ICES jew li jżommu abbord, jittrażbordaw, jirrilokaw jew iħottu l-art l-ispnott li jinqabad f’dik iż-żona.
2.Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-qabdiet aċċessorji tal-ispnotta f’attivitajiet ta’ sajd kummerċjali bix-xbieki mix-xatt. Din l-eżenzjoni tapplika għal numri storiċi ta’ xbieki tal-bajjiet stabbiliti fil-livelli ta’ qabel l-2017. L-attivitajiet tas-sajd kummerċjali bix-xbieki mix-xatt ma għandux ikollhom l-ispnotta fil-mira tagħhom, u jistgħu jinħattu l-art qabdiet aċċessorji inevitabbli biss tal-ispnotta.
3.B’deroga mill-paragrafu 1, f’Jannar u mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fid-diviżjonijiet 4b, 4c, 7d, 7e, 7f u 7h tal-ICES jistgħu jistadu għall-ispnotta maqbuda f’dik iż-żona, iżommuha abbord, jittrażbordawha, jirrilokawha jew iħottuha l-art, bl-irkapti li ġejjin u fil-limiti li ġejjin:
(a)permezz ta’ xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, għal qabdiet aċċessorji inevitabbli li ma jaqbżux it-3,8 tunnellati għal kull bastiment tas-sajd u fis-sena, u 10 % tal-piż tal-qabdiet totali ta’ organiżmi marini abbord maqbuda mill-bastiment ikkonċernat għal kull vjaġġ tas-sajd;
(b)permezz ta’ tartaruni, għal qabdiet aċċessorji inevitabbli li ma jaqbżux it-3,8 tunnellati għal kull bastiment tas-sajd u fis-sena, u 10 % tal-piż tal-qabdiet totali tal-organiżmi marini abbord maqbuda mill-bastiment ikkonċernat f’kull vjaġġ tas-sajd;
(c)fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu rreġistraw qabdiet tal-ispnotta permezz ta’ snanar u xlief matul il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2015 sat-30 ta’ Settembru 2016, permezz ta’ snanar u xlief, li ma jaqbżux is-6,8 tunnellati għal kull bastiment tas-sajd u fis-sena;
(d)fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li rreġistraw qabdiet tal-ispnotta bl-użu ta’ għeżula armati fuq il-lasti matul il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2015 sat-30 ta’ Settembru 2016, bl-użu ta’ għeżula armati fuq il-lasti, għal qabdiet aċċessorji inevitabbli li ma jaqbżux il-1,8 tunnellata għal kull bastiment tas-sajd u fis-sena.
F’każ ta’ sostituzzjoni ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li dawk id-derogi japplikaw għal bastiment tas-sajd tal-Unjoni ieħor dment li l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni soġġetti għal kull waħda mid-derogi u l-kapaċità tas-sajd globali tagħhom ma jiżdidux.
4.Il-limiti tal-qbid stabbiliti fil-paragrafu 3 ma għandhomx ikunu trasferibbli bejn il-bastimenti tas-sajd.
5.Fis-sajd rikreattiv, inkluż minn max-xatt, fid-diviżjonijiet 4b, 4c, 6a, 7a sa 7k tal-ICES:
(a)mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Marzu:
(i)is-sajd ta’ qbid u ħelsien b’qasba jew bi xlief għall-ispnotta biss għandu jkun permess;
(ii)għandu jkun ipprojbit li tinżamm, li tiġi rilokata, li tiġi ttrażbordata jew li tinħatt l-art l-ispnotta li tinqabad f’dik iż-żona;
(b)f’Jannar u mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru:
(i)mhux aktar minn żewġ eżemplari ta’ spnotta jistgħu jinqabdu u jinżammu għal kull sajjied kuljum;
(ii)id-daqs minimu tal-ispnotta miżmuma għandu jkun 42 cm;
(iii)ma għandhomx jintużaw xbieki fissi biex tinqabad jew tinżamm l-ispnotta.
6.Il-paragrafu 5 għandu japplika mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti dwar is-sajd rikreattiv.]
Artikolu 11
Miżuri għas-sajd tal-ispnotta fil-Golf tal-Biskalja
1.Meta jkunu qed jiddeterminaw l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom għas-sajd kummerċjali għall-ispnotta fil-Golf tal-Biskalja (id-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES), Spanja u Franza għandhom jiżguraw b’mod konġunt li s-somma ta’ dan il-qbid skartat kummerċjali, il-ħatt l-art rikreattiv u l-qbid skartat mejjet rikreattiv ma taqbiżx il-5 286 tunnellata. Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandu japplika għal dawk l-opportunitajiet tas-sajd.
2.Sal-15 ta’ Marzu, Spanja u Franza għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 u kif dawk l-opportunitajiet tas-sajd jikkonformaw ma’ dak il-paragrafu.
3.Il-qabdiet fis-sajd kummerċjali taħt l-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rrapportati minn Spanja u minn Franza (BSS/8AB).
4.Fis-sajd rikreattiv, inkluż mix-xatt, fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES:
(a)kull sajjied jista’ jaqbad u jżomm massimu ta’ eżemplari wieħed ta’ spnotta kuljum; u
(b)ma għandhomx jintużaw xbieki fissi biex tinqabad jew tinżamm l-ispnotta.
5.Il-paragrafu 4 għandu japplika mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti dwar is-sajd rikreattiv.
Artikolu 12
Miżuri għall-pollakkju fis-subżoni 8, 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona CECAF 34.1.1
1.Għandu japplika daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ 42 cm għall-qabdiet tal-pollakkju (Pollachius pollachius) fis-subżoni 8, 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona CECAF 34.1.1.
2.Fis-sajd rikreattiv, inkluż mix-xatt fis-subżoni 8, 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona CECAF 34.1.1:
(a)massimu ta’ żewġ eżemplari ta’ pollakkju jistgħu jinqabdu u jinżammu minn kull sajjied kuljum; ladarba jintlaħaq dak il-limitu massimu, jista’ jsir sajd ta’ “qbid u ħelsien”; u
(b)l-ebda eżemplari ta’ pollakkju mhu permess li jinqabad u jinżamm mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ April; madankollu, matul dak il-perjodu jista’ jsir sajd ta’ “qbid u ħelsien”.
3.Il-paragrafu 1 japplika mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti dwar is-sajd rikreattiv.
[L-Artikolu 13 se jiġi aġġornat wara l-pubblikazzjoni mill-ICES tal-parir xjentifiku tiegħu dwar is-sallura għall-2026.]
Artikolu 13
Miżuri dwar is-sajd tas-sallura fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 3, 4, 6, 7, 8 u 9 tal-ICES
1.Dan l-Artikolu japplika għall-ilmijiet tal-baħar u salmastri tal-Unjoni tas-subżoni 3, 4, 6, 7, 8 u 9 tal-ICES, u għall-ilmijiet salmastri tal-Unjoni kontigwi, inkluż l-estwarji, il-laguni kostali u l-ilmijiet ta’ tranżizzjoni.
2.Dan l-Artikolu ma japplikax għal operazzjonijiet tas-sajd kummerċjali mwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi b’bastiment tas-sajd jew mingħajru, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241 u li l-STECF ikun ikkonferma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati li investigazzjonijiet xjentifiċi bħal dawn huma ġġustifikati għal raġunijiet xjentifiċi.
3.Għandu jkun ipprojbit it-twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd kummerċjali għas-sallura (Anguilla anguilla) fl-istadji kollha tal-ħajja għal perjodu ta’ mill-inqas 6 xhur bejn l-1 ta’ April 2026 u l-31 ta’ Marzu 2027. Barra minn hekk, l-Istati Membri u s-sajjieda għandhom iwettqu l-isforzi kollha raġonevoli biex jimminimizzaw u, meta possibbli, jeliminaw il-qabdiet inċidentali tas-sallura. Meta jinqabdu inċidentalment, l-eżemplari tas-sallura ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu mill-ewwel. Għal dak l-għan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddetermina b’mod individwali jew konġunt, perjodu wieħed jew aktar ta’ għeluq soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)meta xieraq, il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri jew fi Stat Membru wieħed minn żona tas-sajd għal oħra sabiex titqies ix-xejra tal-migrazzjoni ġeografika u temporali tas-sallura fl-istadji differenti tal-ħajja tagħha;
(b)il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq għandhom iservu għal perjodu ta’ żmien konsekuttiv jew mhux konsekuttiv ta’ mill-inqas 6 xhur, li għandu japplika għas-sajjieda kollha kkonċernati fiż-żona tas-sajd rilevanti;
(c)il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi ta’ konservazzjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1100/2007, u mal-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali stabbiliti skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament; u
(d)il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq għandhom ikopru l-perjodu/i ewlieniewlenin tal-migrazzjoni, inkluż l-ogħla livell rispettiv, tas-sallura fl-istadju tal-ħajja rispettiv fl-Istat Membru kkonċernat.
4.B’deroga mill-paragrafu 3, il-punt (d), għas-sallura ta’ tul totali ta’ 12 cm jew aktar, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jippermettu attivitajiet tas-sajd sa total ta’ 30 jum konsekuttivi jew mhux konsekuttivi, li għandhom japplikaw għas-sajjieda kollha kkonċernati fiż-żona tas-sajd rilevanti, matul il-perjodu ewlieni ta’ migrazzjoni. F’dak il-każ, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeterminaw għeluq addizzjonali ta’ perjodu ta’ żmien ekwivalenti matul il-perjodu ta’ migrazzjoni ewlieni jew, b’mod sussidjarju, eżatt qabel jew wara. Fil-każijiet fejn Stat Membru jippermetti s-sajd għal jiem mhux konsekuttivi, l-irkaptu tas-sajd għandu jinħareġ mill-ilma bejn kwalunkwe perjodu ta’ jiem mhux konsekuttivi.
