Brussell, 22.1.2020

COM(2020) 24 final

2020/0011(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019 (Nru 190) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

 

1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta se tippermetti lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol, li tista' tiġi ċitata bħala l-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019 (Nru 190) (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Konvenzjoni), tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), għall-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Kif ġie enfasizzat dan l-aħħar mill-moviment #metoo u movimenti relatati, il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol, inkluż il-vjolenza u l-fastidju abbażi ta’ sess, huma mxerrda madwar id-dinja kollha. Jeħtieġ li l-isforzi ta' prevenzjoni jissaħħu u l-vittmi jiġu protetti.

Biex tindirizza dan, il-108 (Ċentinarju) Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol tal-21 ta' Ġunju 2019 adottat il-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju tal-ILO, 2019 (Nru 190) flimkien mar-Rakkomandazzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019 (Nru 206) (minn hawn 'il quddiem ir-Rakkomandazzjoni).

Il-Konvenzjoni hija l-ewwel strument internazzjonali li jistabbilixxi standards speċifiċi u applikabbli globalment dwar l-indirizzar tal-fastidju u l-vjolenza relatati max-xogħol u li jispeċifika l-miżuri meħtieġa mill-Istati u atturi rilevanti oħra. Il-Konvenzjoni u r-Rakkomandazzjoni għandhom l-għan li jistabbilixxu approċċ inklużiv, integrat u li jkun sensittiv għall-ġeneru, għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol.

L-Unjoni Ewropea (UE) hija impenjata li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u x-xogħol deċenti, inklużi kundizzjonijiet ta' xogħol sikuri u li jagħtu kas tas-saħħa, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u biex tintemm id-diskriminazzjoni, kemm internament kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni tagħha.

Fl-Unjoni, is-Sħab Soċjali Ewropej ikkonkludew "Ftehim dwar il-qafas Ewropew fuq il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol" 1 fl-2007, abbażi tal-konsultazzjoni tal-Kummissjoni mas-Sħab Soċjali Ewropej dwar il-vjolenza fuq il-post tax-xogħol u l-effetti tagħha fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol 2 . Dan jipprovdi lil min iħaddem, lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom qafas orjentat lejn l-azzjoni biex jidentifikaw, jevitaw u jimmaniġġjaw problemi ta' fastidju u vjolenza fuq ix-xogħol.

Huwa fl-interess tal-UE li tiġi promossa l-implimentazzjoni ta' strument internazzjonali li jiġġieled il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol skont il-qafas intern tagħha, minħabba li l-Konvenzjoni tindirizza ċerti oqsma tad-dritt tal-Unjoni u l-Unjoni Ewropea mhijiex f'pożizzjoni li taderixxi magħha. Is-sustanza tal-Konvenzjoni ma tikkawżax tħassib fid-dawl tal-acquis eżistenti tal-UE. Għalhekk huwa fl-interess tal-UE li l-Konvenzjoni tiġi ratifikata mill-Istati Membri tal-UE. Għal dak il-għan, u fid-dawl tal-kompetenza tal-UE fl-oqsma indirizzati mill-Konvenzjoni, huwa meħtieġ li jitneħħa kwalunkwe impediment legali fil-livell tal-UE għar-ratifika tal-Konvenzjoni mill-Istati Membri tal-UE.

2.1Kontenut tal-Konvenzjoni

Il-kontenut tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019 (Nru 190) jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej:

Il-preambolu tal-Konvenzjoni:

·Tirrikonoxxi d-dritt ta' kulħadd għal dinja ta' xogħol ħielsa mill-vjolenza u l-fastidju;

·Tirrikonoxxi li l-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol jistgħu jikkostitwixxu ksur jew abbuż tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-vjolenza u l-fastidju huma theddida għall-opportunitajiet indaqs, mhux aċċettabbli u inkompatibbli max-xogħol deċenti;

·Tirrikonoxxi li l-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol jaffettwaw is-saħħa psikoloġika, fiżika u sesswali, id-dinjità, u l-ambjent familjari u soċjali ta' persuna u jistgħu jwaqqfu lill-persuni, b'mod partikolari lin-nisa, milli jaċċessaw, jibqgħu u javvanzaw fis-suq tax-xogħol;

