SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

10 ta’ Settembru 2025 ( *1 )

“Servizzi diġitali – Regolament (UE) 2022/2065 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffissa l-ammont tat-tariffa superviżorja għas-sena 2023 – Artikolu 43(3) sa (5) tar-Regolament 2022/2065 – Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1127 – Metodu għall-kalkolu tan-numru mensili medju ta’ riċevituri attivi – Aġġustament ratione temporis tal-effetti ta’ annullament”

Fil-Kawża T‑58/24,

TikTok Technology Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn E. Batchelor u M. Frese, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Gariazzo, P.‑J. Loewenthal u L. Armati, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn R. Mastroianni (Relatur), President, M. Brkan, I. Gâlea, T. Tóth u W. Valasidis, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑11 ta’ Ġunju 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, TikTok Technology Ltd, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 8173 final tas‑27 ta’ Novembru 2023 li tiffissa l-ammont tat-tariffa superviżorja applikabbli għal TikTok skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Ir-rikorrenti hija l-istabbiliment prinċipali, fl-Unjoni Ewropea, tal-fornitur tas-servizz ta’ hosting TikTok. Dan is-servizz, li ġie mniedi fl-Unjoni, fil-verżjoni attwali tiegħu, f’Awwissu 2018, jippermetti lill-utenti tiegħu jfittxu, jaraw u jxandru vidjos, kif ukoll jinteraġixxu, jikkomunikaw u jikkondividu kontenut ma’ utenti oħra.

3

Konformement mal-Artikolu 43(1) sa (3) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1, iktar ’il quddiem id-“DSA”), il-Kummissjoni Ewropea tirċievi mingħand fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna (iktar ’il quddiem il-“PKĦ”) u minn muturi tat-tfittxija online kbar ħafna (iktar ’il quddiem l-“MTKĦ”), indikati bħala tali skont l-Artikolu 33 tal-imsemmi regolament, tariffa superviżorja annwali għal kull wieħed mis-servizzi tagħhom hekk indikati, stabbilita permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, sabiex tkopri l-ispejjeż stmati li hija għandha ssostni sabiex twettaq sewwa l-kompiti ta’ superviżjoni fdati lilha mid-DSA. Konformement mal-Artikolu 43(4) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-imsemmija tariffa billi tapplika l-metodu li hija ffissat f’att delegat, b’osservanza tal-prinċipji previsti fl-Artikolu 43(5) tal-istess regolament.

4

Fit‑2 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat, għal dan l-għan, ir-Regolament Delegat (UE) 2023/1127 li jissupplimenta r-Regolament 2022/2065 bil-metodoloġiji u l-proċeduri dettaljati rigward it-tariffi superviżorji imposti mill-Kummissjoni fuq fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna (ĠU 2023, L 149, p. 16).

5

Fil‑25 ta’ April 2023, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2023) 2720 final, li tikklassifika lil TikTok bħala PKĦ, skont l-Artikolu 33(4) tad-DSA.

6

Fis‑26 ta’ April 2023, din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrenti bħala l-istabbiliment prinċipali fl-Unjoni tal-fornitur ta’ TikTok. Kopja ta’ din id-deċiżjoni ntbagħtet lil ByteDance, il-kumpannija li tikkontrolla l-grupp ta’ entitajiet ġuridiċi li tappartjenti miegħu r-rikorrenti.

7

Fid‑29 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-ammont provviżorju tat-tariffa superviżorja annwali fir-rigward ta’ TikTok, konformement mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Delegat 2023/1127, li kopja tagħha ntbagħtet ukoll lil ByteDance. Fit‑12 ta’ Ottubru 2023, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni.

8

Fis‑27 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li tiffissa l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali applikabbli għal TikTok għas-sena 2023. Dan l-ammont ġie ddeterminat, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(3) tad-DSA, billi ġew segwiti l-metodu u l-proċeduri ddefiniti fir-Regolament Delegat 2023/1127, b’mod partikolari fl-Artikolu 5 tiegħu. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-imsemmi ammont, il-Kummissjoni rrikorriet, b’mod partikolari, għal żewġ operaturi terzi, SensorTower u Similarweb, u segwiet metodoloġija komuni għall-PKĦ u għall-MTKĦ kollha, li hija annettiet mad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tikkalkola n-numru mensili medju ta’ riċevituri attivi fl-Unjoni (iktar ’il quddiem in-“NMRA”) tas-servizzi indikati u tqassam bejn dawn tal-aħħar it-tariffa superviżorja annwali, konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 43 tad-DSA. Kopja ta’ din id-deċiżjoni ntbagħtet ukoll lil ByteDance.