5.B’deroga ulterjuri mill-paragrafu 3, il-punt (d), l-Istat Membru kkonċernat jista’ jippermetti s-sajd għas-sallura ta’ b’tul kumplessiv ta’ 12 cm jew aktar waqt il-migrazzjoni tagħha mill-ilmijiet tal-Unjoni lejn iż-żoni ta’ riproduzzjoni tagħha fil-Baħar Sargasso (“migrazzjoni fid-direzzjoni tax-xmara”) għal total ta’ 50 jum konsekuttivi jew mhux konsekuttivi. Dak għandu japplika għas-sajjieda kollha kkonċernati fiż-żona tas-sajd rilevanti, matul il-perjodu ewlieni ta’ migrazzjoni, bil-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
(a)attività tas-sajd bħal din għandha tkun permessa biss meta l-uniku aċċess għall-ilmijiet tal-baħar neċessarjament jgħaddi minn ilmijiet salmastri mhux tal-Unjoni;
(b)il-qabdiet maqbuda fis-sottodiviżjonijiet 22-32 tal-ICES għandhom jissodisfaw id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ 35 cm, f’konformità mal-Anness VIII, il-Parti A, tar-Regolament (UE) 2019/1241;
(c)kwalunkwe sallura li tkun sesswalment matura u li tinqabad ma għandhiex issirilha ħsara, għandha tiġi ttrasportata mingħajr dewmien żejjed u għandha tiġi rilaxxata minnufih fl-ilmijiet tal-baħar tal-Unjoni fil-qrib f’post deżinjat mill-Istat Membru kkonċernat, li jippermettilha tkompli l-migrazzjoni fid-direzzjoni tax-xmara;
(d)kwalunkwe sallura li tinqabad b’mod inċidentali li ma tkunx sesswalment matura ma għandhiex issirilha ħsara u għandha tinħeles minnufih lura fl-ilma; u
(e)l-attività tas-sajd għandha ssir bl-involviment ta’ korp xjentifiku nazzjonali.
6.Għas-sallura b’tul totali ta’ 12 cm jew aktar fis-subżona 3 tal-ICES, il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq imsemmija fil-paragrafu 3 u d-deroga tiegħu/tagħhom imsemmija fil-paragrafu 4 għandhom jiġu miftiehma mill-Istati Membri kkonċernati kollha biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tas-sallura għall-migrazzjoni tagħha mill-Baħar Baltiku għall-Baħar tat-Tramuntana. Fin-nuqqas ta’ ftehim bħal dan sal-1 ta’ April 2026, il-perjodu ta’ għeluq għandu jkun mill-15 ta’ Settembru 2026 sal-15 ta’ Marzu 2027 fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja, fil-Finlandja u fl-Iżvezja, u mingħajr il-possibbiltà tad-deroga msemmija fil-paragrafu 4.
7.B’deroga ulterjuri mill-paragrafu 3, il-punt (d), għas-sallura ta’ tul totali ta’ inqas minn 12 cm, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jippermettu attivitajiet tas-sajd sa total ta’ 30 jum konsekuttivi jew mhux konsekuttivi, li għandhom japplikaw għas-sajjieda kollha kkonċernati fiż-żona tas-sajd rilevanti, matul il-perjodu ewlieni ta’ migrazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jippermettu sajd esklużivament għal ristokkjar sa 50 jum addizzjonali matul il-perjodu ewlieni ta’ migrazzjoni. Fiż-żewġ każijiet, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeterminaw għeluq addizzjonali ta’ perjodu ta’ żmien ekwivalenti matul il-perjodu ta’ migrazzjoni ewlieni jew, b’mod sussidjarju, eżatt qabel jew wara dan. Fil-każijiet fejn Stat Membru jippermetti s-sajd għal jiem mhux konsekuttivi, l-irkaptu tas-sajd għandu jinħareġ mill-ilma bejn kwalunkwe perjodu ta’ jiem mhux konsekuttivi.
8.Is-sajd rikreattiv tas-sallura fl-istadji kollha tal-ħajja għandu jkun ipprojbit.
9.L-Istati Membri kkonċernati, b’mod individwali jew konġunt, għandhom jinformaw lill-Kummissjoni:
(a)sal-1 ta’ Mejju, il-perjodu jew il-perjodi magħluq(a) (i)ddeterminati f’konformità mal-paragrafi 3 sa 7, flimkien mal-informazzjoni ta’ sostenn li tiġġustifika l-perjodu jew il-perjodi magħżul(a);
(b)fi żmien ġimagħtejn mill-adozzjoni tagħhom, b’miżuri nazzjonali relatati mal-perjodu jew il-perjodi magħluq(a) li ġie/ġew (i)ddeterminat(i) f’konformità mal-paragrafi 3 sa 7;
(c)fi żmien 8 ġimgħat qabel il-bidu tal-perjodu jew il-perjodi magħluq(a) stabbilit(i) f’konformità mal-paragrafi 3 sa 7, tal-attivitajiet tas-sajd li jsiru f’konformità mal-paragrafu 5: (i) il-post jew il-postijiet u d-data jew id-dati tal-attivitajiet tas-sajd; (ii) l-għadd mistenni u t-tip ta’ operaturi, u l-korp xjentifiku nazzjonali involut; u (iii) il-post jew il-postijiet magħżul(a) għall-ħelsien;
(d)mhux aktar minn 8 ġimgħat mit-tmiem tal-attivitajiet tas-sajd imwettqa f’konformità mal-paragrafu 5: (i) l-għadd u t-tip ta’ operaturi; (ii) l-għadd ta’ salluri sesswalment maturi maqbuda matul dawk l-attivitajiet tas-sajd; (iii) l-għadd ta’ salluri li mhuwiex sesswalment maturi maqbuda matul dawk l-attivitajiet tas-sajd; u (iv) l-għadd ta’ salluri sesswalment maturi li ġew ittikkettati.
Artikolu 14
Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet tal-opportunitajiet tas-sajd
1.L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri, kif stabbilit f’dan ir-Regolament, għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:
(a)l-iskambji skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(b)it-tnaqqis u ż-żidiet skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(c)ir-riallokazzjonijiet skont l-Artikoli 12 u 47 tar-Regolament (UE) 2017/2403;
(d)ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(e)kwantitajiet miżmuma f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(f)it-tnaqqis u l-aġġustamenti skont l-Artikoli 105, 106, 107 u 107a tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009; u
(g)it-trasferimenti u l-iskambji ta’ kwoti skont l-Artikoli 23 u 53 ta’ dan ir-Regolament.
2.L-istokkijiet soġġetti għal TACs prekawzjonarji jew analitiċi għall-finijiet tal-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs u l-kwoti previsti fir-Regolament (KE) Nru 847/96 huma identifikati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
3.Għajr meta speċifikat mod ieħor fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, għandu japplika l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għall-istokkijiet li huma soġġetti għal TAC prekawzjonarja, u l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw għall-istokkijiet li huma soġġetti għal TAC analitika.
4.L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
[Artikolu 15
Staġuni magħluqa għas-sajd għaċ-ċiċċirell
Is-sajd kummerċjali għaċ-ċiċċirell (Ammodytes spp.) bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, b’tartaruni jew b’irkaptu simili rmunkat, bid-daqs tal-malji inqas minn 16 mm għandu jkun ipprojbit fid-diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu u mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru.]
[Artikolu 16
Miżuri ta’ rimedju għall-bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana
1.Iż-żoni magħluqa għas-sajd, ħlief għas-sajd b’irkaptu pelaġiku (bit-tartaruni tal-borża u bix-xbieki tat-tkarkir), u l-perjodi li għalihom japplika l-għeluq huma stabbiliti fl-Anness IV.
2.Il-bastimenti li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u bit-tartaruni b’daqs minimu tal-malji ta’ mill-inqas 70 mm fid-diviżjonijiet 4a u 4b tal-ICES jew mill-inqas 90 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES, u bil-konzijiet għandhom jiġu pprojbiti milli jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 4a tal-ICES, fit-Tramuntana tal-latitudni 58°30′00″N u fin-Nofsinhar tal-latitudni 61°30′00″N, u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjonijiet 3a.20 tal-ICES (Skagerrak), 4a u 4b, fit-Tramuntana tal-latitudni 57°00′00″N u fil-Lvant tal-lonġitudni 5°00′00″E.
3.B’deroga mill-paragrafu 2, il-bastimenti tas-sajd imsemmija f’dak il-paragrafu jistgħu jistadu fiż-żoni msemmija f’dak il-paragrafu, dment li jissodisfaw mill-inqas wieħed mill-kriterji li ġejjin:
(a)il-qabdiet tal-bakkaljaw tagħhom ma jirrappreżentawx aktar minn 5 % tal-qabdiet totali tagħhom għal kull vjaġġ tas-sajd; il-bastimenti tas-sajd li l-qabdiet tal-bakkaljaw tagħhom ma qabżux il-5 % tal-qabdiet totali tagħhom bejn l-2017 u l-2019 huma preżunti li jikkonformaw ma’ dan il-kriterju dment li jkomplu jużaw l-istess irkaptu li użaw f’dak il-perjodu; din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata;
(b)tintuża xibka tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartarun regolati u selettivi ħafna, li jirriżultaw, skont studju xjentifiku, fi tnaqqis ta’ mill-inqas 30 % fil-qabdiet tal-bakkaljaw meta mqabbla ma’ bastimenti tas-sajd li jistadu bid-daqs tal-malja tal-linja bażi għall-irkapti rmunkati, kif speċifikat fl-Anness V, il-Parti B, il-punt 1.1 tar-Regolament (UE) 2019/1241; tali studji jistgħu jiġu evalwati mill-STECF u fil-każ ta’ evalwazzjoni negattiva, l-irkapti kkonċernati ma għandhomx jibqgħu jitqiesu validi għall-użu fiż-żoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;
(c)għal bastimenti tas-sajd li jistadu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u b’tartaruni b’daqs tal-malji ta’ 100 mm jew aktar (TR1), jintuża l-irkaptu selettiv ħafna li ġej:
(i)xbieki tat-tkarkir bis-sorra b’daqs minimu tal-malji fil-parti tas-sorra ta’ 600 mm;
(ii)linja tas-sajd mgħollija (0,6 m);
(iii)xibka selettiva orizzontali li jkollha fetħa għall-ħrib b’malji kbar;
(d)għal bastimenti tas-sajd li jistadu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u b’tartaruni b’daqs tal-malji ta’ 70 mm jew aktar fid-diviżjoni 4a u 90 mm tal-ICES u fid-diviżjoni 3a tal-ICES u inqas minn 100 mm (TR2), jintuża l-irkaptu selettiv ħafna li ġej:
(i)għarbiel orizzontali bi spazju bejn il-vireg ta’ mhux aktar minn 50 mm li jissepara l-pixxiċatt u l-ħut tond, bi żbokk mhux imblukkat għall-ħut tond;
(ii)pannell seltra b’malji kwadri ta’ 300 mm;
(iii)għarbiel bi spazju bejn il-vireg ta’ mhux aktar minn 35 mm, bi żbokk mhux imblukkat għall-ħut;
(e)il-bastimenti tas-sajd huma soġġetti għal pjan nazzjonali għall-evitar tal-bakkaljaw biex jiġu sostnuti l-qabdiet tal-bakkaljaw f’konformità mal-mortalità mis-sajd li tikkorrispondi għall-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti, abbażi ta’ livelli ta’ parir xjentifiku, permezz ta’ miżuri spazjali jew tekniċi, jew taħlita tagħhom; pjanijiet bħal dawn għandhom jiġu vvalutati mhux aktar tard minn xahrejn wara l-implimentazzjoni tagħhom, mill-STECF fil-każ tal-Istati Membri jew mill-korp xjentifiku nazzjonali rilevanti fil-każ ta’ pajjiżi terzi, u, meta jitqies meħtieġ, riveduti ulterjorment jekk valutazzjonijiet bħal dawn isibu li l-objettiv tal-pjan nazzjonali għall-evitar tal-bakkaljaw mhux se jintlaħaq.
