European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2487

4.12.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2487

tat-2 ta’ Diċembru 2025

li jemenda d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti minimi għall-kuntratti ta’ provvisti, ta’ servizzi u ta’ xogħlijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1), it-tieni subparagrafu, tagħha,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni 2014/115/UE (2), il-Kunsill approva l-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (3) konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Il-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern emendat (“il-Ftehim”) huwa strument plurilaterali u għandu l-għan li jiftaħ is-swieq tal-akkwist pubbliku b’mod reċiproku fost il-partijiet kontraenti tiegħu. Il-Ftehim japplika għal kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist pubbliku b’valur li jilħaq jew li jaqbeż l-ammonti stipulati fih (“il-limiti”) u espressi bħala drittijiet speċjali ta’ prelevament.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 68(1) tad-Direttiva 2009/81/KE, il-limiti minimi stabbiliti f’dik id-Direttiva għandhom jiġu allinjati mal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 15, il-punti (a) u (b), tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) wara li dawn tal-aħħar ikunu ġew riveduti, fejn meħtieġ, biex jikkorrispondu għal-limiti stabbiliti fil-Ftehim. Il-limiti minimi stabbiliti fid-Direttiva 2014/25/UE ġew riveduti bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/2150 (5).

(3)

F’konformità mal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-limiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 15, il-punti (a) u (b), ta’ dik id-Direttiva kull sentejn, b’effett mill-1 ta’ Jannar. Għalhekk, il-limiti minimi għas-snin 2026–2027 stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026.

(4)

Id-data meħtieġa għall-kalkolu tal-limiti minimi ma kinitx disponibbli sal-1 ta’ Settembru 2025. Skont l-Artikolu 68(3) tad-Direttiva 2009/81/KE, il-limiti minimi riveduti f’euro u l-valuri ekwivalenti tagħhom f’muniti nazzjonali oħrajn tal-Istati Membri tal-UE jridu jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-bidu ta’ Novembru. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tirrikorri għall-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 66b ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2009/81/KE tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/81/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt (a), “EUR 443 000” huwa sostitwit b’“EUR 432 000”;

(2)

fil-punt (b), “EUR 5 538 000” huwa sostitwit b’“EUR 5 404 000”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76. ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/115/UE tat-2 ta’ Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern, (ĠU L 68, 7.3.2014, p. 1). ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/115(1)/oj.

(3)   ĠU L 68, 7.3.2014, p. 2. ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2014/115/oj.

(4)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/25/oj).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/2150 tat-22 ta’ Ottubru 2025 li jemenda d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti minimi għall-kuntratti ta’ provvista, servizzi u xogħlijiet, u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn għas-snin 2026–2027 (ĠU L, 2025/2150, 23.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/2150/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/2487/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)