European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2093

16.9.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2093

tal-10 ta’ Lulju 2026

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-pagamenti nazzjonali għad-distillazzjoni tal-inbid, għall-ħsad bikri u għall-qlugħ tad-dwieli ta’ vinji produttivi f’każijiet ġustifikati ta’ kriżi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 216(4), l-Artikolu 223 u l-Artikolu 227 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2026/471 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jintroduċi għadd ta’ miżuri għall-adattament tal-potenzjal tal-produzzjoni tal-inbid, għall-ġestjoni tas-suq tal-inbid u għall-appoġġ tas-settur tal-inbid biex jindirizza l-isfidi differenti li jaffettwawh u biex jadatta s-settur għal żviluppi ġodda tas-suq f’kuntest ta’ inċertezza internazzjonali għolja. Fost miżuri oħra, ir-Regolament (UE) 2026/471 kabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 216 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Minbarra d-distillazzjoni tal-inbid, l-Istati Membri issa jistgħu jitolbu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni biex jagħmlu pagamenti nazzjonali biex jappoġġaw il-ħsad bikri u l-qlugħ volontarju tad-dwieli ta’ vinji produttivi f’każijiet ta’ kriżi skont ċerti kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tissupplimenta dak l-Artikolu billi tistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ eliġibbiltà u l-kriterji ta’ prijorità fir-rigward ta’ dawn il-pagamenti nazzjonali, kif ukoll li tiddetermina s-sitwazzjonijiet tas-suq li skonthom dawn il-miżuri jiġu ġġustifikati, li tiddetermina l-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-pagamenti u li tistabbilixxi regoli dwar il-koerenza ma’ miżuri oħra ta’ appoġġ tal-Politika Agrikola Komuni.

(2)

F’dan il-kuntest, huwa pertinenti li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi li għaliha l-Istati Membri jistgħu jitolbu approvazzjoni biex jagħmlu pagamenti nazzjonali għad-distillazzjoni, għall-ħsad bikri u għall-qlugħ tad-dwieli ta’ vinji produttivi kif ukoll il-kategoriji u l-kuluri tal-inbid li għalihom jistgħu jiġu applikati dawn il-miżuri.

(3)

Id-distillazzjoni tal-inbid u l-ħsad bikri għandhom l-għan li jneħħu l-inbid żejjed mis-suq, u li jipprevjenu li dan l-inbid jiġi prodott qabel il-ħsad, rispettivament. Filwaqt li dawn il-miżuri huma xierqa f’sitwazzjonijiet meta s-suq tal-inbid ikun affettwat minn sitwazzjonijiet ta’ provvista żejda konġunturali li jiġġeneraw, jew jheddu li jiġġeneraw, tfixkil fis-suq, il-qlugħ permanenti tad-dwieli ta’ vinji produttivi għandu l-għan li jindirizza żbilanċi strutturali tas-suq bejn il-provvista u d-domanda. Għalhekk, il-kriterji biex jiġu identifikati ċ-ċirkostanzi tas-suq li jiġġustifikaw l-approvazzjoni tal-pagamenti nazzjonali għal dawn il-miżuri jeħtieġ jirriflettu minn naħa waħda provvista żejda tas-suq konġunturali fuq terminu qasir u medju u min-naħa l-oħra żbilanċ strutturali tas-suq fuq medda itwal ta’ żmien. Għalhekk, il-kriterji biex jiġu identifikati ċ-ċirkostanzi tas-suq li jistgħu jiġġustifikaw l-approvazzjoni ta’ dawn il-pagamenti nazzjonali jridu jiġu ddefiniti b’mod differenti għad-distillazzjoni tal-inbid u l-ħsad bikri minn naħa waħda u għall-qlugħ permanenti tad-dwieli ta’ vinji produttivi min-naħa l-oħra. Meta wieħed iqis is-segmentazzjoni qawwija tas-suq tal-inbid tal-Unjoni, huwa pertinenti li l-Istati Membri jitħallew ikollhom fil-mira tagħhom il-miżuri lejn l-ambitu ġeografiku xieraq u lejn it-tipi ta’ nbejjed affettwati mill-kriżi tas-suq. Għalhekk, huwa pertinenti li l-miżuri li għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw fil-livell reġjonali jew nazzjonali u għal kategorija u kulur wieħed jew aktar tal-inbid.