4.L-Istati Membri għandhom itejbu l-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-bastimenti tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 2 sabiex jiżguraw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.
5.Dan l-Artikolu ma japplikax għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.]
[Artikolu 17
Miżuri tekniċi għall-Baħar Ċeltiku, il-Baħar Irlandiż u l-Punent tal-Iskozja
1.Dan li ġej għandu japplika għal bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u bit-tartaruni fid-diviżjonijiet 7f, 7g tal-ICES, il-parti 7h fit-Tramuntana tal-latitudni 49° 30′ N u l-parti 7j fit-Tramuntana tal-latitudni 49° 30′ N u fil-Lvant tal-lonġitudni 11° W:
(a)il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni għandhom jużaw irkaptu b’wieħed mid-daqsijiet tal-malji li ġejjin:
(i)manka ta’ 110 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 120 mm;
(ii)manka T90 ta’ 100 mm;
(iii)manka ta’ 120 mm;
(iv)100 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 160 mm;
(b)barra minn hekk, il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li l-qabdiet tagħhom li ntiżnu qabel kwalunkwe skartar jikkonsistu f’mill-inqas 20 % merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus) għandhom jużaw irkaptu tas-sajd mibni bi spazju minimu ta’ metru bejn ix-xibka tat-tkarkir u l-apparat tal-qiegħ. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan il-punt il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li l-qabdiet tagħhom li jkunu ntiżnu qabel kwalunkwe skartar, jikkonsistu f’inqas minn 1,5 % bakkaljaw, dment li dawk il-bastimenti jkunu soġġetti għal żieda progressiva fil-kopertura tal-osservaturi fuq il-baħar sa mill-inqas 20 % tal-vjaġġi tas-sajd kollha tagħhom;
(c)il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 30 % ta’ skampu (Nephrops norvegicus) għandhom jużaw wieħed mill-irkapti li ġejjin:
(i)pannell b’malja kwadra ta’ 300 mm; bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru jistgħu jużaw pannell b’malja kwadra ta’ 200 mm;
(ii)pannell seltra;
(iii)għarbiel bi spazju bejn il-vireg ta’ 35 mm jew apparat ta’ selettività Net grid simili;
(iv)manka ta’ 100 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 100 mm;
(v)manka doppja bil-manka ta’ fuq nett mibnija b’malja T90 ta’ mill-inqas 100 mm u mmuntata b’pannell ta’ separazzjoni b’daqs massimu tal-malja ta’ 300 mm;
(d)il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 55 % ta’ merlangu jew aktar minn 55 % ta’ petriċa (Lophiidae), merluzz (Merluccius merluccius) jew megrim (Lepidorhombus spp.) flimkien għandhom jużaw wieħed mill-irkapti li ġejjin:
(i)manka ta’ 100 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 100 mm;
(ii)manka T90 ta’ 100 mm u biċċa ta’ estensjoni.
2.Dan li ġej għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni fid-diviżjonijiet 6a u 5b tal-ICES, fl-ilmijiet tal-Unjoni, fil-Lvant ta’ 12°W (il-Punent tal-Iskozja) fis-sajd tal-iskampu:
(a)il-bastimenti tas-sajd għandhom jużaw pannell b’malji kwadri (il-pożizzjoni miżmuma) ta’ mill-inqas 300 mm għall-bastimenti tas-sajd li jkunu qegħdin jużaw daqs ta’malja iżgħar minn 100 mm għall-manka; għall-bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ inqas minn 12 m jew bil-potenza tal-magna ta’ 200 kW jew inqas, it-tul totali tal-pannell jista’ jkun ta’ 2 m u l-pannell 200 mm;
(b)il-bastimenti tas-sajd b’qabdiet li jinkludu aktar minn 30 % ta’ skampu għandhom jużaw pannell b’malji kwadri (il-pożizzjoni miżmuma) ta’ mill-inqas 160 mm għal bastimenti tas-sajd li jużaw daqs tal-malja tal-manka ta’ 100-119 mm.
3.Dan li ġej għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni fid-diviżjoni 7a tal-ICES (il-Baħar Irlandiż):
(a)il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’daqs tal-malja tal-manka ta’ 70 mm jew akbar u iżgħar minn 100 mm u b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 30 % ta’ skampu, għandhom jużaw wieħed mill-irkapti li ġejjin:
(i)pannell b’malja kwadra ta’ 300 mm; bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru jistgħu jużaw pannell b’malja kwadra ta’ 200 mm;
(ii)pannell seltra;
(iii)għarbiel bi spazju ta’ bejn il-vireg ta’ 35 mm;
(iv)net grid CEFAS;
(v)xibka tat-tkarkir flip-flap;
(b)bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar li joperaw bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 10 % ta’ merluzz tal-linja sewda, bakkaljaw u rebekkini u raj (Rajiformes) flimkien, għandhom jużaw manka ta’ 120 mm.
4.Il-perċentwali tal-qabdiet fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu kkalkulati bħala l-proporzjon skont il-piż ħaj tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kollha li jinħattu l-art wara kull vjaġġ tas-sajd, f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2019/1241.
5.Għandu jkun ipprojbit għall-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u bit-tartaruni fiż-żoni li ġejjin:
(a)fid-diviżjonijiet 7b u 7c tal-ICES;
(b)fiż-żona fil-Punent tal-lonġitudni 5° W fid-diviżjoni 7e tal-ICES; u
(c)id-diviżjonijiet tal-ICES minn 7f sa 7k.
Din il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għall-bastimenti tas-sajd meta:
(a)jużaw malji tal-manka ta’ mill-inqas 100 mm; jew
(b)il-qabdiet aċċessorji tagħhom tal-bakkaljaw ma jaqbżux il-1,5 %, kif ivvalutat mill-STECF, meta jistadu barra miż-żoni msemmija fil-paragrafu 1.]
[Artikolu 18
Miżuri tekniċi għall-paġella ħamra fis-subżoni 6 sa 8 tal-ICES
1.Għandu japplika daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ 36 cm għall-qabdiet tal-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) fis-subżoni 6 sa 8 tal-ICES.
2.Għandu japplika daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ 40 cm għall-qabdiet rikreattivi tal-paġella ħamra fis-subżoni 6 u 7 tal-ICES.
3.Mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju, is-sajd kollu għall-paġella ħamra fis-subżoni 6, 7 u 8 tal-ICES għandu jkun ipprojbit għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera Franċiża.
4.Mill-1 ta’ Frar sat-30 ta’ Settembru, is-sajd bil-konzijiet tal-qiegħ (LLS, bottom set longlines) u bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, bottom trawls) għandu jkun ipprojbit fiż-żona tal-Punent tal-Baħar tal-Kantabrija, faċċata tal-Asturji u l-Galicia.
5.Is-sajd rikreattiv għall-paġella ħamra għandu jkun ipprojbit fiż-żoni ġeografiċi li ġejjin: iż-Żona RF 1 (Cariño/Celeiro), iż-Żona RF 2 (Ribadeo), iż-Żona RF 3 (Navia), iż-Żona RF 4 (Ensenadada Canero), iż-Żona RF 5 (Ensenada de Cabrera/Ría San Martín de la Arena), iż-Żona RF 6 (Ría de Treto), iż-Żona RF 7 (Bilbao/Plentzia), u ż-Żona RF 8 (Bermeo/Mundaka).]
Artikolu 19
Miżuri tekniċi għall-gamblu tat-Tramuntana fi Skagerrak
1.Jekk il-proporzjon ta’ frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis), kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2201, ikun aktar minn 30 % tal-qabda globali ta’ dik l-ispeċi, l-awtoritajiet ta’ kontroll jistgħu jirrakkomandaw għeluq f’ħin reali abbażi ta’ kampjun wieħed, kif imsemmi f’dak l-Artikolu.
2.Il-bastimenti tat-tkarkir li jistadu għall-gamblu tat-Tramuntana bi gradilja Nordmøre selettiva skont id-daqs, kif imsemmi fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2201, għandhom ikunu soġġetti għaż-żona magħluqa, kif imsemmi f’dak l-Artikolu.
3.Iż-żona magħluqa, kif imsemmi fl-Artikolu 7(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2201, ma għandhiex taqbeż il-100 mil nawtiku kwadru.
4.Iż-żona, kif imsemmija fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2201, għandha tingħalaq għal 21 jum u wara għandha tieqaf tapplika awtomatikament f’nofsillejl UTC.
