SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Id‑Disa’ Awla)
2 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Proċeduri dixxiplinari – Sanzjoni dixxiplinari – Xoljiment tal-kuntratt mingħajr preavviż – Investigazzjoni tal-OLAF – Rimbors ta’ spejjeż mediċi – Artikolu 266 TFUE – Deċiżjoni adottata b’eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali – Miżuri li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament – Awtorità ta’ res judicata – Difett proċedurali – Artikolu 12 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal – Konsultazzjoni tal-Bord Dixxiplinari – Drittijiet tad-difiża – Responsabbiltà – Danni materjali u morali”
Fil-Kawża T‑669/22,
IP, irrappreżentat minn J. Martins, avukat
rikorrent,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Brauhoff, bħala aġenta,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta minn L. Truchot (Relatur), President, H. Kanninen u R. Frendo, Imħallfin,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, IP jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat‑18 ta’ Jannar 2022 li timponilu s-sanzjoni dixxiplinari ta’ xoljiment mingħajr preavviż tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-danni li huwa ġarrab minħabba din id-deċiżjoni. |
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
[omissis]
C. Fuq is‑sentenza inizjali
|
13 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Frar 2020, l-appellant ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019. |
|
14 |
Permezz tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, IP vs Il-Kummissjoni (T‑121/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2021:665), il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni wara li laqgħet is-sitt motiv tar-rikorrent, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tan-nuqqas u sabiex tiġi deċiża s-sanzjoni dixxiplinari li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrent, “[fejn] il-kondotta ħażina [tinvolvi] azzjoni jew imġiba ripetuta”, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra. |
|
15 |
Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi numru ta’ garanziji intiżi sabiex jipproteġu lill-uffiċjal billi jiġi evitat li deċiżjonijiet adottati mill-amministrazzjoni u li jaffettwaw is-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu ma jkunux ibbażati fuq fatti li l-eżistenza tagħhom tirriżulta minn dokumenti mhux inklużi fil-fajl personali tiegħu. Għalhekk hija ddeċidiet li, fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-fajl personali fil-protezzjoni u fl-informazzjoni tal-uffiċjal, deċiżjoni ta’ sanzjoni, minkejja li tkun iddaħħlet preċedentement fil-fajl personali ta’ uffiċjal, ma tistax tiġi infurzata fil-konfront tiegħu jew tiġi invokata kontrih meta ma jkun fadal ebda riferiment għal din id-deċiżjoni fl-imsemmi fajl. |
|
16 |
Il-Qorti Ġenerali żiedet li d-dritt mogħti lill-amministrazzjoni li tibbaża ruħha fuq deċiżjoni ta’ sanzjoni li tkun ġiet irtirata mill-fajl personali ta’ uffiċjal sabiex tikkonkludi li teżisti reċidiva fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal iwassal sabiex l-Artikolu 27 ta’ dan l-anness jitlef l-effett utli tiegħu fuq dan il-punt. |
|
17 |
Abbażi ta’ dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li d-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019, peress li hija bbażata, fir-rigward tar-reċidiva, fuq sanzjoni dixxiplinari li ma fadal ebda riferiment għaliha fil-fajl personali tal-uffiċjal ikkonċernat, wara li kienet intlaqgħet talba għall-irtirar ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni tal-imsemmi fajl imressqa mir-rikorrent skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, kienet tikser id-drittijiet li r-Regolamenti tal-Persunal jiggarantixxu lill-uffiċjali. |
D. Fuq it-tkomplija tal-proċedura dixxiplinari wara s-sentenza inizjali u l-proċedura prekontenzjuża
|
18 |
Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza inizjali, l-AHCC trilaterali komposta mid-Direttriċi Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Riżorsi Umani u Sigurtà”, mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji” u mill-Assistent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Politika Reġjonali” (iktar ’il quddiem l-“AHCC trilaterali”) sejħet lir-rikorrent għal seduta ġdida. |
|
19 |
Fit‑3 ta’ Diċembru 2021, is-seduta saret permezz ta’ vidjokonferenza. Ir-rikorrent kien irrappreżentat hemmhekk mill-avukat tiegħu. |
|
20 |
Fit‑18 ta’ Jannar 2022, l-AHCC trilaterali adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha imponiet fuq ir-rikorrent is-sanzjoni dixxiplinari ta’ xoljiment mingħajr preavviż tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu. |
|
