European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1429

17.5.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1429

tas-17 ta’ Mejju 2024

li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u ddikjara li bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja kienet qed tikser b'mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u dik globali. Il-Kunsill Ewropew appella għat-tħejjija u l-adozzjoni urġenti ta' pakkett ta' sanzjonijiet individwali u ekonomiċi ulterjuri. Il-Kunsill Ewropew appella lir-Russja u lill-formazzjonijiet armati appoġġati mir-Russja biex iwaqqfu l-kampanja ta' diżinformazzjoni tagħhom.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta' Mejju 2021, il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiġġieldu theddid ibridu, inkluż id-diżinformazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat l-użu koordinat u integrat ta' għodod eżistenti u ġodda possibbli għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u risponsi possibbli fil-qasam tat-theddid ibridu inkluż, fost oħrajn, għal operazzjonijiet ta' interferenza u influwenza barranija, li jistgħu jkopru miżuri preventivi kif ukoll l-impożizzjoni ta' kostijiet fuq atturi statali u mhux statali ostili.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha u d-dritt inerenti ta' awtodifiża tagħha kontra l-aggressjoni Russa. Huwa appella wkoll għal aktar passi biex tiddgħajjef il-kapaċità tar-Russja li tkompli għaddejja bil-gwerra ta' aggressjoni tagħha, inkluż bit-tisħiħ ta’ sanzjonijiet.

(5)

Il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f'kampanja sistematika u internazzjonali ta' manipulazzjoni tal-media u distorsjoni tal-fatti sabiex issaħħaħ l-istrateġija tagħha ta' destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha u tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. B'mod partikolari, il-propaganda mmirat ripetutament u konsistentement lill-partiti politiċi Ewropej, speċjalment matul il-perjodi elettorali, kif ukoll immirat lis-soċjetà ċivili, lil dawk il-persuni li jfittxu l-ażil, lill-minoranzi etniċi Russi, lill-minoranzi tal-ġeneru u lill-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha.

(6)

Sabiex tiġġustifika u tappoġġa l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f'azzjonijiet ta' propaganda kontinwi u miftiehma mmirati lejn is-soċjetà ċivili fl-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, li jgħawġu u jimmanipulaw b'mod gravi l-fatti.

(7)

Dawk l-azzjonijiet ta’ propaganda għaddew minn għadd ta’ mezzi tal-media taħt il-kontroll permanenti dirett jew indirett tat-tmexxija tal-Federazzjoni Russa. Tali azzjonijiet jikkostitwixxu theddida sinifikanti u diretta għall-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-Unjoni. Dawk il-mezzi tal-media huma essenzjali u strumentali biex imexxu ‘l quddiem u jappoġġaw il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u għad-destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha.

(8)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b'reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huwa meħtieġ, b'mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikolari d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif rikonoxxut fl-Artikolu 11 tagħha, li jiġu sospiżi b'mod urġenti l-attivitajiet tax-xandir ta' mezzi tal-media addizzjonali fl-Unjoni, jew diretti lejn l-Unjoni. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jinżammu sakemm tintemm l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u sakemm il-Federazzjoni Russa, u l-mezzi tal-media assoċjati tagħha, jieqfu jwettqu azzjonijiet ta' propaganda kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(9)

B'mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà kif rikonoxxut fl-Artikoli 11, 16 u 17 tagħha, rispettivament, il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni ma jżommux lill-mezzi tal-media kkonċernati u l-persunal tagħhom milli jwettqu attivitajiet oħra fl-Unjoni minbarra x-xandir, bħar-riċerka u l-intervisti. B'mod partikolari, dawk il-miżuri ma jimmodifikawx l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, fl-oqsma ta' applikazzjoni rispettivi tagħhom.

(10)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness IX tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

L-emenda msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tapplika mill-25 ta’ Ġunju 2024, dment li l-Kunsill, wara li jkun eżamina l-każijiet rispettivi tal-entitajiet stabbiliti f’dik l-emenda, jiddeċiedi dan b'unanimità.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).


ANNESS

Fl-Anness IX tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

“Voice of Europe

RIA Novosti

Izvestija

Rossiiskaja Gazeta”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1429/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)