SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
12 ta’ Lulju 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Unjoni doganali u tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 73071110, 73071910 u 73071990 – Aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali”
Fil-Kawżi magħquda C‑397/17 u C‑398/17,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Ġunju 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Lulju 2017, fil-proċeduri
Profit Europe NV
vs
Belgische Staat,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Profit Europe NV, minn P. Diaz Gavier, advocaat, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u P. Vanden Heede, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tas-subintestaturi tariffarji 730711 u 73071910 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn Profit Europe NV u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut għal sistemi ta’ detezzjoni u ta’ tifi tan-nar. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, li ġiet imfassla mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD) u stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-protokoll ta’ emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas‑7 ta’ April 1987 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). |
|
4 |
In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri ta’ din is-sistema armonizzata, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li jirrappreżentaw subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha. |
|
5 |
L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li tirrigwarda r-regoli ġenerali, is-Sezzjoni A, bit-titolu “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
[…]
|
|
6 |
It-Tieni Parti tan-NM hija maqsuma f’21 taqsima. It-Taqsima XV, bit-titolu “Metalli ta’ valur baxx u oġġetti ta’ metalli ta’ valur baxx” tinkludi l-Kapitoli 72 sa 83 tan-NM. Il-Kapitolu 73, bit-titolu “Oġġetti ta’ ħadid jew azzar”, jirrigwarda l-intestaturi 7301 sa 7326 tan-NM. |
|
7 |
L-intestatura 7307 hija strutturata kif ġej:
|
|
8 |
In-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011, C 137, p. 1, iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega”), dwar is-subintestaturi 73071110 u 73 07 11 90 tan-NM, jipprovdu: “L-espressjoni ‘mhux malleabbli’ tinkludi ħadid fondut tal-grafit lamellari Dawn is-subtitli jkopru fitjaturi tal-ħadid fondut, bħal liwjiet minkeb, liwjiet, sleeves, ties, collars u tees. Huma magħqudin ma’ tubi jew pajpijiet ta’ ħadid fondut jew azzar permezz ta’ kamin, kuntatt jew permezz ta’ mmuntar mekkaniku.” |
|
9 |
Skont in-Noti ta’ Spjega relatati mas-subintestatura 73071910 tan-NM: “Ħadid fondut malleabbli huwa prodott intermedju bejn ħadid tal-grafit lamellari (ħadid griż) u azzar fondut. Dan jista’ jkun fondut faċilment u jsir iebes u malleabbli wara trattament xieraq bis-sħana. Matul it-trattament bis-sħana, il-karbonju jisparixxi parzjalment jew jibdel il-kompożizzjoni tiegħu; huwa fl-aħħar jiddepożita fil-forom ta’ noduli li ma joħolqux koeżjoni metallika sa tali punt li l-grafit jitqaxxar fil-ħadid fondut griż. Fejn il-kontenut ta’ karbonju ikun 2 % jew inqas mill-piż, il-prodotti jitqiesu li huma ta’ azzar fondut u jaqgħu f’subtitlu 73071990 (ara Nota 1 għal dan il-kapitlu). L-espressjoni malleabbli tinkludi grafit ta’ ħadid fondut sferojdali. Ara wkoll in-Noti ta’ Spjega għal subtitli 73071110 u 73071190, tieni paragrafu.” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
|
10 |
Fix-xahar ta’ Marzu 2014, Profit Europe ressqet quddiem l-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana u tas-Sisa (il-Belġju) (iktar’ il quddiem l-“Amministrazzjoni tad-Dwana”) diversi talbiet għal informazzjoni tariffarja vinkolanti dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ diversi aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali għal installazzjonijiet kontra n-nar. |
|
11 |
Fl‑14 ta’ Marzu 2014, l-Amministrazzjoni tad-Dwana ħarġet diversa informazzjoni tariffarja vinkolanti li tikklassifika dawn il-prodotti fis-subintestatura 73071110 tan-NM bħala aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma magħmula mill-ħadid fondut mhux malleabbli. |