21 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, l-AHCC trilaterali indikat li r-rikorrent kien akkużat li ssottometta lill-PMO żewġ talbiet għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi li ma jikkorrispondux għar-realtà tas-somom imħallsa jew tal-kura rċevuta (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kklassifikat dawn il-fatti bħala “tentattiv ta’ frodi fil-baġit tal-Unjoni Ewropea”, li kien jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, kondotta ħażina partikolarment gravi (punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, hija ffissat is-sanzjoni li għandha tiġi adottata fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal (punti 39 sa 52 tad-deċiżjoni kkontestata). [omissis] |
II. Talbiet tal‑partijiet
|
24 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
25 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id‑dritt
A. Fuq it-talbiet għal annullament
[omissis]
3. Fuq il‑mertu
[omissis]
a) Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-awtorità ta’ res judicata, tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ne bis in idem, previsti fl-Artikolu 50 tal-Karta, tad-dmir ta’ premura kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni
[omissis]
2) Fuq il-ksur tal-awtorità ta’ res judicata, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ ne bis in idem
[omissis]
i) Fuq il-ksur tal-awtorità ta’ res judicata
|
53 |
Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent isostni li l-iżball ta’ liġi li ġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019 permezz tas-sentenza inizjali kien jimplika l-annullament tal-proċedura dixxiplinari kollha. Fil-fatt, huwa jsostni, essenzjalment, li l-AHCC trilaterali kisret l-awtorità ta’ res judicata li għandha s-sentenza inizjali billi pproċediet għat-tkomplija tal-proċedura dixxiplinari billi bbażat ruħha fuq l-istess fatti u motivi bħall-proċedura dixxiplinari li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019. Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, fl-eżekuzzjoni tas-sentenza inizjali, billi interpretat din tal-aħħar fis-sens li l-proċedura dixxiplinari setgħet titkompla filwaqt li tali tkomplija kienet tkun impossibbli fl-assenza ta’ element fattwali ġdid. |
|
54 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
55 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni dwar jekk il-proċedura kollha jew parti minnha biss hija affettwata mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019, hija indipendenti minn dik li tistrieħ fuqha din il-parti tal-ewwel motiv, li hija intiża sabiex tiddetermina jekk il-proċedura dixxiplinari tistax titkompla. Sa fejn l-eżami tat-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ konsultazzjoni ġdida mal-Bord Dixxiplinari, jimplika li għandu jiġi ddeterminat, jekk jitqies li l-proċedura dixxiplinari tista’ titkompla, f’liema stadju din setgħet titkompla, dan l-eżami ser jippermetti li tingħata tweġiba għall-ewwel waħda minn dawn il-mistoqsijiet. Għalhekk, din ser tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ dan il-motiv. |
|
56 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sentenzi ta’ annullament mogħtija mill-qrati tal-Unjoni għandhom, hekk kif isiru definittivi, l-awtorità ta’ res judicata. Din ma tkoprix biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll il-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv u huma, minħabba f’hekk, indissoċjabbli minnu (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill,C‑600/16 P, EU:C:2018:966, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Kakol vs Il-Kummissjoni, T‑641/16 RENV u T‑137/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:958, punt 74). |
|
57 |
L-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza hija marbuta, madankollu, biss mal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Kakol vs Il-Kummissjoni, T‑641/16 RENV u T‑137/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:958, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Ladarba l-Qorti Ġenerali tannulla att ta’ istituzzjoni, din tal-aħħar għandha, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġeneral (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u l-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 56). |
|
59 |
Madankollu, l-Artikolu 266 TFUE ma jispeċifikax in-natura tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-istituzzjoni kkonċernata għall-finijiet ta’ tali eżekuzzjoni, b’tali mod li hija din l-istituzzjoni li għandha tidentifika dawn il-miżuri (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u l-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
Sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu impost fuqha mill-Artikolu 266 TFUE, hija għalhekk l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat mill-qorti tal-Unjoni li għandha tiddetermina l-miżuri li huma meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament billi teżerċita s-setgħa diskrezzjonali li hija għandha għal dan l-għan b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli kif ukoll tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenza li hija obbligata teżegwixxi. B’mod partikolari, l-istituzzjoni għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għas-sentenza u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt huma dawn il-motivi li jidentifikaw ir-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (ara is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Di Bernardo vs Il-Kummissjoni, T‑41/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:778, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 266 TFUE jobbliga lill-istituzzjoni awtriċi tal-att annullat biss fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u l-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
F’dan il-każ, fis-sentenza inizjali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-AHCC trilaterali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha, fid-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019, minħabba r-reċidiva, fuq ċanfira imposta fuq ir-rikorrent qabel il-fatti li kienu s-suġġett tal-imsemmija deċiżjoni, minkejja li kienet intlaqgħet it-talba tar-rikorrent intiża sabiex ma jkun għad hemm ebda riferiment għal din is-sanzjoni fil-fajl personali tiegħu. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan l-iżball ta’ liġi kien wassal lill-AHCC trilaterali sabiex tieħu inkunsiderazzjoni illegalment din is-sanzjoni bħala ċirkustanza aggravanti abbażi tal-kriterju tar-reċidiva, previst fl-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, ċirkustanza li kellha rwol deċiżiv fl-għażla tas-sanzjoni adottata. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-iżball ta’ liġi inkwistjoni kien ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019. |
|
63 |
Mis-sentenza inizjali jirriżulta li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019 minħabba żball ta’ liġi kkaratterizzat mit-teħid inkunsiderazzjoni, mill-AHCC trilaterali, minħabba r-reċidiva, ta’ fatti preċedenti għall-fatti kkritikati, li l-għarfien tagħhom kien jirriżulta minn dokument li jinsab fil-fajl individwali tar-rikorrent, filwaqt li dan ma kellux ikun il-każ. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-fatti influwenza l-għażla, minn din l-awtorità, tas-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrent. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il-materjalità tal-fatti allegati fil-konfront tar-rikorrent li kienu s-suġġett taż-żewġ sanzjonijiet dixxiplinari suċċessivi u lanqas dwar il-legalità tal-motivi l-oħra ta’ din id-deċiżjoni. |
|
64 |
B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss l-illegalità tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kriterju tar-reċidiva. |
|
65 |
Minn dan jirriżulta li d-dispożittiv ta’ din is-sentenza u l-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju, li għandhom l-awtorità ta’ res judicata, ma jipprekludux it-tkomplija tal-proċedura dixxiplinari u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni ġdida abbażi tal-fatti allegati li ma ġewx ikkontestati mill-istess sentenza. |
|
66 |
Madankollu, fil-każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida, is-sentenza inizjali kienet timponi fuq l-AHCC trilaterali li ma tibbażax lil din tal-aħħar fuq l-istess motivi, imfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq, li adottaw il-kriterju tar-reċidiva. |
|
67 |
Issa, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-AHCC trilaterali bbażat ruħha fuq tali motivi. Hekk kif jirrizulta mill-punt 21 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata, l-AHCC trilaterali indikat li r-rikorrent kien akkużat li ssottometta lill-PMO żewġ talbiet għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi li ma jikkorrispondux għar-realtà tas-somom imħallsa jew tal-kura rċevuta. Hija kklassifikat dawn il-fatti bħala “tentattiv ta’ frodi fil-baġit tal-Unjoni Ewropea”, li kien jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, kondotta ħażina partikolarment gravi. Fl-aħħar nett, hija stabbilixxiet is-sanzjoni li kellha tiġi adottata fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal billi eskludiet espliċitament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterju tar-reċidiva u billi bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-fatt li d-deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2010 ma kinitx għadha tidher fil-fajl personali tar-rikorrent. |
|
68 |
Għalhekk, l-AHCC trilaterali ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sanzjoni dixxiplinari ta’ ċanfira imposta fuq ir-rikorrent qabel il-fatti allegati. |
|
69 |
Għaldaqstant, jista’ jiġi kkonstatat li l-AHCC trilaterali ma kisritx l-awtorità ta’ res judicata li għandha s-sentenza inizjali billi pproċediet għat-tkomplija tal-proċedura dixxiplinari. Għalhekk, l-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq il-ksur mill-AHCC trilaterali tas-sentenza inizjali għandu jiġi miċħud. [omissis] |
b) Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq l‑assenza ta’ konsultazzjoni ġdida mal‑Bord Dixxiplinari
|
93 |
Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent jikkritika lill-Kummissjoni talli ma ressqitx il-kwistjoni quddiem il-Bord Dixxiplinari, permezz tat-trażmissjoni ta’ rapport ġdid, wara l-għoti tas-sentenza inizjali u t-tkomplija tal-proċedura dixxiplinari fil-konfront tiegħu. Billi adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-opinjoni adottata mill-Bord Dixxiplinari fis‑27 ta’ April 2018, li ħa inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2010 li tiġi imposta lilu ċanfira, li hija nulla, l-AHCC trilaterali eżegwixxiet b’mod żbaljat is-sentenza inizjali u kisret diversi dispożizzjonijiet tal-Karta u tat-Trattat UE. |
|
94 |
Sussidjarjament, ir-rikorrent isostni essenzjalment li, anki jekk jitqies li l-AHCC trilaterali ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura dixxiplinari inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 11 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma teħtieġx il-konsultazzjoni ta’ dan il-korp, hija ma kellhiex il-possibbiltà li timponi fuqu s-sanzjoni ta’ xoljiment tal-impjieg, iżda setgħet biss tagħti twissija bil-miktub jew ċanfira. |
|
95 |
Il-Kummissjoni twieġeb li konsultazzjoni ġdida mal-Bord Dixxiplinari ma kinitx meħtieġa. L-ewwel nett, dan tal-aħħar kien diġà ddeċieda dwar ir-realtà tal-fatti mingħajr ma dawn ġew ikkontestati mis-sentenza inizjali. Sussegwentement, ma seħħ ebda fatt ġdid wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019. Fl-aħħar nett, l-unika konsegwenza li għandha tinsilet mis-sentenza inizjali fid-dawl tal-għażla tas-sanzjoni xierqa hija n-neċessità li ma tittiħidx inkunsiderazzjoni s-sanzjoni ta’ ċanfira imposta fuq ir-rikorrent. [omissis] |
2) Fuq l-eżekuzzjoni difettuża tas-sentenza inizjali
|
99 |
Kif jirriżulta mill-punt 93 iktar’ il fuq, ir-rikorrent jikkritika lill-Kummissjoni talli eżegwixxiet b’mod żbaljat is-sentenza inizjali minħabba l-assenza ta’ konsultazzjoni ġdida mal-Bord Dixxiplinari. Għandu jitqies li, permezz ta’ dan l-ilment, huwa jinvoka essenzjalment il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE sa fejn l-AHCC trilaterali wettqet difett proċedurali. |
|
100 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 11 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-proċedura dixxiplinari mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-Bord Dixxiplinari: “L-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi fuq il-piena ta’ twissija bil-miktub jew ċanfira mingħajr ma tikkonsulta l-Bord. L-uffiċjal ikkonċernat għandu jinstema’ qabel it-tali azzjoni ma tittieħed mill-Awtorità tal-Ħatra”. |
|
101 |
Skont l-Artikolu 12(1) tal-Anness IX tar-Regolament tal-Persunal dwar l-obbligu għall-awtorità kompetenti li tikkomunika mal-Bord Dixxiplinari, “[l]-Awtorità tal-Ħatra għandha tibgħat rapport lill-Bord [Dixxiplinari], fejn tgħid fiċ-ċar il-fatti li lmentaw fuqhom u, fejn ikun il-każ, iċ-ċirkostanzi kif inħolqu, inklużi xi ċirkostanzi aggravanti jew estenwanti”. |
|
102 |
Skont l-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li kien parzjalment il-bażi tas-sanzjoni ppronunzjata kontra r-rikorrent, “[w]ara li tintemm il-proċedura dixxiplinari prevista fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija, l-impjieg jista’ jiġi xolt mingħajr preavviż tat-temm ta’ impjieg għal raġunijiet dixxiplinari fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi li l-membru tal-persunal temporanju huwa obbligat iwettaq, volontarjament jew b’negliġenza”. |
|
103 |
Għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-AHCC trilaterali ddeċidiet li timponi s-sanzjoni ta’ xoljiment mingħajr preavviż tal-impjieg tar-rikorrent, li ma tinsabx fost dawk li l-Artikolu 11 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jippermettilha tiddeċiedi mingħajr konsultazzjoni mal-Bord Dixxiplinari. Barra minn hekk, l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari tinsab fost il-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
104 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, l-AHCC trilaterali bbażat ruħha fuq l-Artikolu 12 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u mhux fuq l-Artikolu 11 tal-istess anness. |
|
105 |
Konsegwentement, hemm lok li jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE sa fejn l-AHCC trilaterali naqset milli tikkonsulta lill-Bord Dixxiplinari skont l-Artikolu 12 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
