SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 2011/96/UE – Artikolu 4(1)(a) – Projbizzjoni li jiġu ntaxxati l-profitti rċevuti mill-kumpannija omm – Prevenzjoni tat-taxxa doppja tad-dividendi – Kamp ta’ applikazzjoni – Taxxa reġjonali fuq l-attivitajiet produttivi – Inklużjoni ta’ 50 % mid-dividendi rċevuti mill-kumpanniji omm fil-bażi taxxabbli ta’ din it-taxxa”

Fil-Kawżi magħquda C‑92/24 sa C‑94/24,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte di giustizia tributaria di secondo grado della Lombardia (il-Qorti tal-Finanzi tat-Tieni Istanza tal-Lombardia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑6 ta’ Ottubru 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2024, fil-proċeduri

Banca Mediolanum SpA

vs

Agenzia delle Entrate - Direzione regionale della Lombardia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, N. Jääskinen, A. Arabadjiev, M. Condinanzi u R. Frendo (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Banca Mediolanum SpA, minn G. Escalar u A. Siragusa, avvocati,

–

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Galluzzo, avvocato dello Stato,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Ferrand, W. Roels u P. Rossi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Marzu 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat‑30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal- kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn Banca Mediolanum SpA u l-Agenzia delle Entrate - Direzione regionale della Lombardia (l-Awtorità tat-Taxxa, id-Direttorat Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) dwar talbiet għal rimbors parzjali tal-imposta regionale sulle attività produttive (it-taxxa reġjonali fuq l-attivitajiet produttivi) (iktar ’il quddiem l-“IRAP”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat‑22 ta’ Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ ta' kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom fi Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3) kienet tipprovdi:

“L-Artikolu 2 tad-Direttiva [tal-Kunsill 90/435/KEE tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147),] jiddefinixxi l-kumpanniji li jidħlu f’dan l-iskop. L-Anness jikkonsisti f’lista tal-kumpanniji li għalihom tapplika d-Direttiva. […]”

4

Skont il-premessi 1 u 3 tad-Direttiva 2011/96:

“(1)

Id-Direttiva [90/435] ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali […]. Peress li jridu jsiru iżjed emendi, hija għandha tiġi rriformulata għal iktar ċarezza.

[…]

(3)

Il-għan tad-Direttiva 90/435/KE huwa li jiġu eżentati d-dividendi u t-tqassim ta’ profitti oħra mħallsa mill-kumpanniji sussidjarji lill-kumpanniji prinċipali tagħhom mit-taxxi fuq l-interessi u sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja fuq dan id-dħul fil-livell tal-kumpannija prinċipali.”

5

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/96 kien jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘kumpannija ta’ Stat Membru’: tfisser kull kumpannija li:

[…]

(iii)

[…] tkun suġġetta għal waħda mit-taxxi elenkati fl-Anness I, Parti B, mingħajr il-possibbilità ta’ għażla jew li tiġi eżentata minnhom, jew li tkun suġġetta għal kwalunkwe taxxa oħra li tista’ tibdel kwalunkwe waħda minn dawk it-taxxi;

[…]”

6

Fil-verżjoni tiegħu preċedenti għall-emendi magħmula permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/86/UE tat‑8 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 219, p. 40), li l-Istati Membri kellhom jittrasponu fid-dritt nazzjonali tagħhom sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2015, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/96 kien jipprovdi:

“Meta kumpannija prinċipali jew l-istabbiliment permanenti tagħha jirċievu qligħ imqassam bis-saħħa tal-assoċjazzjoni tal-kumpannija prinċipali mas-sussidjarja tagħha, l-Istat Membru tal-kumpannija prinċipali u l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti tagħha għandhom, għajr meta s-sussidjarja tiġi llikwidata, jew:

(a)

iżommu lura milli jintaxxaw dan il-qligħ; jew

(b)

jintaxxaw dan il-qligħ filwaqt li jawtorizzaw lill-kumpannija prinċipali u lill-istabbiliment permanenti li jnaqqsu mill-ammont mistħoqq tat-taxxa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet li jkollu x’jaqsam ma’ dan il-qligħ u mħallas mis-sussidjarja u minn kull sussidjara fi skala iktar baxxa, suġġett għall-kondizzjoni illi f’kull skala kumpannija u s-sussidjara tal-iskala iktar baxxa tagħha jaqgħu taħt id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u jissodisfaw il-ħtiġiet previsti fl-Artikolu 3, sal-limitu tal-ammont tat-taxxa mistħoqqa korrispondenti.”