(4)

Huwa wkoll pertinenti li jiġu stabbiliti kriterji bażiċi ta’ eliġibbiltà skont il-kontenut tal-miżura. Il-vitikulturi li jikkultivaw il-vinji għall-iskop tal-produzzjoni tal-inbid jistgħu jkunu eliġibbli, skont ċerti kundizzjonijiet, għal pagamenti nazzjonali għall-ħsad bikri u għall-qlugħ tad-dwieli ta’ vinji produttivi, filwaqt li operaturi oħra li jipproduċu, jikkummerċjalizzaw jew jiddistillaw l-inbid jistgħu jibbenefikaw minn pagamenti nazzjonali fir-rigward tad-distillazzjoni tal-inbid. F’dan ir-rigward, fil-każ tad-distillazzjoni tal-inbid, huwa importanti li meta l-benefiċjarji ma jkunux produtturi tal-inbid, l-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċċju ekonomiku li jirriżulta mill-pagamenti nazzjonali jgħaddi lill-produtturi tal-inbid. Biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-politika tal-inbid tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġi evitat li l-vitikulturi li jkollhom vinji mħawla mingħajr awtorizzazzjoni jibbenefikaw minn appoġġ għall-qlugħ tad-dwieli jew għall-ħsad bikri. Għall-istess raġunijiet ta’ koerenza tal-politiki, l-inbejjed li jissodisfaw ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet legali rilevanti tal-Unjoni biss, inklużi r-rekwiżiti għall-inbejjed li għandhom denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta, fejn applikabbli, jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ pubbliku għad-distillazzjoni.

(5)

Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fost il-produtturi tal-inbid fi Stati Membri differenti u biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa pertinenti li jiġu stabbiliti l-elementi li l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw fil-kalkolu tal-appoġġ massimu li għandu jingħata fil-forma ta’ pagamenti nazzjonali għall-ħsad bikri, għad-distillazzjoni tal-inbid u għall-qlugħ tad-dwieli ta’ vinji produttivi.

(6)

Biex jiġi evitat li l-ħsad bikri u d-distillazzjoni tal-inbid isiru swieq disponibbli regolari tas-suq għall-inbejjed minn reġjuni milquta minn żbilanċ strutturali tas-suq, huwa pertinenti li l-Istati Membri li japplikaw dawn il-miżuri jindirizzaw b’mod rikorrenti wkoll il-kawżi strutturali sottostanti għal dan l-iżbilanċ. Għalhekk, l-awtorizzazzjonijiet ġodda għall-ħsad bikri u d-distillazzjoni jenħtieġ li jkunu marbuta mal-kundizzjoni li jkun hemm applikazzjoni parallela tal-qlugħ volontarju tad-dwieli ta’ vinji produttivi u li jiġu applikati l-kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 58(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) meta jiġu implimentati interventi ta’ ristrutturar u rikonverżjoni. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom l-għan li jevitaw li l-interventi ta’ ristrutturar u rikonverżjoni jikkontribwixxu għaż-żieda fir-rendimenti f’reġjuni diġà milquta minn żbilanċ strutturali tas-suq.

(7)

Biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq u approċċ armonizzat għas-sistema ta’ applikazzjoni għall-pagamenti nazzjonali msemmija f’dan ir-Regolament, huwa pertinenti li jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni biex jiġġustifikaw it-talba tagħhom għall-approvazzjoni u li jiġu previsti ċerti rekwiżiti ta’ notifika dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri fi żmien ċerta skadenza annwali.

(8)

Fid-dawl tal-isfidi li s-settur tal-inbid qed jiffaċċja bħalissa, jeħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jimplimentaw il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li jmiss. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tat-talbiet għall-approvazzjoni ta’ pagamenti nazzjonali li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu fis-settur tal-inbid għad-distillazzjoni tal-inbid, għall-ħsad bikri u għall-qlugħ tad-dwieli ta’ vinji produttivi, f’każijiet ġustifikati ta’ kriżi tas-suq, f’konformità mal-Artikolu 216 ta’ dak ir-Regolament.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji li l-Istati Membri għandhom jużaw biex jiddeterminaw l-eżistenza ta’ kriżi tas-suq li tiġġustifika l-għoti tal-pagamenti nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ eliġibbiltà u r-regoli għall-kalkolu tal-ammonti massimi ta’ appoġġ li l-Istati Membri jistgħu jagħtu permezz ta’ dawn il-pagamenti nazzjonali.