5.Xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 32 mm li jimmiraw għall-gamblu tat-Tramuntana, li huma mgħammra bi gradilja selettiva Nordmøre bi spazju massimu bejn l-iżbarri ta’ 19 mm mingħajr tagħmir għaż-żamma tal-ħut, kif imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2201, għandhom ikunu soġġetti għaż-żona magħluqa, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 20
Speċijiet ipprojbiti
1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx jistadu għall-ispeċijiet li ġejjin, iżommuhom abbord, jittrażbordawhom jew iħottuhom l-art:
(a)ir-raja tal-kwiekeb (Amblyraja radiata) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 u d-diviżjoni 7d tal-ICES, l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; u l-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a;
(b)il-fonsa l-ħamra (Beryx splendens) fis-subżona 6 tan-NAFO;
(c)it-tawru (Carcharias taurus) fl-ilmijiet kollha għajr dawk tal-Mediterran;
(d)ir-rebekkin skur (Dipturus batis) kumpless (Dipturus cf. flossada u Dipturus cf. intermedia) fir-Renju Unit u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 4, 6, 7 u 8 tal-ICES, l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a u tas-subżona 5, u l-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 3, 9 u 10;
(e)il-mazzola tal-fanal maġġuri (Etmopterus princeps) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES, l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a u l-ilmijiet internazzjonali tas-subżoni 1 u 14;
(f)il-kelb il-baħar (Galeorhinus galeus) meta jinqabad b’konzijiet fir-Renju Unit u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 4 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; l-ilmijiet tar-Renju Unit u dawk internazzjonali tas-subżona 5; l-ilmijiet tar-Renju Unit, tal-Unjoni u internazzjonali tas-subżoni 6 sa 8; u l-ilmijiet internazzjonali tas-subżoni 12 u 14;
(g)il-mera tal-Atlantiku (Hoplostethus atlanticus) fl-ilmijiet tar-Renju Unit, tal-Unjoni u internazzjonali tas-subżoni 1 sa 10, 12 u 14 tal-ICES;
(h)il-pixxiplamtu (Lamna nasus) fl-ilmijiet kollha;
(i)ir-raja tal-fosos (Raja clavata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES;
(j)ir-raja ondjata (Raja undulata) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 6 tal-ICES u l-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 10 tal-ICES;
(k)il-kelb balena (Rhincodon typus) fl-ilmijiet kollha;
(l)il-vjolin (Rhinobatos rhinobatos) fil-Mediterran; u
(m)l-ispeċijiet tal-baħar fond li huma elenkati fl-Anness IA, il-Parti D, fl-ilmijiet tal-Unjoni, f’dawk tar-Renju Unit u f’dawk internazzjonali taż-żoni tal-ICES 1, 2 (għajr l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a), 5 sa 10, 12 u 14, u ż-żoni tas-CECAF 34.1.1, 34.1.2 u 34.2, kif ukoll fl-ilmijiet tal-Unjoni u dawk tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a u tas-subżona 4 tal-ICES, fejn speċifikat f’dak l-Anness.
2.Meta jinqabdu aċċidentalment, l-eżemplari msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu immedjatament.
Artikolu 21
Trażmissjoni tad-data
Meta l-Istati Membri jippreżentaw permezz ta’ mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni jew il-korp deżinjat minnha, data relatata mal-qabdiet u mal-isforz tas-sajd skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Annessi ta’ dan ir-Regolament.
Kapitolu II
Awtorizzazzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi
Artikolu 22
Awtorizzazzjonijiet tas-sajd
1.L-għadd massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz, meta applikabbli, huwa stabbilit fl-Anness V, il-Parti A.
2.Meta, f’konformità mal-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, Stat Membru, wara li jinnotifika lill-Kummissjoni, jittrasferixxi l-kwota lil Stat Membru ieħor fiż-żoni tas-sajd stabbiliti fl-Anness V, il-Parti A ta’ dan ir-Regolament, it-trasferiment għandu jkun akkumpanjat, meta rilevanti, bi trasferiment xieraq tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd. Kif stabbilit fl-Anness V, il-Parti A ta’ dan ir-Regolament, l-għadd totali ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal kull żona tas-sajd ma għandux jinqabeż. Dak it-trasferiment tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandu jiġi nnotifikat mill-Istat Membru ta’ trasferiment lill-Kummissjoni fiż-żmien tan-notifika lill-Kummissjoni tat-trasferiment tal-kwoti.
Kapitolu III
Opportunitajiet tas-sajd ġestiti mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd
Taqsima 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 23
Trasferimenti jew skambji ta’ kwoti
1.Meta r-regoli ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) jippermettu trasferimenti jew skambji ta’ kwoti bejn il-Partijiet Kontraenti għal dik l-RFMO, Stat Membru (“l-Istat Membru kkonċernat”) jista’ jiddiskuti ma’ Parti Kontraenti għal dik l-RFMO u jistabbilixxi qafas possibbli tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti maħsub, kif xieraq. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dak il-qafas.
2.Meta tiġi nnotifikata f’konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tapprova l-qafas tat-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti maħsub. Fil-każ li l-Kummissjoni tapprova l-qafas, hija għandha tesprimi, mingħajr dewmien żejjed, il-kunsens tagħha li tkun marbuta bit-trasferiment jew bl-iskambju tal-kwoti maħsub. Għandha tinnotifika lis-segretarjat tal-RFMO rilevanti dwar it-trasferiment jew l-iskambju f’konformità mar-regoli ta’ dik l-RFMO.
3.Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bi kwalunkwe trasferiment jew skambju tal-kwoti miftiehem.
4.L-opportunitajiet tas-sajd riċevuti jew ittrasferiti mill-Istat Membru kkonċernat taħt it-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti għandhom jitqiesu bħala kwoti miżjuda mal-allokazzjoni tiegħu, jew imnaqqsa minnha, mill-mument li t-trasferiment jew l-iskambju jidħol fis-seħħ skont it-termini tal-ftehim mal-Parti Kontraenti rilevanti għall-RFMO jew f’konformità mar-regoli tal-RFMO rilevanti, kif xieraq. Trasferimenti jew skambji bħal dawn ma għandhomx jaffettwaw l-iskeda ta’ distribuzzjoni biex jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri f’konformità mal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd.
[It-Taqsimiet 2 sa 4, u 8 sa 9 ta’ dan ir-Regolament se jiġu aġġornati wara l-laqgħat annwali tal-RFMOs.]
[Taqsima 2
Żona tal-Konvenzjoni NEAFC
Artikolu 24
Sebasti fil-Baħar Irminger
1.F’konformità mal-punt 4.1 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/2594 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-attivitajiet kollha tas-sajd għandhom ikunu pprojbiti fiż-żona limitata mill-koordinati li ġejjin imkejla skont is-sistema WGS84:
|
Latitudni
|
Lonġitudni
|
|
63°00'N
|
30°00'W
|
|
61°30'N
|
27°35'W
|
|
60°45'N
|
28°45'W
|
|
62°00'N
|
31°35'W
|
|
63°00'N
|
30°00'W
|
2.Il-bastimenti tas-sajd għandhom ikunu pprojbiti milli jistadu, iżommu abbord, jittrażbordaw jew iħottu l-art fil-portijiet tal-Unjoni, l-iskorfna pelaġika tat-Tramuntana tal-baxx u tal-fond (Sebastes mentella) mill-Baħar Irminger u mill-ilmijiet kontigwi (is-subżoni 5, 12 u 14 tal-ICES, u s-subżoni 1 u 2 tal-NAFO). Dik il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni f’portijiet ta’ pajjiżi terzi wkoll.
3.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti milli jipparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ trażbord li jinvolvu l-istokkijiet imsemmija fil-paragrafu 2.
4.Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti milli jirrifornu jew jagħtu servizzi ta’ sostenn lill-bastimenti tas-sajd b’qabdiet tal-istokkijiet imsemmija fil-paragrafu 2.
5.Il-bastimenti tas-sajd li jkunu stadu direttament għall-istokkijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma għandhomx jingħataw awtorizzazzjoni biex iħottu l-art fil-portijiet tal-Unjoni.
6.Il-bastimenti tas-sajd li jkunu stadu direttament għall-istokkijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma għandhomx jingħataw awtorizzazzjoni jwettqu kwalunkwe attività tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni.
7.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti milli jipparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ trażbord li jinvolvu bastimenti li jkunu stadu direttament għall-istokkijiet imsemmija fil-paragrafu 2.
8.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti milli jirrifornu jew jagħtu servizzi ta’ sostenn lil bastimenti tas-sajd li jkunu stadu direttament għall-istokkijiet imsemmija fil-paragrafu 2.]
[Taqsima 3
Żona tal-Konvenzjoni ICCAT
Artikolu 25
Limitazzjonijiet fuq il-kapaċità tas-sajd, it-trobbija u s-simna
1.L-għadd ta’ dgħajjes tal-Unjoni tas-sajd bil-lixka u tas-sajd bir-rixa awtorizzati biex jistadu attivament għat-tonn (Thunnus thynnus) ta’ bejn 8 kg/75 cm u 30 kg/115 cm fl-Atlantiku tal-Lvant, għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 1.
2.L-għadd ta’ bastimenti tas-sajd artiġjanali kostali tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu attivament għat-tonn ta’ bejn 8 kg/75 cm u 30 kg/115 cm fil-Mediterran għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 2.
3.L-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għat-tonn fil-Baħar Adrijatiku għall-finijiet ta’ trobbija, li huma awtorizzati jistadu attivament għat-tonn ta’ bejn 8 kg/75 cm u 30 kg/115 cm, għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 3.
4.L-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati għas-sajd, għaż-żamma abbord, għat-trażbord, għat-trasport jew għall-ħatt l-art tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 4.
5.L-għadd ta’ nases involuti fis-sajd tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 5.
6.L-għadd ta’ farms awtorizzati li joperaw għat-tonn u l-input massimu ta’ tonn selvaġġ li jinqabad fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 6.
7.L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu għall-alonga tat-Tramuntana (Thunnus alalunga) bħala speċi fil-mira f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 7, ta’ dan ir-Regolament.
8.L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul ta’ mill-inqas 20 m li jistadu għat-tonn obeż (Thunnus obesus) fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT, għandu jkun limitat kif stabbilit fl-Anness VI, il-punt 8.
Artikolu 26
Sajd rikreattiv
Meta xieraq, l-Istati Membri għandhom jallokaw sehem speċifiku mill-kwoti allokati tagħhom għas-sajd rikreattiv, kif stabbilit fl-Anness ID.
Artikolu 27
Klieb il-baħar
1.Minbarra l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 32 sa 36 tar-Regolament (UE) 2017/2107, għandu jkun ipprojbit ukoll l-involviment f’sajd dirett għall-ispeċijiet ta’ pixxivolpi tal-ġeneru Alopias. Dik il-projbizzjoni addizzjonali għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-projbizzjoni taż-żamma abbord, tat-trażbord jew tal-ħatt l-art ta’ kwalunkwe parti mill-karkassa jew tal-karkassa sħiħa ta’ pixxivolpi għajnu kbira (Alopias superciliosus) stabbilita fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2017/2107.