7

Wara l-emendi li seħħew permezz tad-Direttiva 2014/86, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96 huwa fformulat kif ġej:

“[...]

(a)

ma jintaxxawx tali profitti sal-punt li tali profitti ma jkunux deduċibbli mis-sussidjarja, u jintaxxaw tali profitti sal-punt li tali profitti jkunu deduċibbli mis-sussidjarja; [...]”

8

Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/96:

“Kull Stat Membru għandu jżomm l-għażla li jipprovdi li kull spiża li jkollha x’taqsam mal-investiment u kull telf li jirriżulta mit-tqassim tal-qligħ tal-kumpannija sussidjarja ma jistgħux jitnaqqsu mill-qligħ taxxabbli tal-kumpannija prinċipali.

Meta l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu mal-investiment f’dan il-każ jiġu stabbiliti bħala rata fissa, l-ammont stabbilit ma jistax jaqbeż il 5 % tal-qligħ mqassam mill-kumpannija sussidjarja.”

9

Il-parti B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolata “Lista ta’ taxxi msemmija fl-Artikolu 2(a)(iii)”, telenka t-taxxi li ġejjin:

“[...]

–

imposta sul reddito delle società fl-Italja,

[…]”

Id-dritt Taljan

10

L-Artikolu 89 tad-decreto del Presidente della Repubblica n. 917 – Approvazione del testo unico delle imposta sui redditi (id-Digriet Nru 917 tal-President tar-Repubblika, li japprova t-test uniku dwar it-taxxi fuq id-dħul), tat‑22 ta’ Diċembru 1986 (GURI Nru 302, tal‑31 ta’ Diċembru 1986, Suppliment Ordinarju Nru 126) (iktar ’il quddiem it-“TUIR”), jipprovdi:

“[…]

2.   Il-profitti mqassma, taħt kwalunkwe forma u taħt kwalunkwe isem [...] ma jikkostitwixxux element mid-dħul tas-sena finanzjarja meta dawn jiġu rċevuti, sa fejn huma esklużi għal 95 % tal-ammont tagħhom mid-dħul tal-kumpannija jew tal-istabbiliment benefiċjarju. […]

[…]”

11

L-Artikolu 2 tad-decreto legislativo n. 446 – Istituzione dell’ imposta regionale sulle attività produttive, revisione degli scaglioni, delle aliquote e delle detrazioni dell’ Irpef e istituzione di una addizionale regionale a tale imposta, nonché riordino della disciplina dei tributi locali (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 446, li jistabbilixxi t-Taxxa Reġjonali fuq l-Attivitajiet Produttivi, Reviżjoni tal-Livelli, tar-Rati u tat-Tnaqqis tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi u Impożizzjoni ta’ Taxxa Reġjonali Addizzjonali għal din it-Taxxa, kif ukoll Riorganizzazzjoni tal-Leġiżlazzjoni tat-Tassazzjoni Lokali), tal‑15 ta’ Diċembru 1997 (GURI Nru 298, tat‑23 ta’ Diċembru 1997, Suppliment Ordinarju Nru 252, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 446/1997”), jipprevedi:

“1.   Il-kundizzjoni għall-applikazzjoni ta[l-IRAP] hija l-eżerċizzju abitwali ta’ attività organizzata b’mod awtonomu, intiża għall-produzzjoni jew għan-negozju ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi. [...] “

12

Skont l-Artikolu 4 ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv:

L-[IRAP] għandha tiġi imposta fuq il-valur tal-produzzjoni netta li tirriżulta mill-attività eżerċitata fit-territorju tar-reġjun.

[…]”

13

Id-digriet Leġiżlattiv Nru 446/1997 ġie emendat bil-legge n. 244 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2008) (il-Liġi Nru 244 li tistabbilixxi Dispożizzjonijiet dwar it-Tħejjija tal-Baġit Annwali u Multiannwali tal-Istat (il-Liġi Finanzjarja tal‑2008)), tal‑24 ta’ Diċembru 2007 (GURI Nru 300, tat‑28 ta’ Diċembru 2007, Suppliment Ordinarju Nru 285) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 446/1997 emendat”). L-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 446/1997 emendat, intitolat “Determinazzjoni tal-valur tal-produzzjoni netta tal-banek u ta’ entitajiet u kumpanniji finanzjarji oħra”, jipprovdi:

“1.   [...] il-bażi taxxabbli hija ddeterminata mis-somma alġebrika tal-partijiet li ġejjin tar-rapport tal-qligħ u t-telf stabbilit skont il-karti tal-bilanċ […]:

(a)

dħul net bankarju, imnaqqas b’50 % tad-dividendi;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

Matul is-snin fiskali 2014 u 2015, Banca Mediolanum, bank li għandu r-residenza fiskali tiegħu fl-Italja, u Mediolanum SpA, sussidjarja ta’ Banca Mediolanum li għandha wkoll ir-residenza fiskali tagħha fl-Italja u li ġiet assorbita minn dan il-bank qabel it-tressiq tal-proċeduri ġudizzjarji li wasslu għal dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, kellhom ishma f’diversi kumpanniji li kellhom ir-residenzi fiskali tagħhom fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

15

Banca Mediolanum u Mediolanum kienu jirċievu dividendi minn dawn is-sussidjarji u kienu jinkludu dawn id-dividendi fil-bażi taxxabbli tal-imposta sur reddito delle società (it-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji) (iktar ’il quddiem l-“IRES”), imsemmija fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 2011/96, sal-limitu ta’ 5 % tal-ammont tagħhom, konformement mal-Artikolu 89(2) tat-TUIR.

16

Dawn il-kumpanniji, fil-kwalità tagħhom ta’ intermedjarji finanzjarji, kienu jinkludu wkoll dawn id-dividendi fil-bażi taxxabbli tal-IRAP, sa 50 % tal-ammont tagħhom, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 446/1997 emendat.

17

Sussegwentement, Banca Mediolanum, billi qieset li din id-dispożizzjoni tmur kontra l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/96, ressqet quddiem l-awtorità tat-taxxa tliet talbiet intiżi sabiex jinkiseb ir-rimbors min-naħa tal-IRAP li kien jirriżulta mill-inklużjoni fil-bażi taxxabbli ta’ din it-taxxa tal-ammonti li jikkorrispondu għal 50 % tad-dividendi rċevuti mis-sussidjarji residenti fi Stati Membri oħra.

18

L-awtorità tat-taxxa ċaħdet dawn it-talbiet għar-raġuni li l-Artikolu 6(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 446/1997 emendat ma jmurx kontra l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/96, sa fejn din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika biss għat-taxxi fuq id-dħul, u mhux ukoll għall-IRAP.

19

Banca Mediolanum ippreżentat rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-awtorità tat-taxxa quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Milano (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Milano, l-Italja), li tat tliet sentenzi li jikkonfermaw dawn id-deċiżjonijiet.

20

Għaldaqstant, Banca Mediolanum appellat minn dawn is-sentenzi quddiem il-Corte di giustizia tributaria di secondo grado della Lombardia (il-Qorti tal-Finanzi tat-Tieni Istanza tal-Lombardia, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju.

21

Din tal-aħħar, filwaqt li tirreferi għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/96 fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel l-emenda li seħħet bid-Direttiva 2014/86, tqis li l-projbizzjoni, li tirriżulta minn dan l-Artikolu 4, li l-profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja residenti fi Stat Membru lil kumpannija omm residenti fi Stat Membru ieħor jiġu ttrattati bħala taxxabbli, f’livell li jeċċedi l-5 % tal-ammont tagħhom, tista’ tapplika wkoll għall-IRAP.

22

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-IRAP, skont l-Artikoli 2 u 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 446/1997, li permezz tiegħu ġiet introdotta din it-taxxa, minn naħa, għandha bħala kundizzjoni sabiex tapplika l-eżerċizzju abitwali ta’ attività organizzata b’mod awtonomu, intiża għall-produzzjoni jew għan-negozju ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi u, min-naħa l-oħra, tapplika fuq il-valur tal-produzzjoni nett li tirriżulta mill-attività eżerċitata fit-territorju tar-reġjun Taljan ikkonċernat.

23

Madankollu, din il-qorti tqis li mis-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2017, AFEP et (C‑365/16, EU:C:2017:378), kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2017, X (C‑68/15, EU:C:2017:379), jirriżulta li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/96 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw għal kull forma ta’ tassazzjoni d-dividendi mqassma lill-kumpanniji omm residenti fi Stat Membru mis-sussidjarji tagħhom residenti fi Stati Membri oħra, lil hinn minn 5 % tal-ammont ta’ dawn id-dividendi.