3.   Dan ir-Regolament jipprevedi wkoll ċerti rekwiżiti ta’ koerenza bejn dawn il-pagamenti nazzjonali u miżuri oħra ta’ appoġġ tal-Politika Agrikola Komuni għas-settur tal-inbid mogħtija fl-istess reġjun ta’ produzzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“distillazzjoni” tfisser id-disponiment tal-inbid kif definit fl-Anness VII, il-Parti II, il-punt 1, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, permezz ta’ distillazzjoni sħiħa f’alkoħol mhux raffinat b’qawwa alkoħolika ta’ mill-inqas 92 % skont il-volum;

(2)

“ħsad bikri” tfisser l-operazzjoni definita fl-Artikolu 3(5), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(3)

“qlugħ tad-dwieli” tfisser il-qlugħ sħiħ u t-tneħħija tal-istokkijiet kollha tad-dwieli ta’ ċerta żona tal-vinji inkluża fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 145 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(4)

“kategorija” tal-inbid tfisser, jew inbid protett minn denominazzjoni ta’ oriġini, inbid protett minn indikazzjoni ġeografika, jew inbid mingħajr indikazzjoni ġeografika;

(5)

“kulur” tal-inbid tfisser, jew inbid aħmar, inbid rożé jew inbid abjad.

Artikolu 3

Distillazzjoni tal-inbid u ħsad bikri f’każijiet ġustifikati ta’ kriżi

1.   Suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 216(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħtu pagamenti nazzjonali għad-distillazzjoni tal-inbid u għall-ħsad bikri f’każijiet ġustifikati ta’ kriżi skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament. Dawn il-pagamenti nazzjonali għandhom ikunu proporzjonati, debitament ġustifikati u mmirati lejn l-inbejjed u r-reġjuni ta’ produzzjoni milquta minn sitwazzjoni ta’ kriżi, f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Id-distillazzjoni u l-ħsad bikri jistgħu jiġu implimentati fil-livell nazzjonali jew reġjonali, għal kategorija waħda u kulur wieħed jew diversi kategoriji u kuluri tal-inbid.

2.   Biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi, l-Istat Membru li jixtieq juża l-pagamenti nazzjonali għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, għandu juri l-okkorrenza ta’ waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi tas-suq li ġejjin, għall-kategoriji u l-kuluri tal-inbejjed eliġibbli, jew fil-livell nazzjonali jew fil-livell reġjonali, kif xieraq:

(a)

żieda sostanzjali fl-aħħar stokkijiet tal-inbid disponibbli fil-livell tal-produzzjoni meta mqabbla mal-medja tal-istokkijiet tal-inbid fl-istess żmien tas-sena fil-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti jew, inkella, fil-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti minbarra l-aktar valuri għoljin u baxxi;

(b)

tnaqqis sostanzjali fil-prezz medju tas-suq tal-inbid fil-livell tal-produzzjoni għas-6 xhur l-aktar reċenti meta mqabbel mal-prezz medju tas-suq matul il-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti jew, inkella, matul il-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti minbarra l-aktar valuri għoljin u baxxi;

(c)

tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ akkumulat tas-suq tal-inbid fil-livell tal-produzzjoni għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li tkun għaddejja meta mqabbel mal-bejgħ akkumulat medju fl-istess perjodu matul il-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, jew, alternattivament, matul il-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, minbarra l-aktar valuri għoljin u baxxi, u sakemm dan it-tnaqqis ma jirriżultax minn tnaqqis fil-produzzjoni.

3.   Il-benefiċjarji eliġibbli tal-pagamenti nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu, għall-ħsad bikri, vitikulturi li l-azjenda tagħhom tinkludi biss żoni ta’ vinji mħawla b’awtorizzazzjoni għat-tħawwil f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali u, għad-distillazzjoni, persuni fiżiċi jew legali li jipproduċu jew jikkummerċjalizzaw l-inbid, organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-inbid jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom, assoċjazzjonijiet ta’ żewġ produtturi tal-inbid jew aktar, jew distillaturi ta’ prodotti tad-dwieli.

Meta l-benefiċjarju ta’ miżura ta’ distillazzjoni ma jkunx produttur tal-inbid, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-benefiċċju ekonomiku tal-miżura jingħadda lill-produtturi tal-inbid rilevanti.