2.Għandhom ikunu pprojbiti ż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta’ kwalunkwe parti jew tal-karkassa sħiħa tal-pixxitondu (Isurus oxyrinchus) fl-Oċean Atlantiku, fit-Tramuntana ta’ 5°N, maqbuda waqt is-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.
Artikolu 28
FADs għat-tonn tropikali
1.Għandu jkun ipprojbit l-użu tal-FADs fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT mis-17 ta’ Marzu sat-30 ta’ April.
2.Mit-2 ta’ Marzu sas-16 ta’ Marzu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd tagħhom ma jużawx l-FADs.]
[Taqsima 4
Żona tal-Konvenzjoni CAMLR
Artikolu 29
Notifiki ta’ sajd esploratorju għall-pixxisinna għall-istaġun tas-sajd 2026–2027
1.L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw, jew jawtorizzaw lill-bastimenti tas-sajd tagħhom biex jipparteċipaw, f’sajd esploratorju bil-konz għall-pixxisinna (Dissostichus spp.) fis-subżoni 48.6, 88.1 u 88.2 tal-FAO u fid-diviżjonijiet 58.4.1, 58.4.2 u 58.4.3a tal-FAO barra miż-żoni ta’ ġuriżdizzjoni nazzjonali għas-sajd fil-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2026 sat-30 ta’ Novembru 2027, f’konformità mal-Artikolu 7(2) sa (7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 601/2004.
2.B’deroga mill-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 601/2004, l-Istati Membri li beħsiebhom jipparteċipaw, jew li jawtorizzaw il-bastimenti tas-sajd tagħhom biex jipparteċipaw f’sajd esploratorju kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat tas-CCAMLR mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2026.
Artikolu 30
Sajd għall-pixxisinna matul l-istaġun tas-sajd 2025–2026
1.Minbarra r-rekwiżiti speċjali għas-sajd esploratorju stabbiliti fl-Artikolu 7a tar-Regolament (KE) Nru 601/2004, is-sajd għall-pixxisinna fil-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2025 sat-30 ta’ Novembru 2026 għandu jkun limitat għall-Istati Membri, is-subżoni u l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd stabbiliti fit-Tabella A fl-Anness VII, u t-TACs u l-limiti tal-qabdiet aċċessorji stabbiliti fit-Tabella B ta’ dak l-Anness għandhom japplikaw.
2.Is-sajd dirett ta’ speċijiet ta’ klieb il-baħar għal finijiet oħrajn minbarra r-riċerka xjentifika għandu jiġi pprojbit. Kwalunkwe qabda aċċessorja ta’ klieb il-baħar, speċjalment frieħ u klieb il-baħar nisa tqal, li jinqabdu aċċidentalment fis-sajd għall-pixxisinna, għandhom jinħelsu ħajjin.
3.Meta applikabbli, għandu jieqaf is-sajd għall-pixxisinna f’kull unità ta’ riċerka fuq skala żgħira (SSRU, small-scale research unit) meta l-qabda rrapportata tilħaq it-TAC speċifikata, u l-SSRU għandha tingħalaq għas-sajd għall-bqija tal-istaġun tas-sajd.
4.Is-sajd għandu jsir fuq medda ġeografika u batimetrika kemm jista’ jkun kbira, sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi ddeterminat il-potenzjal tas-sajd u tiġi evitata konċentrazzjoni żejda tal-qbid u tal-isforz tas-sajd. Madankollu, is-sajd fis-subżoni 48.6, 88.1 u 88.2 tal-FAO għandu jkun ipprojbit f’fond ta’ inqas minn 550 m.
Artikolu 31
Sajd għall-krill matul l-istaġun tas-sajd 2026–2027
1.Għall-finijiet tal-Artikolu 5a tar-Regolament (KE) Nru 601/2004, l-Istati Membri li jkunu biħsiebhom jistadu għall-krill (Euphausia superba) fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR matul il-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2026 sat-30 ta’ Novembru 2027, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan sal-1 ta’ Mejju 2026, permezz tal-formola fil-Parti B tal-Appendiċi tal-Anness VII.
2.B’deroga mill-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 601/2004, u abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tippreżenta n-notifiki lis-Segretarjat tas-CCAMLR sat-30 ta’ Mejju 2026.
3.In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 601/2004 għal kull bastiment tas-sajd li għandu jiġi awtorizzat biex jipparteċipa fis-sajd għall-krill.
4.Stat Membru li jkun beħsiebu jistad għall-krill fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan biss fir-rigward ta’ bastimenti tas-sajd awtorizzati li, fil-ħin tan-notifika:
(a)itajru l-bandiera tiegħu; jew
(b)itajru l-bandiera ta’ membru ieħor tas-CAMLR u li jkunu mistennija li jtajru l-bandiera dak l-Istat Membru fiż-żmien li fih isir is-sajd.
5.Meta bastiment tas-sajd awtorizzat li jkun ġie nnotifikat lis-Segretarjat tas-CAMLR f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3 jitwaqqaf milli jipparteċipa f’sajd għall-krill minħabba raġunijiet operazzjonali leġittimi jew minħabba forza maġġuri, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jawtorizza s-sostituzzjoni tiegħu minn bastiment tas-sajd ieħor. F’każ bħal dan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma minnufih lis-Segretarjat tas-CAMLR b’kopja lill-Kummissjoni, u jipprovdi:
(a)dettalji sħaħ tal-bastiment(i) tas-sajd ta’ sostituzzjoni maħsub(a), inkluża l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 601/2004; u
(b)rendikont komprensiv tar-raġunijiet li jiġġustifikaw is-sostituzzjoni u kwalunkwe evidenza jew referenza ta’ sostenn rilevanti.]
Taqsima 5
Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC
Artikolu 32
Limitazzjoni tal-kapaċità tas-sajd ta’ bastimenti tas-sajd li jistadu fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC
1.L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għat-tonn tropikali fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC u l-kapaċità korrispondenti f’tunnellaġġ gross għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness VIII, il-punt 1.
2.L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għall-pixxispad (Xiphias gladius) u għall-alonga (Thunnus alalunga) fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC u l-kapaċità korrispondenti f’tunnellaġġ gross għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness VIII, il-punt 2.
3.L-Istati Membri jistgħu jallokaw mill-ġdid il-bastimenti tas-sajd li jkunu assenjati għal waħda mill-attivitajiet tas-sajd imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 lill-attività tas-sajd l-oħra, dment li jkunu jistgħu juru lill-Kummissjoni li tali bidla ma twassalx għal żieda fl-isforz tas-sajd fir-rigward tal-istokkijiet tal-ħut inkwistjoni.
4.Meta jiġi propost trasferiment ta’ kapaċità lill-flotta ta’ Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-bastimenti tas-sajd li għandhom jiġu ttrasferiti jkunu fuq ir-reġistru tal-IOTC ta’ bastimenti awtorizzati jew fuq ir-reġistru ta’ bastimenti tas-sajd ta’ RFMOs oħrajn li jimmaniġġjaw is-sajd tat-tonn. Il-bastimenti tas-sajd li jidhru fuq kwalunkwe lista ta’ bastimenti tal-RFMO li jkunu involuti f’attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux regolati u mhux irrapportati (IUU, illegal, unregulated and unreported) ma jistgħux jiġu ttrasferiti.
5.L-Istati Membri jistgħu jżidu l-kapaċità tas-sajd tagħhom lil hinn mil-livelli limitu msemmija fil-paragrafi 1 u 2 biss fil-limiti stabbiliti fil-pjanijiet ta’ żvilupp li jkunu ġew ippreżentati lill-IOTC.
Artikolu 33
Irkaptu mitluq għal riħu sabiex jinġema’ l-ħut u bastimenti tal-forniment
1.L-irkaptu mitluq għal riħu sabiex jinġema’ l-ħut għandu jkun mgħammar b’bagi strumentati. L-użu ta’ kwalunkwe baga oħra, bħal bagi bir-radju, għandu jkun ipprojbit.
2.Bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża ma għandu jsegwi fl-ebda waqt aktar minn 250 baga operazzjonali.
3.Mhux aktar minn 500 baga strumentata għandhom jinkisbu kull sena għal kull bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża. L-ebda bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża ma għandu jkollu, fl-ebda waqt, aktar minn 400 baga strumentata, kemm maħżuna kif ukoll li jkunu qegħdin jitħaddmu.
4.Mhux aktar minn tliet bastimenti tal-forniment għandhom joperaw b’appoġġ ta’ mhux inqas minn 12-il bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, li kollha jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-Istati Membri li jużaw bastiment tal-forniment wieħed biss.
5.Bastiment tas-sajd wieħed bit-tartarun tal-borża ma għandu jingħata appoġġ fl-ebda waqt minn aktar minn bastiment wieħed tal-provvista li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru.
6.L-Unjoni ma għandhiex tirreġistra bastimenti tal-forniment ġodda jew addizzjonali fir-reġistru tal-bastimenti awtorizzati tal-IOTC.
Taqsima 6
Żona tal-Konvenzjoni SPRFMO
Artikolu 34
Sajd ta’ ħut pelaġiku
1.Huma biss dawk l-Istati Membri li eżerċitaw b’mod attiv attivitajiet tas-sajd ta’ ħut pelaġiku fiż-żona tal-Konvenzjoni SPRFMO fl-2007, fl-2008 jew fl-2009 li jistgħu jistadu għal stokkijiet pelaġiċi f’dik iż-żona f’konformità mat-TACs stabbiliti fl-Anness IH.
2.L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jużaw l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fl-Anness IH biss jekk jibagħtu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni sal-15-il jum tax-xahar ta’ wara, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkomunikaha lis-Segretarjat tal-SPRFMO:
(a)lista ta’ bastimenti li jistadu b’mod attiv jew li jkunu involuti fit-trażbord fiż-żona tal-Konvenzjoni SPRFMO;
(b)rapporti tal-qabdiet ta’ kull xahar.