24

Skont l-imsemmija qorti, kieku seta’ jitqies li l-IRAP taqa’ taħt din il-projbizzjoni, l-Artikolu 6(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 446/1997 emendat ikun inkompatibbli mad-Direttiva 2011/96, sa fejn din id-dispożizzjoni timponi fuq il-banek u fuq l-intermedjarji finanzjarji l-oħra li għandhom il-kwalità ta’ kumpanniji omm fis-sens ta’ din id-direttiva li jissuġġettaw għall-IRAP 50 % tad-dividendi li dawn il-kumpanniji jkunu rċevew minn kumpanniji residenti fi Stati Membri oħra, ikklassifikati bħala sussidjarji għall-finijiet ta’ din id-direttiva.

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte di giustizia tributaria di secondo grado della Lombardia (il-Qorti tal-Finanzi tat-Tieni Istanza tal-Lombardia, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-rekwiżit tar-Repubblika Taljana, li jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-decreto legislativo 446/1997 [emendat], li tissuġġetta għall-[IRAP] 50 % mid-dividendi rċevuti minn intermedjarji finanzjarji residenti fl-Italja kklassifikati bħala kumpanniji omm skont id-Direttiva [2011/96], u mqassma minn kumpanniji residenti fi Stati Membri oħra [...] kklassifikati bħala sussidjarji skont din id-direttiva, mingħajr ma tawtorizza lil dawn il-kumpanniji omm milli jnaqqsu mill-IRAP il-frazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji relatata ma’ tali profitti mħallsa mis-sussidjarji, hija kompatibbli mal-projbizzjoni li l-profitti li l-kumpanniji omm residenti fi Stat Membru rċevew mis-sussidjarji residenti fi Stati Membri oħra jiġu ssuġġettati għat-tassazzjoni b’rata ogħla mill-5 % tal-ammont relatat stabbilit fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva?”

Fuq id-domanda preliminari

26

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tkun tressqet quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. F’dan ir-rigward, hija għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat),C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata].

27

Għal dak li jikkonċerna t-trattament fiskali tal-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha, minbarra dawk imqassma waqt l-istralċ ta’ din is-sussidjarja, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/96 iħalli espliċitament l-għażla lill-Istati Membri bejn is-sistema prevista f’dan l-Artikolu 4(1)(a) (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ eżenzjoni”) u s-sistema prevista fl-imsemmi Artikolu 4(1)(b) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, John Cockerill,C‑135/24, EU:C:2025:176, punti 27 u 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Meta Stat Membru jkun għażel waħda minn dawn is-sistemi, id-dispożizzjoni dwar is-sistema l-oħra ma tkunx rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities,C‑389/18, EU:C:2019:1132, punt 32, u tat‑12 ta’ Mejju 2022, Schneider Electric u,C‑556/20, EU:C:2022:378, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/96 jipprovdi li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jipprovdu b’mod partikolari li l-ispejjeż li jirrigwardaw is-sehem tal-kumpannija omm fil-kapital tas-sussidjarja ma jistgħux jitnaqqsu mill-profitti taxxabbli tal-kumpannija omm. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li, jekk, f’dan il-każ, l-ispejjeż ta’ ġestjoni relatati mas-sehem ikunu iffissati b’rata fissa, tali ammont ma jistax jeċċedi 5 % tal-profitti mqassma mis-sussidjarja (sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2017, AFEP et, C‑365/16, EU:C:2017:378, punt 23, kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2017, X,C‑68/15, EU:C:2017:379, punt 72).

29

Fil-każ ineżami, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika Taljana tapplika s-sistema ta’ eżenzjoni. Madankollu, minbarra t-tassazzjoni tad-dividendi mqassma lill-kumpanniji omm residenti fl-Italja mis-sussidjarji tagħhom sal-ammont korrispondenti għal 5 % tal-ammont tagħhom, abbażi tal-IRES, konformement mal-Artikolu 89(2) tat-TUIR, il-leġiżlazzjoni nazzjonali teżiġi, essenzjalment, li jiġi inkluż 50 % ta’ dawn id-dividendi fil-bażi taxxabbli ta’ taxxa oħra, jiġifieri l-IRAP, indipendentement mill-oriġini tal-imsemmija dividendi.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru li jkun għażel is-sistema ta’ eżenzjoni jista’ jintaxxa, sa ammont ogħla minn 5 % tal-ammont tagħhom, d-dividendi li l-intermedjarji finanzjarji residenti f’dan l-Istat Membru jirċievu, bħala kumpanniji parent fis-sens ta’ din id-direttiva, mingħand il-kumpanniji sussidjarji tagħhom residenti fi Stati Membri oħra, inkluż meta din it-tassazzjoni ssir permezz ta’ taxxa li ma hijiex taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, iżda tinkludi fil-bażi taxxabbli tagħha dawn id-dividendi jew parti minnhom.