4.   L-ammont massimu tal-pagament nazzjonali għal kull ettaru fir-rigward tal-ħsad bikri ma għandux ikun ogħla mis-somma ta’:

(a)

il-kost dirett tat-tneħħija jew tal-qerda sħiħa tal-għenieqed tal-għeneb immaturi, li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru abbażi ta’ kostijiet standard rappreżentattivi;

(b)

ammont ta’ kumpens ta’ mhux aktar minn 50 % tal-valur medju tal-għeneb prodott fl-istess żona matul it-3 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, ikkalkulat għal rendimenti medji bi prezzijiet medji tal-għeneb, għall-kategoriji ta’ nbid u kuluri ta’ nbid eliġibbli fiż-żona ġeografika rilevanti wara li jitnaqqas il-kost medju tal-ħsad fl-istess żona; u

(c)

inċentiv ta’ mhux aktar minn 20 % tas-somma ta’ dawn iż-żewġ ammonti.

5.   L-ammont massimu ta’ pagament nazzjonali għal kull ettolitru ta’ nbid eliġibbli li jibbenefika mid-distillazzjoni ma għandux ikun ogħla mis-somma ta’:

(a)

il-kost tal-operazzjoni tad-distillazzjoni tal-inbid, kif stmat mill-Istat Membru abbażi ta’ kostijiet standard rappreżentattivi;

(b)

ammont ta’ kumpens ta’ mhux aktar minn 50 % tal-prezz medju tas-suq matul l-aħħar 6 xhur għall-kategoriji u l-kuluri tal-inbid eliġibbli u fl-ambitu ġeografiku tal-miżura; u

(c)

inċentiv ta’ mhux aktar minn 20 % tas-somma ta’ dawn iż-żewġ ammonti.

6.   L-inbid eliġibbli għad-distillazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jkun joriġina fl-Unjoni u għandu jikkonforma mar-rekwiżiti biex jiġi kkummerċjalizzat fl-Unjoni u, fejn rilevanti, mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għall-inbejjed li għandhom denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta.

Artikolu 4

Qlugħ tad-dwieli ta’ vinji produttivi f’każijiet ġustifikati ta’ kriżi

1.   Soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 216(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri li jżommu r-reġistru tad-dwieli msemmi fl-Artikolu 145 ta’ dak ir-Regolament jistgħu jagħtu pagamenti nazzjonali għall-qlugħ volontarju tad-dwieli ta’ vinji produttivi implimentati fit-territorju tagħhom skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-regolament. Dawn il-pagamenti nazzjonali għandhom ikunu proporzjonati, iġġustifikati debitament mill-Istat Membru u mmirati lejn l-inbejjed u r-reġjuni tal-produzzjoni affettwati minn żbilanċ strutturali tas-suq f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-qlugħ tad-dwieli jista’ jiġi implimentat fil-livell nazzjonali jew reġjonali għal żoni speċifiċi jew għal vinji li jipproduċu kategorija waħda u kulur wieħed jew diversi kategoriji u kuluri ta’ nbejjed.

2.   Biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ żbilanċ strutturali tas-suq, l-Istat Membru li jixtieq juża pagamenti nazzjonali għall-miżura msemmija fil-paragrafu 1 għandu juri l-okkorrenza ta’ waħda miċ-ċirkostanzi tas-suq li ġejjin, għall-kategoriji u l-kuluri tal-inbid prodott minn vinji eliġibbli, jew fil-livell reġjonali jew dak nazzjonali, kif xieraq:

(a)

żieda sostanzjali fil-medja tal-istokkijiet finali stmati tal-inbid fil-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, meta mqabbla mal-medja tal-istokkijiet finali stmati tal-inbid fl-10 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti. Iż-żieda fl-istokkijiet stmati tal-inbid fil-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti għandha tkun ukoll ferm akbar miż-żieda fil-produzzjoni medja tal-inbid matul l-istess perjodu ta’ referenza tal-10 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti.

