European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2362

20.11.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2362

tat-13 ta’ Novembru 2025

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)

Skont l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor (3), li jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tiegħu (il-“Kumitat Konġunt”) għandu s-setgħa jadotta deċiżjonijiet biex jemenda l-Annessi rilevanti tal-Qafas ta’ Windsor billi jżid atti tal-Unjoni li jkunu għadhom kif ġew adottati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor, iżda li la jemendaw u lanqas jissostitwixxu l-atti tal-Unjoni elenkati fl-Annessi tal-Qafas ta’ Windsor.

(3)

Filwaqt li l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2025/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) huwa applikabbli skont l-Artikolu 13(3) tal-Qafas ta’ Windsor, il-bqija tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament huma dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor li jenħtieġ li jiżdied mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor.

(4)

Jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt, fil-laqgħa tiegħu li jmiss, jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor li żżid dan l-att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid l-att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Kumitat Konġunt”) hija stabbilita fl-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/withd_2020/sign.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/135/oj).

(3)  Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023, (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2025/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020, (ĠU L, 2025/14, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/14/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI NRU …/2025 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ …

li żżid att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (il-“Kumitat Konġunt”) jadotta deċiżjonijiet li jżidu atti tal-Unjoni li jkunu għadhom kif ġew adottati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor mal-Annessi rilevanti tal-Qafas ta’ Windsor.

(2)

Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt huma vinkolanti għall-Unjoni u għar-Renju Unit. L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jimplimentaw tali deċiżjonijiet, li jkollhom l-istess effett legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(3)

Filwaqt li l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2025/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 (3) huwa applikabbli skont l-Artikolu 13(3) tal-Qafas ta’ Windsor, il-bqija tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament huma dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor li jenħtieġ li jiżdied mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2025/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 għandu jiżdied mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor taħt il-punt 14 “Prodotti tal-kostruzzjoni, makkinarju, kejbils, tagħmir protettiv personali”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara d-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU UE L 29, 31.1.2020, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/withd_2020/sign.

(2)  Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023, (ĠU UE L 102, 17.4.2023, p. 87).

(3)   ĠU UE L, 2025/14, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/14/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2362/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)