Taqsima 7
Żona tal-Konvenzjoni IATTC
Artikolu 35
Sajd bit-tartaruni tal-borża
1.Il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża ma għandhomx jistadu għat-tonna safra (Thunnus albacares), għat-tonn obeż (Thunnus obesus) jew għall-palamit (Katsuwonus pelamis):
(a)jew minn 00.00 tas-6 ta’ Awwissu 2026 sa 24.00 tat-8 ta’ Ottubru 2026 jew minn 00.00 tad-9 ta’ Novembru 2026 sa 24.00 tal-11 ta’ Jannar 2027 fiż-żona definita mil-limiti li ġejjin:
–ix-xtut tal-Kontinent Amerikan li jmissu mal-Paċifiku,
–il-lonġitudni 150° W,
–il-latitudni 40° N,
–il-latitudni 40° S;
(b)bejn il-ħinijiet ta’ 00.00 tad-9 ta’ Ottubru 2026 u 24.00 tat-8 ta’ Novembru 2026 fiż-żona definita mil-limiti li ġejjin:
–il-lonġitudni 96° W,
–il-lonġitudni 110° W,
–il-latitudni 4° N,
–il-latitudni 3° S.
2.Għal kull wieħed mill-bastimenti tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 u li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru, dak l-Istat Membru tal-bandiera għandu jinforma lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ April 2026 b’liema mill-perjodi ta’ għeluq imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), il-bastiment tas-sajd ikun għażel.
3.Il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża li jistadu għat-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni IATTC għandhom iżommu abbord u wara jittrażbordaw jew iħottu l-art it-tonn isfar, it-tonn obeż u l-palamit kollu li jaqbdu.
4.Il-paragrafu 3 ma għandux japplika:
(a)meta l-ħut jitqies li mhuwiex tajjeb għall-konsum mill-bniedem minħabba kwalunkwe raġuni għajr id-daqs;
(b)matul l-aħħar tefgħa ta’ xibka ta’ vjaġġ, meta jista’ ma jkunx baqa’ spazju biżżejjed biex jitqiegħed it-tonn kollu maqbud f’dik it-tefgħa.
5.Għal kull wieħed mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża li jistad fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-IATTC u li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru, dak l-Istat Membru tal-bandiera għandu sal-1 ta’ Frar biex jibgħat lill-Kummissjoni d-data dwar il-qabdiet annwali tat-tonn obeż fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-IATTC fis-sena ta’ qabel. Il-Kummissjoni għandha tikkompila u tibgħat minnufih dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-IATTC.
6. Il-perjodi ta’ għeluq imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu estiżi għal bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Unjoni, abbażi tal-qabdiet tagħhom ta’ tonn obeż fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-IATTC matul is-sena ta’ qabel, kif ġej:
–għal bastimenti tas-sajd li qabdu bejn 1 200 tunnellata u 1 499 tunnellata, il-perjodu ta’ għeluq huwa estiż b’10 ijiem;
–għal bastimenti tas-sajd li qabdu bejn 1 500 tunnellata u 1 799 tunnellata, il-perjodu ta’ għeluq huwa estiż b’13 ijiem;
–għal bastimenti tas-sajd li qabdu bejn 1 800 tunnellata u 2 099 tunnellata, il-perjodu ta’ għeluq huwa estiż b’16-il jum;
–għal bastimenti tas-sajd li qabdu bejn 2 100 tunnellata u 2 399 tunnellata, il-perjodu ta’ għeluq huwa estiż b’19-il jum; u
–għal bastimenti li qabdu 2 400 tunnellata jew aktar, il-perjodu ta’ għeluq huwa estiż bi 22 jum.
L-estensjonijiet tal-perjodi ta’ għeluq imsemmija fl-ewwel subparagrafu japplikaw kif ġej:
–għall-perjodu ta’ għeluq imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), il-jiem addizzjonali jiżdiedu qabel il-bidu ta’ dak il-perjodu ta’ għeluq; u
–għall-perjodu ta’ għeluq imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), il-jiem addizzjonali jiżdiedu wara t-tmiem ta’ dak il-perjodu ta’ għeluq.
Għal kull wieħed mill-bastimenti tas-sajd ikkonċernati, l-Istat Membru tal-bandiera rilevanti għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-estensjonijiet tal-perjodi ta’ għeluq meta jinforma lill-Kummissjoni dwar il-perjodi ta’ għeluq magħżula f’konformità mal-paragrafu 2.
Artikolu 36
FADs mitluqin għal riħhom biex jinġema’ l-ħut
1.Bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża ma għandux ikollu aktar mill-għadd ta’ FADs stabbilit fit-tabella hawn taħt attivi fi kwalunkwe ħin fiż-żona tal-Konvenzjoni IATTC. FAD għandu jitqies attiv meta jintuża fuq il-baħar, jibda jittrażmetti l-pożizzjoni tiegħu u jkun qiegħed jiġi segwit mill-bastiment tas-sajd, mis-sid jew mill-operatur tiegħu. FAD għandu jiġi attivat biss abbord bastiment bit-tartarun tal-borża.
|
Bastimenti tas-sajd b’kapaċità ta’ inqas minn 1 200 m3
|
210 FAD
|
|
Bastimenti tas-sajd b’kapaċità ta’ 1 200 m3 jew aktar
|
340 FAD
|
2.Matul il-15-il jum qabel il-bidu tal-perjodu ta’ għeluq magħżul f’konformità mal-Artikolu 35(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża għandu, fiż-żona tal-Konvenzjoni IATTC:
(a)iżomm lura milli juża FADs;
(b)jirkupra l-istess għadd ta’ FADs kif użati inizjalment.
Artikolu 37
Limiti ta’ qbid għat-tonn obeż fl-attivitajiet tas-sajd bil-konz
Il-qabdiet annwali totali tat-tonn obeż fiż-żona tal-Konvenzjoni IATTC mill-bastimenti tas-sajd bil-konz ta’ kull Stat Membru huma stabbiliti fl-Anness IL.
Artikolu 38
Projbizzjoni tas-sajd għall-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku
1.F’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/56 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jkun ipprojbit li tinżamm abbord, tiġi trażbordata, tinħatt l-art, tinħażen, tinbiegħ jew tiġi offruta għall-bejgħ kwalunkwe parti jew karkassa sħiħa ta’ klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi (Carcharhinus longimanus).
2.F’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/56, il-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi għandhom, sa fejn ikun prattikabbli, jinħelsu minnufih mingħajr ma ssirilhom ħsara meta jinġiebu maġenb il-bastiment.
3.L-operaturi tal-bastiment tas-sajd għandhom jirreġistraw l-għadd ta’ ħut li jinħeles u l-indikazzjoni tal-istatus (mejjet jew ħaj) u jirrapportaw dik l-informazzjoni lill-Istat Membru li huma ċittadini tiegħu. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu dik l-informazzjoni miġbura matul l-2025 lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar 2026.
[Taqsima 8
Iż-Żona tal-Konvenzjoni SEAFO
Artikolu 39
Projbizzjoni tas-sajd għall-klieb il-baħar tal-fond
Għandu jkun ipprojbit is-sajd dirett għall-klieb il-baħar tal-fond li ġejjin fiż-żona tal-Konvenzjoni SEAFO:
(a)il-gattarell fantażma (Apristurus manis);
(b)il-mazzola tal-fanal Bigelow (Etmopterus bigelowi);
(c)il-mazzola tal-fanal ta’ denb qasir (Etmopterus brachyurus);
(d)il-mazzola tal-fanal maġġuri (Etmopterus princeps);
(e)il-mazzola tal-fanal minuri (Etmopterus pusillus);
(f)ir-rebekkini (Rajidae);
(g)il-kelb il-baħar bellusi (Scymnodon squamulosus);
(h)il-klieb il-baħar tas-superordni Selachimorpha;
(i)il-mazzola griża (Squalus acanthias).]
[Taqsima 9
Żona tal-Konvenzjoni WCPFC
Artikolu 40
Kundizzjonijiet għas-sajd tat-tonna obeża, it-tonna safra, il-palamita u l-alonga tan-Nofsinhar tal-Paċifiku
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jiġux allokati aktar minn 403 ijiem ta’ sajd għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża għat-tonn obeż (Thunnus obesus), għat-tonna safra (Thunnus albacares) u għall-palamit (Katsuwonus pelamis) fiż-żoni tal-ibħra internazzjonali bejn 20° N and 20° S taż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC.
2.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandux ikollhom fil-mira l-alonga tan-Nofsinhar tal-Paċifiku (Thunnus alalunga) fiż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC li tinsab fin-Nofsinhar ta’ 20° S.
3.L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bit-tartarun tal-borża awtorizzati li jistadu għat-tonn tropikali fiż-żoni tal-ilmijiet internazzjonali bejn 20° N u 20° S taż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC ma għandux jaqbeż il-limiti stabbiliti fl-Anness IX, it-Tabella 2.
Artikolu 41
Ġestjoni tas-sajd bl-FADs
1.Fil-parti taż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC li tinsab bejn 20° N u 20° S, il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, il-bastimenti awżiljarji u kwalunkwe bastiment ieħor li jopera b’appoġġ għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, ma għandhomx jużaw jew iħaddmu FADs jew iqiegħdu xbieki fuqhom bejn il-ħinijiet ta’ 00.00 fl-1 ta’ Lulju 2026 u 24.00 fil-15 ta’ Awwissu 2026.
2.Minbarra l-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, għandu jkun ipprojbit li jitqiegħdu xbieki fuq l-FADs fl-ibħra internazzjonali taż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC li tinsab bejn 20° N u 20° S għal xahar addizzjonali, minn 00.00 tal-1 ta’ April 2026 sa 24.00 tat-30 ta’ April 2026, jew minn 00.00 tal-1 ta’ Mejju 2026 sa 24.00 tal-31 ta’ Mejju 2026, jew minn 00.00 tal-1 ta’ Novembru 2026 sa 24.00 tat-30 ta’ Novembru 2026, jew minn 00.00 tal-1 ta’ Diċembru 2026 sa 24.00 tal-31 ta’ Diċembru 2026.
3.L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeterminaw b’mod konġunt liema mill-perjodi ta’ għeluq imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw għall-bastimenti tas-sajd b’tartarun tal-borża li jtajru l-bandiera tiegħu. L-Istati Membri għandhom jinformaw b’mod konġunt lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Frar 2026 dwar il-perjodu ta’ għeluq magħżul. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lis-segretarjat tad-WCPFC dwar il-perjodu ta’ għeluq konġunt magħżul mill-Istati Membri kkonċernati qabel l-1 ta’ Marzu 2026.