L-istokkijiet finali stmati tal-inbid ta’ sena ta’ kummerċjalizzazzjoni jfissru l-istokkijiet finali reali tal-inbid ta’ dik is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni miżjuda bil-kwantitajiet ta’ nbid imneħħija mis-suq fl-istess sena ta’ kummerċjalizzazzjoni permezz ta’ distillazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni jew ħsad bikri. Il-kwantità ta’ nbid imneħħija permezz ta’ ħsad bikri hija kkalkulata billi ż-żona soġġetta għall-ħsad bikri tiġi kkonvertita f’volum ta’ nbid ekwivalenti b’rendiment medju fl-istess sena fl-istess żona ġeografika fejn ikun ġie applikat;

(b)

il-produzzjoni annwali tal-inbid tkun sostanzjalment ogħla mill-volumi tal-inbid mibjugħa kull sena fil-livell tal-produzzjoni f’mill-inqas 3 snin matul il-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti;

(c)

mill-inqas waħda miċ-ċirkostanzi tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tkun seħħet f’mill-inqas 3 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni matul il-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti;

(d)

tnaqqis sostanzjali fil-profittabbiltà medja annwali għal kull ettaru ta’ vinja matul l-10 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, ikkalkulata abbażi ta’ metodoloġija standard użata fl-analiżi ekonomika tas-settur tal-biedja.

3.   Il-benefiċjarji eliġibbli tal-pagamenti nazzjonali għall-qlugħ tad-dwieli ta’ vinji produttivi għandhom ikunu l-vitikulturi li l-azjenda tagħhom tinkludi biss żoni ta’ vinji mħawla b’awtorizzazzjoni għat-tħawwil f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali.

4.   Għandhom ikunu eliġibbli biss il-vinji li, fil-ħin li l-benefiċjarju jissottometti l-applikazzjoni għall-appoġġ, ikunu nħasdu mill-inqas darba matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaddejja u s-sentejn ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, sakemm id-dikjarazzjoni tal-ħsad rilevanti tkun ġiet innotifikata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

5.   Il-vinji li kienu soġġetti għal operazzjoni ta’ ristrutturar u konverżjoni appoġġata skont l-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115 matul il-5 snin finanzjarji preċedenti ma għandhomx ikunu eliġibbli għal pagamenti nazzjonali għall-qlugħ tad-dwieli.

6.   L-ammont massimu ta’ pagament nazzjonali għal kull ettaru ta’ vinja produttiva li nqalgħu d-dwieli minnha ma għandux ikun ogħla mis-somma ta’:

(a)

il-kost dirett tal-operazzjoni tal-qlugħ tad-dwieli, li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru abbażi ta’ kostijiet standard rappreżentattivi; u

(b)

ammont ta’ kumpens ta’ mhux aktar minn 100 % tat-telf ta’ dħul ta’ sena waħda stabbilit fl-istess livell tat-telf annwali ta’ dħul stabbilit mill-Istat Membru għall-finijiet tal-Artikolu 59(1), it-tielet subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115.

7.   L-informazzjoni dwar l-irqajja’ li nqalgħu d-dwieli minnhom bl-appoġġ tal-pagament nazzjonali msemmi fil-paragrafu 1, inkluża informazzjoni dwar is-sena meta nqalgħu d-dwieli mir-roqgħa u l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju, għandha tinżamm fir-reġistru tad-dwieli msemmi fl-Artikolu 145 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għal mill-inqas 10 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni wara dik meta nqalgħu d-dwieli mir-roqgħa.

Artikolu 5

Koerenza ma’ miżuri oħra ta’ appoġġ

Fl-Istati Membri li diġà implimentaw pagamenti nazzjonali għad-distillazzjoni jew għall-ħsad bikri f’konformità mal-Artikolu 3 għal 3 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jew aktar fil-perjodu tal-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti fl-istess żona ġeografika u għall-istess kategoriji u kuluri ta’ nbid, l-approvazzjoni biex jintużaw pagamenti nazzjonali għal sena addizzjonali, għall-istess żona ġeografika u l-inbejjed ikkonċernati, għandha tkun marbuta mal-kundizzjoni li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri li ġejjin:

(a)

jagħmlu użu minn pagamenti nazzjonali għall-qlugħ tad-dwieli ta’ vinji produttivi f’konformità mal-Artikolu 4 jew jinkludu fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom l-intervent ta’ qlugħ permanenti tad-dwieli msemmi fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (o), tar-Regolament (UE) 2021/2115, għal mill-inqas is-sentejn ta’ kummerċjalizzazzjoni jew finanzjarji ta’ wara, rispettivament; u

(b)

l-istabbiliment fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, għall-intervent skont l-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115, tal-kundizzjonijiet agronomiċi, vitikulturali jew oħrajn speċifiċi previsti fl-Artikolu 58(1), it-tieni subparagrafu.