It-talbiet tal-partijiet

9

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

10

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tal-Artikolu 5(2) jew (4) tar-Regolament Delegat 2023/1127 jew tad-deċiżjoni kkontestata, iżżomm l-effetti tal-imsemmi regolament jew tal-imsemmija deċiżjoni sakemm hija tkun ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tirrimedja d-difetti kkonstatati;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

11

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA u, eċċezzjonalment, fuq l-illegalità tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 43(5)(c) tad-DSA u, eċċezzjonalment, fuq l-illegalità tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA u, eċċezzjonalment, fuq l-illegalità tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat 2023/1127, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-Artikolu 43(2) tad-DSA u, eċċezzjonalment, fuq l-illegalità tal-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament Delegat 2023/1127 u, il-ħames nett, fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, kif sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA u, eċċezzjonalment, fuq l-illegalità tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127

12

Insostenn tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, ħames partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-fatt li l-użu tal-metodoloġija komuni ma huwiex legali; it-tieni nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA, moqri flimkien mal-punt (p) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-DSA, dwar id-definizzjoni legali tan-NMRA, it-tielet nett, fuq il-fatt li l-metodu użat fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi stmat in-NDMA jittratta l-pjattaformi b’mod diskriminatorju, ir-raba’ nett, fuq il-fatt li la l-Artikolu 43 tad-DSA u lanqas l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 ma jipprovdu bażi legali għall-adozzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu tan-NMRA f’att ta’ implimentazzjoni u, il-ħames nett, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità li tikkonċerna l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127.

13

Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li l-ewwel jiġu eżaminati l-ewwel u r-raba’ parti konġuntament.

14

Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli ddeterminat l-ammont tat-tariffa abbażi ta’ stima tan-NMRA li, fil-fehma tagħha, ma hijiex prevista mid-DSA, u dan minkejja li, minn naħa, hija kellha tibbaża ruħha fuq iċ-ċifri ddikjarati mill-fornituri stess u, min-naħa l-oħra, sa fejn dawn iċ-ċifri dehrulha inkompleti jew impreċiżi, hija setgħet teżerċita l-poteri tagħha taħt id-DSA sabiex tikseb kull informazzjoni addizzjonali mingħand dawn tal-aħħar.

15

Il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li xejn fid-DSA ma kien jipprekludi li, għal raġunijiet ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ kunfidenzjalità, hija tirrikorri għad-data li fil-fehma tagħha kienet affidabbli, li kienet inġabret minn żewġ operaturi terzi u indipendenti, fiż-żmien qasir li hija kellha sabiex tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni relatati mat-tariffi.

16

Permezz tar-raba’ parti, ir-rikorrenti ssostni li ebda bażi legali ma tawtorizza lill-Kummissjoni tadotta, permezz ta’ regolament delegat jew permezz ta’ sempliċi att ta’ implimentazzjoni bħad-deċiżjoni kkontestata, metodu ta’ kalkolu tan-NMRA fil-kuntest tal-Artikolu 43 tad-DSA. Il-Kummissjoni b’hekk ipprovat tikteb mill-ġdid id-DSA, tevita l-proċeduri ta’ adozzjoni tal-atti ddelegati u toħloq it-tieni metodu parallel ta’ kalkolu tan-NMRA li jwassal għal ċifra differenti minn dik użata għall-finijiet tal-indikazzjoni tas-servizzi (Artikolu 24(2) tad-DSA).

17

Skont ir-rikorrenti, bl-għan li tinżamm koerenza bejn in-NMRA msemmi fl-Artikolu 24(2) tad-DSA u dak imsemmi fl-Artikolu 33 tad-DSA, il-Kummissjoni kellha tuża l-istess NMRA bħal dak li l-fornituri li s-servizzi tagħhom ġew indikati ddikjaraw għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tad-DSA.

18

Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ħalltet att ta’ implimentazzjoni ma’ att delegat u ma kinitx awtorizzata tadotta l-imsemmi metodu f’att ta’ implimentazzjoni mingħajr ma tosserva l-Artikolu 33(3) u l-Artikolu 87 tad-DSA. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni ma adottatx ir-Regolament Delegat 2023/1127 abbażi tal-Artikolu 33(3) tad-DSA u l-metodu ta’ kalkolu tan-NMRA ma jinsabx fir-Regolament Delegat 2023/1127, iżda fid-deċiżjoni kkontestata.