|
12 |
Fix-xahar ta’ Awwissu 2014, Profit Europe ressqet quddiem l-Amministrazzjoni tad-Dwana talbiet ġodda għal informazzjoni tariffarja vinkolanti, dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ varjanti ta’ dawn il-prodotti. |
|
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2015, l-Amministrazzjoni tad-Dwana ħarġet 20 informazzjoni tariffarja vinkolanti li tikklassifika dawn il-prodotti fis-subintestatura 73071910 tan-NM, bħala aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma magħmula mill-ħadid fondut malleabbli. |
|
14 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2015, din l-amministrazzjoni rtirat l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fl‑14 ta’ Marzu 2014 u kklassifikat il-prodotti kkonċernati minn din tal-aħħar fis-subintestatura 73071910 tan-NM. |
|
15 |
Fis‑26 u fit‑30 ta’ Ġunju 2015 rispettivament, Profit Europe ppreżentat żewġ appelli amministrattivi mid-deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Marzu u tad‑9 ta’ April 2015. Dawn tal-aħħar ġew ikkonfermati permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Amministrazzjoni tad-Dwana tas‑27 ta’ April 2016. |
|
16 |
Fl‑10 ta’ Mejju 2016, Profit Europe ppreżentat, quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), rikors kontra kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll kontra l-informazzjoni tariffarja vinkolanti kkonċernata. |
|
17 |
Fil-kuntest taż-żewġ kawżi prinċipali, Profit Europe ssostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-aċċessorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma magħmula mill-ħadid fondut mhux malleabbli u għalhekk jaqgħu taħt is-subintestatura 73071110 tan-NM. |
|
18 |
Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-ħadid fondut tal-grafit sferojdali ma għandux il-karatteristika oġġettiva tal-ħadid fondut malleablli, li abbażi tagħha l-malleabbiltà għandha tkun ir-riżultat ta’ trattament termiku. |
|
19 |
In-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) tirrileva li n-Noti ta’ Spjega dwar l-intestatura 73071910 tan-NM jindikaw b’mod ċar li l-kunċett ta’ ħadid fondut malleabbli jkopri wkoll il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali. |
|
20 |
Madankollu, ir-rapporti xjentifiċi prodotti minn Profit Europe jidhru li juru li l-ħadid fondut tal-grafit sferojdali ma huwiex ħadid fondut malleabbli. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi kienet tqis li t-tilwimiet pendenti quddiemha jqajjmu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑397/17 u C‑398/17:
|
|
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal—20 ta’ Lulju 2017, il-Kawżi C‑397/17 u C‑398/17 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
|
23 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali għandhomx jiġu kklassifikati fis-subintestatura 73071110, bħala aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut mhux malleabbli, jew fis-subintestatura 73071910 tan-NM, bħala aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut malleabbli. |
|
24 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija taħt is-subintestaturi tal-istess intestatura hija legalment iddeterminata skont il-kliem ta’ dawn is-subintestaturi u tan-noti tas-subintestaturi, tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, filwaqt li l-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli għandha titqies li għandha biss valur indikattiv. |
|
26 |
Barra minn hekk, in-Noti ta’ Spjega mfassla mill-Kummissjoni Ewropea jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr madankollu ma huma legalment vinkolanti (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 19). |
|
27 |
F’dan il-każ, l-intestatura 7307 tan-NM tirrigwarda l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet magħmula mill-ħadid fondut, mill-ħadid jew mill-azzar. Din tinkludi tliet kategoriji. |
|
28 |
L-ewwel kategorija, ikkaratterizzata bl-espressjoni “[t]agħmir ta’ forma”, tinkludi, hekk kif jirriżulta minn din l-espressjoni, l-aċċessorji minn forma, magħmula mill-ħadid fondut, mill-ħadid jew mill-azzar. |
|
29 |