31

Għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑25 ta’ Frar 2025, BSH Hausgeräte, C‑339/22, EU:C:2025:108, punt 27). Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Għaldaqstant, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND, C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 39 u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gmina Wieliszew, C‑698/20, EU:C:2022:787, punt 83).

32

Fl-ewwel lok, fuq il-livell letterali, mill-kliem tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96 jirriżulta b’mod ċar li Stat Membru li jkun għażel is-sistema ta’ eżenzjoni għandu jastjeni milli jintaxxa l-profitti li kumpannija omm residenti f’dan l-Istat Membru tirċievi mill-kumpanniji sussidjarji tagħha residenti fi Stati Membri oħra.

33

F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tirriżulta mill-emenda introdotta bid-Direttiva 2014/86, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex limitata għal taxxa partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, AFEP et, C‑365/16, EU:C:2017:378, punti 5 u 33). Hija għamlet din il-konstatazzjoni wkoll fir-rigward tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Schneider Electric et, C‑556/20, EU:C:2022:378, punt 47), li tikkorrispondi għall-verżjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96 imsemmija mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-partijiet kollha fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96, kif emendata bid-Direttiva 2014/86, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura fiskali prevista mill-Istat Membru ta’ residenza ta’ kumpannija omm li tipprevedi l-ġbir ta’ taxxa meta jsir it-tqassim tad-dividendi mill-kumpannija omm u li l-bażi taxxabbli tagħha tkun ikkostitwita mill-ammonti tad-dividendi mqassma, inklużi dawk li ġejjin mis-sussidjarji mhux residenti ta’ din il-kumpannija (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, AFEP et, C‑365/16, EU:C:2017:378, punt 35).

35

Konsegwentement, mill-perspettiva letterali, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema ta’ eżenzjoni li huwa jipprevedi tikkonċerna kull taxxa li tinkludi fil-bażi taxxabbli tagħha d-dividendi li kumpannija omm tirċievi mingħand il-kumpanniji sussidjarji tagħha residenti fi Stati Membri oħra.

36

Fit-tieni lok, fuq il-livell kuntestwali, għandu jitfakkar li l-premessa 4 tad-Direttiva 2003/123 li emendat id-Direttiva 90/435, li tagħha d-Direttiva 2011/96, kif tindika l-premessa 1 tagħha, tagħmel riformulazzjoni, tipprovdi li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435 jiddefinixxi l-kumpanniji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u li l-anness ta’ din tal-aħħar jinkludi lista tal-kumpanniji li għalihom hija tapplika.

37

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(a)(iii) tad-Direttiva 2011/96 u l-parti B tal-Anness I ta’ din tal-aħħar jelenkaw, sabiex jindikaw il-kumpanniji tal-Istati Membri li huma meqjusa li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, it-taxxi nazzjonali li għalihom dawn il-kumpanniji huma normalment suġġetti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2000, Epson Europe, C‑375/98, EU:C:2000:302, punt 22).

38

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Taljan, għalkemm l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/96 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din tal-aħħar, dan l-artikolu ma huwiex, min-naħa l-oħra, rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha. Għaldaqstant, il-fatt li l-IRAP ma tagħmilx parti mit-taxxi msemmija fil-Parti B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li għaliha jirreferi l-Artikolu 2(a)(iii) tagħha, bl-ebda mod ma jfisser li din it-taxxa hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva.

39

Fit-tielet u l-aħħar lok, fuq il-livell teleoloġiku, hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, id-Direttiva 2011/96 għandha l-għan li telimina l-intaxxar doppju tal-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha fil-livell tal-kumpannija omm.