19

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi illegalment għall-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 sabiex tiġġustifika li l-Kummissjoni tuża “kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli [għaliha]” fil‑31 ta’ Awwissu ta’ sena partikolari sabiex tikkalkola n-NMRA, peress li din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix bażi għad-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji tad-deċiżjoni kkontestata u li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 43(4) tad-DSA ma jawtorizzax lill-Kummissjoni “tikseb data ġdida jew differenti dwar in-NMRA” għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tariffi.

20

Il-Kummissjoni tindika li l-proċeduri ta’ ħatra u ta’ ffissar tat-tariffa huma ġuridikament distinti u għandhom għanijiet differenti. Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 43(5) tad-DSA ma jirreferix għall-Artikolu 24(2) tad-DSA u sempliċement isemmi li t-tariffa għandha tkun proporzjonali man-NMRA. F’dan is-sens, id-DSA ġie osservat. Il-Kummissjoni ssostni li għaldaqstant la hija obbligata skont l-Artikolu 43 tad-DSA u lanqas skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 tirrikorri għan-NMRA ddikjarati mill-fornituri, iżda hija tgawdi minn marġni ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward sabiex tirrikorri wkoll għal “kwalunkwe informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni [tagħha]”.

21

Il-Kummissjoni tippreċiża li l-metodoloġija annessa mad-deċiżjoni kkontestata kellha biss l-għan li tinforma lill-fornituri bid-data u bis-sorsi ta’ informazzjoni użati, li sussegwentement kienet wasslet għal metodoloġija komuni u kienet ippermettitilha tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Din il-metodoloġija għalhekk ma hijiex “metodoloġija għall-kalkolu tan-NMRA, għall-finijiet [tal-Artikolu 33(1) tad-DSA] u tal-Artikolu 24(2) [tad-DSA]” fis-sens tal-Artikolu 33(3) tad-DSA, iżda sempliċement metodoloġija li tiddeskrivi kif il-Kummissjoni pproċessat u użat id-data relatata man-NMRA li kienet għad-dispożizzjoni tagħha. Il-Kummissjoni ssostni sussegwentement li hija ma kisritx l-Artikolu 43 tad-DSA, iżda li hija kienet obbligata “tipproċessa mill-ġdid din id-data b’mod jew ieħor” sabiex tikkonforma ruħha mad-DSA u mar-Regolament Delegat 2023/1127.

22

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 33(3) tad-DSA, dwar l-indikazzjoni tal-pjattaformi online u l-muturi tat-tfittxija online bħala PKĦ jew MTKĦ, “[i]l-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 87 [tad-DSA], wara konsultazzjoni mal-Bord [Ewropew għas-Servizzi Diġitali], biex tissupplimenta d-dispożizzjonijiet ta[d-DSA] billi tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu ta[n-NMRA] għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 24(2) [tad-DSA], filwaqt li tiżgura li l-metodoloġija tqis l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq”.

23

Barra minn hekk, skont l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(4) tad-DSA, meta tadotta deċiżjoni li tindika PKĦ jew MTKĦ, “[i]l-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi tad-data rrapportata mill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-mutur tat-tfittxija online skont l-Artikolu 24(2) [tad-DSA], u, fejn applikabbli, informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 24(3) [tad-DSA] u kwalunkwe informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni [tagħha]”.

24

Barra minn hekk, fir-rigward tad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja, l-Artikolu 43(3) sa (5) tad-DSA jipprovdi dan li ġej:

“3.   Il-fornituri ta’ [PKĦ] u ta’ [MTKĦ] għandhom jintalbu jħallsu tariffa superviżorja annwali għal kull servizz li għalih ikunu ġew deżinjati skont l-Artikolu 33 [tad-DSA].

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali għal kull fornitur ta’ [PKĦ] u ta’ [MTKĦ]. Meta tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-metodoloġija stabbilita fl-att delegat msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 88 [tad-DSA].

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 87, li jistabbilixxu l-metodoloġija dettaljata u l-proċeduri għal:

[…]

(b)

id-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji annwali individwali msemmija fil-paragrafu 5, punti (b) u (c);

[…]

Meta tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

5.   L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 u l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

[…]

(b)

it-tariffa superviżorja annwali hija proporzjonata għa[n-NMRA ta’ kull [PKĦ] jew kull [MTKĦ] iddeżinjati skont l-Artikolu 33 [tad-DSA];

[…]”

25

Skont l-Artikolu 87(4) tad-DSA, qabel l-adozzjoni ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti nnominati minn kull Stat Membru. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(6) tal-istess regolament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistgħu jesprimu oġġezzjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ tali att.

