European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/761

5.3.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/761

tal-1 ta’ Marzu 2024

li taċċetta talba mressqa mir-Rumanija skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għan-nuqqas temporanju ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 għal għoxrin vettura LEMA

(notifikata bid-dokument C(2024) 1258)

(It-test Rumen biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Awwissu 2023, ir-Rumanija ressqet talba ġdida lill-Kummissjoni għan-nuqqas temporanju ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 (2) (it-“talba l-ġdida”), li jipprevedi li ċerti vetturi ġodda jkunu mgħammra bil-Linja Bażi 3 tas-Sistema Ewropea għall-Kontroll tal-Ferroviji (“ETCS”) abbord, fir-rigward ta’ għoxrin lokomottiva LEMA 6 000 kW manifatturati ġodda.

(2)

Ir-Rumanija kienet diġà ressqet l-ewwel talba għal dak il-għan fis-6 ta’ Jannar 2022. Il-Kummissjoni aċċettatha bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1349 (3) u awtorizzat in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt rilevanti sal-31 ta’ Diċembru 2023. Sa dik id-data, il-vetturi kkonċernati kellhom jiġu aġġornati għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS.

(3)

Wara li tressqet it-talba l-ġdida, ir-Regolament (UE) 2016/919 tħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 (4). Fis-sustanza, ir-rekwiżit li tiġi installata l-ETCS (Linja Bażi 3) stabbilit fil-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 ġie inkluż fil-punt 7.4.2.1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695. Għalhekk, it-talba oriġinali jenħtieġ li titqies bħala waħda għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695.

(4)

Il-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 għandu l-għan li jiffaċilita l-interoperabbiltà tal-vetturi ferrovjarji fin-network Ewropew bl-installazzjoni tal-ETCS abbord. Madankollu, kif diġà ġie kkunsidrat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1349, filwaqt li kien importanti li l-vetturi ferrovjarji jiġu mgħammra bl-ETCS, għad hemm dewmien konsiderevoli fir-Rumanija u f’xi Stati Membri oħra fit-tnedija tal-ERTMS.

(5)

Il-flotta tal-20 lokomottiva LEMA 6 000 kW imsemmija fit-talba hija maħsuba biex topera fin-network Rumen, li minnha 10 % biss bħalissa hija mgħammra b’ETCS maġenb il-binarji. Is-sistema nazzjonali Rumena tal-Klassi B PZB tibqa’ meħtieġa biex topera fuq in-network Rumen.

(6)

Il-proċess ta’ manifattura tas-sistemi ta’ sinjalazzjoni ġie ittardjat. Il-fornitur tas-sistemi tas-sinjalar informa lir-Rumanija li l-prototip tal-linja bażi 3 tal-ETCS tagħha ma kienx se jkun disponibbli fl-2023, għall-kuntrarju tal-ippjanar oriġinali. Ladarba l-prototip ikun disponibbli, il-modifika retroattiva tal-lokomottivi teħtieġ li jsiru biżżejjed prodotti, l-installazzjoni tas-sistemi ta’ sinjalar, l-aġġornament u l-validazzjoni tad-dokumenti tekniċi u aktar attivitajiet abbord. Ladarba titlesta l-modifika retroattiva, it-tip ta’ lokomottiva l-ġdid u l-lokomottivi individwali jridu jiġu awtorizzati biex jitqiegħdu fis-suq. Kull waħda minn dawn l-attivitajiet se teħtieġ diversi xhur.

(7)

Minn dan isegwi li l-iskeda għall-modifika retroattiva tal-vetturi oriġinarjament stmata mill-manifattur, li infurmat lid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1349, ma għadhiex rilevanti u li issa huwa meħtieġ perjodu itwal ta’ żmien biex l-20 lokomottiva LEMA 6 000 kW jiġu aġġornati u awtorizzati. Iż-żmien itwal għall-konsenja, flimkien mad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-ETCS maġenb il-binarji fin-network Rumen wasslu għat-talba l-ġdida.