Din tagħmel distinzjoni bejn l-aċċessorji “[t]a’ ħadid fondut mhux-malleabbli”, imsemmija fis-subintestatura 730711 tan-NM, u l-“[o]ħrajn”, li jaqgħu taħt is-subintestatura 730719 tan-NM. Peress li din hija kategorija residwa, din l-aħħar subintestatura tirrigwarda għaldaqstant l-aċċessorji minn forma, magħmula mill-ħadid jew mill-azzar, kif ukoll dawk magħmula mill-ħadid fondut għajr dak tat-tip indikat fis-subintestatura 730711 tan-NM. |
|
30 |
Is-subintestatura 730719 tan-NM hija min-naħa tagħha maqsuma f’żewġ subintestaturi, jiġifieri, minn naħa, is-subintestatura 73071910, bit-titolu “[t]a’ ħadid fondut malleabbli” u, min-naħa l-oħra, is-subintestatura 73071990, bit-titolu “[o]ħrajn”. |
|
31 |
Sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi stabbilit x’ikopri l-kunċett “[t]a’ ħadid fondut mhux-malleabbli”, fis-sens tas-subintestatura 730711 tan-NM, u x’ikopri dak “[t]a’ ħadid fondut malleabbli”, fis-sens tas-subintestatura 73071910. |
|
32 |
Hekk kif jirriżulta min-Noti ta’ Spjega dwar is-subintestatura 73071910 tan-NM, “[ħ]adid fondut malleabbli huwa prodott intermedju bejn ħadid tal-grafit lamellari (ħadid griż) u azzar fondut[,li] jista’ jkun fondut faċilment u jsir iebes u malleabbli wara trattament xieraq bis-sħana [li matulu] il-karbonju jisparixxi parzjalment jew jibdel il-kompożizzjoni tiegħu [u] fl-aħħar jiddepożita fil-forom ta’ noduli”. |
|
33 |
Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-ħadid fondut malleabbli jikkostitwixxi kategorija speċifika fid-deskrizzjoni standardizzata tal-ħadid fondut. B’mod partikolari, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardazzjoni, bħala organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni elenkata fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 316, p. 12), adotta, fid-dokument EN 1560:2011, l-istandard Ewropew EN 1560. |
|
34 |
Dan l-istandard jiddistingwi bejn sitt kategoriji kbar ta’ ħadid fondut, skont l-istruttura tal-grafit li jikkostitwixxihom, li jinkludu, b’mod partikolari, il-ħadid fondut tal-grafit nodulari, magħruf ukoll bħala “ħadid fondut malleabbli” u identifikat bil-kodiċi EN-GJM. |
|
35 |
Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ “ħadid fondut mhux-malleabbli”, fis-sens tas-subintestatura 730711 tan-NM, la huwa ddefinit fin-NM u lanqas fin-Noti ta’ Spjega. Dan lanqas ma jikkostitwixxi kategorija speċifika fid-deskrizzjoni standardizzata tal-ħadid fondut. |
|
36 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni, essenzjalment, Profit Europe, is-subintestatura 730711 tan-NM ma tistax madankollu tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħtha t-tipi kollha ta’ ħadid fondut li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli”, fis-sens tal-punt 32 ta’ din is-sentenza. |
|
37 |
Fil-fatt, ir-regola ġenerali 6 għall-interpretazzjoni tan-NM tipprovdi li jistgħu jiġu mqabbla biss is-subintestaturi tal-istess livell, fatt li ma huwiex il-każ fir-rigward tas-subintestaturi 730711 u 73071910 tan-NM. |
|
38 |
Barra minn hekk, is-subintestatura 730719 tan-NM tinkludi, minbarra s-subintestatura 73071910, is-subintestatura 73071990, li, hekk kif tindika l-formulazzjoni tagħha, hija subintestatura residwa. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jinkludi taħt din l-aħħar subintestatura mhux biss l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid jew mill-azzar, iżda wkoll dawk magħmula minn tipi ta’ azzar fondut differenti minn dawk indikati fis-subintestaturi 730711 u 73071910 tan-NM. |
|
39 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li fl-istess ħin jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 38). |
|
40 |
L-aġġettiv “malleabbli”, fit-tifsira komuni tiegħu, jikkaratterizza materjal li għandu l-proprjetà li jiċċattja u jespandi fi strixxi jew f’folji taħt il-martell jew permezz tal-azzjoni tar-romblu. Fi kliem ieħor, li jirriżulta mill-premessa 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 500/2009 tal‑11 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1212/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2009, L 151, p. 6), il-malleabbiltà tirreferi, fix-xjenza materjali, “għall-abilità tal-materjal li jibdel il-forma taħt stress kompressiv li huwa kkaratterizzat mill-abilità tal-materjal li jifforma folja rqiqa meta jkun imsammar jew imrembel”. |