26

Fl-aħħar nett, dwar id-determinazzjoni tal-ammont bażiku għal kull servizz, l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 jipprovdi dan li ġej:

“1.   Fir-rigward ta’ kull servizz deżinjat soġġett għat-tariffi superviżorji skont l-Artikolu 3, l-ammont bażiku għas-sena n għandu jiġi kkalkolat bħala s-sehem mill-kostijiet annwali globali stmati għas-sena n+1 f’konformità mal-Artikolu 2, proporzjonati għa[n-NMRA] tas-servizz deżinjat f’konformità mal-koeffiċjent (U) imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u […] f’konformità mal-formula li ġejja:

Image

2.   Il-koeffiċjent (U) għall-kalkolu tal-ammont bażiku għal kull servizz deżinjat għandu jkollu l-valur stabbilit fl-Anness II li jikkorrispondi għa[n-NMRA] f’termini ta’ miljuni ta’ unitajiet, aġġustat ’l isfel għall-eqreb mitt elf.

[In-NMRA] ta’ kull servizz deżinjat li jiddetermina l-koeffiċjent applikabbli skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun dak li jirriżulta mid-data rrapportata mill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online skont l-Artikolu 24(2) ta[d-DSA], jew mill-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 24(3) ta’ dak ir-Regolament jew minn kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni, kif disponibbli fl-31 ta’ Awwissu tas-sena n.

[…]”

27

F’dan il-każ, huwa ppreċiżat, fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-NMRA ta’ kull servizz indikat, li jiddetermina l-koeffiċjent (U) applikabbli għad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja, jista’ jirriżulta mid-data kkomunikata mill-fornitur tas-servizz, skont l-Artikolu 24(2) tad-DSA, mill-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 24(3) tal-istess regolament jew minn kull informazzjoni oħra li l-Kummissjoni jkollha.

28

Sussegwentement, fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li, fid-dawl tad-diversi metodoloġiji, tad-disponibbiltà differenti ta’ informazzjoni pubblika dwarhom, tad-diversi livelli ta’ preċiżjoni u tad-diversi sorsi ta’ data użati mill-fornituri tas-servizzi indikati sabiex jikkalkolaw in-NMRA tas-servizzi tagħhom, kif ukoll tal-kunfidenzjalità mitluba minn uħud minn dawn il-fornituri, kien meħtieġ li jintużaw bħala bażi metodoloġija komuni u sorsi ta’ data komuni sabiex jiġi applikat il-koeffiċjent (U) b’mod koerenti bejn id-diversi servizzi indikati, konformement mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127. Abbażi tal-metodoloġija komuni u tas-sorsi ta’ data komuni li jinsabu fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalhekk ikkalkolat in-NMRA ta’ Tiktok u l-koeffiċjent (U) korrispondenti neċessarji għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffa superviżorja ffatturata lir-rikorrenti (ara l-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

29

Barra minn hekk, fil-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat l-eżistenza ta’ diffikultajiet, li jirriżultaw minn diversi raġunijiet, fl-identifikazzjoni tal-informazzjoni dwar in-NMRA tal-PKĦ u tal-MTKĦ kif ukoll dwar il-metodoloġija li fuqha kienu bbażaw ruħhom il-fornituri sabiex jikkalkolaw in-NMRA tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni indikat li kien impossibbli għaliha, fit-termini previsti fl-Artikolu 6(3) u (4) tar-Regolament Delegat 2023/1127, li twettaq paragun affidabbli tan-NMRA ddikjarati bejn id-diversi servizzi indikati għad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja, konformement mal-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA. Barra minn hekk, hija ġġustifikat l-użu ta’ sorsi ta’ data terzi permezz tal-għan u tan-natura differenti tal-proċedura dwar id-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji meta mqabbla ma’ dik dwar l-indikazzjoni tal-PKĦ u tal-MTKĦ (ara l-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata).

30

Fl-aħħar nett, bi tweġiba għall-argument imqajjem mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi li l-metodoloġija komuni ma kellhiex bażi legali, il-Kummissjoni tosserva, fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 jawtorizzaha tidentifika n-NMRA għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja, abbażi ta’ data ddikjarata mill-fornituri, ta’ informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni jew mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, jew ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni. Abbażi tad-dispożizzjoni u ta’ informazzjoni disponibbli fil‑31 ta’ Awwissu tas-sena kurrenti, il-Kummissjoni għalhekk tiddikjara li kienet fasslet metodoloġija komuni għal dan il-għan, kif deskritt fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata.