106 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura intiża li tissostitwixxi att annullat għandha titkompla mill-punt preċiż li fih tkun seħħet l-illegalità, peress li l-annullament ta’ att ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji. L-annullament ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva li tikkonsisti f’diversi fażijiet ma jwassalx neċessarjament għall-annullament tal-proċedura kollha li tippreċedi l-adozzjoni tal-att ikkontestat indipendentement mill-motivi, mill-mertu jew mill-proċedura, tas-sentenza ta’ annullament. L-awtur tal-att għandu għaldaqstant ipoġġi ruħu fid-data li fiha huwa kien adotta l-att annullat biex jadotta l-att ta’ sostituzzjoni (ara is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Di Bernardo vs Il-Kummissjoni, T‑41/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:778, punti 89 u 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
107 |
Peress li r-rikorrent isostni li l-proċedura intiża sabiex tissostitwixxi d-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019 ma tkomplietx mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità, għandu jiġi ddeterminat sa liema punt din seħħet u għandu jiġi evalwat jekk huwiex minnu li l-proċedura tkompliet. Għal dan l-għan, għandu jiġi eżaminat jekk l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari u r-rapport ta’ riferiment lil dan tal-aħħar ġewx affettwati mill-illegalità li ġġustifikat l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
108 |
Kif tfakkar fil-punt 8 iktar ’il fuq fil‑25 ta’ Lulju 2017, l-AHCC adixxiet lill-Bord Dixxiplinari billi bagħtitilha rapport, skont l-Artikolu 12 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Permezz ta’ opinjoni, adottata fis‑16 ta’ April 2018, il-Bord Dixxiplinari rrakkomanda s-sanzjoni ta’ xoljiment mingħajr preavviż tal-kuntratt tal-impjieg tar-rikorrent. Fil‑21 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrent ġie msejjaħ għal smigħ quddiem l-AHCC trilaterali, qabel ma ġiet deċiża l-ewwel sanzjoni dixxiplinari fil‑21 ta’ Awwissu (ara l-punti 10 u 11 iktar ’il fuq). |
|
109 |
Wara l-għoti, fis‑6 ta’ Ottubru 2021, tas-sentenza inizjali u sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tagħha, kif tfakkar fil-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq, l-AHCC trilaterali sejħet lir-rikorrent għal seduta ġdida. Ir-rikorrent ippreżenta osservazzjonijiet permezz ta’ ittra fl‑24 ta’ Novembru 2021, u sussegwentement, fit‑3 ta’ Diċembru 2021, is-smigħ tar-rikorrent, irrappreżentat mill-avukat tiegħu, seħħ permezz ta’ vidjokonferenza. Fl-aħħar nett, fit‑18 ta’ Jannar 2022, l-AHCC adottat id-deċiżjoni kkontestata. |
|
110 |
Fil-punt 6 ta’ din tal-aħħar, l-AHCC trilaterali tirreferi għall-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, adottata fis‑16 ta’ April 2018, bi żball bid-data tas‑27 tal-istess xahar fl-imsemmi punt. Madankollu, fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tiċħad il-kriterju, adottat minn dan tal-aħħar, tar-reċidiva, previst fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba li “d-deċiżjoni ta’ ċanfira tad‑19 ta’ Novembru 2010 ma għadhiex tidher fil-fajl personali [tar-rikorrent]”. |
|
111 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, wara l-għoti tas-sentenza inizjali, l-AHCC trilaterali kompliet il-proċedura dixxiplinari fl-istadju tas-smigħ tar-rikorrent mingħajr ma kkonsultat mill-ġdid lill-Bord Dixxiplinari. |
|
112 |
Kif jirriżulta mill-punt 62 iktar ’il fuq, fis-sentenza inizjali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-AHCC trilaterali kienet wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha, fid-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019, minħabba r-reċidiva, fuq ċanfira imposta fuq ir-rikorrent qabel il-fatti li kienu s-suġġett tal-imsemmija deċiżjoni, minkejja li kienet intlaqgħet it-talba tiegħu intiża sabiex ma jkun għad hemm ebda riferiment għal din is-sanzjoni fil-fajl individwali tiegħu. Dan l-iżball ta’ liġi kien wassal lill-AHCC trilaterali sabiex tieħu inkunsiderazzjoni illegalment din is-sanzjoni bħala ċirkustanza aggravanti. |
|
113 |
Mis-sentenza inizjali jirriżulta li l-iżball ta’ liġi li jaffettwa d-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019 u li jiġġustifika l-annullament tagħha twettaq mill-AHCC trilaterali. |
|
114 |
Madankollu, ma jistax jiġi dedott li l-illegalità inkwistjoni hija prodotta biss fl-istadju final tal-proċedura, ħaġa li l-AHCC trilaterali timplika, jiġifieri waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F‑46/07, EU:F:2008:129, punt 68). |
|
115 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rapport mibgħut mill-AHCC lill-Bord Dixxiplinari sabiex jiġi adit kien isemmi ċ-ċanfira imposta fuq ir-rikorrent permezz tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2010. L-imsemmija deċiżjoni kienet annessa mal-imsemmi rapport, li fih l-AHCC trilaterali kellha ħames paragrafi għal din il-kwistjoni inkwantu, fil-fehma tagħha, din kienet tikkostitwixxi l-passat dixxiplinari tar-rikorrent. Fiha hija indikat li l-fatt li, fil-fatti tal-każ, ir-rikorrent kien aġixxa b’mod simili juri li huwa ma kienx silet it-tagħlim minn din is-sanzjoni preċedenti u kompla jipprivileġġa l-interessi personali tiegħu fuq dawk tal-istituzzjoni. Minn dan, l-AHCC trilaterali ddeduċiet li tali fatt kien jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti. |