Fil-Parti I, id-definizzjonijiet, il-Konvenzjoni:

·Tistabbilixxi definizzjoni waħda għall-"vjolenza u l-fastidju", li tkopri firxa ta' mġibiet u prattiki inaċċettabbli, jew theddid għalihom, kemm jekk iseħħu darba kif ukoll jekk jiġu ripetuti, li għandhom l-għan li jwasslu għal ħsara fiżika, psikoloġika, sesswali jew ekonomika, li jirriżultaw jew x'aktarx li jirriżultaw fiha (l-Artikolu 1.a);

·Tiddefinixxi l-vjolenza u l-fastidju abbażi ta’ sess (l-Artikolu 1.b);

·Tistabbilixxi, mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni unika ta' "vjolenza u fastidju", li l-vjolenza u l-fastidju jistgħu jiġu definiti bħala kunċett wieħed jew bħala kunċetti separati fil-liġijiet u fir-regolamenti nazzjonali (l-Artikolu 1.2).

Fil-Parti II, il-kamp ta' applikazzjoni, il-Konvenzjoni:

·Tipproteġi lill-ħaddiema u lil persuni oħrajn fid-dinja tax-xogħol, inklużi l-impjegati kif definiti mil-liġi u l-prattika nazzjonali, kif ukoll persuni li jaħdmu irrispettivament mill-istatus kuntrattwali tagħhom, persuni li jkunu qegħdin f'taħriġ, inklużi interns u apprendisti, ħaddiema li l-impjieg tagħhom ġie tterminat, voluntiera, persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol u applikanti għall-impjieg, u individwi li jeżerċitaw l-awtorità, id-dmirijiet jew ir-responsabbiltajiet ta' min iħaddem (l-Artikolu 2);

·Tapplika għall-vjolenza u għall-fastidju fid-"dinja tax-xogħol", li tmur lil hinn mill-post tax-xogħol u tinkludi faċilitajiet u komunikazzjonijiet relatati max-xogħol, attivitajiet ta' vvjaġġar u attivitajiet soċjali, kif ukoll akkomodazzjoni u vvjaġġar lejn u mix-xogħol ipprovduti minn min iħaddem (l-Artikolu 3).

Fil-Parti III, il-prinċipji ewlenin, l-Istati li jirratifikaw għandhom, fost l-oħrajn:

·Jadottaw approċċ inklużiv, integrat u reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol, li jinkludi l-projbizzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fil-liġi (l-Artikolu 4.2);

·Jiżguraw li l-politiki rilevanti jindirizzaw il-vjolenza u l-fastidju (l-Artikolu 4.2.b);

·Jadottaw strateġija komprensiva biex jiġġieldu l-vjolenza u l-fastidju, u jiżguraw aċċess għal rimedji u appoġġ għall-vittmi (l-Artikolu 4.2.c);

·Jadottaw liġijiet, regolamenti u politiki li jiżguraw id-dritt għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni fl-impjieg, inkluż għal gruppi vulnerabbli u għal gruppi f'sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà (l-Artikolu 6).

Fil-parti IV, il-protezzjoni u l-prevenzjoni, l-Istati li jirratifikaw għandhom, b'mod partikolari:

·Jadottaw miżuri xierqa għall-prevenzjoni tal-vjolenza u tal-fastidju f'kuntesti tax-xogħol (l-Artikolu 8),

·Jadottaw liġijiet u regolamenti li jirrikjedu li min iħaddem jipprevjeni l-vjolenza u l-fastidju billi, fost l-oħrajn, jivvaluta r-riskji ta' vjolenza u fastidju, jipprovdi informazzjoni u taħriġ lil dawk ikkonċernati (l-Artikolu 9).

Barra minn hekk, fil-parti V, infurzar u rimedji, l-Istati li jirratifikaw għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw aċċess faċli għal rimedji xierqa u effettivi; jirrikonoxxu l-effetti tal-vjolenza domestika u, sa fejn ikun raġonevolment prattikabbli, inaqqsu l-impatt tagħha fid-dinja tax-xogħol; u jiżguraw li l-ħaddiema jkollhom id-dritt li jneħħu lilhom infushom minn sitwazzjoni ta' xogħol ta' periklu imminenti u serju relatat mal-vjolenza u l-fastidju (l-Artikolu 10).