31

Il-Qorti Ġenerali ser teżamina jekk id-DSA jippermettix l-użu ta’ metodoloġija komuni ta’ kalkolu tan-NMRA (l-ewwel parti tal-ewwel motiv) qabel ma tevalwa jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kisritx l-Artikolu 43 tal-imsemmi regolament billi adottat tali metodoloġija fil-kuntest ta’ att ta’ implimentazzjoni (ir-raba’ parti tal-ewwel motiv).

32

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tad-DSA jew tar-Regolament Delegat 2023/1127 ma tipprekludi lill-Kummissjoni milli ssegwi metodoloġija partikolari għall-kalkolu tan-NMRA. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-element rilevanti għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 43 tad-DSA ma huwiex in-NMRA f’termini assoluti ta’ kull servizz indikat, iżda l-valur relattiv tiegħu meta mqabbel mas-servizzi l-oħra indikati.

33

F’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet validament ikollha dubji dwar il-koerenza tal-metodi kollha ta’ kalkolu tan-NMRA użati mid-diversi fornituri, iktar u iktar peress li hija ma kellhiex id-data ta’ wħud minnhom.

34

Minn dan isegwi li hija kellha raġun tuża metodoloġija komuni wkoll għal finijiet ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-imsemmija fornituri, fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 43 tad-DSA, it-tqassim tal-ispejjeż ta’ superviżjoni għandu jkun proporzjonali għan-NMRA ta’ kull servizz indikat, b’mod li l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

35

Barra minn hekk, peress li mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 (ara l-punt 26 iktar ’il fuq) jirriżulta li dan ma jimponi ebda ġerarkija bejn it-tliet sorsi ta’ informazzjoni indikati, li huma ppreżentati b’mod ċar bħala alternattiva, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, f’dan il-każ, tipprivileġġa jew tinjora xi wieħed minnhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament iddeċidiet li tibbaża ruħha fuq “kull informazzjoni oħra li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha” fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

36

Fit-tieni lok, mill-istruttura ġenerali u mill-għanijiet tad-DSA jirriżulta li l-kunċett ta’ “NMRA” għandu jinftiehem b’mod uniformi u koerenti, indipendentement mill-kuntest u mill-għan tal-implimentazzjoni tiegħu, li huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-premessa 77 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, kieku l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jipprevedi sistemi legali distinti skont jekk l-għan tal-użu tan-NMRA kienx l-indikazzjoni ta’ servizz bħala li jaqa’ taħt PKĦ jew MTKĦ jew id-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja, huwa kien jipprevedi dan espressament bi kliem ċar u preċiż.

37

Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni għandha ċertament id-dritt li tadotta metodoloġija komuni għall-kalkolu tan-NMRA, hija madankollu ma tistax tevita l-istħarriġ tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-atti delegati, kif previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 87(4) u (6) tad-DSA, billi sempliċement tannetti din il-metodoloġija komuni ma’ kull att ta’ implimentazzjoni.

38

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 43(4) tad-DSA, il-Kummissjoni hija obbligata tadotta atti delegati li jistabbilixxu, fid-dettall, il-metodu u l-proċeduri li għandhom jintużaw sabiex jiġu ddeterminati t-tariffi superviżorji annwali individwali ta’ kull fornitur u, skont l-Artikolu 43(5)(b) tal-istess regolament, dawn it-tariffi għandhom ikunu proporzjonali għan-NMRA ta’ kull PKĦ jew MTKĦ.

39

Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat 2023/1127 jispeċifika l-modalitajiet għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku, għal kull servizz, permezz ta’ formula li tinkludi b’mod partikolari l-koeffiċjent (U), li l-valur tiegħu jikkorrispondi għan-NMRA ta’ kull servizz ikkonċernat, mingħajr madankollu ma tinkludi fiha metodu ta’ kalkolu tan-NMRA bħala tali.