|
116 |
Il-konklużjoni ta’ dan ir-rapport kienet tindika li r-rikorrent, bl-introduzzjoni ta’ żewġ talbiet għal rimbors li ma jikkorrispondux għar-realtà tal-kura li kien ibbenefika minnha, kien kiser serjament l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li dan l-aġir, evalwat fid-dawl ta’ nuqqas dixxiplinari li ġie akkużat bih preċedentement, kien kiser definittivament ir-rabta ta’ fiduċja personali li kellha teżisti bejnu u l-istituzzjoni tiegħu. B’hekk, il-konklużjoni tar-rapport kienet ibbażata mhux biss fuq il-gravità tal-fatti iżda wkoll fuq il-konstatazzjoni ta’ reċidiva. |
|
117 |
Min-naħa l-oħra, mill-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari jirriżulta li dan ħa inkunsiderazzjoni s-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrent permezz tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2010. Fil-fatt, fil-punti 94 u 95 tal-imsemmija opinjoni, il-Bord Dixxiplinari rrileva li l-imsemmija deċiżjoni kienet imponiet ċanfira fuq ir-rikorrent minħabba frodi simili għall-fatti tal-każ u kklassifika l-imsemmija fatti bħala reċidiva. Kif jirriżulta mill-punti 97 u 98 tal-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, dan tal-aħħar ikkunsidra li r-rikorrent kien kiser ir-rabta ta’ fiduċja li torbtu mal-Kummissjoni u kkonkluda li s-sanzjoni xierqa f’dan il-każ kienet tikkonsisti fix-xoljiment, mingħajr preavviż, tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu. |
|
118 |
Ir-rapport ta’ riferiment lill-Bord Dixxiplinari u l-opinjoni ta’ dan tal-aħħar huma għalhekk affettwati mill-illegalità li ġġustifikat l-annullament tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019. |
|
119 |
Konsegwentement, l-illegalità seħħet fl-istadju tat-trażmissjoni tar-rapport tal-AHCC lill-Bord Dixxiplinari. |
|
120 |
Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari ma hijiex vinkolanti fir-rigward tal-AHCC trilaterali. B’hekk, hija ssostni, essenzjalment, li l-fatt li l-imsemmija opinjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterju tar-reċidiva huwa mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija ssostni li l-AHCC trilaterali għandha marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-utilità ta’ konsultazzjoni ġdida mal-Bord Dixxiplinari f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, fejn ebda fatt ġdid ma seħħ mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019 u fejn l-unika konsegwenza tal-annullament ta’ din tal-aħħar tkun l-impossibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kriterju tar-reċidiva. L-AHCC trilaterali tkun f’pożizzjoni, f’dan il-kuntest, li tiddetermina waħedha s-sanzjoni xierqa. |
|
121 |
Kif jirriżulta minn interpretazzjoni sistematika tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari tal-Artikoli 18, 22 u 25 tal-Anness IX tagħhom, l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, li huwa korp ta’ natura konsultattiva, ma torbotx lill-awtorità dixxiplinari fir-rigward tar-realtà tal-fatti allegati (sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2015, Bedin vs Il-Kummissjoni, F‑128/14, EU:F:2015:51, punti 23 sa 29, u tal‑10 ta’ Ġunju 2016, HI vs Il-Kummissjoni, F‑133/15, EU:F:2016:127, punti 147 u 148; ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1985, F. vs Il-Kummissjoni, 228/83, EU:C:1985:28, punt 16). |
|
122 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-AHCC għandha s-setgħa li tipproċedi għal evalwazzjoni tar-responsabbiltà tal-uffiċjal, differenti minn dik imwettqa mill-Bord Dixxiplinari, kif ukoll li tagħżel, konsegwentement, is-sanzjoni dixxiplinari li hija tqis adegwata sabiex tissanzjona n-nuqqasijiet dixxiplinari inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, DK vs SEAE, T‑217/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:571, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
123 |
Konsegwentement, l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari ma torbotx lill-AHCC trilaterali. |
|
124 |
Madankollu, il-konsultazzjoni tal-Bord Dixxiplinari xorta waħda tikkostitwixxi obbligu proċedurali impost fuq l-AHCC. |
|