|
41 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-subintestatura 730711 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħtha l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet magħmula mill-ħadid fondut li ma jistax jibdel il-forma taħt stress kompressiv. |
|
42 |
Għaldaqstant, is-subintestatura 730719 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li din tinkludi l-aċċessorji minn forma, magħmula mill-ħadid jew mill-azzar, kif ukoll dawk magħmula mill-ħadid fondut li jista’ jibdel il-forma taħt stress kompressiv. |
|
43 |
Fir-rigward tal-aċċessorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 55 tar-Regolament Nru 500/2009, il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali “ma jbiddilx biss il-forma taħt stress tensili, iżda wkoll taħt stress kompressiv sa ċertu punt”. |
|
44 |
Għaldaqstant, bħala tali, il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali ma jistax jitqies bħala li jaqa’ taħt is-subintestatura 730711 tan-NM. |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali u l-ħadid fondut malleabbli huma differenti minħabba l-kompożizzjoni u l-metodu ta’ produzzjoni tagħhom. |
|
46 |
Għalhekk, peress li dan lanqas ma jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli”, kif iddefinit fin-Noti ta’ Spjega dwar is-subintestatura 73071910 tan-NM u peress li dan jikkostitwixxi, fid-deskrizzjoni standardizzata tal-ħadid fondut, kategorija distinta mill-ħadid fondut malleabbli, identifikata mill-kodiċi EN-GJS, il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali lanqas ma jista’ jaqa’ taħt is-subintestatura 73071910 tan-NM. |
|
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-imsemmija noti ta’ spjega, inkwantu jindikaw li “[l]-espressjoni malleabbli tinkludi grafit ta’ ħadid fondut sferojdali”, għandhom l-effett li jestendu l-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli” għal kategorija oħra ta’ ħadid fondut li, anki jekk ikollu karatteristiċi simili għal dawk tal-ħadid fondut malleabbli, xorta waħda jikkostitwixxi kategorija separata fil-klassifikazzjoni tal-ħadid fondut. |
|
48 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kontenut tan-Noti ta’ Spjega għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax ibiddel il-portata tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Għaldaqstant, in-Noti ta’ Spjega dwar is-subintestatura 73071910 tan-NM għandhom jitwarrbu, peress li dawn għandhom l-effett li jbiddlu l-portata ta’ din is-subintestatura billi jestenduha għall-aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali. |
|
50 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, għalkemm jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ dan il-kodiċi mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u jistgħu, bħala tali, jitqiesu bħala mezzi siewja għall-interpretazzjoni tiegħu, ma humiex legalment vinkolanti u ma jistgħux, għaldaqstant, ibiddlu l-portata tad-dispożizzjonijiet tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 1977, Dittmeyer, 69/76 u 70/76, EU:C:1977:25, punt 4, u tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Unomedical, C‑152/10, EU:C:2011:402, punt 41). |
|
51 |
Minn dan isegwi li l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, espressa fil-minuti tal-140 laqgħa tat-taqsima “Nomenklatura Tariffarja” ta’ dan il-Kumitat, li nżammet fi Brussell mit-30 ta’ Settembru sat‑3 ta’ Ottubru 2014, u li tipprovdi li s-subintestatura 73071910 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kelma “malleabbli” għandha tinftiehem f’sens wiesa’, jiġifieri bħala intiża li tiddistingwi l-ħadid fondut li jista’ jibdel il-forma taħt stress kompressiv minn dak li jitfarrak taħt tali stress, għandha wkoll tiġi miċħuda sa fejn din għandha l-effett li testendi l-portata tas-subintestatura 73071910 tan-NM. |
|
52 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 73071990 tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
|
53 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 73071990 tagħha. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.