40

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jintlaħaq l-għan tan-newtralità, mill-aspett fiskali, tat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, id-Direttiva 2011/96 għandha l-intenzjoni tevita, b’mod partikolari, permezz tar-regola prevista fl-Artikolu 4(1)(a), tassazzjoni doppja ta’ dawn il-profitti, f’termini ekonomiċi, jiġifieri sabiex jiġi evitat li l-profitti mqassma ma jkunux intaxxati, l-ewwel darba, fil-livell tal-kumpannija sussidjarja u, it-tieni darba, fil-livell tal-kumpannija omm (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Schneider Electric et, C‑556/20, EU:C:2022:378, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, John Cockerill, C‑135/24, EU:C:2025:176, punt 33).

41

Għaldaqstant, sa fejn din id-direttiva hija intiża li tevita t-tassazzjoni doppja ta’ dawn il-profitti “f’termini ekonomiċi”, għandu jitqies li s-sistema ta’ eżenzjoni tkopri kull taxxa li, fl-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija omm, tinkludi fil-bażi taxxabbli tagħha, anki parti biss mill-imsemmija profitti, tkun xi tkun in-natura tagħhom.

42

Fil-każ ineżami, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 446/1997 emendat, jipprevedi, fl-Artikolu 6(1) tiegħu, li, fir-rigward tal-intermedjarji finanzjarji, il-bażi taxxabbli tal-IRAP hija kkostitwita mis-somma alġebrika ta’ diversi elementi, fosthom, fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, il-prodott nett bankarju, imnaqqas b’50 % tad-dividendi.

43

Peress li, hekk kif jippreċiża l-Gvern Taljan, id-dħul nett bankarju jinkludi d-dividendi kollha, l-Artikolu 6(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 446/1997 emendat għandu l-effett li 50 % tad-dividendi huma inklużi fil-bażi taxxabbli tal-IRAP li għaliha huma suġġetti l-intermedjarji finanzjarji, indipendentement mill-oriġini ta’ dawn id-dividendi.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li s-sistema ta’ eżenzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-inklużjoni tad-dividendi li kumpannija omm tirċievi mis-sussidjarji tagħha residenti fi Stati Membri oħra fil-bażi taxxabbli ta’ taxxa, bħall-IRAP, flimkien mal-inklużjoni ta’ dawn id-dividendi, sal-ammont korrispondenti għal 5 % tal-ammont tagħhom, fil-bażi taxxabbli ta’ taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, bħall-IRES.

45

Barra minn hekk, fid-dawl tal-argument tal-Gvern Taljan li jgħid li, essenzjalment, ir-riżultat imsemmi fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti jista’ jagħti lok għal diskriminazzjoni retroattiva b’detriment għal kumpannija omm residenti fl-Italja li tirċievi dividendi mill-kumpanniji sussidjarji Taljani tagħha, allegatament bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni hekk invokata minn dan il-Gvern hija purament interna għar-Repubblika Taljana.

46

Issa, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit mid-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi invokat f’sitwazzjoni purament interna. F’tali sitwazzjoni, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk teżistix diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt intern u, jekk ikun il-każ, li jiddeterminaw kif din għandha tiġi eliminata (digriet tal‑5 ta’ April 2004, Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia, C‑3/02, EU:C:2004:224, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, PF et, C‑830/18, EU:C:2020:275, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru li jkun għażel is-sistema ta’ eżenzjoni jista’ jintaxxa, sa ammont ogħla minn 5 % tal-ammont tagħhom, d-dividendi li l-intermedjarji finanzjarji residenti f’dan l-Istat Membru jirċievu, bħala kumpanniji omm fis-sens ta’ din id-direttiva, mingħand il-kumpanniji sussidjarji tagħhom residenti fi Stati Membri oħra, inkluż meta din it-tassazzjoni ssir permezz ta’ taxxa li ma hijiex taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, iżda tinkludi fil-bażi taxxabbli tagħha dawn id-dividendi jew parti minnhom.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat‑30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal- kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru li jkun għażel is-sistema prevista fl-Artikolu 4(1)(a) jista’ jintaxxa, sa ammont ogħla minn 5 % tal-ammont tagħhom, d-dividendi li l-intermedjarji finanzjarji residenti f’dan l-Istat Membru jirċievu, bħala kumpanniji omm fis-sens ta’ din id-direttiva, mingħand il-kumpanniji sussidjarji tagħhom residenti fi Stati Membri oħra, inkluż meta din it-tassazzjoni ssir permezz ta’ taxxa li ma hijiex taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, iżda tinkludi fil-bażi taxxabbli tagħha dawn id-dividendi jew parti minnhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.