(8)

F’konformità mar-raġunament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1349, li jibqa’ validu fiċ-ċirkostanzi attwali, l-installazzjoni bikrija tal-Linja Bażi 3 tal-ETCS fl-20 lokomottiva LEMA ta’ 6 000 kW ikollha impatt serju fuq id-disponibbiltà tal-lokomottivi għall-operat fuq in-network b’impatt ekonomiku negattiv konsiderevoli li jikkomprometti l-vijabbiltà ekonomika tal-proġett. Kif diġà ġie rikonoxxut fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1349, minflok ikunu xierqa l-introduzzjoni aktar rapida u l-modifika retroattiva aktar tard tal-flotta mil-Linja Bażi 2 tal-ETCS għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS.

(9)

Sakemm jiġu mmodifikati b’mod retroattiv, il-lokomottivi se joperaw bl-użu tas-sistema tal-klassi B fin-network Rumen peress li hija s-sistema unika ta’ sinjalar disponibbli waqt l-introduzzjoni tal-ERTMS fin-network tagħha.

(10)

Tlettax mil-lokomottivi msemmija fit-talba huma diġà identifikati bin-numri 91530480060-9, 91530480061-7, 91530480062-5, 91530480063-3, 91530480064-1, 91530480065-8, 91530480066-6, 91530480069-0, 91530480070-8, 91530480072-4, 91530480073-2, 91530480074-0 u 91530480075-7. L-awtoritajiet Rumeni jenħtieġ li jipprovdu n-numri ta’ identifikazzjoni tas-seba’ lokomottivi l-oħra fi stadju iktar tard, mar-reġistrazzjoni tagħhom.

(11)

Il-manifattur tal-vetturi impenja ruħu li jżomm ma’ pjan ta’ inġinerija u ta’ installazzjoni biex jaġġorna l-vetturi kkonċernati bil-Linja Bażi 3 l-ġdida tal-ETCS abbord. Skont l-iskedi ta’ żmien l-iktar reċenti pprovduti, l-aġġornament għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS tal-20 lokomottiva, huwa mistenni li jitlesta sal-31 ta’ Diċembru 2026.

(12)

Qabel l-installazzjoni tal-Linja Bażi 3 tal-ETCS, l-awtorizzazzjoni tal-lokomottivi se tkun valida biss matul il-perjodu ta’ validità ta’ din id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni.

(13)

Filwaqt li r-raġunament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1349 jibqa’ validu, jeħtieġ li jingħata aktar żmien għall-aġġornament u għall-awtorizzazzjoni tal-lokomottivi kkonċernati.

(14)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(c) u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 għadhom issodisfati fir-rigward tal-20 vettura kkonċernati minn din it-talba l-ġdida. It-talba l-ġdida mressqa mir-Rumanija għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 għal dawk il-vetturi sal-31 ta’ Diċembru 2026 għalhekk jenħtieġ li tiġi aċċettata.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba mressqa fil-31 ta’ Awwissu 2023 lill-Kummissjoni mir-Rumanija għan-nuqqas ta’ applikazzjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2026, tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 fir-rigward tal-20 lokomottiva ġdida LEMA 6 000 kW, hija aċċettata.

L-ewwel 13-il lokomottiva msemmija fit-talba huma identifikati bin-numri 91530480060-9, 91530480061-7, 91530480062-5, 91530480063-3, 91530480064-1, 91530480065-8, 91530480066-6, 91530480069-0, 91530480070-8, 91530480072-4, 91530480073-2, 91530480074-0 u 91530480075-7.

L-awtoritajiet Rumeni għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar in-numri ta’ identifikazzjoni tas-7 lokomottivi LEMA 6 000 kW li jifdal, ladarba jkunu rreġistrati fir-reġistru Ewropew tal-vetturi għaż-żona tal-użu tar-Rumanija.

Artikolu 2

Meta d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jiġu applikati għal awtorizzazzjoni tal-vetturi ta’ kwalunkwe waħda mill-20 lokomottiva LEMA 6 000 kW msemmija fl-Artikolu 1, dik l-awtorizzazzjoni tal-vettura għandha tkun valida sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32016L0797.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistemi tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32016L0797).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1349 tas-26 ta’ Lulju 2022 li taċċetta talba mressqa mir-Rumanija skont id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 għal għoxrin vettura LEMA (ĠU L 202, 2.8.2022, p. 56, ELI: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32022D1349).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 tal-10 ta’ Awwissu 2023 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistemi tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/919 (ĠU L 222, 8.9.2023, p. 380, ELI: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32023R1695).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/761/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)