Il-Konvenzjoni tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar gwida, taħriġ u sensibilizzazzjoni.

2.2Id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-vjolenza u tal-fastidju fid-dinja tax-xogħol

Xi aspetti tal-Konvenzjoni, kif issupplimentata mir-Rakkomandazzjoni, jinvolvu oqsma koperti mid-dritt tal-UE, b'mod partikolari:

·L-Artikolu 153(1)(a) u (i) u l-Artikolu 157(3) TFUE, skont liema l-Unjoni għandha tappoġġja u tikkomplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-titjib fl-ambjent tax-xogħol sabiex jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol, kif ukoll għandha tadotta miżuri li jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa f'materji ta' impjiegi u xogħol;

·Id-Direttiva Qafas 89/391/KEE 3 , li tkopri r-riskji kollha għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, inklużi riskji psikosoċjali bħall-fastidju u l-vjolenza;

·Il-"Ftehim dwar il-qafas fuq il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol" 4 tas-Sħab Soċjali Ewropej tal-2007 konkluż skont l-Artikolu 138 tat-Trattat tal-KE (issa l-Artikolu 155 TFUE), li jipprovdi lil min iħaddem, lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom b'qafas orjentat lejn l-azzjoni biex jidentifikaw, jipprevjenu u jimmaniġġjaw problemi ta' fastidju u vjolenza fuq ix-xogħol;

·Il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020 5 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd - Modernizzazzjoni tal-Politika u tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali” 6 li jenfasizzaw l-importanza li titjieb il-prevenzjoni kontra r-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol;

·Id-Direttiva 2006/54/KE li tindirizza l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali u opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fl-impjiegi u x-xogħol, u li tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni ta' fastidju u ta' fastidju sesswali 7 ;

·Id-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 8 ;

·Id-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità 9 ;

·Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni 10 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, "Il-Konvenzjoni ta' Istanbul", 11 u d-diskussjoni pendenti fil-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta' Istanbul, li tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, inkluż il-fastidju sesswali, il-protezzjoni tal-vittmi ta' tali vjolenza u l-ikkastigar ta' dawk li jwettqu din il-vjolenza.

Xi aspetti tal-Konvenzjoni u tar-Rakkomandazzjoni huma relatati aktar ma' oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u d-drittijiet tal-vittmi 12 , il-migrazzjoni, l-ażil u l-moviment liberu 13 , fejn il-dritt sekondarju tal-Unjoni 14 jistabbilixxi d-drittijiet għall-vittmi tal-kriminalità u l-membri tal-familja tagħhom li jirċievu informazzjoni, appoġġ u protezzjoni xierqa, jipparteċipaw fi proċedimenti kriminali u jiġu rikonoxxuti u trattati b'mod rispettuż u nondiskriminatorju.

Il-Konvenzjoni u r-Rakkomandazzjoni jinkludu wkoll dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tan-negozjar kollettiv.

3.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli.

4.AWTORIZZAZZJONI BIEX TKUN RATIFIKATA L-KONVENZJONI FL-INTERESS TAL-UNJONI

Il-Konvenzjoni tindirizza ċerti oqsma tad-dritt tal-Unjoni, bħas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, fejn il-livell ta' regolamentazzjoni laħaq stadju avvanzat.

F'konformità mar-regoli dwar il-kompetenzi esterni li ġew elaborati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 15 , u b'mod aktar speċifiku dwar il-konklużjoni u r-ratifika tal-Konvenzjonijiet tal-ILO 16 , l-Istati Membri waħedhom mhumiex f'pożizzjoni li jirratifikaw il-Konvenzjoni, minħabba li partijiet mill-Konvenzjoni jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

Madankollu, l-UE ma tistax tirratifika l-Konvenzjoni tal-ILO, għaliex skont il-Kostituzzjoni tal-ILO 17 , l-Istati biss jistgħu jkunu parti għal Konvenzjonijiet ta' dan it-tip.

Għalhekk, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkoperaw fir-ratifika tal-Konvenzjoni u fl-implimentazzjoni tal-impenji li jirriżultaw minnha 18 .