125 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, meta l-proċedura dixxiplinari tkun tinvolvi l-intervent tal-Bord Dixxiplinari, jiġifieri, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 11 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-AHCC tiftaħ proċedura dixxiplinari filwaqt li tipprevedi li din tista’ twassal sabiex tiġi imposta sanzjoni iktar ħarxa minn twissija bil-miktub jew ċanfira, dan l-intervent jikkostitwixxi element essenzjali tal-proċedura, għaliex, minn naħa, dan jikkostitwixxi l-mument ta’ dibattitu kontradittorju fid-dettall flimkien, possibbilment, mat-twettiq ta’ investigazzjoni addizzjonali u min-naħa l-oħra, l-AHCC tagħti deċiżjoni sussegwentement, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni x-xogħol tal-Bord Dixxiplinari, jiġifieri billi tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni motivata tiegħu adottata bil-maġġoranza u anki ta’ opinjonijiet diverġenti ta’ wħud mill-membri tiegħu li jkunu possibbilment esprimew ruħhom, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 12 sa 18 tal-istess anness. Għalhekk, meta l-AHCC titbiegħed mill-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, hija għandha tagħti l-motivi tagħha b’mod iddettaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2021, HG vs Il-Kummissjoni, T‑693/16 P RENV-RX, EU:T:2021:895, punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jingħad wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-opinjoni stess tal-Bord Dixxiplinari tista’ tkun is-suġġett ta’ talba għal annullament ammissibbli (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1985, F. vs Il-Kummissjoni, 228/83, EU:C:1985:28, punt 16). |
|
126 |
Konsegwentement, l-intervent tal-Bord Dixxiplinari jikkostitwixxi, meta l-każ jitressaq quddiemu bħal fil-każ ineżami, formalità essenzjali tal-proċedura li uffiċjal issanzjonat fi tmiem din il-proċedura għandu jkun jista’ bħala prinċipju jikkontesta l-opinjoni tiegħu, meta l-Awtorità tal-Ħatra tirripproduċi l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Bord Dixxiplinari (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2021, HG vs Il-Kummissjoni, T‑693/16 P RENV-RX, EU:T:2021:895, punt 170). |
|
127 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li d-dritt għal kull membru tal-persunal li l-fajl dixxiplinari tiegħu jiġi eżaminat mill-Bord Dixxiplinari u li dan tal-aħħar isir jaf bil-fatti kollha allegati u biċ-ċirkustanzi li fihom twettqu jikkostitwixxi garanzija essenzjali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 1995, D vs Il-Kummissjoni, T‑549/93, EU:T:1995:15, punt 48). |
|
128 |
L-eżistenza ta’ tali dritt hija kkorroborata minn diversi garanziji, previsti mir-Regolamenti tal-Persunal, li minnhom jibbenefika membru tal-persunal fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinari. |
|
129 |
L-ewwel nett, skont l-Artikolu 6(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord Dixxiplinari huwa korp kompost b’mod ugwali (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 1995, D vs Il-Kummissjoni, T‑549/93, EU:T:1995:15, punt 48). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(5) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, “[l]-uffiċjal ikkonċernat għandu jkun intitolat li jirrifjuta wieħed mill-membri tal-Bord”. |
|
130 |
It-tieni nett, il-Bord Dixxiplinari huwa korp li quddiemu l-membru tal-persunal jista’ jiddefendi ruħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 1995, D vs Il-Kummissjoni, T‑549/93, EU:T:1995:15, punt 48). Għal dan l-għan, huwa għandu garanziji proċedurali. Fil-fatt, b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, il-membru tal-persunal ikkonċernat “għandu jinstema’ mill-Bord; fis-seduta, jista’ jagħmel osservazzjonijiet bil-kitba jew bil-fomm, jew huwa preżenti jew b’rappreżentant” u “[j]ista’ jsejjaħ xhieda”. |
|
131 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, il-membru tal-persunal għandu terminu ta’ ħmistax-il jum mid-data li fiha jirċievi r-rapport li jiftaħ il-proċedura dixxiplinari, prevista fl-Artikolu 12(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jipprepara d-difiża tiegħu. F’dan il-kuntest, huwa għandu d-dritt li jikseb il-komunikazzjoni sħiħa tal-fajl individwali tiegħu (Artikolu 13(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal) u li jkun assistit minn persuna tal-għażla tiegħu (Artikolu 13(3) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal). |
|
132 |
F’dan il-każ, l-AHCC trilaterali ma kkonsultatx mill-ġdid lill-Bord Dixxiplinari, minkejja li inizjalment kienet addixxiet lill-istess bord billi bagħtitlu rapport affettwat mill-illegalità kkonstatata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza inizjali. Billi llimitat ruħha li twarrab il-kontenut ta’ din l-opinjoni, filwaqt li hija setgħet tiddeduċi mill-imsemmija sentenza li din kienet ukoll affettwata mill-illegalità li ġġustifikat l-annullament tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019, l-AHCC trilaterali ma ppermettietx lill-Bord Dixxiplinari jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-formulazzjoni tal-opinjoni tiegħu, l-irtirar tal-fajl individwali tar-rikorrent mid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2010. Billi pproċediet b’dan il-mod, l-AHCC trilaterali għalhekk ċaħħdet lill-Bord Dixxiplinari mill-possibbiltà li jieħu inkunsiderazzjoni biss iċ-ċirkustanzi li fihom twettqu l-fatti allegati lir-rikorrent u milli jevalwa l-gravità tagħhom. |