4.Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ebda wieħed mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tiegħu ma jqiegħed fuq il-baħar, fi kwalunkwe ħin, aktar minn 350 FAD bil-bagi strumentati attivati. Il-bagi għandhom jiġu attivati esklużivament abbord bastimenti tas-sajd b’tartarun tal-borża.
Artikolu 42
Għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati għas-sajd tal-pixxispad
L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati għas-sajd tal-pixxispad (Xiphias gladius) f’żoni fin-Nofsinhar ta’ 20° S taż-żona tal-Konvenzjoni WCPFC għandu jkun kif stabbilit fl-Anness IX.
Artikolu 43
Limiti ta’ qbid għall-pixxispad fis-sajd bil-konz fin-Nofsinhar ta’ 20° S
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qabdiet tal-pixxispad fin-Nofsinhar ta’ 20° S mill-bastimenti tas-sajd bil-konz fl-2026 ma jaqbżux il-limitu stabbilit fl-Anness IG, it-Tabella 2. Għandhom jiżguraw ukoll li dan ma jirriżultax f’bidla fl-isforz tas-sajd għall-pixxispad lejn iż-żona fit-Tramuntana ta’ 20° S.]
Taqsima 10
Baħar Bering
Artikolu 44
Projbizzjoni ta’ sajd fl-ibħra internazzjonali tal-Baħar Bering
Għandu jkun ipprojbit is-sajd għall-pollakkju iswed (Gadus chalcogrammus) fl-ibħra internazzjonali tal-Baħar Bering.
Taqsima 11
Żona tal-Ftehim SIOFA
Artikolu 45
Limiti għas-sajd tal-qiegħ
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jistadu fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA:
(a)jillimitaw l-isforz annwali tas-sajd tal-qiegħ tagħhom għal-livelli stabbiliti fl-Anness X;
(b)ma jwettqux sajd tal-qiegħ ħlief jekk jużaw konz tal-qiegħ;
(c)ma jistadux fl-għeluq tas-sajd bentiku tal-baħar ta’ Gulden Draak, Rusky, Fools-Flat, East Broken Ridge, Mid-Indian Ridge, Atlantis Bank, Bridle, Banana and Middle of What, kif definit fl-Anness IK;
(d)ma jistadux fl-għeluq tas-sajd bentiku ta’ Walter’s Shoal, Coral u Magneto, kif definit fl-Anness IK, ħlief bil-konz tal-qiegħ u bil-kundizzjoni li jkollhom osservatur xjentifiku abbord il-ħin kollu meta jkunu qegħdin jistadu f’dawk iż-żoni; u
(e) ma jistadux permezz ta’ konzijiet tal-qiegħ fis-subżona 5, kif definit fl-Anness IK.
Artikolu 46
Miżuri tas-sajd għall-pixxisinna
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jistadu għall-pixxisinna (Dissostichus spp.) fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA:
(a)ma jistadux f’fond ta’ aktar minn 500 metru;
(b)ikollhom mill-inqas osservatur xjentifiku wieħed abbord f’kull ħin li għandu jkollu mira li josserva 25 % tas-snanar mitfugħin f’kull linja matul id-durata tal-użu tas-sajd; u
(c)jimmarkaw u jeħilsu eżemplari tal-pixxisinna b’rata ta’ mill-inqas ħames ħutiet għal kull tunnellata ta’ piż ħaj li jinqabad; ladarba jkunu nqabdu 30 pixxisinna jew aktar, għandha tapplika statistika minima sovrapposta ta’ mill-inqas 60 % għar-rilaxx tat-tikketti.
Artikolu 47
Projbizzjoni fuq l-immirar għall-klieb il-baħar tal-fond
Għandu jkun ipprojbit is-sajd dirett għall-klieb il-baħar tal-fond li ġejjin fiż-Żona tal-Ftehim SIOFA:
(a)il-mazzola Portugiża (Centroscymnus coelolepis), ħlief fil-kuntest tal-kwota tal-qbid aċċessorju kif stabbilit fl-Anness IK;
(b)il-mazzola munqar l-għasfur (Deania calceus);
(c)iż-żagħrun (Centrophorus granulosus);
(d)il-murruna sewda (Dalatias licha);
(e)il-gattarell ta’ Bach (Bythaelurus bachi);
(f)il-kimera ħalqha skur (Chimaera buccanigella);
(g)il-kimera ta’ Didier (Chimaera didierae);
(h)il-kimera tal-baħrin (Chimaera willwatchi);
(i)il-mazzola bellusija mneħirha twil (Centroselachus crepidater);
(j)il-kelb il-baħar ta’ Plunket (Scymnodon pracanthus);
(k)il-kelb il-baħar bellusi (Zameus squamulosus);
(l)il-mazzola tal-fanal ħaddejha bojod (Etmopterus alphus);
(m)il-gattarell ta’ żaqqu żgħira (Apristurus indicus);
(n)il-kimera mneħirha dejjaq (Harriotta raleighana);
(o)il-gattarell rasu dejqa (Bythaelurus tenuicephalus);
(p)il-kelb il-baħar tal-frilli (Chlamydoselachus anguineus);
(q)il-muruna ta’ sitt gargi b’għajnha kbira (Hexanchus nakamurai);
(r)il-mazzola tal-fanal minuri (Etmopterus pusillus);
(s)il-kelb il-baħar raqqadi tal-Antartiku (Somniosus antarcticus);
(t)waħx il-baħar (Mitsukurina owstoni);
(u)il-mazzola tal-fanal għajnha kaħla (Etmopterus viator);
(v)il-mazzola tal-fanal Bigelow (Etmopterus bigelowi);
(w)iż-żagħrun tal-Atlantiku (Centrophorus squamosus);
(x)il-mazzola tax-xewka (Centrophorus uyato);
(y)il-mazzola tax-xewka qasira (Squalus mitsukurii);
(z)il-mazzola tal-munqar twil (Deania quidrispinosa);
(za)il-mazzola rasha vleġġa (Deania profundorum);
(zb)ir-rebekkin ta’ Cristina (Batyraja tunae);
(zc)ir-rinokimera Afrikana (Rhinochimaera africana);
(zd)gattarell b’imnieħru skur (Bythaelurus naylori).
Taqsima 12
Żona tal-Konvenzjoni NPFC
Artikolu 48
Sajd għall-kavall għajnejh kbar
1.Għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC, l-Istati Membri tal-bandiera għandhom jibagħtu d-data aggregata li ġejja lill-Kummissjoni sad-dati li ġejjin:
(a)il-qabdiet ta’ kull xahar taħt il-limiti ta’ qbid għall-kavall għajnejh kbar (Scomber japonicus) għall-Partijiet Kontraenti kollha għall-NPFC għall-bastimenti tat-tkarkir u għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża rispettivament, kif stabbilit fl-Anness IM, meta l-użu ta’ dawk il-limiti ta’ qbid ikun inqas minn 60 %, sas-sebgħa jum tax-xahar ta’ wara; u
(b)il-qabdiet ta’ kull ġimgħa tal-kavall għajnejh kbar taħt dawk il-limiti ta’ qbid meta l-użu ta’ dawk il-limiti ta’ qbid ikun ogħla minn 60 % u inqas minn 95 %, sat-Tlieta tal-ġimgħa ta’ wara.
Il-Kummissjoni għandha tiġbor u tibgħat minnufih dik l-informazzjoni lis-Segretarju Eżekuttiv tal-NPFC.
2.Fi żmien jumejn mid-data tal-ħruġ tan-notifiki tas-Segretarju Eżekuttiv tal-NPFC li l-użu ta’ dawk il-limiti ta’ qbid ikun laħaq il-95 %, il-Kummissjoni għandha tagħlaq is-sajd taħt dawk il-limiti ta’ qbid.
3.Il-Kummissjoni għandha tiġbor u tibgħat il-qabdiet annwali tal-kavall għajnejh kbar fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC lis-Segretarju Eżekuttiv tal-NPFC sal-aħħar ta’ Frar tas-sena ta’ wara.
4.Dan l-Artikolu għandu japplika flimkien mal-obbligi ta’ rapportar dwar il-qabdiet stabbiliti fl-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
Artikolu 49
Protezzjoni tal-kelb il-baħar fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC
1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC ma għandhomx jistadu għall-kelb il-baħar, ma għandhomx iżommuh abbord, jittrażbordawh jew iħottuh l-art, fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC.
2.Meta jinqabdu aċċidentalment, l-eżemplari msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu immedjatament.
Artikolu 50
Protezzjoni ta’ ħut anadromu fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC
1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fiż-żona tal-Konvenzjoni NPFC ma għandhomx jistadu għas-salamun keta (Oncorhynchus keta), is-salamun fiddien (Oncorhynchus kisutch), is-salamun roża (Oncorhynchus gorbuscha), is-salamun aħmar (Oncorhynchus nerka), is-salamun iswed (Oncorhynchus tshawytscha), is-salamun Ġappuniż (Oncorhynchus masou) u t-trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss), u ma għandhomx iżommuhom abbord, jittrażbordawhom jew iħottuhom l-art.
2.Meta jinqabdu aċċidentalment, l-eżemplari msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu immedjatament.
TITOLU III
OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD GĦAL BASTIMENTI TA’ PAJJIŻI TERZI FL-ILMIJIET TAL-UNJONI
Artikolu 51
Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tan-Norveġja jew tal-Gżejjer Faeroe
Il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tan-Norveġja jew tal-Gżejjer Faeroe jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni biex jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni soġġetti għat-TACs stabbiliti fl-Anness I, u soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament u fit-Titolu III tar-Regolament (UE) 2017/2403 u atti delegati adottati mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 52
Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit, irreġistrati fir-Renju Unit, fil-Bailiwick ta’ Guernsey, fil-Bailiwick ta’ Jersey jew f’Isle of Man, u liċenzjati minn amministrazzjoni tas-sajd tar-Renju Unit
Il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit, irreġistrati fir-Renju Unit, fil-Bailiwick ta’ Guernsey, fil-Bailiwick ta’ Jersey jew f’Isle of Man, u liċenzjati minn amministrazzjoni tas-sajd tar-Renju Unit jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni biex jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni soġġetti għat-TACs stabbiliti fl-Anness I, u soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament, fir-Regolament (UE) 2017/2403 u atti delegati adottati mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 53
Trasferimenti jew skambji tal-kwoti mar-Renju Unit
1.Kwalunkwe trasferiment jew skambju ta’ kwoti bejn l-Unjoni u r-Renju Unit għandu jsir f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
2.Stat Membru li jkun beħsiebu jittrasferixxi jew jiskambja kwoti mar-Renju Unit jista’ jiddiskuti mar-Renju Unit qafas tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dak il-qafas.