40

Peress li l-kalkolu tan-NMRA kien neċessarju għad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja ta’ kull servizz skont l-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA, il-Kummissjoni kkalkolatu billi bbażat ruħha fuq “metodoloġija komuni”, li hija madankollu annettiet mad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mal-atti ta’ implimentazzjoni indirizzati lill-fornituri l-oħra tas-servizzi indikati (ara l-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

41

Għalkemm huwa minnu li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, kuntrarjament għall-Artikolu 33(3) tad-DSA, l-Artikolu 43 ta’ dan l-istess regolament ma jsemmix espliċitament l-adozzjoni ta’ att delegat sabiex tiġi stabbilita l-metodoloġija ta’ kalkolu tan-NMRA, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi artikolu jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu li tiżgura li t-tariffi superviżorji annwali jkunu proporzjonali għan-NMRA ta’ kull servizz indikat filwaqt li tistabbilixxi l-metodu u l-proċeduri li għandhom jintużaw għad-determinazzjoni tagħhom fl-ambitu ta’ att delegat u mhux ta’ att ta’ implimentazzjoni.

42

Fi kliem ieħor, minn interpretazzjoni kuntestwali u sistematika tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-DSA jirriżulta li, għalkemm ma jirreferix b’mod espliċitu għall-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 33 tad-DSA, l-Artikolu 43 ta’ dan l-istess regolament joħloq rabta espliċita bejn il-metodu ta’ determinazzjoni tat-tariffi superviżorji annwali, li jista’ jiġi stabbilit biss bl-adozzjoni ta’ att delegat, u n-NMRA tas-servizzi indikati li fid-dawl tagħhom għandhom jiġu ddeterminati t-tariffi.

43

Konsegwentement, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-NMRA hija inerenti għad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja u għandha titqies li tikkostitwixxi element essenzjali u indispensabbli ta’ din tal-aħħar.

44

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-allegazzjoni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 jipprovdi biżżejjed dettalji dwar il-kalkolu tan-NMRA, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludix dettalji dwar dan il-kalkolu li jeċċedu dawk ipprovduti mid-DSA nnifsu. Fil-fatt, minkejja li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 u l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(4) tad-DSA għandhom għanijiet differenti, jiġifieri l-kalkolu tan-NMRA, għad-determinazzjoni tat-tariffi u għall-indikazzjoni ta’ PKĦ jew ta’ MTKĦ, rispettivament, għandu jiġi kkonstatat li s-sorsi ta’ informazzjoni indikati f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet sabiex jinkiseb in-NMRA huma identiċi.

45

Għaldaqstant, peress li, kif tfakkar fil-punt 43 iktar ’il fuq, il-kalkolu tan-NMRA huwa element essenzjali u indispensabbli għad-determinazzjoni tat-tariffa, l-obbligu tal-Kummissjoni, previst mill-Artikolu 43(4) tad-DSA, li tiffissa “fid-dettall”, f’att delegat, il-metodu u l-proċeduri għad-determinazzjoni tat-tariffi jwassal, impliċitament, iżda neċessarjament, għall-obbligu li f’tali att jiġu ffissati, tal-inqas, elementi suffiċjentement iddettaljati tal-metodu ta’ kalkolu tan-NMRA.

46

Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 43(4) tad-DSA jobbliga lill-Kummissjoni, essenzjalment, li tippreċiża u tikkonkretizza d-DSA billi tiżviluppa f’att delegat dettalji li ma ġewx iddefiniti mil-leġiżlatur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 50). Sa fejn, fir-Regolament Delegat 2023/1127, il-Kummissjoni sempliċement tindika, b’mod ġenerali, tliet sorsi ta’ informazzjoni, jiġifieri d-data kkomunikata mill-fornitur skont l-Artikolu 24(2) tad-DSA, l-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 24(3) tad-DSA u kull informazzjoni oħra li hija għandha, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni osservat l-Artikolu 43(4) tad-DSA.

47

Barra minn hekk, billi tillimita ruħha li tafferma, waqt is-seduta, li l-inklużjoni ta’ metodoloġija ta’ kalkolu tan-NMRA ddettaljata ħafna f’att delegat ma hijiex xierqa u li tali soluzzjoni hija “kontroproduttiva”, peress li twassal għar-riskju li din il-metodoloġija jkollha tiġi aġġornata minn sena għall-oħra, b’mod partikolari fid-dawl ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ stima, il-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt kif il-metodoloġija komuni annessa mad-deċiżjoni kkontestata hija eċċessivament iddettaljata fid-dawl tal-formulazzjoni madankollu ċara u preċiża tal-Artikolu 43(4) tad-DSA.