Mill-2005 ’l quddiem, il-Kunsill awtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-UE, ħames Konvenzjonijiet tal-ILO u Protokoll wieħed tal-ILO, li xi partijiet minnhom kienu f’oqsma ta’ kompetenza tal-UE 19 .

Id-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Konvenzjoni ma jikkawżawx tħassib fid-dawl tal-acquis eżistenti. F’konformità mal-Artikolu 19(8) tal-Kostituzzjoni tal-ILO, il-Konvenzjoni tistabbilixxi standards minimi. Dan ifisser li d-dritt tal-UE jista' jkun aktar strett mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u vice versa 20 .

Għalhekk, id-Deċiżjoni tal-Kunsill li ġiet proposta se tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-UE, dawk il-partijiet tal-Konvenzjoni li jaqgħu f’oqsma ta’ kompetenza tal-UE, u jirrakkomandawlhom biex jagħmlu sforzi biex jagħmlu dan sal-aħħar tal-2022.

5.BAŻI ĠURIDIKA

5.1Bażi ġuridika proċedurali

L-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-organizzazzjoni li adottat il-ftehim internazzjonali 21 .

5.2Bażi ġuridika sostantiva

5.2.1Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(6) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-għan u mill-kontenut tal-ftehim internazzjonali li dwaru ssir ir-ratifika fl-interess tal-Unjoni. Jekk dak il-ftehim isegwi żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jkun identifikabbli bħala l-ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(6) tat-TFUE trid tiġi bbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik li jirrikjedi l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti. Fir-rigward ta’ ftehim li jsegwi simultanjament għadd ta’ objettivi, jew li jkollu diversi komponenti, li jkunu marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(6) tat-TFUE jkollha tinkludi, b’mod eċċezzjonali, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

5.2.2 Applikazzjoni fil-każ preżenti (ara wkoll id-dettalji tad-dritt tal-Unjoni attwalment taħt il-punt 2)

Filwaqt li l-Konvenzjoni fiha wkoll elementi relatati man-nondiskriminazzjoni, mal-kooperazzjoni ġudizzjarja u mad-drittijiet tal-vittmi, l-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-Konvenzjoni jirrigwardaw il-politika soċjali, b'mod partikolari rigward it-titjib tal-ambjent tax-xogħol għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema (l-Artikolu 153(1)(a) TFUE) u l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa rigward l-opportunitajiet u t-trattament fis-suq tax-xogħol (l-Artikolu 153(1)(i) TFUE), li fl-oqsma tagħha ġew adottati d-Direttivi skont l-Artikolu 153(2) TFUE, kif ukoll fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa f'materji ta' impjieg u xogħol skont l-Artikolu 157(3) TFUE.

L-għan u l-kontenut tal-Konvenzjoni huma relatati mal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni skont l-Artikolu 19 b'mod anċillari.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 153(2) TFUE flimkien mal-Artikolu 153(1)(a), l-Artikolu 153(1)(i) u l-Artikolu 157(3) TFUE.

6Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 153(2) TFUE, l-Artikolu 153(1)(a), l-Artikolu 153(1)(i) TFUE u l-Artikolu 157(3) TFUE, li jipprovdu l-bażi ġuridika ewlenija għad-dritt tal-Unjoni relatata mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-impjieg u fix-xogħol flimkien mal-Artikolu 218(6) TFUE.

2020/0011 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019 (Nru 190) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 153(2), flimkien mal-punti (a) u (i) tal-Artikolu 153(1), l-Artikoli 157(3) u 218(6) (a) (v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)Fl-2019, fil-108 sessjoni tagħha, il-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol adottat il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza u tal-fastidju fid-dinja tax-xogħol, li tista' tiġi kkwotata bħala l-Konvenzjoni tal-Vjolenza u l-Fastidju, 2019 (Nru 190), ("il-Konvenzjoni").

(2)L-Unjoni tippromwovi r-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol li ġew ikklassifikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol bħala aġġornati sabiex jiġi promoss xogħol deċenti għal kulħadd, għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri kif ukoll biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni.