Artikolu 6

Talba għall-approvazzjoni

L-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu mill-pagamenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni talba għall-approvazzjoni li, għal kull miżura għaż-żoni ġeografiċi, il-kategoriji u l-kuluri tal-inbid rilevanti, tinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

—

fir-rigward tad-distillazzjoni u l-ħsad bikri:

(a)

l-ambitu ġeografiku, il-kategoriji u l-kuluri tal-inbid, jew il-vinji li jipproduċu dawn l-inbejjed, fil-mira tal-miżura kif xieraq;

(b)

kwalunkwe kundizzjoni ta’ eliġibbiltà addizzjonali u kwalunkwe kriterju ta’ prijorità possibbli stabbiliti fil-livell nazzjonali għall-inbid, għall-vinji u għall-benefiċjarji;

(c)

id-durata tal-miżura, inkluż id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-miżura;

(d)

l-informazzjoni rilevanti li turi l-okkorrenza taċ-ċirkostanzi tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2), il-punti (a), (b) u (c);

(e)

il-volum mistenni ta’ nbid eliġibbli li għandu jiġi distillat jew iż-żona mistennija li għandha tkun soġġetta għall-ħsad bikri;

(f)

il-baġit totali previst u l-ammont massimu ta’ pagament nazzjonali għal kull ettolitru ta’ nbid distillat jew għal kull ettaru soġġett għall-ħsad bikri;

—

fir-rigward tal-qlugħ tad-dwieli ta’ vinji produttivi:

(a)

l-ambitu ġeografiku, il-kategoriji u l-kuluri tal-inbid fil-mira tal-miżura;;

(b)

kwalunkwe kundizzjoni addizzjonali ta’ eliġibbiltà u kriterji ta’ prijorità possibbli stabbiliti fil-livell nazzjonali għall-vinji u l-benefiċjarji;

(c)

id-durata tal-miżura, inkluż id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-miżura;

(d)

l-informazzjoni rilevanti li turi l-okkorrenza taċ-ċirkostanzi tas-suq imsemmija fl-Artikolu 4(2), il-punti (a), (b), (c) u (d);

(e)

iż-żona mistennija tal-vinji li se jinqalgħu d-dwieli minnhom u l-volum ekwivalenti tagħha ta’ produzzjoni potenzjali tal-inbid;

(f)

il-baġit totali previst u l-ammont massimu ta’ pagament nazzjonali għal kull ettaru.

Artikolu 7

Notifiki

1.   L-Istati Membri li t-talba tagħhom għal pagamenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 tkun ġiet approvata għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ Settembru fir-rigward tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti li fiha jkunu ġew applikati, dwar:

(a)

il-kwantitajiet ta’ nbid irtirati mis-suq għal kull miżura ta’ distillazzjoni implimentata f’konformità mal-Artikolu 3, għal kull kategorija u kulur tal-inbid, kif ukoll il-volumi ta’ alkoħol prodott mill-inbid ikkonsenjat u distillat u l-ammont korrispondenti ta’ pagamenti nazzjonali mogħtija;

(b)

iż-żoni li bbenefikaw minn pagamenti nazzjonali għall-ħsad bikri implimentati f’konformità mal-Artikolu 3 għal kull kategorija u kulur tal-inbid, u l-ammont korrispondenti ta’ pagamenti nazzjonali mogħtija;

(c)

iż-żoni li bbenefikaw minn pagamenti nazzjonali għall-qlugħ tad-dwieli ta’ vinji produttivi implimentati f’konformità mal-Artikolu 4, għal kull kategorija u kulur tal-inbid, u l-ammont korrispondenti ta’ pagamenti nazzjonali mogħtija.

2.   In-notifiki lill-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (4).

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2026/471 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-24 ta’ Frar 2026 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) Nru 251/2014 u (UE) 2021/2115 fir-rigward ta’ ċerti regoli tas-suq u miżuri ta’ appoġġ settorjali fis-settur tal-inbid u għal prodotti tal-inbid aromatizzat, u r-Regolament (UE) 2024/1143 fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar it-tikkettar għax-xorb spirituż (ĠU L, 2026/471, 26.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/471/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1183/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/2093/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)