|
133 |
Konsegwentement, minn naħa, l-AHCC trilaterali ma ppermettietx li d-dibattitu kontradittorju fil-fond li tagħti dritt għalih il-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari jseħħ b’għarfien sħiħ tal-elementi għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar u ċaħħdet lir-rikorrent mill-benefiċċju tal-garanziji li jippermettulu jiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu. |
|
134 |
Min-naħa l-oħra, l-AHCC trilaterali ċaħħdet lill-Bord Dixxiplinari mill-possibbiltà li jirrakkomanda sanzjoni abbażi ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali eżatti li kienu jiġġustifikaw li jiġi adit. L-AHCC trilaterali għalhekk ma setgħetx tiġi rrakkomandata mill-Bord Dixxiplinari dwar sanzjoni li kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi tas-sentenza inizjali u tal-imsemmija ċirkustanzi. |
|
135 |
Fir-rigward tal-fatt li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li japplika għall-persuni kollha u għandu jiġi ggarantit fil-proċeduri kollha li jistgħu jwasslu għal att li jikkawża preġudizzju (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Bernaldo de Quirós vs Il-Kummissjoni, C‑583/19 P, EU:C:2021:844, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll in-natura ta’ formalità essenzjali tal-konsultazzjoni tal-Bord Dixxiplinari, l-assenza ta’ karattru vinkolanti tal-opinjoni fir-rigward tal-AHCC trilaterali, innotati fil-paragrafu 123 iktar ’il fuq, ma jinfluwenzawx l-obbligu li dan ir-rispett iġib miegħu, sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza inizjali u skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li jintbagħat lill-imsemmi bord rapport ġdid li l-kontenut tiegħu jieħu inkunsiderazzjoni l-motivi tas-sentenza inizjali. L-AHCC trilaterali ma kellha ebda marġni ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward. |
|
136 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, waqt l-eżekuzzjoni tas-sentenza inizjali, l-AHCC kienet obbligata tkompli l-proċedura fl-istadju tar-riferiment lill-Bord Dixxiplinari. Għaldaqstant, hija ma setgħetx, kif għamlet f’dan il-każ, tkompli din il-proċedura fi stadju ulterjuri. |
|
137 |
Minn dan jirriżulta li l-AHCC trilaterali kisret formalità essenzjali fir-rigward tal-Artikolu 12 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal billi ma ressqitx każ mill-ġdid quddiem il-Bord Dixxiplinari. Għalhekk, permezz tal-imsemmi ksur, hija ma żguratx l-eżekuzzjoni tas-sentenza inizjali kif kellha l-obbligu li tagħmel skont l-Artikolu 266 TFUE u, konsegwentement, kisret din id-dispożizzjoni. |
|
138 |
Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza, irregolarità proċedurali tista’ tiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni biss meta l-proċedura amministrattiva inkwistjoni setgħet twassal għal riżultat ieħor li kieku l-imsemmija irregolarità ma kinitx twettqet. Issa, fil-fehma tagħha, ir-rikorrent ma weriex li konsultazzjoni ġdida mal-Bord Dixxiplinari setgħet tbiddel l-eżitu tal-proċedura dixxiplinari inkwistjoni. |
|
139 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 126 iktar ’il fuq, l-intervent tal-Bord Dixxiplinari matul il-proċedura dixxiplinari għandu n-natura ta’ formalità essenzjali. |
|
140 |
Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ksur ta’ formalità sostanzjali jwassal għall-annullament tal-att ivvizzjat, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-ksur ikkawżax dannu lil min jinvokah jew jekk il-proċedura amministrattiva setgħetx twassal għal riżultat differenti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il-Kummissjoni, C‑198/07 P, EU:C:2008:761, punti 73 u 74; tat‑23 ta’ Marzu 2000, Gogos vs Il-Kummissjoni, T‑95/98, EU:T:2000:85, punti 53 u 54 u tal‑11 ta’ Novembru 2014, De Nicola vs BEI,F‑52/11, EU:F:2014:243, punt 145; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ April 2022, Mead Johnson Nutrition (Asia Pacific) et vs Il-Kummissjoni, T‑508/19, EU:T:2022:217, punt 290). |
|
141 |
Għaldaqstant, ir-rikorrent ma kienx obbligat juri li konsultazzjoni ġdida mal-Bord Dixxiplinari setgħet tbiddel l-eżitu tal-proċedura dixxiplinari inkwistjoni. |
|
142 |
Konsegwentement, l-AHCC trilaterali kisret l-Artikolu 266 TFUE u l-Artikolu 12 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tielet motiv. [omissis] |
|
Għal dawn ir-raġunijiet, IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Truchot Kanninen Frendo Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit‑2 ta’ Ottubru 2024. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.
( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.