(3)Xi dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni huma koperti mill-acquistal-Unjoni fl-oqsma tal-politika soċjali f’konformità mal-Artikolu 153(2), l-Artikolu 153(1)(a) u (i) u l-Artikolu 157(3) tat-TFUE fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-impjieg u fix-xogħol 22 . Xi dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni huma koperti mill-acquis tal-Unjoni fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni 23 .

(4)Għaldaqstant, partijiet mill-Konvenzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, u l-Istati Membri ma jistgħux jidħlu f’impenji b’rabta ma’ dawk il-partijiet barra mill-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni 24 .

(5)L-Unjoni ma tistax tirratifika l-Konvenzjoni, ladarba l-Istati biss jistgħu jkunu partijiet fiha.

(6)F'din is-sitwazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu awtorizzati li jirratifikaw il-partijiet tal-Konvenzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea fl-Artikoli 153 (2), 153(1)(a) u (i) kif ukoll 157 (3) tat-TFUE, l-Istati Membri huma awtorizzati li jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019, (Nru 190) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

Artikolu 2

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika tal-Konvenzjoni għand id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol kemm jista' jkun malajr, preferibbilment sal-31 ta' Diċembru 2022.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    COM (2007) 686.
(2)

   C/2004/5220. 

(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (89/391/KEE) ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1–8.
(4)    COM (2007) 686.
(5)    COM (2014) 332 final.
(6)    COM/2017/012 final.
(7)

   ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23-36. Dispożizzjonijiet simili huma inklużi wkoll fid-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37–43, u fid-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE, ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1–6.

(8)    ĠU L 303, 02/12/2000 p. 16–22.
(9)    ĠU L 180, p. 22-26.
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/865 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta' materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, ĠU L 131, 20.5.2017, p. 11–12; Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/866 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-asil u n-non-refoulement, ĠU L 131, 20.5.2017, p. 13–14.
(11)    Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, Servizzi tat-Trattat tal-Kunsill tal-Ewropa - Nru 210, disponibbli https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/rms/090000168008482e .
(12)    Art.82, 83, 84 u 156 TFUE.
(13)    Art. 21, Art. 46, Art.78, u Art.79 TFUE.
(14)

   Id-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57-73.

(15)    Is-Sentenza tal-AETR tal-QĠUE, il-kawża 22/70 tal-31 ta' Marzu 1971, ECR, 1971, 263.
(16)    Opinjoni 2/91 tal-QĠUE tad-19 ta' Marzu 1993, ECR 1993-I, paġna 1061 dwar il-Konvenzjoni tal-ILO dwar is-Sustanzi Kimiċi Nru 170.
(17)    Kostituzzjoni tal-ILO, l-Artikolu 1.2.
(18)    Opinjoni 2/91 tal-QĠUE (ibid), para. 36, 37 u 38.
(19)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2005 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Komunità Ewropea, il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Dokumenti ta’ Identità tal-Baħħara (il-Konvenzjoni Nru 185), ĠU L 136/1 tat-30.5.2005; Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2007 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, ĠU L 161/63 tat-22.6.2007; Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2010 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Konvenzjoni Nru 188), ĠU 145/12 tal-11.6.2010; Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2014 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza fl-Użu tas-Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol, 1990, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Konvenzjoni Nru 170) (2014/52/UE); Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2014 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni Nru 189) (2014/51/UE); Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2071 tal-10 ta' Novembru 2015 li tawtorizza lill-Istati Membri jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward tal-Artikoli 1 sa 4 tal-Protokoll fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, ĠU L 301 tat-18.11.2015; Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2037 tal-10 ta' Novembru 2015 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-politika soċjali, ĠU L 298 tal-14.11.2015.
(20)    Opinjoni 2/91 tal-QĠUE (ibid), il-paragrafu 18.
(21)    Opinjoni 2/91 tal-QĠUE (ibid) dwar il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Kimiċi Nru 170 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:UE:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(22)    Id-Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (89/391/KEE), ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1–8; Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23-36; kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, ĠU L 373, 21.12.2004, p.37-43, u d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE, ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1-6.
(23)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ĠU L 303, 02/12/2000 p. 16–22; Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22-26.
(24)    Opinjoni 2/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Marzu 1993, ECR 1993-I, p. 1061, il-para. 26.