3.F’każ li l-Kummissjoni tapprova qafas ġenerali tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti msemmi fil-paragrafu 2 innotifikat mill-Istat Membru kkonċernat, hija għandha tesprimi, mingħajr dewmien żejjed, il-kunsens li tkun marbuta b’tali trasferiment jew skambju tal-kwoti. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri u lir-Renju Unit dwar it-trasferiment jew skambju ta’ kwoti miftiehem.
4.L-opportunitajiet tas-sajd irċevuti mir-Renju Unit, jew ittrasferiti lejh, taħt it-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti miftiehem għandhom jitqiesu bħala kwoti miżjuda mal-allokazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, jew imnaqqsa minnha, mill-mument li t-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti jkun ġie nnotifikat f’konformità mal-paragrafu 3. Trasferimenti jew skambji bħal dawn ma għandhomx jaffettwaw l-iskeda ta’ distribuzzjoni biex jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri f’konformità mal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd.
Artikolu 54
Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela
Il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament u fit-Titolu III tar-Regolament (UE) 2017/2403 u atti delegati adottati mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 55
Awtorizzazzjonijiet tas-sajd
L-għadd massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti ta’ pajjiżi terzi li joperaw fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jkun kif stabbilit fl-Anness V, il-Parti B.
Artikolu 56
Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art tal-qabdiet u tal-qabdiet aċċessorji
Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 għandhom japplikaw għall-qabdiet u għall-qabdiet aċċessorji ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jistadu skont l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 57.
Artikolu 57
Speċijiet ipprojbiti
1.Il-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi ma għandhomx jistadu għall-ispeċijiet li ġejjin, iżommuhom abbord, jittrażbordawhom jew iħottuhom l-art, meta dawn ikunu jinsabu fl-ilmijiet tal-Unjoni:
(a)it-tawru (Carcharias taurus) fl-ilmijiet kollha tal-Unjoni;
(b)ir-raja tal-kwiekeb (Amblyraja radiata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjonijiet 3a u 7d tal-ICES, u l-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES;
(c)ir-rebekkin skur (Dipturus batis) kumpless (Dipturus cf. flossada u Dipturus cf. intermedia) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 3, 4 u 6 sa 10 tal-ICES;
(d)il-kelb il-baħar (Galeorhinus galeus) meta jittieħed b’konzijiet fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 4, 6, 7 u 8 tal-ICES;
(e)il-mera tal-Atlantiku (Hoplostethus atlanticus) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 3 sa 4 u 6 sa 10 tal-ICES;
(f)il-pixxiplamtu (Lamna nasus) fl-ilmijiet tal-Unjoni kollha;
(g)ir-raja tal-fosos (Raja clavata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES;
(h)ir-raja ondjata (Raja undulata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 6 u 10 tal-ICES;
(i)il-vjolin (Rhinobatos rhinobatos) fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Mediterran;
(j)il-kelb balena (Rhincodon typus) fl-ilmijiet tal-Unjoni kollha; u
(k)l-ispeċijiet tal-baħar fond elenkati fl-Anness IA, il-Parti D, fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 6 sa 10 tal-ICES, u ż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2 tas-CECAF, kif ukoll fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES, meta speċifikat f’dak l-Anness.
2.Meta jinqabdu aċċidentalment, l-eżemplari msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu immedjatament.
TITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
[L-Artikolu 58 se jiġi aġġornat wara l-pubblikazzjoni tal-parir xjentifiku dwar qabdiet aċċessorji inevitabbli f’sajd imħallat.]
[Artikolu 58
Emenda tar-Regolament (UE) 2025/202
Ir-Regolament (UE) 2025/202 huwa emendat kif ġej:
(1)Jiddaħħal l-Artikolu 19a li ġej:
“Artikolu 19a
Miżuri ta’ rimedju għall-bakkaljaw u l-lingwata komuni fil-Kattegat
1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fil-Kattegat bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs minimu tal-malja ta’ 70 mm għandhom jużaw wieħed mill-irkapti selettivi li ġejjin:
(a)għarbiel bi spazju bejn il-vireg ta’ mhux aktar minn 35 mm, bi żbokk mhux imblukkat għall-ħut;
(b)għarbiel bi spazju bejn il-vireg ta’ mhux aktar minn 50 mm li jissepara l-pixxiċatt u l-ħut tond, bi żbokk mhux imblukkat għall-ħut tond;
(c)pannell seltra b’malji kwadri ta’ 300 mm;
(d)irkaptu regolat selettiv ħafna, li l-attributi tekniċi tiegħu għandhom jirriżultaw, skont studju xjentifiku vvalutat mill-STECF, għal bastimenti li esklużivament iġorru abbord rkaptu bħal dan, f’inqas minn 1,5 % tal-qabdiet tal-bakkaljaw.
2.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jipparteċipaw fi proġett ta’ Stat Membru u li jkollhom tagħmir funzjonali għal attivitajiet tas-sajd dokumentati bis-sħiħ jistgħu jużaw rkaptu f’konformità mal-Anness V, il-Parti B tar-Regolament (UE) 2019/1241. Sal-31 ta’ Marzu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lista ta’ bastimenti bħal dawn lill-Kummissjoni.
3.Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.”
(2)L-Artikolu 63(e) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(e)l-Artikolu 19 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025;”]
(3)Jiddaħħal l-Artikolu 63(ea) li ġej:
“(ea)L-Artikolu 19a għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026;”]
Artikolu 59
Proċedura ta’ Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 60
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
L-Artikoli 9 sa 13, 15 sa 20, 24, 27, 38, 39, 44, 45, 47, 49, 50 u 57 ta’ dan ir-Regolament għandhom ikomplu japplikaw, mutatis mutandis, fl-2027 sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2026.
Artikolu 61
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026.
Madankollu:
(a)l-Artikolu 12(1), għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026 jew sad-data li fiha jsir applikabbli att delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/1241 u li jemenda l-Anness VII, il-Parti A, ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tad-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-pollakkju fis-subżoni 8, 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona CECAF 34.1.1, skont liema tiġi l-ewwel;
(b)l-Artikolu 13(1) sa (8) għandu japplika mill-1 ta’ April 2026 sal-31 ta’ Marzu 2027;
(c)l-Artikolu 13(9) għandu japplika mis-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Marzu 2027;
(d)l-Artikoli 17 u 18 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026 jew sad-data li fiha jsiru applikabbli l-atti delegati adottati f’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/1241 u li jemenda l-Annessi VI u VII ta’ dak ir-Regolament rigward il-miżuri tekniċi għall-Baħar Ċeltiku, il-Baħar Irlandiż u l-Punent tal-Iskozja u l-miżuri tekniċi għall-paġella ħamra fis-subżoni 6, 7 u 8 tal-ICES, skont liema tiġi l-ewwel;
(e) l-Artikolu 19 għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027 jew sad-data li fiha jsir applikabbli r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/2201, skont liema tiġi l-ewwel;
(f)l-Artikolu 23 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Jannar 2027;
(g)l-Artikolu 24 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026 jew sad-data li fiha jsir applikabbli att delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 54(1), il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2024/2594 u li jemenda l-Anness IV ta’ dak ir-Regolament dwar miżuri tekniċi għas-sebasti fil-Baħar Irminger u fl-ilmijiet kontigwi, skont liema tiġi l-ewwel;
(h)l-Artikolu 27(2) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026 jew mid-data li fiha ssir applikabbli emenda tar-Regolament (UE) 2017/2107 li tintroduċi projbizzjoni fuq iż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta’ kwalunkwe parti jew tal-karkassa sħiħa tal-pixxitondu (Isurus oxyrinchus) fl-Oċean Atlantiku, fit-Tramuntana ta’ 5°N, maqbuda fis-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, skont liema tiġi l-ewwel;
(i)l-Artikolu 30 u l-Anness VII għandhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2025 sat-30 ta’ Novembru 2026;
(j)l-Artikolu 35(1), il-punt (a), għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-11 ta’ Jannar 2027;
(k) l-Artikolu 38(3) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026 jew id-data li fiha ssir applikabbli emenda tar-Regolament (UE) 2021/56 dwar ir-reġistrazzjoni mill-operaturi tal-bastimenti tas-sajd tal-għadd ta’ każijiet ta’ ħelsien ta’ klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi f’indikazzjoni tal-istatus u r-rapportar ta’ dik l-informazzjoni lill-Istat Membru li tiegħu huma nazzjonali, skont liema tiġi l-ewwel;
(l)it-Taqsima 12 għandha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-31 ta’ Mejju 2027 jew sad-data li fiha jsir applikabbli Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri korrispondenti;
(m)l-Annessi IA sa IJ, u IL għandhom japplikaw ukoll fl-2027 u fl-2028, fejn speċifikat f’dawk l-Annessi;
(n)l-Anness IA, il-Parti B, it-Tabelli 116 sa 118, in-nota 1 f’qiegħ il-paġna, għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026 jew sad-data li fiha jsir applikabbli att delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 rigward deroga mill-obbligu ta’ ħatt l-art għall-mazzola griża, skont liema tiġi l-ewwel;
(o)l-Anness IK għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2025 sat-30 ta’ Novembru 2026, meta speċifikat f’dak l-Anness;
(p)l-Annessi IM u XI għandhom japplikaw mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-31 ta’ Mejju 2027;
(q)l-Anness II għandu japplika mill-1 ta’ Frar 2026 sal-31 ta’ Jannar 2027;
(r)il-limiti ta’ qbid u tal-isforz stabbiliti minn dan ir-Regolament għas-sena 2026 u, fejn speċifikat f’dan ir-Regolament, anke għas-snin 2027 u 2028, għandhom ikomplu japplikaw fl-2026, u meta rilevanti fl-2027 u fl-2028, esklużivament għall-finijiet ta’:
(i)skambji skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(ii)tnaqqis u żidiet skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(iii)kwantitajiet miżmuma f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013; u
(iv)tnaqqis u aġġustamenti skont l-Artikoli 105, 106 u 107 u 107a tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President