48

Barra minn hekk, tali argument jikkontradixxi wkoll il-premessa 77 tad-DSA, li tgħid li “[d]-determinazzjoni ta[n-NMRA] tista’ tiġi influwenzata minn żviluppi tas-suq u tekniċi u għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tissupplementa d-dispożizzjonijiet ta[l-imsemmi] Regolament billi tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-metodoloġija biex jiġu ddeterminati r-riċevituri attivi ta’ pjattaforma online jew magna tat-tiftix online”.

49

Sussegwentement, l-argument imqajjem mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li l-għażla li ma tiġix inkluża informazzjoni ddettaljata fir-Regolament Delegat 2023/1127 tirrifletti tħassib marbut mal-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali u tad-data kunfidenzjali tal-kumpanniji terzi użati sabiex isir il-kalkolu tan-NMRA, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ma wrietx kif il-kunfidenzjalità ta’ ċerta data hija iktar protetta f’att ta’ implimentazzjoni bħad-deċiżjoni kkontestata milli f’att delegat. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni kunfidenzjali li għaliha tirreferi l-Kummissjoni la tinsab fir-Regolament Delegat 2023/1127 u lanqas fil-metodoloġija komuni annessa mad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li dan l-argument jista’ biss jiġi miċħud.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li n-NMRA huwa kemm element essenzjali tal-metodu ta’ determinazzjoni tat-tariffa superviżorja kif ukoll kunċett li għandu jinftiehem b’mod uniformi u koerenti fid-DSA kollu (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), mill-Artikolu 43(3) tad-DSA, moqri flimkien mal-Artikolu 33(3) tal-imsemmi regolament, jirriżulta li, billi adottat il-metodoloġija ta’ kalkolu tan-NMRA f’att ta’ implimentazzjoni u mhux f’att delegat, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 43(3) sa (5) u l-Artikolu 87 tad-DSA.

51

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju bl-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni.

52

Fil-fatt, l-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-metodoloġija komuni li ġiet annessa mad-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies bħala sempliċi spjegazzjoni motivata tal-mod kif ġie kkalkolat in-NMRA, iżda, kif juri t-titolu stess tal-anness, effettivament metodoloġija ta’ kalkolu ddettaljat.

53

Għalkemm din tista’ sservi sabiex ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni jinftiehem u tkun komuni għall-fornituri kollha, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, xorta jibqa’ l-fatt li tali metodoloġija, permezz tal-formulazzjoni tagħha, tal-kontenut tagħha u tat-tul tagħha, għandha l-karatteristiċi ta’ dokument ta’ natura ġenerali li huwa intiż li japplika għall-fornituri kollha, u mhux sempliċi element tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

54

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, peress li ebda dispożizzjoni tad-DSA, u lanqas tar-Regolament Delegat 2023/1127, ma tipprevedi setgħa favur il-Kummissjoni sabiex tikkompleta jew tikkonkretizza l-metodu u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 43(4) tad-DSA, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-fatt li ġiet annessa l-metodoloġija komuni mad-deċiżjoni kkontestata huwa wkoll nieqes minn kull bażi legali.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’ u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti, l-ilmenti jew il-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti u li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa minnha.

Fuq iż‑żamma tal‑effetti tad‑deċiżjoni kkontestata

56

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali żżomm, fil-każ li din tannulla l-Artikolu 5(2) jew (4) tar-Regolament Delegat 2023/1127 jew id-deċiżjoni kkontestata, l-effetti tal-imsemmi regolament jew tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tirrimedja d-difetti kkonstatati. Din is-sospensjoni hija neċessarja, peress li tali annullament ikollu effett fuq il-livell tat-tariffi dovuti u diġà mħallsa, għas-sena 2023, mill-fornituri l-oħra tas-servizzi indikati kif ukoll fuq il-livell globali tar-riżorsi li l-Kummissjoni għandha u li hija diġà użat sabiex twettaq sew il-kompiti ta’ superviżjoni tagħha.

57

Ir-rikorrenti ssostni li limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ annullament possibbli tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex iġġustifikata, sa fejn tali annullament ma jagħtix lok għal konsegwenzi negattivi gravi għall-Kummissjoni jew għas-sistema stabbilita mid-DSA.

58

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, jekk ir-rikors huwa fondat, il-Qorti Ġenerali għandha tiddikjara null u bla effett l-att ikkontestat.

59

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat li għandha tieħu l-miżuri sabiex tikkonforma mas-sentenza ta’ annullament.

60

B’dan premess, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-qorti tal-Unjoni tista’, jekk tqis li dan ikun neċessarju, tindika l-effetti ta’ att annullat li għandhom jitqiesu definittivi. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex teżerċita s-setgħa mogħtija lilha minn din id-dispożizzjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ interessi pubbliċi jew privati oħra (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑389/19 P, EU:C:2021:131, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 122).

61

Għalhekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE ġie interpretat b’mod partikolari bħala li jippermetti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, iżda wkoll għal raġunijiet intiżi li jevitaw diskontinwità jew rigressjoni fl-implimentazzjoni tal-politiki mmexxija jew sostnuti mill-Unjoni, li jinżammu għal terminu raġonevoli l-effetti ta’ att annullat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2025, de Volksbank vs SRB (Kontribuzzjonijiet ex ante 2018), T‑406/18, EU:T:2025:151, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan il-każ, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tal-Artikolu 43(4) tad-DSA, kif jirriżulta mill-punt 50 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, ma kkonstatatx żball li jaffettwa l-obbligu fih innifsu tar-rikorrenti li tħallas it-tariffa superviżorja għas-sena 2023.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tkun prevista ż-żamma tal-effetti tagħha sakemm tiġi ssostitwita b’deċiżjoni ġdida, ikun ta’ natura li jippreġudika l-implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tad-DSA, li jipprevedi li l-Kummissjoni tirċievi mingħand il-fornituri ta’ PKĦ u ta’ MTKĦ tariffa superviżorja annwali, li l-ammont totali tagħha jkopri l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni sabiex twettaq sew il-kompiti ta’ superviżjoni fdati lilha mid-DSA (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 177). Fil-fatt, li kieku l-Kummissjoni kellha tkun obbligata tirrimborsa, b’effett immedjat, l-ammont tat-tariffa superviżorja tar-rikorrenti kif ukoll l-ammonti tat-tariffi ta’ fornituri oħra bħal dawk li ppreżentaw rikors simili bbażat fuq l-istess motivi bħal dawk milqugħa f’dan ir-rikors, filwaqt li dawn il-fornituri jibqgħu bħala prinċipju suġġetti għall-obbligu li jħallsu l-imsemmija tariffi, tali rimbors jirriskja li jċaħħad lill-Kummissjoni mill-mezzi finanzjarji neċessarji sabiex twettaq sewwa il-kompiti ta’ superviżjoni li ġew fdati lilha mid-DSA.

64

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-fatt li l-Kummissjoni użat metodoloġija komuni intiża għall-kalkolu tan-NMRA billi annettietha mal-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex ser tkun f’pożizzjoni li tadotta deċiżjoni ġdida li timponi l-ħlas tat-tariffa superviżorja lir-rikorrenti, mingħajr ma tistabbilixxi minn qabel il-metodoloġija għall-kalkolu tan-NMRA permezz ta’ att delegat. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha, skont l-Artikolu 266(1) TFUE, tislet il-konsegwenzi neċessarji mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata billi tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dispożittiv ta’ din is-sentenza, iżda wkoll il-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2007, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑417/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:733, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il-Latvja vs Il-Kummissjoni, T‑661/14, EU:T:2016:412, punt 90). Għalhekk, deċiżjoni ġdida li tistabbilixxi t-tariffa superviżorja applikabbli għal Tiktok għas-sena 2023 tista’ tittieħed biss, jekk ikun il-każ, wara emenda tar-Regolament Delegat 2023/1127 jew wara l-adozzjoni ta’ att delegat ġdid li jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tan-NMRA, li, fl-istat attwali, jista’, barra minn hekk, ikollha impatt ukoll fuq id-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati għas-sena 2024.

65

Konsegwentement, iċ-ċaħda tat-talba għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tippreġudika ċ-ċertezza legali u l-implimentazzjoni tajba tal-kompiti ta’ superviżjoni li d-DSA jafda lill-Kummissjoni.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jinżammu sakemm jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-konformità mal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza tinvolvi, u dan fi żmien raġonevoli li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar dekorribbli mill-jum li fih din is-sentenza issir definittiva.

Fuq l-ispejjeż

67

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

68

Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 8173 tas‑27 ta’ Novembru 2023 li li tiffissa l-ammont tat-tariffa superviżorja applikabbli għal Tiktok skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, hija annullata.

 

2)

L-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2023) 8173 huma miżmuma sakemm jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-konformità ma’ din is-sentenza, u dan fi żmien raġonevoli li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar dekorribbli mill-jum li fih din is-sentenza issir definittiva.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Mastroianni

Brkan

Gâlea

Tóth

Valasidis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Settembru 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.